2007/411/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 14 ta’ Ġunju 2007 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 għal kwalunkwe skop u li teżenta dawn l-annimali minn ċerti kontrolli u miżuri ta’ qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/598/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2473)
Official Journal L 155 , 15/06/2007 P. 0074 - 0075
Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 14 ta’ Ġunju 2007 li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 għal kwalunkwe skop u li teżenta dawn l-annimali minn ċerti kontrolli u miżuri ta’ qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/598/KE (notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 2473) (It-test Ingliż biss huwa awtentiku) (2007/411/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered [1], u partikolarment l-Artikoli 13(13) u 13(3) tiegħu, Billi: (1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/598/KE tat-2 ta’ Awwissu li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti dderivati minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 għal kwalunkwe skop u li teżenta dawn l-annimali minn ċerti kontrolli u miżuri ta’ qerda stipulati fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tpoġġi projbizzjoni tas-suq fuq il-prodotti kollha magħmula minn jew li jinkorporaw materjali ġejjin minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996. [2] Madankollu, b’deroga, il-ħalib u l-ġlud imħejjija għall-użu fil-produzzjoni tal-ġilda jistgħu jitqiegħdu fis-suq. (2) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula l-miżuri li għandhom jiġu applikati meta l-preżenza ta’ l-enċefalopatija sponġiformi bovina (BSE) tkun ġiet ikkonfermata uffiċjalment. Waħda minn dawn il-miżuri tikkonsisti fil-qerda immedjata u sħiħa tal-partijiet kollha tal-ġisem, inkluż il-ġilda, ta’ l-annimali bovini li jkunu mill-istess koorti ta’ l-annimal li fih tkun ġiet ikkonfermata l-BSE. (3) Qabel Awwissu 1996, is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-bhejjem ta’ l-ifrat fir-Renju Unit ma kinitx biżżejjed biex tippermetti t-traċċar affidabbli ta’ l-annimali u l-identifikazzjoni preċiża ta’ koorti ta’ każijiet pożittivi fir-rigward tal-BSE. Konsegwentement, il-bhejjem kollha ta’ l-ifrat li twieldu qabel Awwissu 1996 għandhom jitqiesu bħala annimali koorti. (4) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula li, b’deroga mill-qerda tal-partijiet kollha tal-ġisem ta’ annimali koorti, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri oħra li joffru livell ekwivalenti ta’ ħarsien, jekk dawn il-miżuri jkunu ġew approvati skond proċedura tal-kumitat. (5) Fit- 18 ta’ Mejju 2006, l-Aġenzija Ewropea għas-Sikurezza ta’ l-Ikel (EFSA) adottat opinjoni dwar ir-riskju tal-BSE mill-ġlud bovini li jiġu minn annimali koorti [3]. L-EFSA għarfet li l-produzzjoni tal-ġilda magħmula mill-ġlud ta’ annimali koorti tippreżenta riskju negliġibbli sakemm dawn l-annimali ma jkunux maqtula f’postijiet apposta jew isseparati fil-ħin minn qtil normali, sakemm il-ġlud tagħhom ma jkunux immarkati b’mod ċar u immedjatament qabel ma jiġu ttrasportati direttatment lejn il-faċilitajiet ta’ pproċessar u, sakemm ukoll, il-prodotti sekondarji kollha kkonzati u mhux ikkonzati ma jiġux meqruda. (6) Fit- 12 ta’ Marzu 2007, ir-Renju Unit ippreżenta protokoll uffiċjali biex jidderieġi l-ġlud kollha li ġejjin minn annimali bovini mwielda jew imrobbija qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 fir-Renju Unit [4] (il-protokoll uffiċjali). Dan il-protokoll huwa kollu kemm hu taħt superviżjoni uffiċjali u jissodisfa l-kundizzjonijiet irrakkomandati għall-ġlud tal-koorti fl-opinjoni ta’ l-EFSA adottata fit- 18 ta’ Mejju 2006. (7) Ir-Renju Unit għandu għalhekk ikun permess juża l-ġlud tal-koorti tal-bhejjem ta’ l-ifrat li ġejjin minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 għall-produzzjoni tal-ġilda. (8) Għal raġunijiet legali, id-Deċiżjoni 2005/598/KE għandha tiġi revokata u ssostitwita b’waħda ġdida li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu identiċi, ħlief għal dawk marbuta mal-ġlud. (9) Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Ebda prodott li jikkonsisti minn jew li jinkorpora materjali, għajr il-ħalib, derivati minn annimali bovini mwielda jew imrobbija fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 ma għandu jitqiegħed fis-suq. 2. Meta jmut kwalunkwe annimal bovin imwieled jew imrobbi fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996, il-partijiet kollha ta’ ġismu għandhom jintremew skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5]. 3. B’deroga mid-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1 u 2 u mid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-ġlud ta’ annimali bovini mwielda jew imrobbija ġewwa r-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996, inkluż ġlud li jiġu minn annimali bovini msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 1(a) ta’ l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-ġilda. Il-ġbir, it-trasport u l-ipproċessar ta’ dawn il-ġlud għandhom isiru f’faċilitajiet approvati apposta u taħt superviżjoni uffiċjali stretta skond il-protokoll uffiċjali approvat mill-awtoritajiet kompetenti. Il-prodotti sekondarji kollha, għajr il-ġilda, idderivati minn dawn il-ġlud u mmanifatturati fil-faċilitajiet apposta għandhom jintremew bħal materjali tal-Kategorija 1 skond ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002. Artikolu 2 1. Meta enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSE) tkun issuspettata jew tkun ġiet ikkonfermata uffiċjalment f’annimal bovin imwieled jew imrobbi fir-Renju Unit qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996, ir-Renju Unit għandu jiġi eżentat mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti: (a) fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 li l-annimali bovini li jibqgħu minn dak l-istabbiliment għajr dawk imwielda fit-12-il xahar qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996 jitqiegħdu taħt restrizzjoni uffiċjali tal-moviment sakemm ir-riżultati ta’ eżami kliniku u epidemjoloġiku jkunu magħrufa; (b) fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 u l-Anness VII ta’ dak ir-Regolament li jikkonċerna każijiet ikonfermati, li jiġu identifikati u meqruda l-annimali għajr il-każ ikkonfermat. 2. Madankollu, l-annimali li ġejjin għandhom jiġu identifikati, maqtula u meqruda skond ir-Regolament (KE) Nru 999/2001: (a) meta l-marda tkun ġiet ikkonfermata f’annimal femminili, il-wild kollu li jitwieled fi żmien sentejn qabel jew wara l-bidu kliniku tal-marda, (b) meta l-marda tkun ġiet ikkonfermata f’annimal imwieled fit-12-il xahar qabel l- 1 ta’ Awwissu 1996, l-annimali koorti wara l- 31 ta’ Lulju 1996. Artikolu 3 Id-Deċiżjoni 2005/598/KE hija revokata. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq. Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Ġunju 2007. Għall-Kummissjoni Markos Kyprianou Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 1). [2] ĠU L 204, 5.8.2005, p. 22. [3] Disponibbli f’http://www.efsa.europa.eu/en/science/biohaz/biohaz_opinions/1575.html [4] Disponibbli f’http://www.rpa.gov.uk/rpa/index.nsf/UIMenu/DF2A12FDD9D660C1802570D2003ED00C?Opendocument [5] ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. --------------------------------------------------