32006R1084


Titolu u referenza

Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

 ĠU L 210, 31.7.2006, p. 79–81 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 14 Volume 02 P. 118 - 120
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 14 Volume 02 P. 118 - 120

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill

tal- 11 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 161(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni [4] jistabbilixxi qafas ġdid għall-azzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni. Huwa jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-missjoni tal-Fond ta' Koeżjoni fir-rigward tal-qafas ġdid għall-azzjoni tiegħu u fir-rigward ta' l-għan mogħti lilu fit-Trattat u li jiġi mħassar, għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas- 16 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi l-Fond ta' Koeżjoni [5].

(2) Il-proġetti tar-retikolati tat-trasport trans-Ewropew finanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jikkonformaw mal-linji gwida għal retikolati tat-trasport trans-Ewropej adottati mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Sabiex jiġu konċentrati l-isforzi, għandha tingħata prijorità lill-proġetti ta' interess Ewropew kif definiti fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Lulju 1996 dwar linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew [6].

(3) Il-Komunità tista', permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, tikkontribwixxi għal azzjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali Komunitarji kif speċifikati fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.

(4) Ir-Regolament (KE)) Nru 1083/2006jipprovdi li l-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tkun stabbilita fil-livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-Fond ta' Koeżjoni.

(5) Għandhom ikomplu japplikaw dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja tkompli tapplika b'mod konġunt mat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika kif stabbiliti fl-Artikolu 99 tat-Trattat u tal-ħtieġa ta' finanzi governattivi sodi. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri li adottaw l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' stabbiltà u l-Istati Membri li m'adottawx l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' konverġenza, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas- 7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġitu s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika [7], li jwassal sabiex jiġu evitati d-defiċit governattivi eċċessivi msemmija fl-Artikolu 104 tat-Trattat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità m'għandhomx japplikaw għall-impenji diġà magħmula fiż-żmien tas-sospensjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-twaqqif u l-għan tal-Fond ta' Koeżjoni

1. Huwa b'dan stabbilit Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Fond) bil-għan li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità fl-interessi tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

2. Il-Fond għandu jkun regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-ambitu ta' l-għajnuna

1. L-għajnuna mill-Fond għandha tingħata lil azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin waqt li tiżgura bilanċ adegwat u skond il-ħtiġijiet ta' investiment u ta' infrastruttura speċifiċi għal kull Stat Membru li jirċievi l-għajnuna:

(a) ir-retikolati tat-trasport trans-Ewropej, b'mod partikolari proġetti prijoritarji ta' interess Ewropew kif identifikati mid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.

(b) l-ambjent, fil-limiti tal-prijoritajiet assenjati lill-politika ta' protezzjoni ambjentali Komunitarja taħt il-programm ta' politika u ta' azzjoni dwar l-ambjent. F'dan il-kuntest, il-Fond jista' jintervjeni wkoll f'oqsma relatati ma' l-iżvilupp sostenibbli li b'mod ċar joffru benefiċċji ambjentali, jiġifieri effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u enerġija rinnovabbli u, fis-settur tat-trasport barra r-retikolati trans-Ewropej, trasport bil-ferrovija, fuq xmajjar, bil-baħar, sistemi ta' trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq, bil-baħar u bl-ajru, trasport urban nadif u trasport pubbliku.

2. Għandu jkun hemm qbil abbażi ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-bilanċ adegwat ta' l-għajnuna.

Artikolu 3

Eliġibbiltà tan-nefqa

L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni:

(a) mgħax fuq id-dejn;

(b) ix-xiri ta' art għal ammont li jeċċedi l-10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-operazzjoni konċernata;

(ċ) djar;

(d) id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari; u

(e) it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet li japplikaw għal aċċess għal għajnuna mill-Fond

1. L-għajnuna mill-Fond għandha tkun kondizzjonata mir-regoli li ġejjin:

(a) jekk il-Kunsill ikun iddeċieda skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit governattiv eċċessiv fi Stat Membru benefiċjarju, u

(b) jkun stabbilixxa skond l-Artikolu 104(8) tat-Trattat li l-Istat Membru konċernat ma ħax azzjoni effettiva b'risposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat,

il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jissospendi t-totalità ta' l-impenji mill-Fond jew parti minnhom għall-Istat Membru konċernat b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-deċiżjoni ta' sospensjoni.

2. Jekk il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru konċernat ħa l-azzjoni korrettiva meħtieġa, huwa għandu jiddeċiedi, mingħajr dewmien, li jneħħi s-sospensjoni ta' l-impenji konċernati. Fl-istess waqt, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni, li l-impenn sospiż jerġa' jiddaħħal fil-baġit skond il-proċedura stabbilita fil-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba [8].

3. Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1. Dan ir-Regolament ma għandu jinċidi la fuq it-tkomplija u lanqas fuq il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' proġett jew ta' forom oħrajn ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament KE Nru 1164/94, li sussegwentement għandu japplika għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sa l-għeluq tagħhom.

2. L-applikazzjonijiet għal proġetti kbar fis-sens ta' l-Artikoli 39, 40 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 magħmula lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 għandhom jibqgħu validi sakemm tali applikazzjonijiet jiġu supplimentati, fejn meħtieġ, sabiex jiġu konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u ma' l-Artikoli msemmija hawn fuq tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 fi żmien mhux aktar minn xahrejn mill- 1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 6

Taħsir

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 huwa b'dan imħassar b'effett mill- 1 ta' Jannar 2007.

2. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2013 skond l-Artikolu 161 tat-Trattat.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il- 11 ta' Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. Heinäluoma

[1] Kunsens ta' l- 4 ta’ Lulju 2006 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU C 255, 14.10.2005, p. 88.

[3] ĠU C 231, 20.9.2005, p. 35.

[4] Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 130, 25.5.1994, p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

[6] ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE (ĠU L 167, 30.04.2004, p. 1).

[7] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1).

[8] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet