32006R1927R(01)


Titolu u referenza

Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ( ĠU L 406, 30.12.2006 )

 ĠU L 48, 22.2.2008, p. 82–88 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

Rettifika għar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l- 20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea L 406, tat-30 ta' Diċembru 2006)

Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 għandu jaqra kif ġej:

Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-parlament ewropew u tal-kunsill

ta' l- 20 ta’ Diċembru 2006

li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 159 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Minkejja l-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni fuq l-iżvilupp u l-impjiegi fil-Komunità, din tista' wkoll iġġib konsegwenzi negattivi għall-ħaddiema l-aktar vulnerabbli u dawk l-anqas kwalifikati f'ċerti setturi. Għalhekk huwa opportun li jiġi stabbilit Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("EGF") aċċessibbli għall-Istati Membri kollha, li permezz tiegħu l-Komunità tista' turi s-solidarjetà tagħha lejn il-ħaddiema milquta minn telf ta’ impjiegi b’riżultat ta’ bidliet fix-xejriet kummerċjali dinjija.

(2) Huwa neċessarju li jinżammu l-valuri Ewropej u li jiġi promoss l-iżvilupp ta' kummerċ estern ġust. L-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni għandhom jiġu ffaċċjati l-ewwel permezz ta' strateġija Komunitarja sostenibbli u fit-tul għal politika tal-kummerċ li timmira lejn standards soċjali u ekoloġiċi għoljin. L-għajnuna pprovduta mill-EGF għandha tkun dinamika u kapaċi tadatta għal ċirkostanzi tas-suq li jinbidlu b'mod kostanti u li jkunu sikwit imprevedibbli.

(3) L-EGF għandu jipprovdi għajnuna speċifika ta’ darba sabiex jiffaċilita r-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-ħaddiema f’oqsma, setturi, territorji jew reġjuni tas-suq tax-xogħol li jkunu qed ibatu minn xokk ta’ disturb ekonomiku serju. L-EGF għandhom jippromwovu l-imprenditorjat, pereżempju permezz ta’ mikro-krediti jew permezz tat-twaqqif ta’ proġetti koperattivi.

(4) L-azzjonijiet skond dan ir-Regolament għandhom ikunu definiti skond kriterji stretti ta’ intervent li huma relatati ma’ l-iskala tal-perturbazzjoni ekonomika u ma’ l-impatt tagħha fuq settur jew żona ġeografika partikolari, sabiex ikun żgurat li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF tkun konċentrata fuq ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi ekonomiċi tal-Komunità li jintlaqtu l-aktar serjament. Perturbazzjoni ta' dan it-tip mhux neċessarjament tkun ikkonċentrata fi Stat Membru wieħed. F'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jressqu talbiet konġunti għal assistenza mill-EGF.

(5) L-attivitajiet ta’ l-EGF għandhom ikunu koerenti u kompatibbli mal-linji politiċi l-oħra tal-Komunità u għandhom ikunu konformi ma’ l-acquis tagħha, b'mod speċjali l-interventi tal-Fondi Strutturali, filwaqt li jagħtu kontribut ġenwin lil-linji politiċi soċjali Komunitarji.

(6) Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tas- 17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba [4] (Ftehim Interistituzzjonali) jiddetermina l-qafas baġitarju ta' l-EGF.

(7) Azzjoni speċifika finanzjata taħt dan ir-Regolament m'għandhiex tirċievi għajnuna finanzjarja minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Komunità. Madankollu, hija meħtieġa koordinazzjoni ma' miżuri eżistenti jew ippjanati ta' modernizzazzjoni u ristrutturazzjoni fil-qafas ta' l-iżvilupp reġjonali, għalkemm koordinazzjoni ta' dan it-tip m'għandhiex tirriżulta fil-ħolqien ta' strutturi ta' ġestjoni, paralleli jew addizzjonali, għal azzjonijiet finanzjati mill-EGF.

(8) Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, in-nefqa għandha tkun eliġibbli mid-data li fiha l-Istat Membru jibda jipprovdi servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta. Għandu jiġi stabbilit perjodu ta’ żmien li matulu għandha tintuża l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, b’hekk tiġi riflessa l-ħtieġa għal rispons konċentrat li jimmira b’mod speċifiku għar-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol.

(9) L-Istat Membru għandu jibqa’ responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja u għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ l-azzjonijiet appoġġati mill-finanzjament tal-Komunità, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [5] ("ir-Regolament Finanzjarju"). L-Istat Membr għandu jiġġustifika l-użu li jkun sar mill-kontribuzzjoni finanzjarja li jkunu rċevew mill-EGF.

(10) Iċ-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ tal-Bidla jista' jgħin lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri konċernati permezz ta’ analiżi kwalitattivi u kwantitattivi biex b' hekk jgħin fl-evalwazzjoni ta' applikazzjoni għal fondi mill-EGF.

(11) Ladarba l-għanjiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilt f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(12) Minħabba li ż-żmien ta’ implimentazzjoni ta’ l-EGF huwa marbut mat-tul tal-qafas finanzjarju mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013, l-appoġġ għandu jkun disponibbli għall–ħaddiema milquta minn telf ta' impjiegi relatat mal-kummerċ mill- 1 ta’ Jannar 2007,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1. Bl-għan li jistimula t-tkabbir ekonomiku u li joħloq iktar impjiegi fl-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-EGF sabiex il-Komunità tkun tista’ tipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni fejn dan it-telf ta’ impjiegi kellu impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali.

Il-perjodu ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun marbut mal-qafas finanzjarju mill- 1 ta’ Jannar 2007 sal- 31 ta’ Diċembru 2013.

2. Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli rigward l-operazzjoni ta’ l-EGF sabiex jiffaċilita r-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol għall-ħaddiema milquta minn telf ta’ impjiegi li jkun relatat mal-kummerċ.

Artikolu 2

Il-kriterji ta’ intervent

Għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF meta bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija jwasslu għal disturb ekonomiku serju, partikolarment żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, jew deklin rapidu tas-sehem mis-suq ta’ l-UE f’settur partikolari jew delokalizzazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jirriżultaw f’:

(a) telf ta’ mill-inqas 1000 impjieg fuq perjodu ta’ 4 xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom mal-fornituri tagħha jew mal-produtturi downstream tagħha ; jew

(b) telf ta’ mill-inqas 1000 impjieg, fuq perjodu ta’ 9 xhur, f’intrapriża waħda jew aktar, partikularment intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, f'settur NACE 2 f'reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni bi fruntieri komuni fuq livell NUTS II.

(ċ) Fi swieq tax-xogħol żgħar jew f'ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn sostanzjati adegwatament mill-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati, applikazzjoni għal kontribuzzjoni mill-EGF tista' tkun meqjusa ammissibbli anke jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) ma jkunux ġew sodisfatti għal kollox, meta t-telf ta' impjieg ikollu effett serju fuq ix-xogħol u fuq l-ekonomija lokali. L-ammont aggregat tal-kontribuzzjonijiet f'ċirkustanzi eċċezzjonali ma jistax jaqbeż il-15 % ta' l-EGF kull sena.

Artikolu 3

L-azzjonijiet eliġibbli

Tista’ tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF għal miżuri attivi tas-suq tax-xogħol li jagħmlu parti minn pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati mfassla sabiex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom, inkluża dik:

(a) għal għajnuna għat-tfittix ta’ impjieg, gwida dwar ix-xogħol, taħriġ imfassal apposta u taħriġ mill-ġdid, li jinkludu ħiliet relatati mat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u tal-kommunikazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ l-esperjenza miksuba, kif ukoll għal għajnuna għall-klassifikazzjoni mill-ġdid esterna u għall-promozzjoni ta’ l-intraprenditorjat jew għajnuna għas-self empoyed;

(b) għal miżuri speċjali b’limitu ta’ żmien, bħal sussidji għal meta wieħed ikun qed ifittex impjieg, sussidji għall-mobbiltà, jew sussidji lill-individwi li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ tagħlim matul il-ħajja kollha u attivitajiet ta’ taħriġ;

(ċ) għal miżuri li jistimulaw, b’mod partikulari lil ħaddiema żvantaġġati jew ixjeħ, sabiex jibqgħu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol.

L-EGF ma għandiex tiffinanzja miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

Fuq l-inizjattiva ta’ l-Istat Membru konċernat, l-EGF tista’ tiffinanzja l-attivitajiet ta’ tħejjija, amministrazzjoni, tagħrif u pubbliċità, u kontroll għall-implimentazzjoni tal-Fond.

Artikolu 4

It-tip ta’ kontribuzzjoni finanzjarja

Il-Kummissjoni għandha tagħti kontribuzzjoni finanzjarja fil-forma ta’ pagament wieħed, li għandha tiġi implimentata fil-qafas ta’ amministrazzjoni komuni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, skond l-Artikolu 53(1)(b) u l-Artikolu 53(5) u (6) tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 5

Applikazzjonijiet

1. L-Istat Membru jew Stati Membri għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-kontribuzzjoni mill-EGF lill-Kummissjoni fi żmien 10 ġimgħat mid-data li fiha l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 għall-mobilizzazzjoni ta’ l-EGF jkunu milħuqa. L-applikazzjoni tista’ sussegwentement tiġi supplimentata mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati.

2. L-applikazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) analiżi raġunata tar-rabta bejn it-telf ta’ l-impjiegi ippjanat u l-bidliet strutturali kbar fis-sistemi kummerċjali dinjija u wirja tan-numru ta’ impjiegi mitlufa u spjegazzjoni tan-natura mhux prevedibbli ta’ dan it-telf ta’ impjiegi;

(b) l-identifikazzjoni ta’ l-intrapriżi li keċċew lill-impjegati (nazzjonali jew multinazzjonali), il-fornituri jew il-produtturi downstream, is- setturi, u l-kategoriji ta’ ħaddiema li għandhom ikunu mmirati;

(ċ) deskrizzjoni tat-territorju konċernat u l-awtoritajiet reġjonali tiegħu u partijiet interessati oħra, u l-impatt li huwa mistenni li se jkollhom l-impjiegi mitlufa fir-rigward ta’ l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali;

(d) il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandhom jiġu finanzjati u analiżi ta’ kemm mistenni jiswa, inkluża l-komplementarjetà tiegħu ma’ azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali kif ukoll informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skond il-liġi nazzjonali jew skond ftehim kollettivi;

(e) id-data jew dati meta nbdew jew huwa ppjanat li jinbdew servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta;

(f) il-proċeduri segwiti sabiex jiġu konsultati l-imsieħba soċjali;

(g) l-awtorità responsabbli mill-obbligi ta’ amministrazzjoni u kontroll finanzjarju skond l-Artikolu 18.

3. Billi l-azzjonijiet li ġew implimentati mill-Istat Membru jew Stati Membri, mir-reġjun, mill-imsieħba soċjali u mill-intrapriżi konċernati permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehim kollettivi, u billi ngħatat attenzjoni partikolari lill-azzjonijiet li kienu finanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew (l-ESF), l-informazzjoni provduta taħt il-paragrafu 2 għandha tinkludi deskrizzjoni fil-qosor ta’ l-azzjonijiet li ttieħdu u li kienu ppjanati mill-awtorità nazzjonali u mill-intrapriżi konċernati, inkluża stima ta’ kemm ġew jiswew.

4. L-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni statistika u informazzjoni oħra, fuq l-aktar livell territorjali xieraq, li l-Kummissjoni teħtieġ sabiex tevalwa jekk il-kriterji ta’ intervent intlaħqux jew le.

5. Fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2 u fi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali ppreżentata mill-Istat Membru jew Stati Membri, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f'konsultazzjoni ma' dawk l-Istati Membri, jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Komplementarjetà, konformità u koordinazzjoni

1. Kontribuzzjoni mill-EGF m’għandhiex tissostitwixxi azzjonijiet li jkunu r-responsabbiltà ta' kumpanniji skond il-liġi nazzjonali jew skond xi ftehim kollettiv.

2. Kontribuzzjoni mill-EGF għandha tikkomplementa l-azzjonijiet ta’ l-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi dawk li huma kofinanzjati mill-Fondi Strutturali.

3. Kontribuzzjoni mill-EGF għandha tipprovdi solidarjetà u appoġġ għal ħaddiema individwali li jkunu tilfu l-impjieg bħala riżultat ta' bidliet strutturali fis-sistemi kummerċjali dinjija. L-EGF m'għandux jiffinanzja l-istrutturar mill-ġdid ta' kumpanniji jew setturi.

4. Skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna mill-fondi Komunitarji.

5. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet speċifiċi li jirċievu kontribuzzjoni mill-EGF ma għandhomx ukoll jirċievu għajnuna minn strumenti finanzjarji Komunitarji oħra.

Artikolu 7

L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi jiġu promossi matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni ta' l-EGF. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni minħabba sess, razza, jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali matul l-istadji varji ta' implimentazzjoni ta' l-EGF, u b'mod partikulari, fl-aċċess għall-EGF.

Artikolu 8

L-għajnuna teknika fuq inizjattiva tal-Kummissjoni

1. Fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, bla ħsara għal rata massima ta’ 0.35 % tar-riżorsi finanzjarji disponibbli għal dik is-sena, l-EGF jista’ jintuża sabiex jiffinanzja l-monitoraġġ, l-informazzjoni, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, l-attivitajiet ta’ verifiki, kontroll u evalwazzjoni li huma meħtieġa sabiex ikun implimentat dan ir-Regolament.

2. Kompiti ta’ din ix-xorta għandhom jitwettqu skond ir-Regolament Finanzjarju, kif ukoll skond ir-regoli implimentattivi tiegħu li japplikaw għal din il-forma ta’ implimentazzjoni tal-baġit.

Artikolu 9

Informazzjoni u pubbliċità

1. L-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet finanzjati u għandhom jippubbliċizzawhom. L-informazzjoni għandha tkun indirizzata lill-ħaddiema konċernati, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-imsieħba soċjali, il-media u lill-pubbliku in ġenerali. Għandha tenfasizza l-irwol tal-Komunità u għandha tiżgura li l-kontribuzzjoni mill-EGF tkun viżibbli.

2. Il-Kummissjoni għandha twaqqaf sit ta’ l-internet li jkun disponibbli bil-lingwi kollha tal-Komunità, liema sit għandu jipprovdi tagħrif dwar l-EGF, gwida dwar it-tfigħ ta’ l-applikazzjonijiet, kif ukoll tagħrif aġġornat dwar applikazzjonijiet aċċettati u miċħuda, filwaqt li jenfasizzaw l-irwol ta’ l-awtorità baġitarja.

Artikolu 10

Id-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni għandha, b' mod partikolari billi tieħu kont tan-numru ta’ ħaddiema li għandhom jiġu appoġġati, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż kalkulati, tevalwa u tipproponi kemm jista’ jkun malajr l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja, li tista' tingħata, fil-limiti tar-riżorsi disponibbli.

L-ammont ma jistax jeċċedi l-50 % tat-total ta’ l-ispejjeż stimati ndikati fl-Artikolu 5(2)(d).

2. Fejn, abbażi tal-valutazzjoni li twettqet skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li ntlaħqu l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament, għandha minnufih tagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12.

3. Fejn, fuq il-bażi tal-valutazzjoni li tkun saret skond l-Artikolu 5(5), il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li l-kondizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament ma ntlaħqux, għandha tinnotifika mill-aktar fis possibbli lill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati.

Artikolu 11

L-eliġibbiltà tan-nefqa

In-nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-EGF mid-data jew dati li fiha l-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati jibdew jipprovdu servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta, kif stabbilit fl-Artikolu 5(2)(e).

Artikolu 12

Il-proċedura baġitarja

1. L-arranġamenti għall-EGF għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali.

2. L-approprjazzjonijiet li jikkonċernaw l-EGF għandhom ikunu jidħlu fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bħala provvediment permezz tal-proċedura baġitarja normali hekk kif l-Kummisjoni tkun identifikat marġni suffiċjenti u/jew ikkanċellat impenji.

3. Fejn il-Kummissjoni tkun ikkonkludiet li għandha tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF, għandha tressaq proposta quddiem l-awtorità tal-baġit sabiex tawtorizza l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu għall-ammont li ġie ddeterminat skond l-Artikolu 10 u talba għat-trasferiment ta' l-ammont għal-linja baġitarja ta' l-EGF. Il-proposti jistgħu jinġabru fi gruppi.

It-trasferimenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-EGF se jseħħu skond l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Finanzjarju.

4. Proposta skond il-paragrafu 3 għandha tinkludi dan li ġej:

(a) il-valutazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5(5), flimkien ma’ sommarju ta’ l-informazzjoni li fuqha hija bbażata dik il-valutazzjoni;

(b) evidenza li ntlaħqu l-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2 u 6; u

(ċ) ir-raġunijiet li jiġġustifikaw l-ammonti proposti.

5. Fl-istess ħin, waqt li tippreżenta l-proposta tagħha, il-Kummissjoni għandha tibda proċedura ta' trijalogu, possibilment f'forma sempliċi, sabiex tilħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat ta' l-awtorità tal-baġit dwar il-bżonn li jintuża l-EGF u dwar l-ammont meħtieġ.

6. Fl-1 ta’ Settembru ta’ kull sena, mill-inqas kwart ta’ l-ammont annwali massimu ta’ l-EGF għandu jibqa’ disponibbli sabiex ikunu koperti l-ħtiġijiet li jinqalgħu sakemm tintemm is-sena.

7. Hekk kif l-approprjazzjonijiet isiru disponibbli min-naħa ta’ l-awtorità baġitarja, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja.

Artikolu 13

Il-pagament u l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1. Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni skond l-Artikolu 12(7), il-Kummissjoni għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja lill-Istat Membru f’pagament wieħed, bħala prinċipju fi żmien 15-il ġurnata.

2. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jużaw l-kontribuzzjoni finanzjarja, kif ukoll kwalunkwe imgħax li jaqla minn fuqha, fi 12-il xahar mid-data ta' l-applikazzjoni skond l-Artikolu 5.

Artikolu 14

L-użu ta’ l-euro

L-applikazzjonijiet, id-deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, kif ukoll kwalunkwe dokument relatat ieħor, għandhom jesprimu l-ammonti kollha f’Ewro.

Artikolu 15

Ir-rapport finali u l-għeluq

1. Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiskadi l-perjodu speċifikat fl-Artikolu 13(2), l-Istat Membru jew l-Istati Membri konċernati għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni dwar it-twettiq tal-kontribuzzjoni finanzjarja, li jinkludi informazzjoni dwar it-tip ta’ azzjonijiet u r-riżultati ewlenin, flimkien ma’ rendikont li jiġġustifika n-nefqa u li jindika, fejn ikun xieraq, il-komplementarjetà ta’ l-azzjonijiet ma’ dawk finanzjati mill-ESF.

2. Mhux aktar tard minn sitt xhur wara li l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt il-paragrafu 1, għandha tagħlaq il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-EGF.

Artikolu 16

Ir-rapport annwali

1. Sa l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, u għall-ewwel darba fl-2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport kwantitattiv u kwalitattiv dwar l-attivitajiet taħt dan ir-Regolament matul is-sena ta’ qabel. Ir-rapport għandu jiffoka l-iktar fuq ir-riżultati li ntlaħqu mill-EGF and għandu jinkludi b’mod partikulari informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ l-applikazzjonijiet imressqa, mad-deċiżjonijiet li ġew adottati, ma’ l-azzjonijiet finanzjati, inkluża l-komplementarjetà tagħhom ma' l-azzjonijiet finanzjati mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-ESF, u ma' l-għeluq tal-kontribuzzjoni finanzjarja li saret. Għandu jiddokumenta wkoll dawk it-talbiet li ġew miċħuda minħabba nuqqas ta' l-approprjazzjonijiet suffiċjenti jew minħabba li ma kienux eliġibbli.

2. Ir-rapport għandu jiġi trasmess, bħala informazzjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali.

Artikolu 17

Evalwazzjoni

1. Fuq l-inizjattiva tagħha stess u f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha twettaq:

(a) sal- 31 ta’ Diċembru 2011, evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ l-effikaċja u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba; u

(b) sal- 31 ta’ Diċembru 2014, evalwazzjoni ex-post bl-għajnuna ta' esperti esterni, sabiex jiġi mkejjel l-impatt ta' l-EGF u l-valur miżjud tiegħu.

2. Ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni għandhom jiġu trasmessi, bħala informazzjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-imsieħba soċjali.

Artikolu 18

L-amministrazzjoni u l-kontroll finanzjarju

1. Bla ħsara għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabbiltà fl-ewwel lok għall-amministrazzjoni ta’ l-azzjonijiet appoġġati mill-EGF u l-kontroll finanzjarju ta’ l-azzjonijiet. Għal dan l-għan, il-miżuri li huma jieħdu għandhom jinkludu:

(a) li jivverifikaw li ġew stabbiliti arranġamenti ta’ ġestjoni u kontroll u li qed ikunu implimentati b’tali mod li jassiguraw li l-fondi tal-Komunità qed ikunu użati b’mod effiċjenti u korrett, b’konformità mal-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba;

(b) li jivverifikaw li l-azzjonijiet finanzjati twettqu kif suppost;

(ċ) li jassiguraw li l-infiq finanzjat ikun bbażat fuq dokumenti ta’ ġustifikazzjoni vera, huwa korrett u regolari; u

(d) li jimpedixxu, isibu u jikkorreġu l-irregolaritajiet kif definiti fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni [6] u jirkurpraw l-ammonti indebitament imħallsa flimkien ma’ l-interessi fuq pagamenti magħmula tard skond l-istess Artikolu. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw kwalunkwe irregolarità bħal dawn lill-Kummissjoni, fiż-żmien dovut, u jżommu lill-Kummissjoni informata bil-progress tal-proċedimenti amministrattivi u legali.

2. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa fejn tkun aċċertata irregolarità. Il-korrezzjonijiet magħmula mill-Istat Membru jew Stati Membri għandhom jikkonsistu fir-revoka, parzjali jew kompleta, tal-kontribuzzjoni Komunitarja. L-Istat Membru jew l-Istati Membri għandhom jirkupraw kull ammont mitluf bħala riżultat ta' xi irregolarità skoperta, għandhom iħallsu lura lill-Kummissjoni u, fejn l-ammont ma jitħallasx fil-limitu ta’ żmien mogħti mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, għandu jkun dovut interess awtomatiku.

3. Il-Kummissjoni, fir-responsabbiltà tagħha għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, għandha tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex tivverifika li l-azzjonijiet finanzjati twettqu skond il-prinċipji ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u effiċjenti, f' konformita' mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Hija r-responsabbiltà ta' l-Stat Membru jew l-Istati Membri konċernati li jiżguraw li jkollhom sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll li jaħdmu tajjeb. Il-Kummissjoni għandha tivverifika hija stess l-eżistenza ta' dawn is-sistemi.

Għal dan l-iskop, bla ħsara għall-poteri tal-Qorti ta’ l-Awdituri jew għall-verifiki mwettqa mill-Istat Membru jew Stati Membri skond il-liġijiet nazzjonali, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-uffiċjali jew l-impjegati tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu verifiki fil-post, inklużi verifiki rappreżentattivi, dwar l-azzjonijiet finanzjati mill-EGF bi pre-avviż minimu ta’ jum ta’ xogħol. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru konċernat bl-iskop li takkwista l-assistenza neċessarja kollha. Jistgħu jieħdu parti f’dawn il-verifiki uffiċjali jew impjegati ta’ l-Istat Membru konċernat.

4. L-Istat Membru għandu jassigura li d-dokumenti ta’ ġustifikazzjoni li jirrigwardaw in-nefqa magħmula jinżammu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri għal perjodu ta’ tliet snin wara l-konklużjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja rċevut mill-EGF.

Artikolu 19

Rimborż tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1. F’każi fejn l-ammont ta’ l-ispiża effettiva ta’ azzjoni jkun inqas mill-ammont stimat li kien kwotat skond l-Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tesiġi li l-Istat Membru jħallas lura ammont li jikkorrispondi għall-kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta.

2. Fejn Stat Membru jew Stati Membri jonqsu milli jikkonformaw ma’ l-obbligi dikjarati fid-Deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tesiġi li l-Istat Membru jew l-Istati Membri jħallsu lura l-kontribuzzjoni finanzjarja riċevuta kollha jew parti minnha.

3. Qabel ma tiġi adottata Deċiżjoni taħt il-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ u, b’mod partikolari, għandha tagħti lill-Istat Membru perjodu speċifiku ta’ żmien li matulu jista’ jressaq il-kummenti tiegħu.

4. Jekk, wara li jitlestew il-verifiki neċessarji, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Istat Membru jew l-Istati Membri mhumiex jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 18(1), hi għandha, jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim u jekk l-Istat Membru jkun għadu ma wettaqx il-korrezzjonijiet f’perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, u b'kont meħud ta' kwalunkwe kumment magħmul mill-Istat Membru, tiddeċiedi fi tliet xhur mill-aħħar tal-perjodu msemmi hawn fuq sabiex tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa billi tikkanċella, parzjalment jew kompletament, il-kontribuzzjoni mill-EGF għall-azzjoni involuta. Kull ammont mitluf li jirriżulta minn irregolarità skoperta għandu jiġi irkuprat u, fejn l-ammont ma jiġix imħallas lura fiż-żmien mogħti mill-Istat Membru jew Stati Membri konċernati, għandu jkun dovut l-interess awtomatiku.

Artikolu 20

Klawsola ta’ reviżjoni

Fuq il-bażi ta’ l-ewwel rapport annwali provdut fl-Artikolu 16, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jirrivedu dan ir-Regolament, fuq il-bażi ta’ proposta min-naħa tal-Kummissjoni, sabiex ikun żgurat li qed jintlaħaq l-għan ta’ solidarjetà ta’ l-EGF u li d-dispożizzjonijiet tiegħu jikkunsidraw b’mod adegwat, il-karatteristiċi ekonomiċi, soċjali u territorjali ta’ l-Istati Membri kollha.

Fi kwalunkwe każ, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal- 31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew,

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill,

Il-President

J. Korkeaoja

[1] ĠU C 318, 23.12.2006, p. 38.

[2] ĠU C 51, 6.3.2007, p. 1.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 432) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Diċembru 2006.

[4] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[5] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

[6] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1989/2006 (ĠU L 411, 30.12.2006, p. 6).

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet