32006R1463

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1463/2006 tad- 19 ta’ Ġunju 2006 li jadatta r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea

Official Journal L 277 , 09/10/2006 P. 0001 - 0001


Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1463/2006

tad- 19 ta’ Ġunju 2006

li jadatta r-Regolament (KE) Nru 1698/2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) sabiex jittieħed kont ta' l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija ma' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, iffirmat fil-Lussemburgu fil- 25 ta' April 2005, u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta' Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija, u b'mod partikolari l-Artikolu 56 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 [1] introduċa regoli ġenerali li jirregolaw is-sostenn Komunitarju għall-politika ta' l-iżvilupp rurali għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007 sa l-2013 u stabbilixxa prijoritajiet u miżuri għall-iżvilupp rurali.

(2) Dawk ir-regoli u miżuri ġenerali għandhom jiġu adattati sabiex tkun possibbli l-implementazzjoni tagħhom fil-Bulgarija u fir-Rumanija mid-data ta' l-adeżjoni ta' dawk iż-żewġ pajjiżi ma' l-Unjoni Ewropea.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jistabbilixxi assi Leader obbligatorju fi ħdan il-programm ta' żvilupp rurali, li għandu jirrappreżenta perċentwali minima ta' kontribut mill-FAEŻR lill-programm. Minħabba n-nuqqas ta' esperjenza tal-Bulgarija u tar-Rumanija fl-implementazzjoni ta' l-approċċ Leader u sabiex tinbena il-kapaċità lokali meħtieġa sabiex jiġi applikat il-Leader, il-kontribut finanzjarju medju ta' 2,5 % previst għall-assi Leader għandu jiġi applikat għall-perjodu 2010–2013 għal dawk il-pajjiżi.

(4) Sabiex il-Bulgarija u r-Rumanija jkunu jistgħu jibbenefikaw sa l-2013 mill-miżuri transizzjonali li jikkonċernaw is-sostenn lil azjendi agrikoli ta' semi-sussistenza u t-twaqqif ta' gruppi ta' produtturi, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jiżdiedu mal-lista ta' pajjiżi li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri.

(5) Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi emendat skond il-każ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi emendat kif ġej:

1) Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 17(2):

"Għall-Bulgarija u għar-Rumanija, għandha tiġi rispettata medja ta' għall-inqas 2,5 % tal-kontribut totali ta' l-FAEŻR għall-assi 4 matul il-perjodu 2010–2013. Kwalunkwe kontribut mill-FAEŻR għal dak l-assi matul il-perijodu 2007–2009 għandu jitqies għall-kalkolu ta' dik il-perċentwali."

.

2) Il-kliem introduttiv fl-Artikolu 20(d) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"miżuri transizzjonali għall-Bulgarija, għar-Repubblika Ċeka, għall-Estonja, għall-Ċipru, għal-Latvja, għal-Litwanja, għall-Ungerija, għall-Malta, għall-Polonja, għar-Rumanija, għas-Slovenja u għas-Slovakkja dwar:"

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl- 1 ta' Jannar 2007 suġġett għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' l-Adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, nhar id- 19 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Pröll

[1] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet