32006R1082


Titolu u referenza

Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

 ĠU L 210, 31.7.2006, p. 19–24 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 14 Volume 02 P. 58 - 63
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 14 Volume 02 P. 58 - 63
 HR.ES Chapter 14 Volume 001 P. 76 - 81

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u Tal-Kunsill

tal- 5 ta' Lulju 2006

dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat jipprevedi li jiġu deċiżi azzjonijiet speċifiċi barra mill-Fondi li huma s-suġġett ta' l-ewwel subparagrafu ta' dak l-Artikolu, sabiex jinkiseb l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u ekonomika previst mit-Trattat. L-iżvilupp armonjuż tat-territorju Komunitarju kollu u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali akbar jimplikaw it-tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali. Għal dan il-għan huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta' implementazzjoni għal azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali.

(2) Huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqsu d-diffikultajiet sinifikattivi li jiltaqgħu magħhom l-Istati Membri, u b'mod partikolari, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, fl-implementazzjoni u l-amministrazzjoni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali fi ħdan il-qafas tal-liġijiet u l-proċeduri nazzjonali differenti.

(3) Waqt li jittieħed kont b'mod partikolari taż-żieda fin-numru ta' fruntieri terrestri u marittimi fil-Komunità wara t-tkabbir tagħha, huwa meħtieġ li jiġi ffaċilitat ir-rinforz ta' koperazzjoni territorjali fil-Komunità.

(4) L-istrumenti eżistenti, bħar-raggruppament Ewropew ta' interess ekonomiku, urew li m'humiex adatti biżżejjed sabiex tiġi organizzata koperazzjoni strutturata taħt l-inizjattiva INTERREG matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006.

(5) L-acquis tal-Kunsill ta' l-Ewropa jipprovdi opportunitajiet u oqfsa differenti li fi ħdanhom l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkoperaw minn-naħa għal oħra tal-fruntieri. Dan l-istrument mhuwiex maħsub sabiex jaħrab dawk l-oqfsa jew sabiex jipprovdi sett ta' regoli speċifiċi komuni li jirregolaw b'mod uniformi l-arranġamenti kollha bħal dawn fil-Komunità kollha.

(6) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni [4] jżid il-mezzi li jsostnu l-koperazzjoni territorjali Ewropea.

(7) Bl-istess mod huwa meħtieġ li tiġi ffaċilitata u segwita l-implementazzjoni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali mingħajr kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità.

(8) Sabiex jingħelbu l-ostakoli li jfixklu l-koperazzjoni territorjali, jeħtieġ li jinħoloq strument ta' koperazzjoni fil-livell Komunitarju għall-ħolqien ta' raggruppamenti koperattivi fit-territorju Komunitarju, li jkollhom personalità ġuridika, imsejħin "raggruppamenti Ewropej ta' koperazzjoni territorjali" (REKT). Ir-rikors għal REKT m'għandux ikun obbligatorju.

(9) Huwa xieraq li REKT jingħata l-kapaċità li jaġixxi f'isem il-membri tiegħu, u b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali li minnhom ikun iffurmat.

(10) Il-kompiti u l-kompetenzi ta' REKT għandhom jiġu stabbiliti f'konvenzjoni.

(11) REKT għandu jkun jista' jaġixxi, jew bl-iskop ta' l-implementazzjoni ta' programmi jew proġetti ko-finanzjati mill-Komunità, b'mod partikolari taħt il-Fondi Strutturali konformement mar- Regolament (KE) Nru 1083/2006 u mar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali [5] jew bl-iskop tat-twettiq ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni territorjali li jkunu biss l-inizjattiva ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali tagħhom kemm b'kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità kif ukoll mingħajrha.

(12) Għandu jiġi speċifikat li r-responsabbiltà finanzjarja ta' l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll dik ta' l-Istati Membri, fir-rigward ta' l-amministrazzjoni kemm tal-fondi Komunitarji kif ukoll tal-fondi nazzjonali, ma tkunx milquta mill-formazzjoni ta' REKT.

(13) Għandu jiġi speċifikat li s-setgħat eżerċitati mill-awtoritajiet reġjonali u lokali bħala awtoritajiet pubbliċi, b'mod partikolari s-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta' konvenzjoni.

(14) Huwa meħtieġ li REKT jistabbilixxi l-istatuti tiegħu u jgħammar lilu nnifsu bl-organi tiegħu stess, kif ukoll b'regoli għall-budget tiegħu u għall-eżerċizzju tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu.

(15) Il-kondizzjonijiet għall-koperazzjoni territorjali għandhom jinħolqu skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà proklamat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, billi mhuwiex obbligatorju r-rikors għal REKT, skond is-sistema kostituzzjonali ta' kull Stat Membru.

(16) It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 159 tat-Trattat ma jippermettix l-inklużjoni ta' entitajiet minn pajjiżi terzi fil-leġislazzjoni bbażata fuq dik id-dispożizzjoni. L-adozzjoni ta' miżura Komunitarja li tippermetti l-ħolqien ta' REKT m'għandhiex, madanakollu, teskludi l-possibbiltà li entitajiet minn pajjiżi terzi jipparteċipaw f'REKT iffurmat skond dan ir-Regolament fejn dan ikun permess mil-liġi ta' xi pajjiż terz jew minn xi ftehim bejn Stati Membri u pajjiżi terzi.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

In-natura ta' REKT

1. Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "REKT", jista' jiġi stabbilit fuq territorju Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet u suġġett għall-arranġamenti previsti minn dan ir-Regolament.

2. L-objettiv ta' REKT għandu jkun li jiffaċilita u jippromwovi koperazzjoni transkonfinali, trans-nazzjonali u/jew inter-reġjonali, minn hawn 'l quddiem imsejħa "koperazzjoni territorjali" bejn il-membri tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 3(1), bil-għan esklussiv li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali.

3. REKT għandu jkollu personalità ġuridika.

4. F'kull wieħed mill-Istati Membri REKT għandu jkollu l-kapaċità ġuridika l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi fil-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru. Huwa jista', b'mod partikolari, jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jimpjega persunal u jista' jkun parti fi proċedimenti legali.

Artikolu 2

Liġi applikabbli

1. REKT għandu jkun regolat minn dawn li ġejjin:

(a) dan ir-Regolament;

(b) fejn ikun espressament awtorizzat minn dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni u l-istatuti msemmija fl-Artikoli 8 u 9;

(ċ) fil-każ ta' materji li ma jkunux, jew li jkunu biss parzjalment, regolati minn dan ir-Regolament, il-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Fejn ikun meħtieġ taħt id-dritt Komunitarju jew taħt dak internazzjonali privat li tiġi stabbilita l-għażla tal-liġi li tirregola l-atti ta' REKT, REKT għandu jiġi ttrattat bħala entità ta' l-Istat Membru fejn huwa ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

2. Fejn Stat Membru jkun fih diversi entitajiet territorjali li jkollhom applikabbli r-regoli tal-liġi tagħhom stess, ir-referenza għal-liġi applikabbli taħt il-paragrafu 1(ċ) għandha tinkludi l-liġi ta' dawk l-entitajiet, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali ta' l-Istat Membru konċernat.

Artikolu 3

Il-kompożizzjoni ta' REKT

1. REKT għandu jkun magħmul minn membri, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom taħt il-liġi nazzjonali, li jappartjenu lil waħda jew iżjed mill-kategoriji li ġejjin:

(a) Stati Membri;

(b) awtoritajiet reġjonali;

(ċ) awtoritajiet lokali;

(d) korpi regolati mil-liġi pubblika fis-sens tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1 (9) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [6].

Jistgħu jkunu membri wkoll assoċjazzjonijiet li jikkonsistu minn korpi li jappartjenu lil waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji.

2. REKT għandu jkun magħmul minn membri li jinsabu fit-territorju ta' mill-inqas żewġ Stati Membri.

Artikolu 4

L-istabbiliment ta' REKT

1. Id-deċiżjoni li jiġi stabbilit REKT għandha tittieħed fuq l-inizjattiva tal-membri prospettivi tiegħu.

2. Kull membru prospettiv għandu:

(a) jinnotifika lill-Istat Membru li taħt il-liġi tiegħu huwa jkun ġie ffurmat dwar l-intenzjoni tiegħu li jipparteċipa f'REKT; u

(b) jibgħat lil dak l-Istat Membru kopja tal-konvenzjoni u l-istatuti proposti msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

3. Wara notifika taħt il-paragrafu 2 minn membru prospettiv, l-Istat Membru konċernat għandu, b'kont meħud ta' l-istruttura kostituzzjonali tiegħu, japprova l-parteċipazzjoni tal-membru prospettiv fir-REKT, sakemm huwa ma jqisx li tali parteċipazzjoni mhijiex konformi ma' dan ir-Regolament, jew mal-liġi nazzjonali, inklużi s-setgħat u d-dmirijiet tal-membru prospettiv jew li tali parteċipazzjoni mhijiex ġustifikata għal raġunijiet ta' interess pubbliku jew ta' politika pubblika ta' dak l-Istat Membru. F'tali każ, l-Istat Membru għandu jagħti dikjarazzjoni tar-raġunijiet tiegħu għar-rifjut ta' l-approvazzjoni.

Bħala regola ġenerali, l-Istat Membru għandu jasal għad-deċiżjoni tiegħu fi żmien terminu perentorju ta' tliet xhur mid-data tar-riċezzjoni ta' applikazzjoni ammissibbli skond il-paragrafu 2.

Fid-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni fir-REKT tal-membru prospettiv, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ir-regoli nazzjonali.

4. L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu n-notifiki u d-dokumenti kif stabbilit fil-paragrafu 2.

5. Il-membri għandhom jaqblu dwar il-konvenzjoni msemmija fl-Artikolu 8 u dwar l-istatuti msemmija fl-Artikolu 9 u jiżguraw konsistenza ma' l-approvazzjoni ta' l-Istati Membri skond il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

6. Kwalunkwe emenda magħmula lill-konvenzjoni u kwalunkwe emenda sostanzjali magħmula lill-istatuti għandhom jiġu approvati mill-Istati Membri skond il-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu. L-emendi sostanzjali magħmula lill-istatuti għandhom ikunu dawk li jinvolvu, direttament jew indirettament, emenda lill-konvenzjoni.

Artikolu 5

Il-ksib ta' personalità ġuridika u l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali

1. L-istatuti msemmija fl-Artikolu 9 u kwalunkwe emenda sussegwenti magħmula lilhom għandhom jiġu reġistrati u/jew pubblikati skond il-liġi nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru fejn ir-REKT konċernat ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. Ir-REKT għandu jikseb personalità ġuridika fil-jum tar-reġistrazzjoni jew pubblikazzjoni, skond liema ssir l-ewwel. Il-membri għandhom jinformaw lill-Istati Membri konċernati u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-konvenzjoni u r-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' l-istatuti.

2. Ir-REKT għandu jiżgura li, fi żmien għaxart ijiem ta' xogħol mir-reġistrazzjoni u/jew il-pubblikazzjoni ta' l-istatuti, tiġi mibgħuta talba lill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej għall-pubblikazzjoni ta' avviż fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea li jħabbar l-istabbiliment tar-REKT b'dettalji dwar l-isem, l-objettivi, il-membri u l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Artikolu 6

Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi

1. Il-kontroll ta' l-amministrazzjoni ta' fondi pubbliċi minn REKT għandu jkun organizzat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu. L-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinnomina l-awtorità kompetenti għal dan il-kompitu qabel ma jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-parteċipazzjoni fir-REKT taħt l-Artikolu 4.

2. Fejn ikun meħtieġ taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri konċernati oħrajn, l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandhom jagħmlu arranġamenti sabiex l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri konċernati oħrajn iwettqu kontrolli fit-territorju tagħhom fir-rigward ta' dawk l-atti tar-REKT li jitwettqu f'dawk l-Istati Membri u jiskambjaw l-informazzjoni xierqa kollha.

3. Il-kontrolli kollha għandhom jitwettqu skond standards ta' verifika aċċettati internazzjonalment.

4. Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3, fejn il-kompiti ta' REKT msemmija taħt l-ewwel jew it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 7(3) jinkludu azzjonijiet li huma ko-finanzjati mill-Komunità, għandha tapplika l-leġiżlazzjoni relevanti relattiva għall-kontroll ta' fondi provduti mill-Komunità.

5. L-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandu jinforma lill-Istati Membri konċernati oħrajn dwar kwalunkwe diffikultà li jkun iltaqa' magħha waqt il-kontrolli.

Artikolu 7

Kompiti

1. REKT għandu jwettaq il-kompiti mogħtija lilu mill-membri tiegħu skond dan ir-Regolament. Il-kompiti tiegħu għandhom ikunu definiti mill-konvenzjoni miftiehma mill-membri tiegħu, konformement ma' l-Artikoli 4 u 8.

2. REKT għandu jaġixxi fil-konfini tal-kompiti mogħtija lilu, li għandhom ikunu limitati għall-faċilitazzjoni u għall-promozzjoni tal-koperazzjoni territorjali sabiex tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali u għandhom jiġu determinati mill-membri tiegħu abbażi li kollha jkunu jaqgħu fil-limiti tal-kompetenza ta' kull membru taħt il-liġi nazzjonali tiegħu.

3. Speċifikament, il-kompiti ta' REKT għandhom ikunu limitati primarjament għall-implementazzjoni ta' programmi jew proġetti ta' koperazzjoni territorjali ko-finanzjati mill-Komunità, permezz tal- Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tal- Fond Soċjali Ewropew u/jew tal-Fond ta' Koeżjoni.

Ir-REKT jistgħu jwettqu azzjonijiet speċifiċi oħrajn ta' koperazzjoni territorjali bejn il-membri tagħhom sabiex jilħqu l-objettiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), kemm jekk ikollhom kontribut finanzjarju mill-Komunità u kemm jekk le.

L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kompiti li r-REKT jistgħu jwettqu mingħajr kontribut finanzjarju mill-Komunità. Madankollu, dawk il-kompiti għandhom jinkludu mill-inqas l-azzjonijiet ta' koperazzjoni elenkati taħt l-Artikolu 6 tar- Regolament (KE) Nru 1080/2006.

4. Il-kompiti mogħtija lil REKT mill-membri tiegħu ma għandhomx jikkonċernaw l-eżerċizzju ta' setgħat mogħtija mil-liġi pubblika jew ta' dmirijiet li l-objettiv tagħhom ikun li jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali ta' l-Istat jew ta' awtoritajiet pubbliċi oħrajn, bħas-setgħat tal-pulizija u dawk regolatorji, il-ġustizzja u l-politika barranija.

5. Il-membri ta' REKT jistgħu jiddeċiedu b'mod unanimu li jagħtu s-setgħa lil wieħed mill-membri sabiex jesegwixxi l-kompiti tiegħu.

Artikolu 8

Konvenzjoni

1. REKT għandu jkun iggvernat minn konvenzjoni konkluża unanimament mill-membri tiegħu skond l-Artikolu 4.

2. Il-konvenzjoni għandha tispeċifika:

(a) l-isem tar-REKT u l-uffiċċju reġistrat tiegħu, li għandu jkun fi Stat Membru li taħt il-liġijiet tiegħu mill-inqas wieħed mill-membri jkun iffurmat;

(b) il-medda tat-territorju li fih ir-REKT jista' jesegwixxi l-kompiti tiegħu;

(ċ) l-objettiv speċifiku u l-kompiti tar-REKT, it-terminu ta' żmien tiegħu u l-kondizzjonijiet li jiggvernaw ix-xoljiment tiegħu;

(d) il-lista tal-membri tar-REKT;

(e) il-liġi applikabbli għall-interpretazzjoni u l-infurzar tal-konvenzjoni, li għandha tkun il-liġi ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;

(f) l-arranġamenti xierqa għal rikonoxximent reċiproku, inklużi dawk għall-kontroll finanzjarju; u

(g) il-proċeduri għall-emendament tal-konvenzjoni, li għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 9

Statuti

1. L-istatuti ta' REKT għandhom jiġu adottati abbażi tal-konvenzjoni magħmula mill-membri tiegħu billi jaġixxu unanimament.

2. L-istatuti ta' REKT għandhom jikkontjenu, bħala minimu, id-dispożizzjonijiet kollha tal-konvenzjoni flimkien ma' dawn li ġejjin:

(a) id-dispożizzjonijiet operattivi ta' l-organi tar-REKT u l-kompetenzi tagħhom, kif ukoll in-numru ta' rappreżentanti tal-membri fl-organi relevanti;

(b) il-proċeduri tat-teħid ta' deċiżjonijiet tar-REKT;

(ċ) il-lingwa jew lingwi operattivi;

(d) l-arranġamenti għall-funzjonament tiegħu, b'mod partikolari rigward l-amministrazzjoni tal-persunal, il-proċeduri ta' reklutaġġ u n-natura tal-kuntratti tal-persunal;

(e) l-arranġamenti għall-kontributi finanzjarji tal-membri u r-regoli applikabbli tal-kontabbiltà u tal-baġit, inklużi dawk dwar kwistjonijiet finanzjarji, ta' kull wieħed mill-membri tar-REKT fir-rigward tiegħu;

(f) l-arranġamenti għar-responsabbiltà tal-membri skond l-Artikolu 12(2);

(g) l-awtoritajiet responsabbli għan-nomina ta' awdituri esterni indipendenti; u

(h) il-proċeduri għall-emendament ta' l-istatuti, li għandhom jikkonformaw ma' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5.

Artikolu 10

L-organizzazzjoni ta' REKT

1. REKT għandu jkollu mill-inqas l-organi li ġejjin:

(a) assemblea, li tkun magħmula minn rappreżentanti tal-membri tiegħu;

(b) direttur, li jirrapreżenta lir-REKT u li jaġixxi f'ismu.

2. L-istatuti jistgħu jipprovdu għal organi addizzjonali b'setgħat definiti b'mod ċar.

3. REKT għandu jkun responsabbli għall-atti ta' l-organi tiegħu fir-rigward ta' terzi, anke fejn tali atti ma jaqgħux fil-limiti tal-kompiti tar-REKT.

Artikolu 11

Baġit

1. REKT għandu jistabbilixxi baġit annwali li ġhandu jiġi adottat mill-assemblea, li jikkontjeni, b'mod partikolari, komponent dwar spejjeż ta' kuljum u, jekk meħtieġ, komponent operattiv.

2. Il-preparazzjoni tal-kontijiet tiegħu inkluż, fejn meħtieġ, ir-rapport annwali li jakkumpanjah u l-verifika u l-pubblikazzjoni ta' dawk il-kontijiet, għandhom ikunu regolati skond l-Artikolu 2(1)(ċ).

Artikolu 12

Likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u responsabbiltà

1. Fir-rigward ta' likwidazzjoni, insolvenza, waqfien ta' ħlasijiet u proċeduri simili, REKT għandu jkun regolat mil-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-paragrafi 2 u 3.

2. REKT għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu rrispettivament min-natura tagħhom.

Sa fejn l-assi ta' REKT ikunu insuffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tiegħu, il-membri tiegħu għandhom ikunu responsabbli għad-djun tar-REKT irrispettivament min-natura tagħhom, bis-sehem ta' kull membru ffissat proporzjonalment għall-kontibuzzjoni tiegħu, sakemm il-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat membru ma teskludix jew ma tillimitax ir-responsabbiltà ta' dak il-membru. L-arranġamenti għall-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu ffissati fl-istatuti.

Jekk ir-responsabbiltà ta' mill-inqas membru wieħed ta' REKT tkun limitata bħala riżultat tal-liġi nazzjonali li taħtha jkun iffurmat, il-membri l-oħra jistgħu wkoll jillimitaw ir-responsabbiltà tagħhom fl-istatuti.

Il-membri jistgħu jipprovdu fl-istatuti li huma jkunu responsabbli, wara li jkunu waqfu li jkunu membri ta' REKT, għall-obbligi li jirriżultaw minn attivitajiet tar-REKT matul l-isħubija tagħhom.

L-isem ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandu jinkludi l-kelma 'limitat'.

Il-pubblikazzjoni tal-konvenzjoni, ta' l-istatuti u tal-kontijiet ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata għandha tkun mill-inqas ugwali għal dik meħtieġa għal tipi oħra ta' entità ġuridika li l-membri tagħhom ikollhom responsabbiltà limitata iffurmati taħt il-liġijiet ta' l-Istat Membru fejn dak ir-REKT ikollu l-uffiċju reġistrat tiegħu.

Stat Membru jista' jipprojbixxi r-reġistrazzjoni fit-territorju tiegħu ta' REKT li l-membri tiegħu jkollhom responsabbiltà limitata.

3. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà finanzjarja ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' kwalunkwe finanzjament mill-Fondi Strutturali u/jew ta' Koeżjoni provduti lil REKT, l-ebda responsabbiltà finanzjarja ma għandha tirriżulta għall-Istati Membri taħt dan ir-Regolament fir-rigward ta' REKT li tiegħu huma ma jkunux membri.

Artikolu 13

Interess pubbliku

Fejn REKT iwettaq kwalunkwe attività bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' Stat Membru dwar il-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-moralità pubblika, jew bi ksur ta' l-interess pubbliku ta' Stat Membru, korp kompetenti ta' dak l-Istat Membru jista' jipprojbixxi dik l-attività fuq it-territorju tiegħu jew jeżiġi li dawk il-membri li jkunu ġew iffurmati taħt il-liġi tiegħu jirtiraw mir-REKT sakemm ir-REKT ma jieqafx mill-attività msemmija.

Tali projbizzjonijiet ma għandhomx jikkostitwixxu mezz ta' restrizzjoni arbitrarja jew moħbija fuq il-koperazzjoni territorjali bejn il-membri tar-REKT. Għandha tkun possibbli r-reviżjoni tad-deċiżjoni ta' dak il-korp kompetenti minn awtorità ġudizzjarja.

Artikolu 14

Xoljiment

1. Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar ix-xoljiment li jinsabu fil-konvenzjoni, fejn issir applikazzjoni minn kwalunkwe awtorità kompetenti b'interess leġittimu, il-qorti jew l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu għandha tordna l-istralċ tar-REKT jekk issib li r-REKT ma jkunx għadu jikkonforma aktar mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(2) jew 7 jew, b'mod partikolari, fejn ir-REKT ikun qiegħed jaġixxi barra mil-limiti tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 7. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Istati Membri kollha li taħt il-liġi tagħhom ġew iffurmati l-membri dwar kwalunkwe applikazzjoni għax-xoljiment ta' REKT.

2. Il-qorti jew l-awtorità kompetenti tista' tippermetti lir-REKT żmien sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni. Jekk ir-REKT jonqos milli jagħmel dan fiż-żmien permess, il-qorti jew l-awtorità kompetenti għandha tordna l-istralċ tiegħu.

Artikolu 15

Ġurisdizzjoni

1. It-terzi li jikkunsidraw ruħhom danneġġati mill-atti jew ommissjonijiet ta' REKT għandhom ikollhom id-dritt li jfittxu jinfurzaw ir-pretensjonijiet tagħhom permezz ta' proċess ġudizzjarju.

2. Ħlief fejn previst mod ieħor f'dan ir-Regolament, il-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ġurisdizzjoni għandha tapplika għal disputi li involvu REKT. Fi kwalunkwe każ li ma jkunx previst f'tali leġislazzjoni Komunitarja, il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru fejn ir-REKT ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

Il-qrati kompetenti għar-riżoluzzjoni ta' disputi taħt l-Artikolu 4(3) jew (6), jew taħt l-Artikolu 13 għandhom ikunu l-qrati ta' l-Istat Membru li d-deċiżjoni tiegħu tkun kontestata.

3. Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jiċħad liċ-ċittadini mill-eżerċizzju tad-drittijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom ta' appell kontra korpi pubbliċi li jkunu membri ta' REKT fir-rigward ta':

(a) deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' attivitajiet li jkunu qegħdin jitwettqu minn REKT;

(b) aċċess għal servizzi fil-lingwa tagħhom stess; u

(ċ) aċċess għal informazzjoni.

F'dawn il-każijiet il-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk ta' l-Istat Membru li taħt il-kostituzzjoni tiegħu jirriżultaw id-drittijiet ta' appell.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finali

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawk id-dispożizzjonijiet li jkunu adegwati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Fejn ikun meħtieġ taħt it-termini tal-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat Membru, Stat Membru jista' jistabbilixxi lista komprensiva tal-kompiti li l-membri ta' REKT, fis-sens ta' l-Artikolu 3(1), iffurmati taħt il-liġijiet tiegħu diġà jkollhom, sa fejn tkun konċernata l-koperazzjoni territorjali f'dak l-Istat Membru.

L-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn kif meħtieġ dwar kwalunkwe dispożizzjoni adottata taħt dan l-Artikolu.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-ħlas ta' onorarji in konnessjoni mar-reġistrazzjoni tal-konvenzjoni u ta' l-istatuti. Dawk l-onorarji ma jistgħux, madankollu, jeċċedu l-ispiża amministrattiva tagħhom.

Artikolu 17

Rapport u klawsola ta' reviżjoni

Sa l- 1 ta' Awwissu 2011, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-proposti għal emendi, fejn ikun xieraq.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill- 1 ta' Awwissu 2007, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 16, li għandu japplika mill- 1 ta' Awwissu 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar il- 5 ta' Lulju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

P. Lehtomaki

[1] ĠU C 255, 14.10.2005, p. 76.

[2] ĠU C 71, 22.3.2005, p. 46.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat- 12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 4 ta' Lulju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[6] ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2083/2005 (ĠU L 333, 20.12.2005, p. 28).

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet