32006R1080


Titolu u referenza

Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

 ĠU L 210, 31.7.2006, p. 1–11 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 14 Volume 01 P. 236 - 246
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 14 Volume 01 P. 236 - 246

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 5 ta' Lulju 2006

dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 162 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi,

(1) L-Artikolu 160 tat-Trattat jipprovdi li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) huwa maħsub sabiex jgħin fil-korrezzjoni ta' l-iżbilanċi reġjonali ewlenin li hemm fil-Komunità. Il-FEŻR għalhekk jikkontribwixxi sabiex inaqqas id-distakk bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-miżura li fiha qegħdin jaqgħu lura r-reġjuni l-anqas żvantaġġati, inklużi żoni rurali u urbani, reġjuni industrijali fi stat ta' deklin, żoni bi żvantaġġ ġeografiku jew naturali, bħal gżejjer, żoni muntanjużi, żoni b'popolazzjoni baxxa u reġjuni fil-fruntieri,.

(2) Id-dispożizzjonijiet li huma komuni għall-Fondi Strutturali u l-Fond ta' Koeżjoni huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond ta' Koeżjoni [4]. Għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għamla ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FEŻR taħt l-objettivi definiti f'dak ir-Regolament.

(3) Il-FEŻR għandu jipprovdi għajnuna fi ħdan il-qafas ta' strateġija globali għall-politika ta' koeżjoni li tiżgura konċentrazzjoni akbar ta' għajnuna fuq il-prijoritajiet tal-Komunità.

(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jipprovdi li regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-FEŻR.

(5) Fi ħdan il-qafas ta' operazzjoni integrata ta' żvilupp urban, huwa meqjus meħtieġ li jiġu sostnuti azzjonijiet limitati għar-rinnovament ta' l-akkomodazzjoni f'żoni li jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorazzjoni fiżika u esklużjoni soċjali fl-Istati Membri li aderixxu ma' l-Unjoni Ewropea fl- 1 ta' Mejju 2004 jew wara.

(6) Jeħtieġ li jiġi stabbilit li l-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-ispiża ta' akkomodazzjoni għandha tikkonċerna l-provvista ta' akkomodazzjoni ta' kwalità tajba għal gruppi bi dħul aktar baxx, inkluż stokk ta' akkomodazzjoni reċentement privatizzat, kif ukoll akkomodazzjoni għal gruppi soċjali vulnerabbli.

(7) L-implementazzjoni effiċjenti u effikaċi ta' l-azzjoni sostnuta mill-FEŻR tiddependi fuq tmexxija tajba u sħubija fost l-imsieħba territorjali u soċjo-ekonomiċi relevanti, u b'mod partikolari awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll kwalunkwe korp adatt ieħor matul l-istadji varji ta' l-implementazzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR.

(8) L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali matul id-diversi stadji ta' l-implementazzjoni tal-programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR.

(9) Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza u s-saħħiet ta' l-inizjattiva tal-Komunità URBAN prevista fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal- 21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [5], l-iżvilupp urban sostenibbli għandu jissaħħaħ billi jiġu integrati b'mod sħiħ miżuri f'dak il-qasam fi programmi operattivi ko-finanzjati mill-FEŻR, waqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp lokali u lil inizjattivi ta' impjieg u l-potenzjal tagħhom għal innovazzjoni.

(10) Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex jiġu żgurati l-komplementarjetà u l-konsistenza ma' linji politiċi Komunitarji oħrajn, u b'mod partikolari mas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka, għall-iżvilupp teknoloġiku u għal attivitajiet ta' dimostrazzjoni u l-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm sinerġija bejn is-sostenn mogħti mill-FEŻR, minn naħa waħda, u dak mogħti mill-Fond Soċjali Ewropew skond ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew [6], il-Fond ta' Koeżjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 tal- 11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni [7], il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l- 20 ta' Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEIR) [8] u Fond Ewropew għas-Sajd, min-naħa l-oħra.

(11) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-azzjonijiet sostnuti mill-FEŻR favur impriżi żgħar u ta' daqs medju jieħdu kont u jsostnu l-implementazzjoni tal-Karta Ewropea għall-Impriżi Żgħar adottata mill-Kunsill ta' l-Ewropa ta' Santa Maria da Feira fid- 19 u 20 ta' Ġunju 2000.

(12) Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni l-aktar estremi, bl-estensjoni, fuq bażi eċċezzjonali, tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FEŻR għall-finanzjament ta' l-għajnuna operattiva marbuta mal-kumpens ta' spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali speċifika tagħhom, milquta min-natura remota, insulari, ċkejkna, topografikament u klimatikament diffiċli tagħhom u mid-dipendenza ekonomika tagħhom fuq ftit prodotti, fatturi li l-permanenza u l-kombinazzjoni tagħhom jostakolaw severament l-iżvilupp ta' tali reġjuni. Tali miżuri speċifiċi jeħtieġu l-użu ta' l-Artikolu 299(2) tat-Trattat bħala bażi legali.

(13) Il-FEŻR għandu jindirizza l-problemi ta' aċċessibbiltà u tad-distanza kbira minn swieq kbar li qed jiffaċċaw dawk l-inħawi li għandhom densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 6 dwar dispożizzjonjiet speċjali għall-Objettiv 6 fil-qafas tal-Fondi Strutturali fil-Finlandja u fl-Isvezja ma' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994. Il-FEŻR għandu jindirizza wkoll id-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw ċerti gżejjer, żoni muntanjużi, reġjuni fil-fruntieri u żoni b'popolazzjoni baxxa li s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom tnaqqas il-pass ta' l-iżvilupp tagħhom bil-ħsieb li jiġi sostnut l-iżvilupp sostenibbli tagħhom.

(14) Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi rigward il-programmazzjoni, l-amministrazzjoni, il-monitoraġġ u l-kontroll tal-programmi operattivi taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea.

(15) Huwa meħtieġ li tiġi sostnuta koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali effettiva ma' pajjiżi ġirien tal-Komunità fejn din tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li r-reġjuni ta' l-Istati Membri li jmissu ma' pajjiżi terzi jkunu jistgħu jiġu assistiti b'mod effettiv fl-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li jiġi awtorizzat fuq bażi eċċezzjonali l-finanzjament ta' għajnuna mill-FEŻR għal proġetti li jinsabu fit-territorju ta' pajjiżi terzi fejn dawn ikunu ta' ġid għar-reġjuni tal-Komunità.

(16) Fl-interessi taċ-ċarezza, ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat- 12 ta' Lulju 1999 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali [9] għandu għalhekk jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kompiti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), l-ambitu ta' l-għajnuna tiegħu rigward l-objettivi tal-Konverġenza, tal-"Kompetittività reġjonali u l-impjiegi", u tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea kif definiti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u r-regoli dwar l-eliġibbiltà għall-għajnuna.

2. Il-FEŻR huwa regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Għan

Skond l-Artikolu 160 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-għajnuna li timmira għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta' sostenn għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta' l-ekonomiji reġjonali, inklużi l-konversjoni ta' reġjuni industrijali fi stat ta' deklin u reġjuni li baqgħu lura, u sostenn għall-koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali.

Waqt li jagħmel dan, il-FEŻR għandu jagħti effett lill-prijoritajiet tal-Komunità, u b'mod partikolari l-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni, li jinħolqu u jiġu salvagwardjati impjiegi sostenibbli, u li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.

Artikolu 3

L-ambitu ta' l-għajnuna

1. Il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq prijoritajiet tematiċi. It-tip u l-firxa ta' azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati f'kull prijorità għandhom jirriflettu n-natura differenti ta' l-objettivi tal-Konverġenza, tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi u tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea skond l-Artikoli 4, 5 u 6.

2. Il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta':

(a) investiment produttiv li jikkontribwixxi għall-ħolqien u s-salvagwardja ta' impjiegi sostenibbli, primarjament permezz ta' għajnuna diretta għall-investiment primarjament f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

(b) investiment fl-infrastruttura;

(ċ) żvilupp ta' potenzjal endoġenu b'miżuri li jsostnu l-iżvilupp reġjonali u lokali. Dawn il-miżuri jinkludu sostenn għall-impriżi u l-għoti ta' servizzi lill-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs, il-ħolqien u l-iżvilupp ta' strumenti ta' finanzjament bħal kapital ta' riskju, fondi ta' self u ta' garanzija, fondi għall-żvilupp lokali, sussidji fuq l-interess, networking, koperazzjoni u skambju ta' esperjenzi bejn ir-reġjuni, l-ibliet, u l-atturi soċjali, ekonomiċi u ambjentali relevanti;

(d) għajnuna teknika kif imsemmija fl-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Il-firxa ta' investimenti u miżuri elenkati hawn fuq taħt (a) sa (d) għandhom ikunu disponibbli sabiex jiġu implementati l-prijoritajiet tematiċi skond l-Artikoli 4, 5 u 6.

Artikolu 4

Konverġenza

Taħt l-objettiv tal-"Konverġenza", il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq is-sostenn ta' l-iżvilupp ekonomiku, reġjonali u lokali, sostenibbli u integrat u ta' l-impjiegi billi jimmobilizza u jsaħħaħ il-kapaċità endoġenika bi programmi operattivi mmirati lejn il-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni ta' strutturi ekonomiċi, u l-ħolqien u s-salvgawardja ta' impjiegi sostenibbli. Dan għandu jintlaħaq primarjament permezz tal-prijoritajiet li ġejjin, bit-taħlita preċiża tal-linji politiċi tiddependi mill-elementi speċifiċi ta' kull Stat Membru:

1) ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (R&ŻT), l-innovazzjoni u l-imprenditorija, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku, u l-integrazzjoni tagħhom fil-Qasam tar-Riċerka Ewropea, inkluż l-infrastrutturi; l-għajnuna lir-R&ŻT b'mod partikolari fl-SMEs u t-trasferiment ta' teknoloġija; it-titjib ta' rabtiet bejn l-SMEs, l-istituzzjonijiet ta' l-edukazzjoni terzjarja, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u ċ-ċentri ta' riċerka u teknoloġija, l-iżvilupp ta' networks kummerċjali; is-sħubiji u gruppi magħmulin mis-settur pubbliku u dak privat; is-sostenn għall-provvista ta' servizzi kummerċjali u teknoloġiċi lil gruppi ta' SMEs; it-tkattir ta' l-imprenditorija u l-finanzjament ta' innovazzjoni għall-SMEs permezz ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja;

2) is-soċjetà ta' l-informazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, kontenut lokali, servizzi u applikazzjonijiet, titjib fl-aċċess protett għal servizzi pubbliċi on-line u fl-iżvilupp tagħhom, għajnuna u servizzi lill-SMEs sabiex jadottaw u jużaw b'mod effettiv it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni (TIK) jew sabiex jisfruttaw ideat ġodda;

3) inizjattivi ta' żvilupp lokali u għajnuna għal strutturi li jipprovdu servizzi ta' viċinat sabiex jinħolqu impjiegi ġodda, fejn tali azzjonijiet ikunu barra l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

4) l-ambjent, inklużi investimenti marbutin mal-provvisti ta' l-ilma, l-immaniġġar ta' l-ilma u l-iskart; it-trattament ta' l-ilma maħmuġ u l-kwalità ta' l-arja; il-prevenzjoni, il-kontroll u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni; il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż; għajnuna sabiex jiġu mmitigati l-effetti tal-bidla fil-klima; ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku inkluż siti u art kontaminati u l-iżvilupp mill-ġdid ta' l-art abbandunata; il-promozzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni tan-natura, inklużi investimenti fis-siti ta' NATURA 2000; għajnuna lill-SMEs sabiex jippromwovu mudelli ta' produzzjoni sostenibbli bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' maniġġar ambjentali li jkunu effikaċi vis-à-vis l-ispiża tagħhom u l-adozzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ta' prevenzjoni tat-tniġġiż;

5) il-prevenzjoni ta' riskji, inkluż l-iżvilupp u l-implementazzjoni ta' pjanijiet sabiex jiġu prevenuti u kontrollati riskji naturali u teknoloġiċi;

6) it-turiżmu, inkluża il-promozzjoni ta' assi naturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli; il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp soċjo-ekonomiku; għajnuna sabiex titjieb il-provvista tas-servizzi tat-turiżmu b'servizzi ta' valur miżjud ogħla u sabiex jiġu sostnuti xejriet ġodda u aktar sostenibbli ta' turiżmu;

7) investimenti fil-kultura, inklużi l-protezzjoni, il-promozzjoni u l-preżervazzjoni tal-wirt kulturali; l-iżvilupp ta' l-infrastruttura kulturali bħala sostenn għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku, għat-turiżmu sostenibbli u għat-titjib ta' l-attrazzjoni reġjonali; u għajnuna għat-titjib tal-provvista ta' servizzi kulturali permezz ta' servizzi ġodda ta' valur miżjud ogħla;

8) investimenti fit-trasport, inkluż titjib f'retikolati trans-Ewropej u konnessjonijiet mar-retikolat RTE-T (Retikolat trans-Ewropew tat-trasport); strateġiji integrati għal trasport nadif li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-aċċess għal u l-kwalità tas-servizzi tal-passiġġieri u l-merkanzija, sabiex tintlaħaq qasma modali aktar bilanċjata sabiex jiġu promossi sistemi intermodali u jitnaqqsu l-impatti ambjentali;

9) investimenti fl-enerġija, inkluż titjib f'retikolati trans-Ewropej, li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà tal-provvista, l-integrazzjoni ta' konsiderazzjonijiet ambjentali, it-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-iżvilupp ta' enerġiji rinovabbli;

10) investimenti fl-edukazzjoni, inklużi dawk fit-taħriġ vokazzjonali, li jikkontribwixxu għat-titjib ta' l-attrazzjoni u l-kwalità tal-ħajja;

11) l-investimenti fl-infrastruttura tas-saħħa u dik soċjali li jikkontribwixxu għal żvilupp reġjonali u lokali u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja.

Artikolu 5

Kompetittività reġjonali u impjiegi

Taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu, fil-kuntest ta' strateġiji ta' żvilupp sostenibbli, filwaqt li jippromwovi l-impjieg, primarjament fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

1) l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-konoxxenza, anke permezz tal-ħolqien u t-tisħiħ ta' ekonomiji ta' innovazzjoni reġjonali effiċjenti, relazzjonijiet sistemiċi bejn is-setturi privat u pubbliku, l-universitajiet u ċ-ċentri tat-teknoloġija li jieħdu kont tal-ħtiġijiet lokali, u b'mod partikolari:

(a) it-tisħiħ tar-R&ŻT reġjonali u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni marbutin direttament ma' l-objettivi ta' żvilupp ekonomiku reġjonali billi jiġu sostnuti ċentri ta' kompetenza speċifikament ta' l-oqsma ta' l-industrija jew tat-teknoloġika, billi jiġu promossi r-R&ŻT industrijali, l-SMEs u t-trasferiment tat-teknoloġija, u billi jiġu żviluppati l-previżjonijiet teknoloġiċi u l-benchmarking internazzjonali ta' linji politiċi għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u billi jiġu sostnuti l-kollaborazzjoni bejn l-impriżi u l-linji politiċi konġunti dwar ir-R&ŻT u l-innovazzjoni;

(b) l-istimulazzjoni ta' l-innovazzjoni u ta' l-intraprenditorija fis-setturi kollha ta' l-ekonomija reġjonali u lokali billi tiġi sostnuta l-introduzzjoni ta' prodotti, proċessi u servizzi, ġodda jew imtejba, fis-suq, billi jiġu sostnuti networks u gruppi tal-kummerċ, billi jittejjeb għall-SMEs l-aċċess għall-finanzjament; billi jiġu promossi ta' koperazzjoni bejn l-intrapriżi u l-edukazzjoni terzjarja u l-istituti ta' riċerka, billi jiġi faċilitat għall-SMEs l-aċċess għal servizzi ta' sostenn għall-kummerċ, u billi tiġi sostnuta l-integrazzjoni ta' teknoloġiji aktar nodfa u innovattivi fl-SMEs;

(ċ) il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija b'mod partikolari billi jiġi faċilitat l-isfruttament ekonomiku ta' ideat ġodda, u billi jitkattar il-ħolqien ta' impriżi ġodda mill-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u ta' riċerka adatti u impriżi eżistenti;

(d) il-ħolqien ta' strumenti ta' inġinerija finanzjarja u faċilitajiet ta' inkubazzjoni li jwasslu għall-kapaċità ta' l-iżvilupp ta' riċerka u teknoloġika ta' l-SMEs u għall-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija u l-formazzjoni ta' ditti ġodda, speċjalment SMEs ta' konoxxenza intensiva;

2) l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju, u b'mod partikolari:

(a) l-istimolu ta' investiment għar-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, inklużi siti u artijiet kontaminati, deżertifikati u siti u art abbandunati;

(b) il-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-infrastruttura marbut mal-bijodiversità u investimenti f'siti tan-NATURA 2000, fejn dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u/jew għad-diversifikazzjoni ta' żoni rurali;

(ċ) l-istimolu ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u l-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli u l-iżvilupp ta' sistemi effiċjenti ta' maniġġar ta' enerġija;

(d) il-promozzjoni ta' trasport pubbliku nadif u sostenibbli, b'mod partikolari f'żoni urbani;

(e) l-iżvilupp ta' pjanijiet u miżuri li jipprevjenu u jikkontrollaw riskji naturali (p.e. deżertifikazzjoni, nixfa, nirien u għargħar) u riskji teknoloġiċi;

(f) il-protezzjoni u t-tisħiħ tal-wirt naturali u kulturali b'sostenn ta' l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u l-promozzjoni ta' assi naturali u kulturali bħala potenzjal għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli;

3) l-aċċess għal servizzi tat-trasport u tat-telekommunikazzjoni ta' interess ekonomiku ġenerali, u b'mod partikolari:

(a) it-tisħiħ ta' retikolati sekondarji billi jittejbu l-kollegamenti mar-retikolati RTE-T, maċ-ċentri tal-ferroviji, l-ajruporti u l-portijiet jew ma' pjattaformi multimodali reġjonali li jipprovdu kollegamenti radjali mal-linji tal-ferroviji ewlenin u jippromwovu l-passaġġi ta' l-ilma interni reġjonali u lokali, u l-attività merkantili fuq distanzi qosra;

(b) il-promozzjoni ta' l-aċċess għal, l-adozzjoni, u l-użu effiċjenti tat-TIK mill-SMEs billi jkun sostnut l-aċċess għar-retikolati, it-twaqqif ta' punti pubbliċi ta' aċċess għall-Internet, it-tagħmir, u l-iżvilupp ta' servizzi u applikazzjonijiet, inkluż, b'mod partikolari, l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-intrapriżi żgħar ħafna u għal dawk tas-snajja'.

Addizzjonalment, għal programmi operattivi sostnuti mill-FEŻR fir-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament speċifiku u transizzjonali msemmi fl-artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li jestendu s-sostenn għall-prijoritajiet imsemmijin fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament .

Artikolu 6

Koperazzjoni territorjali Ewropea

Taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, il-FEŻR għandu jiffoka l-għajnuna tiegħu fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

1) l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali ekonomiċi, soċjali u ambjentali permezz ta' strateġiji konġunti għal żvilupp territorjali sostenibbli, u primarjament:

(a) bl-inkoraġġiment ta' l-intraprenditorija, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' l-SMEs, it-turiżmu, il-kultura, u l-kummerċ trans-konfinali;

(b) bl-inkoraġġiment u t-titjib tal-protezzjoni u l-ġestjoni konġunti ta' riżorsi naturali u kulturali, kif ukoll bil-prevenzjoni ta' riskji ambjentali u teknoloġiċi;

(ċ) bis-sostenn ta' kollegamenti bejn żoni urbani u rurali;

(d) billi jitnaqqas l-iżolament permezz ta' aċċess imtejjeb għat-trasport, għan-networks u għas-servizzi ta' informazzjoni u komunikazzjoni, għall-ilma trans-konfinali, u għal sistemi u faċilitajiet ta' skart u enerġija;

(e) bl-iżvilupp tal-kollaborazzjoni, tal-kapaċità u ta' l-użu konġunt ta' infrastrutturi b'mod partikolari f'setturi bħal dawk tas-saħħa, tal-kultura, tat-turiżmu u ta' l-edukazzjoni.

Addizzjonalment, il-FEŻR jista' jikkontribwixxi fil-promozzjoni tal-koperazzjoni ġudizzjarja u amministrattiva, ta' l-integrazzjoni tas-swieq tax-xogħol trans-konfinali, ta' l-inizjattivi lokali għall-impjiegi, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, tat-taħriġ u ta' l-inklużjoni soċjali, u tal-kondiviżjoni tar-riżorsi umani u tal-faċilitajiet għar-R&ŻT.

Fir-rigward tal-Programm PEACE bejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontej fuq il-fruntieri ta' l-Irlanda kif previst taħt il-paragrafu 22 ta' l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu, addizzjonalment għall-azzjonijiet imsemmijin hawn fuq, jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta' l-istabbiltà soċjali u ekonomika fir-reġjuni konċernati, partikolarment permezz ta' azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koeżjoni bejn il-komunitajiet;

2) l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' koperazzjoni transnazzjonali, inkluża koperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi mhux koperti taħt il-punt (1), permezz ta' finanzjament ta' networks u ta' azzjonijiet li jwasslu għal żvilupp territorjali integrat, b'konċentrazzjoni primarjament fuq l-oqsma prijoritarji li ġejjin:

(a) innovazzjoni: il-ħolqien u l-iżvilupp ta' networks xjentifiċi u teknoloġiċi, u t-tisħiħ tar-R&ŻT reġjonali u l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni, fejn dawn jagħtu kontribut dirett għall-iżvilupp ekonomiku bilanċjat ta' żoni transnazzjonali. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: l-istabbiliment ta' networks bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni terzjarja u ta' riċerka u SMEs; kollegamenti sabiex jitjiebu l-aċċess għall-konoxxenza teknoloġika u t-trasferiment ta' teknoloġiji bejn faċilitajiet tar-R&ŻT u ċentri internazzjonali ta' eċċellenza fir-R&ŻT; il-ġemellaġġ ta' istituzzjonijiet ta' trasferiment ta' teknoloġija; u żvilupp ta' strumenti konġunti ta' inġinerija finanzjarja diretti lejn is-sostenn għar-R&ŻT fl-SMEs;

(b) ambjent: maniġġar ta' l-ilma, effiċjenza ta' l-enerġija, attivitajiet ta' prevenzjoni ta' riskju u ta' protezzjoni ambjentali b'dimensjoni transnazzjonali ċara. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: il-protezzjoni u l-ġestjoni ta' baċini ta' xmajjar, żoni kostali, riżorsi marini, servizzi ta' l-ilma u oqsma taħt l-ilma; il-prevenzjoni ta' nirien, nixfat u għargħar; il-promozzjoni tas-sigurtà marittima u l-protezzjoni kontra riskji naturali u teknoloġiċi; u protezzjoni u tisħiħ tal-wirt naturali b'sostenn għal żvilupp soċjo-ekonomiku u turiżmu sostenibbli;

(ċ) aċċessibbiltà: attivitajiet li jtejbu l-aċċess għas-servizzi ta' trasport u telekomunikazzjoni, u l-kwalità tagħhom, fejn dawn ikollhom dimensjoni transnazzjonali ċara. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: investimenti f'sezzjonijiet trans-konfinali tan-networks trans-Ewropej; titjib fl-aċċess lokali u reġjonali għal networks nazzjonali u transnazzjonali; tisħiħ ta' l-interoperabbiltà tas-sistemi nazzjonali u reġjonali; u l-promozzjoni ta' tekonoloġiji avvanzati tal-komunikazzjoni u l-informazzjoni;

(d) żvilupp urban sostenibbli: tisħiħ ta' l-iżvilupp poliċentriku fil-livelli transnazzjonali, nazzjonali u reġjonali, b'impatt transnazzjonali ċar. L-azzjonijiet jistgħu jinkludu: il-ħolqien u t-titjib ta' networks urbani u kollegamenti urbani-rurali; strateġiji sabiex jiġu trattati kwistjonijiet komuni urbani-rurali; il-preżervazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt kulturali, u l-integrazzjoni strateġika ta' żoni ta' żvilupp fuq bażi transnazzjonali.

L-għajnuna għall-koperazzjoni bilaterali bejn reġjuni marittimi tista' tiġi estiża għall-prijoritajiet imsemmijin fil-punt (1);

3) tisħiħ ta' l-effikaċja tal-politika reġjonali bil-promozzjoni ta':

(a) koperazzjoni inter-reġjonali li tiffoka fuq l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-konoxxenza u l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskju fis-sens tal-punti (1) u (2) ta' l-Artikolu 5;

(b) skambji ta' esperjenza dwar l-identifikazzjoni, it-trasferiment u d-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattika inkluża dik fl-iżvilupp urban sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 8; u

(ċ) azzjonijiet li jinvovlu studji, ġbir ta' data, u l-osservazzjoni u l-analiżi ta' xejriet ta' żvilupp fil-Komunità.

Artikolu 7

L-eliġibbiltà ta' l-infiq

1. L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEŻR:

(a) l-interess fuq id-dejn;

(b) ix-xiri ta' art għal ammont ogħla minn 10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-azzjoni konċernata. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, tista' tiġi permessa perċentwali ogħla mill-awtorità ta' ġestjoni għal operazzjonijiet relatati mal-konservazzjoni ta' l-ambjent;

(ċ) id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari;

(d) it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rikuperabbli.

2. L-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandu jkun eliġibbli biss għal dawk l-Istati Membri li jaderixxu ma' l-Unjoni Ewropea fl- 1 ta' Mejju 2004 jew wara u fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(a) l-infiq għandu jiġi pprogrammat fil-qafas ta' operazzjoni ta' żvilupp urban integrata jew ta' assi prijoritarju għal żoni li jkunu jinsabu għaddejjin jew mheddin minn deterjorament fiżiku u esklużjoni soċjali;

(b) l-allokazzjoni għall-infiq fuq l-akkomodazzjoni għandha tkun massimu ta' 3 % ta' l-allokazzjoni tal-FEŻR lill-programmi operattivi konċernati jew 2 % ta' l-allokazzjoni totali tal-FEŻR;

(ċ) l-infiq għandu jkun limitat għal:

- akkomodazzjoni għal aktar minn familja waħda, jew

- bini li jkun il-proprjetà ta' awtoritajiet pubbliċi jew ta' operaturi li joperaw mingħajr skop ta' profitt għal użu bħala akkomodazzjoni maħsub għal familji bi dħul baxx jew għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista ta' kriterji meħtieġa sabiex jiġu determinati l-oqsma msemmijin taħt il-punt (a) u l-lista ta' interventi eliġibbli skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

3. Ir-regoli ta' eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 għandhom japplikaw għal azzjonijiet ko-finanzjata mill-FEŻR li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR IT-TRATTAMENT TA' KARATTERISTIĊI TERRITORJALI PARTIKOLARI

Artikolu 8

Żvilupp urban sostenibbli

Addizzjonalment għall-attivitajiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, fil-każ ta' azzjoni li tkun tinvolvi żvilupp urban sostenibbli kif imsemmi fl-Artikolu 37(4) a) tar-Regolament (KE) (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR jista', fejn ikun il-każ, isostni l-iżvilupp ta' strateġiji parteċipattivi, integrati u sostenibbli sabiex tiġi trattata l-konċentrazzjoni għolja ta' problemi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li tkun qed tolqot iż-żoni urbani.

Dawn l-istrateġiji għandhom jippromwovu żvilupp urban sostenibbli permezz ta' attivitajiet bħal: it-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, ir-riabilitazzjoni ta' l-ambjent fiżiku, l-iżvilupp mill-ġdid ta' art abbandunata, il-preżervazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt naturali u kulturali, il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija, l-impjiegi lokali u l-iżvilupp komunitarju, u l-provvista ta' servizzi lill-popolazzjoni waqt li jittieħed kont ta' l-istrutturi demografiċi li jinbidlu.

B'deroga mill-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, u fejn dawn l-attivitajiet ikunu implementati permezz ta' programm operattiv speċifiku jew ta' assi prijoritarju fi ħdan programm operattiv, il-finanzjament mill-FEŻR ta' miżuri taħt l-objettiv tal-Kompetittività Reġjonali u Impjiegi li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 jista' jittella' għal 15 % tal-programm jew ta' l-assi prijoritarju konċernati.

Artikolu 9

Koordinazzjoni mal-FAEŻR u l-FES

Fejn programm operattiv sostnut mill-FEŻR jimmira lejn operazzjonijiet li jkunu eliġibbli wkoll taħt strument ta' sostenn ieħor Komunitarju, inklużi l-Assi 3 tal-FAEŻR (Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) u l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tas-sajd kostali taħt il-FES (Fond Ewropew għas-Sajd), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f'kull programm operattiv il-kriterji tad-demarkazzjoni għall-operazzjonijiet sostnuti mill-FEŻR u dawk sostnuti mill-istrumenti Komunitarji l-oħra ta' sostenn.

Artikolu 10

Żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali

Il-programmi reġjonali ko-finanzjati mill-FEŻR li jkopru żoni bi żvantaġġi ġeografiċi u naturali kif imsemmi fil-punt (f) ta' l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1083/2006, għandhom jagħtu attenzjoni partikolari sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi ta' dawk iż-żoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 5, il-FEŻR jista' jikkontribwixxi b'mod partikolari lejn il-finanzjament ta' investimenti maħsubin sabiex itejbu l-aċċessibbiltà, jippromwovu u jiżviluppaw attivitajiet ekonomiċi marbutin mal-wirt kulturali u naturali, jippromwovu l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, u jinkoraġġixxu turiżmu sostenibbli.

Artikolu 11

Ir-reġjuni l-aktar estremi

1. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika msemmija fil-paragrafu 20 ta' l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, għandha tiġi użata sabiex tpatti għall-ispejjeż addizzjonali marbutin ma' l-iżvantaġġi definiti fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat tal-KE magħmulin fir-reġjuni l-aktar estremi fis-sostenn ta':

(a) il-prijoritajiet imsemmijin fl-Artikoli 4 u/jew 5 skond il-każ;

(b) is-servizzi ta' ġarr ta' merkanzija u l-għajnuna sabiex jinbdew servizzi tat-trasport;

(ċ) l-operazzjonijiet marbutin ma' restrizzjonijiet ta' ħażna, ta' daqs eċċessiv u tal-manutenzjoni ta' għodod tal-produzzjoni, u man-nuqqas tal-kapital uman fis-suq tax-xogħol lokali.

2. L-allokazzjoni addizzjonali speċifika tista', fil-limiti ta' l-ambitu ta' l-Artikolu 3, tiffinanzja spejjeż ta' investimenti. Addizzjonalment, l-allokazzjoni addizzjonali speċifika għandha tintuża sa minimu ta 50 % sabiex tgħin fil-finanzjament ta' għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri obbligi tas-servizz pubbliku u kuntratti fir-reġjuni l-aktar estremi.

3. L-ammont li għalih tapplika r-rata ta' ko-finanzjament għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1 magħmula mill-benefiċjarju fil-każ ta' l-għajnuna operattiva u ta' nfiq li jkopri l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kuntratti biss, u tista' tkopri l-ispejjeż totali eliġibbli fil-każ ta' infiq għall-investiment.

4. Il-finanzjament taħt dan l-Artikolu ma jistax jintuża sabiex isostni:

(a) operazzjonijiet li jinvolvu prodotti li jaqgħu fl-Anness I mat-Trattat;

(b) għajnuniet għat-trasport ta' persuni awtorizzati taħt l-Artikolu 87(2)(a) tat-Trattat;

(ċ) eżenzjonijiet mit-taxxa u eżenzjonijiet minn ħlasijiet soċjali.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI DWAR L-OBJETTIV TAL-KOPERAZZJONI TERRITORJALI EWROPEA

TAQSIMA 1

Programmi operattivi

Artikolu 12

Kontenut

Kull programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandu jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

1) analiżi tas-sitwazzjoni tal-qasam ta' koperazzjoni f'termini ta' punti ta' forza u ta' dgħjufija u l-istrateġija magħżula bħala reazzjoni;

2) lista taż-żoni eliġibbli fi ħdan il-qasam tal-programm inklużi, fir-rigward tal-programmi għall-koperazzjoni trans-konfinali, l-oqsma ta' flessibbiltà kif imsemmija fl-Artikolu 21(1);

3) ġustifikazzjoni tal-prijoritajiet magħżulin b'rigward għal-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni, għall-qafas strateġiku nazzjonali ta' referenza fejn l-Istati Membri għażlu li jinkludu fiha azzjonijiet finanzjati taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni territorjali Ewropea, u għar-riżultati mill-valutazzjoni ex ante msemmija fl-Artikolu 48(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

4) informazzjoni dwar l-assi prijoritarju u l-miri speċifiċi tagħhom. Dawk il-miri għandhom jiġu kwantifikati bl-użu ta' numru limitat ta' indikaturi għall-output u għar-riżultati, b'kont meħud tal-prinċipju ta' proporzjonalità. L-indikaturi għandhom jagħmluha possibbli li jitkejjel il-progress imqabbel mas-sitwazzjoni bażilari u mal-kisba tal-miri ta' l-assi prijoritarju;

5) għall-finijiet ta' informazzjoni biss, tqassim indikattiv skond il-kategorija ta' l-użu programmat tal-kontribuzzjoni mill-FEŻR għall-programm operattiv skond ir-regoli ta' implementazzjoni adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

6) pjan finanzjarju singolu, bla ebda tqassim skond l-Istati Membri, li jkun fih żewġ tabelli:

(a) tabella li tqassam għal kull sena, skond l-Artikoli 52, 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali maħsuba għall-kontribuzzjoni mill-FEŻR. Il-kontribuzzjoni totali tal-FEŻR mogħtija għal kull sena għandha tkun kompatibbli mal-qafas finanzjarju applikabbli;

(b) tabella li tispeċifika, għall-perjodu sħiħ ta' programmazzjoni, għall-programm operattiv u għal kull assi prijoritarju, l-ammont ta' l-approprjazzjoni finanzjarja totali tal-kontribuzzjoni Komunitarja u l-kontropartijiet nazzjonali, u r-rata tal-kontribuzzjoni tal-FEŻR. Fejn, skond l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-kontroparti nazzjonali tkun magħmula minn nefqa pubblika u privata, it-tabella għandha tagħti t-tqassim indikattiv bejn il-komponent pubbliku tan-nefqa u dak privat. Fejn skond dak l-Artikolu, il-kontroparti nazzjonali tkun magħmula minn nefqa pubblika, it-tabella għandha tindika l-ammont tal-kontribuzzjoni pubblika nazzjonali;

7) informazzjoni dwar il-komplementarjetà ma' miżuri finanzjati mill-FAEŻR u dawk finanzjati mill-FES, fejn relevanti;

8) id-dispożizzjonijiet implementattivi għall-programm operattiv, inklużi:

(a) in-nomina mill-Istati Membri ta' l-awtoritajiet kollha msemmija fl-Artikolu 14;

(b) deskrizzjoni tas-sistemi ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni;

(ċ) informazzjoni dwar il-korp kompetenti sabiex jirċievi l-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni u l-korp jew il-korpi responsabbli sabiex jagħmlu ħlasijiet lill-benefiċjarji;

(d) definizzjoni tal-proċeduri għall-mobilizzazzjoni u ċ-ċirkolazzjoni ta' flussi ta' fondi sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tagħhom;

(e) l-elementi mmirati sabiex jiġu żgurati l-pubbliċità u l-informazzjoni tal-programm operattiv kif imsemmi fl-Artikolu 69 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

(f) deskrizzjoni tal-proċeduri miftiehma bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-iskambju ta' data kompjuterizzata sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta' ħlas, ta' monitoraġġ u ta' valutazzjoni stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1083/2006;

9) lista indikattiva ta' proġetti maġġuri fis-sens ta' l-Artikolu 39 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 mistennija li tiġi preżentata matul il-perjodu ta' programmazzjoni għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni.

TAQSIMA 2

Eliġibbiltà

Artikolu 13

Regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa

Ir-regoli nazzjonali relevanti miftehmin mill-Istati Membri parteċipanti fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea għandhom japplikaw sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà ta' l-infiq ħlief fejn ikunu stabbiliti regoli Komunitarji.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skond l-Artikolu 56(4) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, regoli komuni dwar l-eliġibbiltà ta' l-infiq skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 103(3) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Fejn l-Artikolu 7 jipprevedi regoli differenti għall-eliġibbiltà ta' l-infiq fi Stati Membri differenti li jipparteċipaw fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea, għandhom japplikaw ir-regoli ta' eliġibbiltà l-aktar estensivi fil-qasam tal-programm kollu.

TAQSIMA 3

Ġestjoni, monitoraġġ u kontroll

Artikolu 14

In-nomina ta' l-awtoritajiet

1. L-Istati Membri li jieħdu sehem fi programm operattiv għandhom jaħtru awtorità ta' ġestjoni waħda, awtorità ta' ċertifikazzjoni waħda u awtorità ta' verifika waħda, b'dan ta' l-aħħar ikun jinsab fl-Istat Membru ta' l-awtorità ta' ġestjoni. L-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tirċievi l-ħlasijiet magħmulin mill-Kummissjoni u, bħala regola ġenerali, għandha tagħmel il-ħlasijiet lill-benefiċjarju ewlieni.

L-awtorità ta' ġestjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri rappreżentati fil-qasam tal-programm, għandha tistabbilixxi segretarjat tekniku konġunt. Dan ta' l-aħħar għandu jgħin lill-awtorità ta' ġestjoni u lill-kumitat ta' monitoraġġ, u, fejn ikun il-każ, lill-awtorità ta' verifika, fit-twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom.

2. L-awtorità ta' verifika għall-programm operattiv għandha tkun assistita minn grupp ta' awdituri li jkun jikkonsisti minn rappreżentant ta' kull Stat Membru li jipparteċipa fil-programm operattiv u li jwettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Il-grupp ta' awdituri għandu jiġi stabbilit mhux aktar tard minn tliet xhur mid-deċiżjoni li tapprova l-programm operattiv. Dan għandu jfassal ir-regoli ta' proċedura tiegħu. Dan għandu jkun presedut mill-awtorità ta' verifika għall-programm operattiv.

L-Istati Membri parteċipanti jistgħu jiddeċiedu b'unanimità li l-awtorità ta' verifika tkun awtorizzata li twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 b'mod dirett fit-territorju kollu kopert mill-programm mingħajr il-ħtieġa ta' grupp ta' awdituri kif definit fl-ewwel subparagrafu.

L-awdituri għandhom ikunu indipendenti mis-sistema ta' kontroll imsemmija fl-Artikolu 16(1).

3. Kull Stat Membru li jipparteċipa fil-programm operattiv għandu jinnomina rappreżentanti fil-kumitat ta' monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 63 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Artikolu 15

Funzjoni ta' l-awtorità ta' ġestjoni

1. L-awtorità ta' ġestjoni għandha twettaq id-dmirijiet previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, ħlief għal dawk li jikkonċernaw ir-regolarità ta' l-operazzjonijiet u l-infiq relattivament għar-regoli nazzjonali u Komunitarji, kif stabbilit taħt il-punt (b) ta' dak Artikolu. F'dan ir-rigward, hija għandha tara li n-nefqa ta' kull benefiċjarju li jipparteċipa f'operazzjoni tkun ġiet validata mill-kontrollur imsemmi fl-Artikolu 16(1) ta' dan ir-Regolament.

2. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tistabbilixxi l-arranġamenti implementattivi għal kull operazzjoni, fejn ikun il-każ bi qbil mal-benefiċjarju ewlieni.

Artikolu 16

Sistema ta' kontroll

1. Sabiex l-infiq jiġi validat, kull Stat Membru għandu joħloq sistema ta' kontroll li tagħmilha possibbli li jiġu verifikati l-kunsinna tal-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati, il-korrettezza tan-nefqa dikjarata għall-operazzjonijiet jew partijiet mill-operazzjonijiet li jkunu ġew implementati fit-territorju tiegħu, u l-konformità ta' tali nefqa u ta' operazzjonijiet relatati, jew ta' partijiet minn dawk l-operazzjonijiet, mar-regoli Komunitarji u dawk nazzjonali tiegħu.

Għal din il-fini kull Stat Membru għandu jinnomina l-kontrolluri responsabbli għall-verifika tal-legalità u r-regolarità tan-nefqa dikjarata minn kull benefiċjarju li jipparteċipa fl-operazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jinnominaw kontrollur wieħed għall-qasam tal-programm kollu.

Fejn il-kunsinna ta' prodotti u servizzi ko-finanzjati tkun tista' tiġi verifikata biss fir-rigward ta' l-operazzjoni sħiħa, il-verifika għandha titwettaq mill-kontrollur ta' l-Istat Membru fejn ikun jinsab il-benefiċjarju ewlieni, jew mill-awtorità ta' ġestjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li n-nefqa tkun tista' tiġi validata mill-kontrolluri fi żmien ta' tliet xhur.

Artikolu 17

Amministrazzjoni finanzjarja

1. L-għajnuna tal-FEŻR għandha titħallas f'kont wieħed mingħajr sub-kontijiet nazzjonali.

2. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri sabiex dawn jiskopru u jikkorreġu irregolaritajiet u sabiex jirkupraw dawk l-ammonti ta' flus li tħallsu b'mod indebitu, l-awtorità ta' ċertifikazzjoni għandha tiżgura li kull ammont imħallas bħala riżultat ta' irregolarità jiġi rkuprat mill-benefiċjarju ewlieni. Il-benefiċjarji għandhom iħallsu lura lill-benefiċjarju ewlieni kull ammont imħallas b'mod indebitu skond il-ftehim li jeżisti bejniethom.

3. Jekk il-benefiċjarju ewlieni ma jirnexxilux jikseb il-ħlas lura minn benefiċjarju, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab il-benefiċjarju konċernat għandu jirrimborsa lill-awtorità ta' ċertifikazzjoni għall-ammont ta' flus li jkun tħallas b'mod indebitu lil dak il-benefiċjarju.

Artikolu 18

Raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali

L-Istati Membri li jipparteċipaw fi programm operattiv taħt l-objettiv tal-Koperazzjoni Territorjali Ewropea jistgħu jagħmlu użu minn raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) [10] bil-ħsieb li jagħmlu dak ir-raggruppament responsabbli għall-amministrazzjoni tal-programm operattiv billi jiġi konferit lilu r-responsabbiltajiet ta' l-awtorità ta' ġestjoni u tas-segretarjat tekniku konġunt. F'dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jkompli jassumi responsabbiltà finanzjarja.

TAQSIMA 4

Operazzjonijiet

Artikolu 19

Għażla ta' operazzjonijiet

1. L-operazzjonijiet magħżulin għall-programmi operattivi mmirati lejn l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali kif imsemmi fil-punt (1) ta' l-Artikolu 6 u maħsubin sabiex jistabbilixxu u jiżviluppaw koperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fil-punt (2) ta' l-Artikolu 6 għandhom jinkludu benefiċjarji minn mill-inqas żewġ pajjiżi, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun Stat Membru, li għandhom jikkoperaw f'mill-inqas tnejn mill-modi li ġejjin għal kull operazzjoni: l-iżvilupp konġunt, l-implementazzjoni konġunta, il-forniment konġunt ta' persunal u l-finanzjament konġunt.

L-operazzjonijiet magħżulin li jissodisfaw il-kondizzjonijiet imsemmijin hawn fuq jistgħu jiġu implementati f'pajjiż wieħed sakemm dawn ikunu ġew preżentati minn entitajiet li jkunu jappartjenu għal mill-inqas żewġ pajjiżi.

Il-kondizzjonijiet imsemmijin hawn fuq ma għandhomx japplikaw għal dawk l-azzjonijiet taħt il-Programm PEACE imsemmijin fit-tielet subparagrafu tal-punt (1) ta' l-Artikolu 6.

2. L-operazzjonijiet magħżulin għal programmi operattivi li jinvolvu l-koperazzjoni inter-reġjonali, kif imsemmi fil-punt (3)(a) ta' l-Artikolu 6, għandhom jinkludu benefiċjarji, fuq livell reġjonali jew lokali, minn mill-inqas:

(a) tliet Stati Membri, jew

(b) tliet pajjiżi, li minnhom mill-inqas tnejn għandhom ikunu Stati Membri, fejn benefiċjarju ta' pajjiż terz ikun involut.

L-operazzjonijiet magħżulin għal programmi operattivi kif imsemmi fil-punt (3)(b) ta' l-Artikolu 6 għandhom, meta jkun possibbli skond it-tip ta' l-operazzjoni, japplikaw il-kondizzjonijiet imsemmijin fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Il-benefiċjarji għandhom jikkoperaw bil-modi li ġejjin għal kull operazzjoni: l-iżvilupp konġunt, l-implementazzjoni konġunta, il-forniment konġunt ta' persunal u l-finanzjament konġunt.

3. Addizzjonalment għall-kompiti msemmija fl-Artikolu 65 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-kumitat ta' monitoraġġ, jew kumitat ta' tmexxija li jirrapporta lilu, għandu jkun responsabbli mill-għażla ta' l-operazzjonijiet.

Artikolu 20

Responsabbilitajiet tal-benefiċjarju ewlieni u l-benefiċjarji l-oħra

1. Għal kull operazzjoni għandu jinħatar benefiċjarju ewlieni mill-benefiċjarji minn fosthom stess. Il-benefiċjarju ewlieni għandu jassumi r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a) għandu jistabbilixxi l-arranġamenti dwar ir-relazzjonijiet tiegħu mal-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni fi ftehim li jkun jinkludi, inter alia, dispożizzjonijiet li jiggarantixxu l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tal-fondi allokati lill-operazzjoni, inklużi l-arranġamenti għall-irkupru ta' ammonti ta' flus mħallsa indebitament;

(b) għandu jkun responsabbli milli jiżgura l-implementazzjoni ta' l-operazzjoni kollha;

(ċ) għandu jiżgura li n-nefqa ppreżentata mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni jkunu tħallsu bil-għan li jimplementaw l-operazzjoni u li din tkun tikkorrispondi ma' l-attivitajiet miftiehma bejn dawk il-benefiċjarji;

(d) għandu jivverifika li n-nefqa preżentata mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni tkun ġiet validata mill-kontrolluri;

(e) għandu jkun responsabbli sabiex jittrasferixxi l-kontribuzzjoni tal-FEŻR lill-benefiċjarji li jipparteċipaw fl-operazzjoni.

2. Kull benefiċjarju li jipparteċipa fl-operazzjoni għandu:

(a) jassumi responsabbiltà fil-każ ta' kwalunkwe irregolarità fin-nefqa li huwa jkun iddikjara;

(b) jinforma lill-Istat Membru li fih ikun jinsab dwar il-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni fil-każ li dan l-Istat Membru nnifsu ma jkunx qiegħed jipparteċipa fil-programm operattiv konċernat.

Artikolu 21

Kondizzjonijiet speċjali li jirregolaw il-lokalità ta' l-operazzjonijiet

1. Fil-kuntest tal-koperazzjoni trans-konfinali, u f'każijiet li jkunu ġustifikati kif dovut, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa magħmula fl-implementazzjoni ta' l-operazzjonijiet jew ta' partijiet ta' l-operazzjonijiet sa limitu ta' 20 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat f'żoni tal-livell NUTS 3 li jkunu kontigwi għaż-żoni eliġibbli għall-programm imsemmi fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 jew li jkunu mdawra b'tali żoni kontigwi. F'każijiet eċċezzjonali kif miftiehem bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, din il-flessibbiltà għandha tkun estiża għaż-żoni li huma tal-livell NUTS 2 li fihom jinsabu ż-żoni msemmija fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006.

Fil-livell ta' proġettazzjoni, tista' tkun eliġibbli nefqa magħmula minn imsieħba li jinsabu barra miż-żona tal-programm kif definit fl-ewwel subparagrafu, jekk il-proġett ikun tali li jkollu diffikultà sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu mingħajr il-parteċipazzjoni ta' dak l-imsieħeb.

2. Fil-kuntest ta' koperazzjoni transnazzjonali, u f'każijiet ġustifikati kif dovut, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa magħmula minn imsieħba li jinsabu barra miż-żona parteċipanti f'operazzjonijiet sa limitu ta' 20 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat, fejn tali nefqa tkun maħsuba għall-benefiċċju tar-reġjuni fil-qasam ta' l-objettiv ta' koperazzjoni.

3. Fil-kuntest ta' koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali, il-FEŻR jista' jiffinanzja nefqa li tkun saret sabiex jiġu implementati operazzjonijiet jew partijiet minn operazzjonijiet fit-territorju tal-pajjiżi barra mill-Komunità Ewropea sa limitu ta' 10 % ta' l-ammont tal-kontribuzzjoni tiegħu għall-programm operattiv konċernat, fejn dan ikun maħsub għall-benefiċċju tar-reġjuni tal-Komunità.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-legalità u r-regolarità ta' dan l-infiq. L-awtorità ta' ġestjoni għandha tikkonferma l-għażla ta' l-operazzjonijiet barra miż-żoni eliġibbli kif imsemmi fil-paragrafi 1, 2 u 3.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1. Dan ir-Regolament ma għandux jinċidi fuq it-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' għajnuna approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1783/1999, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-għajnuna fil- 31 ta' Diċembru 2006, li għandhom konsegwentement japplikaw minn hemm 'il quddiem għal dik l-għajnuna jew il-proġetti konċernati sakemm jagħlqu.

2. L-applikazzjonijiet magħmulin taħt ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 23

Taħsir

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 huwa b'dan imħassar b'effett mill- 1 ta' Jannar 2007.

2. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 24

Klawsola ta' reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrivedu dan ir-Regolament sal- 31 ta' Diċembru 2013 skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 162 tat-Trattat.

Artikolu 25

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar il- 5 ta’ Lulju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

P. Lehtomaki

[1] ĠU C 255, 14.10.2005, p. 91.

[2] ĠU C 231, 20.9.2005, p. 19.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' Lulju 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat- 12 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 4 ta' Lulju 2006(għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 161, 26.6.1999, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 173/2005 (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 3).

[6] Ara paġna 12 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[7] Ara paġna 79 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1

[9] ĠU L 213, 13.8.1999, p. 1.

[10] Ara paġna 19 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet