32007D0252


Titolu u referenza

2007/252/JHA: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ April 2007 li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza bħala parti mill-Programm Ġenerali Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja

 ĠU L 110, 27.4.2007, p. 33–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
 ĠU L 4M , 8.1.2008, p. 461–467 (MT)

 BG  CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  NL  PL  PT  RO  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

20070419

Deċiżjoni tal-Kunsill

tad- 19 ta’ April 2007

li tistabbilixxi għall-perijodu 2007-2013 il-programm speċifiku "Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza" bħala parti mill-Programm Ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja"

(2007/252/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) L-Unjoni Ewropea hija stabbilita fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali u ta' l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri.

(2) Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea [2], b'kont meħud ta' l-istatus u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawha, tirrifletti d-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati Komunitarji, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-karti soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta' l-Ewropa u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(3) F'Novembru 2004 l-Kunsill Ewropew rrikonoxxa l-importanza tal-komunikazzjoni sabiex il-persuni kollha jiġu avviċinati għall-proġett Ewropew billi tiġi mħeġġa ċittadinanza attiva.

(4) Fil-Komunikazzjoni tagħha tal- 15 ta' Ottubru 2003 lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni enfażizzat l-importanza tar-rwol li għandha s-soċjetà ċivili kemm fil-protezzjoni kif ukoll fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali; għalhekk il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili.

(5) Skond il-Programm ta' l-Aja, it-tisħiħ tal-koperazzjoni reċiproka jitlob sforz espliċitu sabiex jitjieb il-fehim reċiproku fost l-awtoritajiet ġudizzjarji u s-sistemi legali differenti. In-networks Ewropej ta' awtoritajiet pubbliċi nazzjonali għandhom ikunu l-mira ta' attenzjoni speċjali u ta' appoġġ f'dan ir-rigward.

(6) Il-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi ta' l-Unjoni Ewropea jikkontribwixxu, b'mod partikolari billi jżommu databases rilevanti, għal skambju ta' fehmiet u esperjenza dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġurisprudenza, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Membri tagħhom fil-prestazzjoni tal-funzjonijiet ġudizzjarji u konsultattivi tagħhom fir-rigward tal-liġi Komunitarja. Għandu jkun possibbli li l-attivitajiet tal-Konferenza u ta' l-Assoċjazzjoni jiġu kofinanzjati sal-punt li n-nefqa ssir sabiex jiġi segwit objettiv ta' interess ġenerali Ewropew. Madankollu, tali ko-finanzjament m'għandux jimplika li xi programm futur ikopri tali networks, lanqas għandu jippreġudika networks oħra Ewropej milli jibbenefikaw minn appoġġ għall-attivitajiet tagħhom skond id-Deċiżjoni.

(7) Huwa xieraq li tiġi enfasizzata l-importanza ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni rigward id-drittijiet li ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni tagħti liċ-ċittadini sabiex ittejjeb l-għarfien tagħhom tad-drittijiet tagħhom u tipprovdihom b'aċċess faċli għal informazzjoni affidabbli.

(8) It-trawwim ta' djalogu bejn ir-reliġjonijet u multikulturali fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea jikkontribwixxi għall-preservazjoni u t-tisħiħ ta' paċi u tad-drittijiet fundamentali.

(9) Huwa kunsiljabbli li l-objettivi tal-programm jkunu komplementari għal dawk ta' l-Aġenżija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill KE Nru 168/2007 [3], u li l-programm jiffoka fuq dawk l-oqsma fejn jista' jiġi ġenerat valur Ewropew miżjud. Huwa kunsiljabbli li ssir il-koordinazzjoni adegwata għal dawn il-finijiet.

(10) Bil-ħsieb li tinkiseb il-komplementarjetà u jkun garantit l-aħjar użu possibbli ta' riżorsi, huwa kunsiljabbli li jiġi żgurat li tkun evitata kwalunkwe duplikazzjoni bejn l-azzjonijiet appoġġati mill-programm u l-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, bħall-Kunsill ta' l-Ewropa, filwaqt li jkunu permessi attivitajiet konġunti għall-kisba ta' l-objettivi tal-programm. Huwa kunsiljabbli li ssir il-koordinazzjoni adegwata għal dawn il-finijiet.

(11) B'mod konformi mal-prinċipju li l-programmi Komunitarji jinfetħu lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, kif proklamat fl-Aġenda ta' Tessaloniki, il-programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li ser jaderixxu, tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Tali parteċipazzjoni għandha teħtieġ li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet ġenerali tal-ftehim bilaterali u l-kontribuzzjoni għall-baġit tal-programm. Meta jservi l-objettivi ta' l-azzjoni konċernata, għandu jkun possibbli wkoll li l-awtoritajiet, il-korpi jew l-organizzazzjonijiet non-governattivi ta' pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-programm jistgħu jkunu assoċjati ma' azzjonijiet individwali bħala msieħba, mingħajr madankollu li dawn ikunu l-benefiċjarji prinċipali tal-proġett.

(12) Huwa meħtieġ ukoll li jittieħdu l-miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, indebitament imħallsa jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat- 18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [4], ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal- 11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni [5] u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [6].

(13) Huwa meħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li japplika għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [7], minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament Finanzjarju", u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat- 23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 [8], li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità, jiġu applikati filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji tas-sempliċità u tal-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti baġitarji, ta' limitu fuq in-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u għall-amministrazzjoni tagħhom, u tal-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom.

(14) Ir-Regolament Finanzjarju jeħtieġ li jkun provdut att bażiku sabiex ikopri l-għotjiet operattivi.

(15) Skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [9], għandhom jiġu adottati miżuri għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, b'distinzjoni magħmula bejn dawk il-miżuri li jkunu suġġetti għall-proċedura tal-kumitat ta' l-amministrazzjoni u dawk li jkunu suġġetti għall-proċedura tal-kumitat konsultattiv, fejn f'ċerti każijiet u bil-ħsieb ta' aktar effikaċja, il-proċedura tal-kumitat konsultattiv tkun l-aktar adatta.

(16) L-objettivi tal-programm, jiġifieri l-appoġġ ta' assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadin, permezz ta' djalogu bejn ir-reliġjonijiet u multikulturali ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-impatt tal-programm, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju. Il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(17) Għall-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, it-Trattat ma jipprevedix setgħat għajr dawk taħt l-Artikolu 308.

(18) Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi u f'waqtha tal-programm, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill- 1 ta' Jannar 2007.

(19) Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta opinjoni [10],

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Ħolqien tal-programm

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-programm "Drittijiet Fundamentali u Ċittadinanza", minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-programm" bħala parti mill-programm ġenerali "Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja."

2. Il-programm għandu jkopri l-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2007 sal- 31 ta' Diċembru 2013.

3. Il-programm għandu jiġi implimentat fl-ambitu tal-liġi Komunitarja.

Artikolu 2

Objettivi ġenerali

1. Il-programm għandu jkollu dawn l-objettivi ġenerali li ġejjin:

(a) li jippromwovi l-iżvilupp ta' soċjetà Ewropea bbażata fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inklużi d-drittijiet derivati miċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni;

(b) li jsaħħaħ lis-soċjetà ċivili u jinkoraġġixxi djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħha rigward id-drittijiet fundamentali;

(ċ) li jiġġieled kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu u jippromwovi l-komprensjoni bejn reliġjonijiet u interkulturali u t-tisħiħ tat-tolleranza fil-Komunità Ewropea kollha;

(d) li jtejjeb il-kuntatti, l-iskambju ta' informazzjoni u n-networking bejn awtoritajiet legali, ġudizzjarji u amministrattivi u l-professjonijiet legali, anke permezz ta' l-appoġġ ta' taħriġ ġudizzjarju, bil-għan ta' għarfien reċiproku aħjar fost tali awtoritajiet u professjonisti.

2. L-objettivi ġenerali tal-programm huma komplementari għall-objettivi segwiti mill-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 168/2007.

3. L-objettivi ġenerali tal-programm għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 3

Objettivi speċifiċi

Il-programm għandu jkollu dawn l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) li jippromwovi d-drittijiet fundamentali kif rikonoxxouti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u sabiex jinforma lill-persuni kollha dwar id-drittijiet tagħhom inklużi dawk li ġejjin miċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni sabiex jinkoraġġixxi ċ-ċittadini ta' l-Unjoni jipparteċipaw attivament fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni;

(b) li jeżamina, fejn ikun meħtieġ, ir-rispett għal drittijiet fundamentali speċifiċi fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja, u jikseb opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi relatati mad-drittijiet fundamentali f'dan l-ambitu;

(ċ) li jappoġġa lil organizzazzjonijiet non-governattivi u korpi mis-soċjetà ċivili sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom fil-parteċipazzjoni attiva fil-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, ta' l-istat tad-dritt u tad-demokrazija;

(d) li joħloq strutturi rilevanti sabiex jitrawwem djalogu bejn ir-reliġjonijiet u multikulturali fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Azzjonijiet

Bil-ħsieb li jsegwi l-objettivi ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3, il-programm ser jappoġġa t-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

(a) azzjonijiet speċifiċi imwettqa mill-Kummissjoni, bħal studji u riċerka, stħarriġ ta' l-opinjoni pubblika u surveys, formulazzjoni ta' indikaturi u metodoloġiji komuni, ġbir, żvilupp u disseminazzjoni ta' data u statistika, seminars, konferenzi u laqgħat ta' esperti, organizzazzjoni ta' kampanji u avvenimenti pubbliċi; żvilupp u manutenzjoni ta' websites, preparazzjoni u disseminazzjoni ta' materjali ta' informazzjoni, appoġġ lil u amministrazzjoni ta' networks ta' esperti nazzjonali, attivitajiet ta' analiżi, sorveljanza u valutazzjoni;

(b) il-proġetti trans-nazzjonali speċifiċi ta' interess Komunitarju preżentati minn xi awtorità jew kwalunkwe korp ieħor ta' Stat Membru, organizzazzjoni internazzjonali jew non-governattiva, u li jinvolvu fi kwalunkwe każ mill-inqas żewġ Stati Membri jew mill-inqas Stat Membru ieħor u Stat wieħed ieħor li jista' jkun pajjiż li ser jaderixxi jew pajjiż kandidat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma;

(ċ) appoġġ għall-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi jew entitajiet oħrajn li jsegwu għan ta' interess ġenerali Ewropew skond l-objettivi ġenerali tal-programm taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-programmi annwali ta' ħidma;

(d) għotjiet operattivi sabiex tiġi kofinanzjata n-nefqa assoċjata mal-programm ta' ħidma permanenti tal-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u ta' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli ta' l-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi ta' l-Unjoni Ewropea, li jżomm ċerti databases li jipprovdu għal ġabra mill-Ewropa kollha ta' sentenzi nazzjonali relatati ma' l-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja, safejn in-nefqa ssir sabiex jiġi segwit objettiv ta' interess Ewropew ġenerali billi tippromwovi skambju ta' fehmiet u esperjenza dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ġurisprudenza, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-membri tagħhom fit-twettiq tal-funzjonijiet ġudizzjarji u/jew konsultattivi tagħhom fir-rigward tal-liġi Komunitarja.

Artikolu 5

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1. Dawn il-pajjiżi li ġejjin, minn hawn 'il quddiem imsejħin "pajjiżi parteċipanti", jistgħu jipparteċipaw fl-azzjonijiet tal-programm: il-pajjiżi li sejrin jaderixxu, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent inklużi fil-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim ta' assoċjazzjoni jew fil-protokolli addizzjonali tagħhom relatati mal-parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma' dawk il-pajjiżi.

2. L-azzjonijiet taħt l-Artikolu 4 jistgħu jassoċjaw awtoritajiet, korpi jew organizzazzjonijiet non-governattivi ta' pajjiżi li ma jipparteċipawx fil-programm skond l-Artikolu 1, fejn dan jikkontribwixxi għat-tħejjija għall-adeżjoni tal-pajjiżi msemmijin fil-paragrafu 1 jew iservi l-objettivi ta' l-azzjonijiet konċernati.

Artikolu 6

Gruppi mmirati

Il-programm huwa mmirat lejn iċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini ta' pajjiżi li jipparteċipaw jew iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea u assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fost gruppi oħrajn attivi fil-promozzjoni ta' l-objettivi tal-programm.

Artikolu 7

Aċċess għall-programm

1. L-aċċess għall-programm għandu jkun miftuħ, inter alia, għal istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati, universitajiet, istituzzjonijiet tar-riċerka, organizzazzjonijiet mhux governattivi, awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet oħrajn li joperaw mingħajr skop ta' profitt stabbiliti fl-Unjoni Ewropea jew f'wieħed mill-pajjiżi parteċipanti, skond l-Artikolu 5.

2. Il-programm għandu wkoll jagħti l-possibbiltà li jsiru attivitajiet konġunti ma' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, bħall-Kunsill ta' l-Ewropa, abbażi ta' kontribuzzjonijiet konġunti skond ir-regoli diversi li jipprevalixxu f'kull istituzzjoni jew organizzazzjoni, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm.

Artikolu 8

Tipi ta' intervent

1. Il-finanzjament Komunitarju jista' jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a) għotjiet,

(b) kuntratti ta' akkwist pubbliku.

2. L-għotjiet Komunitarji għandhom jingħataw konsegwentement għal sejħiet għal proposti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali debitament sostanzjati kif previst fir-Regolament Finanzjarju u għandhom jiġu provduti permezz ta' għotjiet operattivi u għotjiet għal-azzjonijiet. Ir-rata massima ta' ko-finanzjament ser tiġi speċifikata fil-programmi annwali ta' ħidma.

3. Barra minn hekk, hija prevista nefqa għal miżuri akkumpanjanti, permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, f'liema każ il-fondi Komunitarji jkopru x-xiri ta' merċi u servizzi. Dan ser ikopri, inter alia, l-infiq fuq l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, il-verifika u l-valutazzjoni ta' proġetti, linji politiċi, programmi u leġiżlazzjoni.

Artikolu 9

Miżuri ta' implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Assistenza Komunitarja skond ir-Regolament Finanzjarju.

2. Sabiiex timplimenta l-programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta' l-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2, tadotta programm annwali ta' ħidma li jispeċifika l-objettivi speċifiċi, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' miżuri akkumpanjanti previsti fl-Artikolu 8 u, jekk meħtieġa, lista ta' azzjonijiet oħrajn.

3. Il-programm annwali ta' ħidma għandu jiġi adottat skond il-proċedura stabbilita fl- Artikolu 10(3).

4. Il-proċeduri ta' valutazzjoni u ta' għoti relatati ma' għotjiet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-kriterji li ġejjin:

(a) il-konformità mal-programm annwali ta' ħidma, l-objettivi ġenerali kif speċifikati fl-Artikolu 2 u l-miżuri meħuda fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4;

(b) il-kwalità ta' l-azzjoni proposta rigward il-konċepiment, l-organizzazzjoni u l-preżentazzjoni u r-riżultati mistennija;

(ċ) l-ammont mitlub għall-finanzjament Komunitarju u l-adegwatezza tiegħu fir-rigward tar-riżultati mistennija;

(d) l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-objettivi ġenerali definiti fl-Artikolu 2 u fuq miżuri li ttieħdu fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4.

5. L-applikazzjonijiet għal għotjiet operattivi, imsemmija fl-Artikolu 4(b) u (ċ), għandhom jiġu valutati fid-dawl:

(a) tal-konsistenza ma' l-objettivi tal-programm;

(b) tal-kwalità ta' l-attivitajiet ippjanati;

(ċ) ta' l-effett multiplikatur probabbli fuq il-pubbliku ta' dawn l-attivitajiet;

(d) ta' l-impatt ġeografiku ta' l-attivitajiet imwettqa;

(e) ta' l-involviment taċ-ċittadini fl-organizzazzjoni tal-korpi kkonċernati;

(f) tal-proporzjoni tal-kost/benefiċċju ta' l-attività proposta.

6. Id-deċiżjonijiet relatati ma' azzjonijiet preżentati taħt l-Artikolu 4(b) u (ċ) għandhom jiġu meħuda mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(2).

7. B'mod konformi ma' l-Artikolu 113(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-prinċipju ta' tnaqqis gradwali m'għandux japplika għall-għotja operattiva mogħtija lill-Konferenza tal-Qrati Kostituzzjonali Ewropej u lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsill ta' l-Istati u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi ta' l-Unjoni Ewropea safejn dawn isegwu objettiv ta' interess Ewropew ġenerali.

Artikolu 10

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal 3 xhur.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 11

Komplementarjetà

1. Għandhom jiġu mfittxija s-sinerġiji u l-komplementarjetà ma' strumenti oħrajn Komunitarji, b'mod partikolari mal-Programmi Kwadru "Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet" u "Solidarjetà u Amministrazzjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni", kif ukoll mal-programm "Progress". Għandha tkun żġurata l-komplementarjetà ma' l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali. L-element statistiku ta' l-informazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza għandu jiġi żviluppat f'kollaborazzjoni ma' l-Istati Membri, abbażi ta' data disponibbli bl-użu, skond kif meħtieġ, tal-Programm Statistiku Komunitarju.

2. Il-programm jista' jaqsam riżorsi ma' strumenti oħrajn Komunitarji, b'mod partikolari l-programmi ġenerali "Sigurtà u Salvagwardja tal-Libertajiet" u "Solidarjetà u Amministrazzjoni tal-Flussi tal-Migrazzjoni", sabiex jimplimenta l-azzjonijiet li jilħqu l-objettivi tal-programmi kollha.

3. Operazzjonijiet finanzjati taħt din id-Deċiżjoni m'għandhomx jirċievu assistenza għall-istess għan minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra. Għandu jkun żgurat li l-benefiċjarji ta' din id-Deċiżjoni għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar finanzjament riċevut mill-baġit Komunitarju u minn sorsi oħra, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.

Artikolu 12

Riżorsi baġitarji

Ir-riżorsi baġitarji allokati għall-azzjonijiet previsti fil-programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni finanzjata mill-programm, il-benefiċjarju għandu jippreżenta rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma. Għandu wkoll jiġi preżentat rapport finali fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta' l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-kontenut tar-rapporti.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-programm jipprovdu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ permezz ta' kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli ta' kampjuni, u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-benefiċjarju ta' l-assistenza finanzjarja għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ rigward in-nefqa fuq l-azzjoni.

4. Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli fuq il-post imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li, jekk ikun meħtieġ, jiġu aġġustati l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' l-għoti ta' l-assistenza finanzjarja oriġinarjament approvata kif ukoll l-iskeda ta' żmien għall-pagamenti.

5. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jittieħed kull pass ieħor meħtieġ għall-verifika li l-azzjonijiet finanzjati twettqu korrettament u konformement mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta jiġu implimentati l-azzjonjiet finanzjati skond id-Deċiżjoni preżenti, l-interessi finanzjarji tal-Komunità jiġu protetti permezz ta' l-applikazzjoni ta' miżuri preventivi kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività oħra illegali, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz tar-rimbors ta' l-ammonti indebitament mħallsa, u, fejn jiġu żvelati irregolaritajiet, permezz ta' l-applikazzjoni ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999.

2. Għall-azzjonijiet Komunitarji finanzjati taħt il-programm r-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom ikunu applikabbli għal kull ksur ta' xi dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż il-ksur ta' xi obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-programm, li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta' xi operatur ekonomiku, li jkollu jew li kien ikollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew baġits amministrati minnha, b'element ta' spiża mhux ġustifikat.

3. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta' l-assistenza finanzjarja mogħti għal azzjoni jitnaqqas, jiġi sospiż jew irkuprat jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew mad-deċiżjoni individwali jew mal-kuntratt jew ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun ġiet suġġetta għal bidla li tmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-proġett.

4. Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-assistenza finanzjarja mogħtija tkun ġustifikata mill-progress magħmul fl-implimentazzjoni ta' azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju jippreżenta osservazzjonijiet f'perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza finanzjarja li jifdal tiġi kanċellata u għandha titlob ir-rimbors tas-somom diġà mħallsa.

5. Il-Kummisjoni għandha tiżgura li jiġi rimborsat lilha kwalunkwe pagament mhux dovut. L-interessi għandhom jiġu miżjuda ma' kwalunkwe somma mhux rimborsata f'waqtha taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 15

Valutazzjoni

1. Il-programm għandu jkun monitorjat regolarment sabiex isegwi l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet imwettqa taħtu.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura valutazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-programm.

3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a) preżentazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programm;

(b) rapport ta' valutazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-programm, anke dwar il-ħidma mwettqa mill-benefiċjarji ta' għotjiet operattivi msemmija fl-Artikolu 4(d), mhux iżjed tard mill- 31 ta' Marzu 2011;

(ċ) Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-programm sa mhux aktar tard mit- 30 ta' Awissu 2012;

(d) rapport ta' valutazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni ta' azzjonijiet

Kull sena l-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' azzjonijiet finanzjati taħt il-programm flimkien ma' deskrizzjoni qasira ta' kull proġett.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill- 1 ta' Jannar 2007.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ April 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Zypries

[1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 14 ta' Diċembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

[3] ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

[4] ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

[5] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[6] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[7] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[8] ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).

[9] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

[10] ĠU C 69, 21.3.2006.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet