32006L0118


Titolu u referenza

Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament

 ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 15 Volume 18 P. 209 - 221
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 15 Volume 18 P. 209 - 221

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat- 12 ta' Diċembru 2006

dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], in vista tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit- 28 ta' Novembru 2006,

Billi:

(1) L-ilma ta' taħt l-art huwa riżorsa naturali prezzjuża u għaldaqstant għandha tiġi protetta mid-deterjorament u t-tniġġiż kimiku. Dan hu partikolarment importanti għall-ekosistemi li jiddependu mill-ilma ta' taħt l-art u għall-użu ta' l-ilma ta' taħt l-art fil-provvista ta' l-ilma għall-konsum mill-bniedem.

(2) L-ilma ta' taħt l-art huwa l-akbar ġabra ta' ilma ħelu u dik l-aktar sensittiva fl-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, hija wkoll sors prinċipali ta' provvisti ta' l-ilma tax-xorb għall-pubbliku f'ħafna reġjuni.

(3) L-ilma ta' taħt l-art f'ġabriet ta' l-ilma użat għat-teħid mill-irqajja' ta' l-ilma tax-xorb jew maħsub għal tali użu futur għandu jiġi protett b'tali mod li deterjorament fil-kwalità ta' tali ġabriet ta' l-ilma hija evitata sabiex jitnaqqas il-livell ta' trattament ta' purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni ta' l-ilma tax-xorb, skond l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma [4].

(4) Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta' Azzjoni tal-Komunità għall-Ambjent [5] tinkludi l-għan li jintlaħqu livelli fil-kwalità ta' l-ilma li ma jagħtux lok għall-impatti sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u riskji għalihom.

(5) Sabiex jiġi protett l-ambjent fit-totalità tiegħu, u b'mod partikolari s-saħħa tal-bniedem, il-konċentrazzjonijiet dannużi ta' tniġġiż li jagħmel il-ħsara fl-ilma ta' taħt l-art iridu jiġu evitati, impeduti jew imnaqqsa.

(6) Id-Direttiva 2000/60/KE tistabbilixxi disposizzjonijiet ġenerali għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art. Kif previst fl-Artikolu 17 ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu adottati miżuri li jimpedixxu u jikkontrollaw it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art, inklużi kriterji biex jiġi vvalutat l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art u kriterji għall-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti u biex jiġu ddefiniti punti tal-bidu għall-inverżjoni ta' tendenzi.

(7) Tenut kont tal-ħtieġa li jintlaħqu livelli konsistenti ta' protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, għandhom jiġu stabbiliti standards ta' kwalità u valuri ta' limitu, u għandhom jiġu żviluppati metodoloġiji bbażati fuq approċċ komuni, sabiex jiġu pprovduti kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art.

(8) Standards ta' kwalità għal nitrati, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u bijoċidi għandhom jiġu stabbiliti bħala l-kriterji tal-Komunità għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art, u għandha tiġi assigurata konsistenza mad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat- 12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta' l-ilmijiet mit-tniġġiż ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli [6], id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal- 15 ta' Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [7] u d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidi [8], rispettivament.

(9) Il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art tista' f'xi żoni teħtieġ bidla fil-prattika tal-biedja jew tal-forestrija, li tista' twassal għal tnaqqis fil-qligħ. Il-Politika Agrikola Komuni tipprevedi għal mekkaniżmi ta' finanzjament biex jiġu implimentati miżuri li jikkonformaw ma' l-istandards Komunitarji, jiġifieri permezz tar- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l- 20 ta' Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) [9]. Fir-rigward ta' miżuri għall-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art, għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istati Membri li jagħżlu l-prijoritajiet u l-proġetti tagħhom.

(10) Id-dispożizzjonijiet dwar l-istatus kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art ma japplikawx għal-livelli għoljin u li jokkorru b'mod naturali ta' sustanzi jew joni jew l-indikaturi tagħhom, li jinsabu jew f'ġabra ta' ilma ta' taħt l-art jew f'ġabriet assoċjati ta' l-ilma tal-wiċċ, minħabba kondizzjonijiet idro-ġeoloġiċi speċifiċi, li m'humiex koperti bid-definizzjoni ta' tniġġis. Bl-istess mod, dawn ma japplikawx għal tibdiliet temporanji u spazjalment limitati fid-direzzjoni tal-fluss u fil-kompożizzjoni kimika, li m'humiex kkunsidrati bħala intrużjonijiet.

(11) Għandhom jiġu stabbiliti kriterji biex jiġu identifikati tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti u biex jiġi definit il-punt tal-bidu għall-inverżjoni tat-tendenza, filwaqt li jitqies il-probabilità ta' effetti negattivi fuq ekosistemi akkwatiċi assoċjati jew ekosistemi terrestri dipendenti minnhom.

(12) Fejn hu possibbli l-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri statistiċi sakemm dawn ikunu konformi ma' l-istandards internazzjonali u jikkontribwixxu għat-tqabbil fuq perijodi fit-tul tar-riżultati tal-monitoraġġ bejn l-Istati Membri.

(13) Bi qbil mat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 80/68/KEE tas- 17 ta' Diċembru 1979 dwar il-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art mit-tniġġiż ikkawżat minn ċerti sustanzi perikolużi [10] se tkun imħassra b'effett mit- 22 ta' Diċembru 2013. Jeħtieġ għalhekk li tiġi assigurata l-kontinwità tal-protezzjoni prevista fid-Direttiva 80/68/KEE fir-rigward ta' miżuri mmirati sabiex jevitaw jew jillimitaw id-dħul kemm dirett kif ukoll indirett ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art.

(14) Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn sustanzi perikolużi, li d-dħul tagħhom għandu jiġi evitat, u pollutanti oħra, li d-dħul tagħhom għandu jiġi llimitat. Jeħtieġ li l-Anness VIII tad-Direttiva 2000/60/KE, li jelenka l-pollutanti prinċipali rilevanti għall-ambjent ta' l-ilma, jiġi użat biex jiġu identifikati sustanzi perikolużi u dawk li mhumiex perikolużi li juru riskju ta' tniġġiż eżistenti jew potenzjali.

(15) Miżuri li jipprevenu jew jillimitaw l-introduzzjoni ta' sustanzi inkwinanti fil-ġabriet ta' l-ilma ta' taħt l-art użati għal jew maħsuba għal użu futur għat-teħid mill-irqajja' ta' l-ilma maħsub għall-konsum tal-bniedem, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, għandhom, skond l-Artikolu 7(2) ta' dik id-Direttiva, jinkludu tali miżuri li huma meħtieġa biex jiżguraw li taħt ir-reġim ta' trattament ta' l-ilma applikat, u skond il-leġislazzjoni Komunitarja, l-ilma li jirriżulta ser jilħaq il-ħtiġiet tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat- 3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalita' ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem [11]. Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll, skond l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-istabbiliment mill-Istati Membri ta' żoni ta' salvagwardja ta' tali daqs li l-korp nazzjonali kompetenti jikkunsidra xieraq sabiex jipproteġi l-provvisti ta' l-ilma għax-xorb. Tali żoni ta' salvagwardja jistgħu ikopru it-territorju kollu ta' Stat Membru.

(16) Sabiex tiġi assigurata protezzjoni koerenti ta' l-ilma ta' taħt l-art, l-Istati Membri li jaqsmu bejniethom mases ta' ilma ta' taħt l-art għandhom jikkordinaw l-attivitajiet tagħhom fir-rigward tal-monitoraġġ, id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu u l-identifikazzjoni ta' sustanzi perikolużi rilevanti.

(17) Metodi affidabbli u komparabbli għall-monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art huma għodod importanti għall-valutazzjoni tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art u wkoll għall-għażla tal-miżuri l-aktar xierqa. L-Artikoli 8(3) u 20 tad-Direttiva 2000/60/KE jipprevedu għall-adozzjoni ta' metodi standardizzati għall-analiżi u l-monitoraġġ ta' l-istatus ta' l-ilma u, fejn meħtieġ, ta' linji gwida dwar l-implimentazzjoni inkluż il-monitoraġġ.

(18) Taħt ċerti ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jagħtu eżenzjonijiet minn miżuri biex jiġi evitat jew limitat id-dħul tal-pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art. Kwalunkwe eżenzjoni għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti u tkun iddettaljata fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar.

(19) Għandu jiġi analizzat l-impatt fuq il-livell ta' ħarsien ambjentali u fuq il-funzjonament tas-suq intern ta' valuri ta' limitu differenti għall-ilma ta' taħt l-art li għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri.

(20) Għandha titwettaq riċerka sabiex tipprovdi kriterji aħjar biex jiġu żgurati l-kwalità u l-protezzjoni ta' l-ekosistema ta' l-ilma ta' taħt l-art. Fejn meħtieġ, għandu jittieħed kont tas-sejbiet miksuba meta tkun qed tiġi implimentata jew riveduta din id-Direttiva. Tali riċerka, kif ukoll disseminazzjoni ta' għarfien, esperjenza u sejbiet tar-riċerka, jeħtieġ li tiġi mħeġġa u ffinanzjata.

(21) Jeħtieġ li jsir provvediment għal miżuri transitorji fir-rigward tal-perijodu bejn id-data ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u d-data minn meta d-Direttiva 80/68/KEE tiġi revokata.

(22) Id-Direttiva 2000/60/KE tistipula l-ħtieġa ta' kontrolli inkluża ħtieġa għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-irkupru jew l-awmentazzjoni artifiċjali ta' ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art, dment li l-użu tas-sors ma jikkompromettix il-kisba ta' l-objettivi stabbiliti għas-sors jew il-ġabra ta' ilma li ġiet irkuprata jew awmentata.

(23) Id-Direttiva 2000/60/KE tinkludi fl-Artikolu 11(2) u fil-Parti B ta' l-Anness VI dwar il-programm ta' miżuri lista mhux esklussiva ta' miżuri supplimentari li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bħala parti mill-programm ta' miżuri, inter alia:

- strumenti leġislattivi,

- strumenti amministrattivi, u

- ftehim negozjati għall-protezzjoni ta' l-ambjent.

(24) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deciżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [12].

(25) B'mod partikolari, jeħtieġ li tiġi segwita l-proċedura regolatorja bi skrutinju fir-rigward ta' miżuri ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, inter alia permezz tat-tħassir ta' xi wħud minn dawk l-elementi jew billi din id-Direttiva tiġi supplimentata biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri speċifiċi kif previst fl-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60/KE sabiex jiġi impedut u kontrollat it-tniġġiż ta' l-ilma ta' taħt l-art. Dawn il-miżuri jinkludu b'mod partikolari:

(a) kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art; u

(b) kriterji għall-identifikazzjoni u t-treġġigħ lura ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti għad-definizzjoni ta' punti tal-bidu għal treġġigħ lura tat-tendenzi.

2. Din id-Direttiva tikkumplimenta wkoll id-disposizzjonijiet li jevitaw jew jillimitaw id-dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art li diġà jeżistu fid-Direttiva 2000/60/KE, u timmira li tevita d-deterjorament ta' l-istat tal-mases kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw flimkien ma' dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60/KE:

1) "standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art" tfisser standard tal-kwalità ambjentali espress bħala l-konċentrazzjoni ta' pollutant partikolari, grupp ta' pollutanti jew indikatur ta' tniġġiż fl-ilma ta' taħt l-art, li ma jistax jinqabeż sabiex ikunu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent;

2) "valur ta' limitu" tfisser standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbilit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3;

3) "tendenza li tiżdied u li hija sinifikanti u sostnuta" tfisser kwalunkwe żieda li hija statistikament u ambjentalment sinifikanti ta' konċentrazzjoni ta' sustanza inkwinanti, grupp ta' sustanzi inkwinanti, jew indikatur ta' tniġġis fl-ilma ta' taħt l-art li għaliha t-treġġigħ lura tat-tendenza huwa identifikat bħala meħtieġ skond l-Artikolu 5;

4) "dħul ta' pollutant fl-ilma ta' taħt l-art" tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art bħala riżultat ta' attività umana;

5) "livell ta' l-isfond" tfisser il-konċentrazzjoni ta' sostanza jew il-valur ta' indikatur f'ġabra ta' ilma ta' taħt l-art li tikkorrespondi ma' l-ebda alterazzjoni antropoġenika, jew ma' alterazzjoni minuri ħafna biss, għal kondizzjonijiet mhux iddisturbati;

6) "livell ta' bażi" tfisser il-medja tal-valur imkejjel mill-inqas matul is-snin ta' referenza 2007 u 2008 abbażi tal-programmi ta' monitoraġġ implimentati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE, jew, fil-każ ta' sustanzi identifikati wara dawn is-snin ta' referenza, matul l-ewwel perijodu li għalih perijodu rappreżentattiv ta' data ta' monitoraġġ huwa disponibbli.

Artikolu 3

Kriterji għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art

1. Għall-finijiet tal-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' massa ta' l-ilma ta' taħt l-art jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art skond is-Sezzjoni 2.3 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jużaw il-kriterji li ġejjin:

a) standards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art kif imsemmija fl-Anness I;

b) valuri ta' limitu li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri skond il-proċedura deskritta fil-Parti A ta' l-Anness II għall-pollutanti, gruppi ta' pollutanti u indikaturi tat-tniġġiż li, fit-territorju ta' Stat Membru, ġew identifikati bħala li jikkontribwixxu għall-karatterizzazzjoni ta' mases, jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, bħala li jkunu f'riskju, b'kont meħud ta' mill-inqas il-listi li jinsabu fil-Parti B ta' l-Anness II.

Il-valuri ta' limitu għall-ilma ta' taħt l-art applikabbli għal status kimiku tajjeb għandu jkun ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ġabra ta' ilma ta' taħt l-art skond il-Parti A, punti 1, 2 u 3 ta' l-Anness II, b'konsiderazzjoni partikolari għall-impatt tiegħu fuq, u l-interrelazzjoni ma', l-ilmijiet tal-wiċċ assoċjati u l-ekosistemi terrestri u l-artijiet mistagħdra li huma direttament dipendenti fuqhom u għandhom fost l-oħrajn jieħdu kont ta' l-għarfien dwar it-tossikoloġija umana u l-ekotossikoloġija.

2. Il-valuri ta' limitu jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju ta' Stat Membru, jew fil-livell ta' massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li huma maqsuma bejn żewġ Stati Membri jew aktar u għal mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li fihom l-ilma ta' taħt l-art jaqsam il-konfini ta' Stat Membru, l-istabbiliment ta' valuri ta' limitu huwa soġġett għall-kordinazzjoni bejn l-Istati Membri konċernati, skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2000/60/KE.

4. Fejn massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art jestendi lil hinn mit-territorju tal-Komunità, l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i) għandhom jippruvaw jistabbilixxu valuri ta' limitu, f'kordinazzjoni ma' l-Istat(i) li mhux Membru(i) konċernat(i), skond l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2000/60/KE.

5. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu valuri ta' limitu skond il-paragrafu 1(b) għall-ewwel darba sa mhux aktar tard mit- 22 ta' Diċembru 2008.

Il-valuri ta' limitu kollha stabbiliti għandhom jiġu ppubblikati fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, inkluż sinteżi ta' l-informazzjoni mniżżla fil-Parti Ċ ta' l-Anness II għal din id-Direttiva.

6. L-Istati Membri għandhom jemendaw il-lista tal-valuri ta' limitu kull meta informazzjoni ġdida dwar pollutanti, gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż tindika li valur ta' limitu għandu jiġi stabbilit għal sustanza oħra, li valur ta' limitu eżistenti għandu jiġi emendat, jew li valur ta' limitu li qabel ġie mneħħi mil-lista għandu jerġa jiddaħħal, sabiex jiġu protetti s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

Il-valuri ta' limitu jistgħu jitneħħew mil-lista meta l-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art konċernat m'għadux aktar f'riskju mill-pollutanti, il-gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż korrispondenti.

Kwalunkwe tali bidla fil-lista tal-valuri ta' limitu għandha tiġi rappurtata fil-kuntest tar-reviżjoni perijodika tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar.

7. Abbażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri skond il-paragrafu 5, il-Kummissjoni għanda tippubblika rapport sa mhux aktar tard mit- 22 ta' Diċembru 2009.

Artikolu 4

Proċedura għall-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art

1. L-Istati Membri għandhom jużaw il-proċedura deskritta fil-paragrafu 2 biex jivvalutaw l-istat kimiku ta' massa ta' l-ilma ta' taħt l-art. Fejn xieraq, meta jwettqu din il-proċedura l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu fi gruppi mases ta' l-ilma ta' taħt l-art skond l-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE.

2. Massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art għandu jkun ikkunsidrat li jkun fi stat kimiku tajjeb meta:

a) il-monitoraġġ rilevanti juri li l-kondizzjonijiet stipulati fit-tabella 2.3.2 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE qegħdin jintlaħqu; jew

b) il-valuri ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art imniżżla fl-Anness I u l-valuri ta' limitu rilevanti stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II ma jinqabżux fi kwalunkwe punt ta' monitoraġġ f'dak il-massa, jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art; jew

ċ) il-valur għal standard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valur ta' limitu jinqabeż f'punt ta' monitoraġġ wieħed jew aktar iżda investigazzjoni xierqa skond l-Anness III tikkonferma li:

i) abbażi tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' l-Anness III, il-konċentrazzjonijiet ta' pollutanti li jeċċedu l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew il-valuri ta' limitu mhumiex ikkunsidrati li qed joħolqu riskju ambjentali sinifikanti, b'kont meħud, fejn ikun dovut, tal-livell tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art li hu affettwat;

ii) il-kondizzjonijiet l-oħra għal stat kimiku tajjeb ta' ilma ta' taħt l-art imniżżla fit-Tabella 2.3.2 ta' l-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE qed jiġu sodisfatti, skond il-paragrafu 4 ta' l-Anness III ma' din id-Direttiva;

iii) għal ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art identifikati skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/60/KE, il-ħtiġiet ta' l-Artikolu 7(3) ta' dik id-Direttiva qegħdin jintlaħqu, skond il-paragrafu 4 ta' l-Anness III ta' din id-Direttiva;

iv) il-ħila tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art, jew ta' kwalunkwe massa fil-grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art, li jsostni l-użu mill-bniedem ma ġietx imdgħajfa b'mod sinifikanti minħabba t-tniġġiż.

3. L-għażla ta' siti ta' monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art għandha tissodisfa l-ħtiġiet tal-Parti 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE biex ikunu mfassla sabiex jipprovdu ħarsa ġenerali komprensiva u koerenti ta' l-istatus kimiku ta' l-ilma ta' l-art u biex tiġi pprovduta data ta' monitoraġġ rappreżentattiva.

4. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw sintesi tal-valutazzjoni ta' l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Din is-sintesi, stabbilita fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew il-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li jaqa' fit-territorju ta' Stat Membru, għandha tinkludi wkoll spjegazzjoni ta' kif ġie meħud kont ta' qbiż ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valuri ta' limitu f'punti ta' monitoraġġ individwali fil-valutazzjoni finali.

5. Jekk massa ta' l-ilma ta' taħt l-art huwa klassifikat li qiegħed fi stat kimiku tajjeb skond il-paragrafu 2(ċ), l-Istati Membri għandhom jieħdu tali miżuri kif ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, biex jiġu protetti l-ekosistemi akkwatiċi, ekosistemi terrestri u l-użu mill-bniedem ta' l-ilma ta' taħt l-art dipendenti fuq il-parti tal-massa rrappreżentata mill-punt jew punti ta' monitoraġġ li fih il-valur ta' l-istandard tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew valur ta' limitu ġie maqbuż.

Artikolu 5

L-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti u d-definizzjoni ta' punti ta' tluq għat-treġġigħ lura ta' tendenzi

1. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw kwalunkwe tendenzi li qed jiżdiedu sinifikanti u sostnuti f'konċentrazzjonijiet ta' pollutanti, gruppi ta' pollutanti u indikaturi ta' tniġġiż misjuba f'mases, jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, identifikati bħala li qegħdin f'riskju u jiddefinixxu l-punt ta' tluq għat-treġġigħ lura ta' dik it-tendenza, skond l-Anness IV.

2. L-Istati Membri għandhom, skond il-Parti B ta' l-Anness IV, ireġġgħu lura t-tendenzi li jippreżentaw riskju ta' ħsara sinifikanti għall-kwalità ta' l-ekosistemi akkwatiċi jew terrestri, għas-saħħa tal-bniedem, jew għall-użi leġittimi attwali jew potenzjali ta' l-ambjent ta' l-ilma, permezz tal-programm ta' miżuri imsemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, sabiex jitnaqqas b'mod progressiv it-tniġġiż u tiġi prevenuta d-deterjorament ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-punt ta' tluq minn meta ireġgħu lura t-tendenzi bħala persentaġġ tal-livell ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art imniżżla fl-Anness I u tal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3, abbażi tat-tendenza identifikata u r-riskju ambjentali assoċjat magħha, skond il-punt 1 tal-Parti B ta' l-Anness IV.

4. Fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu sintesi:

a) tal-mod kif il-valutazzjoni tat-tendenza minn punti ta' monitoraġġ individwali f'massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art ikkontribwiet għall-identifikazzjoni skond is-Sezzjoni 2.5 ta' l-Anness V ta' dik id-Direttiva, li dawk il-mases huma soġġetti għal tendenza 'l fuq sinifikanti u sostnut f'konċentrazzjoni ta' kwalunkwe pollutant jew treġġigħ lura ta' dik it-tendenza; u

b) ir-raġunijiet għall-punti ta' tluq definiti skond il-paragrafu 3.

5. Fejn meħtieġ biex jiġi valutat l-impatt ta' traċċi eżistenti ta' tniġġiż f'mases ta' ilma ta' taħt l-art li jistgħu jheddu l-kisba ta' l-objettivi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE, u b'mod partikolari dawk it-traċċi li jirriżultaw minn punti ta' sorsi u art kontaminata, l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar stimi tat-tendenzi għall-pollutanti identifikati sabiex jiġi verifikat li traċċi minn siti kontaminati ma jinfirxux, ma jiddeterjorawx l-istat kimiku tal-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, u mhumiex ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Ir-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet għandhom jinkitbu f'sommarju fil-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar sottomessi skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE.

Artikolu 6

Miżuri biex jipprevjenu jew jillimitaw id-dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art

1. Sabiex jintlaħaq l-objettiv li jkunu evitati jew limitati dħul ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art stabbilit skond l-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-programm ta' miżuri stabbiliti skond l-Arikolu 11 ta' dik id-Direttiva, jinkludi:

a) il-miżuri kollha meħtieġa li jevitaw dħul fl-ilma ta' taħt l-art ta' kwalunkwe sustanza perikoluża, bla ħsara għall-paragrafi 2 u 3. Fl-identifikazzjoni ta' tali materjali, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jieħdu kont ta' sustanzi perikolużi li jagħmlu parti mill-familji jew gruppi ta' pollutanti imsemmija fil-punti 1 sa 6 ta' l-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE, kif ukoll ta' sustanzi li huma parti mill-familji jew gruppi ta' pollutanti msemmija fil-punti 7 sa 9 ta' l-imsemmi Anness, fejn dawn huma kkunsidrati bħala perikolużi;

b) għal pollutanti mniżżla fl-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE li mhumiex ikkunsidrati bħala perikolużi, u pollutanti oħrajn li mhumiex perikolużi u li mhumiex elenkati f'dik il-lista li huma kkunsidrati mill-Istati Membri li jippreżentaw riskju ta' tniġġiż eżistenti jew potenzjali, il-miżuri kollha meħtieġa biex jillimitaw id-dħul fl-ilma ta' taħt l-art sabiex jiġi żgurat li tali dħul ma jikkawżax deterjorament jew tendenza 'l fuq sinifikanti u sostnuta fil-konċentrazzjonijiet ta' pollutanti fl-ilma ta' taħt l-art. Tali miżuri għandhom jieħdu kont, għallinqas, ta' l-aħjar prattika stabbilita, inklużi l-Aħjar Prattika Ambjentali u l-Aħjar Tekniki Disponibbli speċifikati fil-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti.

Sabiex jiġu stabbiliti l-miżuri msemmija fil-punti (a) jew (b), l-Istati Membri jistgħu, bħala l-ewwel pass, jidentifikaw iċ-ċirkostanzi li taħthom il-pollutanti imniżżla fl-Anness VIII għad-Direttiva 2000/60/KE, b'mod partikolari metalli essenzjali u l-komposti tagħhom imsemmija fil-punt 7 ta' dak l-Anness, għandhom jiġu kkunsidrati bħala perikolużi jew mhux perikolużi.

2. Kull meta jkun teknikament possibbli għandu jittieħed kont tad-dħul ta' pollutanti minn sorsi diffużi ta' tniġġiż li jkollhom impatt fuq l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art.

3. Bla ħsara għal kondizzjoniet iktar stretti f'leġislazzjoni Komunitarja oħra, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-miżuri meħtieġa mill-paragrafu 1 dħul ta' pollutanti li huma:

a) ir-riżultat ta' skariku dirett awtorizzat skond l-Artikolu 11(3)(j) tad-Direttiva 2000/60/KE;

b) meqjus mill-awtoritajiet kompetenti li huwa ta' kwantità u konċentrazzjoni tant żgħira li ma joħloq l-ebda periklu fil-preżent jew fil-futur ta' deterjorament fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art li jilqagħhom;

ċ) il-konsegwenzi ta' inċidenti jew ċirkostanzi eċċezzjonali ta' kawża naturali li ma setgħux jiġu raġonevolment previsti, evitati jew mitigati;

d) ir-riżultat ta' ċċarġjar mill-ġdid jew żieda artifiċjali ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art awtorizzati skond l-Artikolu 11(3)(f) tad-Direttiva 2000/60/KE;

e) meqjus mill-awtoritajiet kompetenti li mhuwiex teknikament vijabbli li jiġi evitat jew limitat mingħajr l-użu ta':

i) miżuri li jżidu r-riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità ta' l-ambjent b'mod ġenerali; jew

ii) miżuri disproporzjonalment għaljin biex ineħħu kwantitajiet ta' pollutanti minn art kontaminata jew ħamrija ta' taħt, jew inkella biex jikkontrollaw it-tnixxija tagħhom f'dawn; jew

(f) ir-riżultat ta' interventi f'ilmijiet tal-wiċċ għall-finijiet, fost l-oħrajn, li jiġu mnaqqsa l-effetti ta' għargħar u nixfiet, u għall-ġestjoni ta' ilmijiet u passaġġi ta' l-ilma, inkluż fil-livell internazzjonali. Tali attivitajiet, inklużi l-qtugħ, it-tħammil, ir-rilokazzjoni u d-depożitu ta' sedimenti f'ilma tal-wiċċ, għandhom jitwettqu skond ir-regoli vinkolanti ġenerali, u, fejn applikabbli, bil-permessi u l-awtorizzazzjonijiet maħruġa abbażi ta' tali regoli, żviluppati mill-Istati Membri għal dik il-fini, sakemm tali interventi ma jikkompromettux il-kisba ta' l-objettivi ambjentali stabbiliti għall-ġabriet ta' ilma kkonċernati skond il-punt (b) ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60/KE.

L-eżenzjonijiet previsti fil-punti (a) sa (f) jistgħu jintużaw biss fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jkunu stabbilixxew li monitoraġġ effiċjenti tal-ġabriet ta' ilma ta' taħt l-art ikkonċernati, skond il-punt 2.4.2 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, jew monitoraġġ xieraq ieħor, qiegħed jitwettaq.

4. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iżommu inventarju ta' l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, għall-fini ta' notifika lill-Kummissjoni jekk jiġu mitluba.

Artikolu 7

Arranġamenti Transitorji

Fil-perijodu ta' bejn 16 ta' jannar 2009 u t- 22 ta' Diċembru 2013, kwalunkwe proċedura ġdida ta' awtorizzazzjoni skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 80/68/KEE għandha tieħu kont tal-ħtiġiet imniżżla fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' din id-Direttiva.

Artikolu 8

Adattamenti tekniċi

1. Il-Partijiet A u Ċ ta' l-Anness II u l-Annessi III u IV jistgħu jiġu emendati in vista tal-progress xjentifiku u tekniku, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2), waqt li jiġi kkunsidrat il-perijodu għar- reviżjoni u l-aġġornar tal-pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar, kif imsemmi fl-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE.

2. Il-Parti B ta' l-Anness II, , tista' tiġi emendata, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2), sabiex jiżdiedu materjali li jniġġsu jew indikaturi ġodda.

Artikolu 9

Proċedura ta' Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandha tapplika l-proċedura regolatorja bi skrutinju stabbilita fl-Artikolu 5a (1) sa (4) u fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'rigward għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 10

Reviżjoni

Bla ħsara għall-Artikolu 8, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Annessi I u II ta' din id-Direttiva sa 16 ta' jannar 2013. Abbażi ta' din ir-reviżjoni, hija għandha, jekk xieraq, tressaq proposti leġislattivi, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, biex temenda l-Annessi I u/jew II. Fir-reviżjoni tagħha u fit-tħejjija ta' kwalunkwe proposta, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-informazzjoni rilevanti kollha, li tista' tinkludi r-riżultati tal-programmi ta' monitoraġġ implimentati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60/KE, tal-programmi ta' riċerka tal-Komunità, u/jew tar-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u għall-Ambjent, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, organizzazzjonijiet Ewropej tan-negozji u organizzazzjonijiet Ewropej ta' l-ambjent.

Artikolu 11

Evalwazzjoni

Ir-rapport mill-Kummissjoni previst taħt l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/60/KE għandu jinkludi evalwazzjoni ta' l-operat ta' din id-Direttiva għall-ilma ta' taħt l-art fir-rigward ta' leġislazzjoni ambjentali rilevanti oħra, inkluż konsistenza magħha.

Artikolu 12

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva qabel 16 ta' jannar 2009. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

M. Pekkarinen

[1] ĠU C 112. 30.4.2004, p. 40.

[2] ĠU C 109, 30.4.2004, p. 29.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 28 ta' April 2004 (ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 15), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat- 23 ta' Jannar 2006(ĠU C 126 E, 30.5.2006, p. 1) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' Jannar 2006' (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Diċembru 2006(għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2006.

[4] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

[5] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

[6] ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[7] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/85/KE (ĠU L 293, 24.10.2006, p. 3).

[8] ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/50/KE (ĠU L 142, 30.5.2006, p. 6).

[9] ĠU L 277, 21.10.2005. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1463/2006 (ĠU L 227, 9.10.2006, p. 1).

[10] ĠU L 20, 26.1.1980, p. 43. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, 31.12.1991, p. 48).

[11] ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

[12] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

--------------------------------------------------

ANNESS I

STANDARDS TA' KWALITÀ GĦALL-ILMA TA' TAĦT L-ART

1. Sabiex jiġi stmat l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art skond l-Artikolu 4, l-istandards ta' kwalità għall-ilma ta' taħt l-art li ġejjin huma l-istandards ta' kwalità msemmija fit-Tabella 2.3.2 fl-Anness V għad-Direttiva 2000/60/KE u stabbiliti skond l-Artikolu 17 ta' dik id-Direttiva.

Pollutant | Standards ta' kwalità |

Nitrati | 50 mg/l |

Sustanzi attivi f'pestiċidi, inklużi l-metaboliti, prodotti ta' degradazzjoni u reazzjoni rilevanti tagħhom [1] | 0,1 μg/l 0,5 μg/l (total) [2] |

2. Ir-riżultati ta' l-applikazzjoni ta' l-istandards ta' kwalità għall-pestiċidi bil-mod speċifikat għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għar-riżultati tal-proċeduri ta' valutazzjoni tar-riskju meħtieġa mid-Direttiva 91/414/KEE jew id-Direttiva 98/8/KE.

3. Meta għal massa determinat ta' ilma ta' taħt l-art, ikun kkunsidrat li l-istandards ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jistgħu jwasslu għan-nuqqas ta' kisba ta' l-objettivi ambjentali speċifikati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE għall-mases ta' ilma tal-wiċċ assoċjati, jew iwasslu għal kwalunkwe tnaqqis sinifikanti tal-kwalità ekoloġika jew kimika ta' tali mases, jew kwalunkwe ħsara sinifikanti għall-ekosistemi terrestri li jiddependu direttament mill-massa ta' ilma ta' taħt l-art, valuri iżjed stretti ta' limitu huma stabbiliti skond l-Artikolu 3 u l-Anness II tad-Direttiva. Programmi u miżuri meħtieġa fir-rigward ta' tali valur ta' limitu japplikaw ukoll għal attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE.

[1] "Pestiċidi" tfisser prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u prodotti bijoċidali kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 91/414/KEE u fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/8/KE, rispettivament.

[2] "Total" tfisser is-somma tal-pestiċidi kollha individwali skoperti u kwantifikati fil-proċedura ta' monitoraġġ, inklużi l-metaboliti rilevanti tagħhom, u l-prodotti ta' degradazzjoni u ta' reazzjoni tagħhom.

--------------------------------------------------

ANNESS II

VALURI TA' LIMITU GĦAL POLLUTANTI TA' L-ILMA TA' TAĦT L-ART U INDIKATURI TAT-TNIĠĠIŻ

Parti A

Linji gwida għall-istabbiliment ta' valuri ta' limitu Mill-istati Membri skond l-artikolu 3

L-Istati Membri jistabbilixxu valuri ta' limitu għal pollutanti kollha u indikaturi tat-tniġġiż li, skond il-karatterizzazzjoni mwettqa skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE, jikkaratterizzaw il-mases jew gruppi ta' mases ta' l-ilma taħt l-art li huma f'riskju li jonqsu milli jiksbu stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art.

Il-valuri ta' limitu jkunu stabbiliti b'tali mod li, jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ f'punt ta' monitoraġġ rappreżentattiv jaqbżu l-limiti, dan ikun jindika riskju li kondizzjoni waħda jew iżjed għall-istat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ)(ii), (iii) u (iv) mhux qed tiġi sodisfatta.

Meta jiġu biex jistabbilixxu l-valuri ta' limitu, l-Istati Membri jikkunsidraw il-linji gwida li ġejjin:

1. Id-deċiżjoni biex jiġu stabbiliti valuri ta' limitu għandha tkun ibbażata fuq:

a) il-livell ta' interazzjonijiet bejn l-ilma ta' taħt l-art u l-ekosistemi akkwatiċi assoċjati u ekosistemi terrestri dipendenti;

b) l-interferenza ma' użi jew funzjonijiet leġittimi attwali jew potenzjali ta' l-ilma ta' taħt l-art;

ċ) il-pollutanti kollha li jikkaratterizzaw il-mases ta' ilma ta' taħt l-art bħala li huma f'riskju, b'kont meħud tal-listi minimi mniżżla fil-parti B;

d) karatteristiċi idro-ġeoloġiċi inkluża informazzjoni dwar livelli fl-isfond u l-bilanċ ta' l-ilma.

2) Id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu għandha tieħu wkoll kont ta' l-oriġini tal-pollutanti, il-possibbiltà ta' l-okkorrenza naturali tagħhom, it-tossikoloġija u t-tendenza għat-tifrix tagħhom, il-persistenza tagħhom u l-potenzjal tagħhom ta' bijo-akkumulazzjoni.

3) Kull fejn livelli ta' l-isfond għoljin ta' sustanzi jew joni jew l-indikaturi tagħhom jokkorru minħabba raġunijiet idro-ġeoloġiċi naturali, għandu jittieħed kont ta' dawn il-livelli ta' l-isfond fil-ġabra rilevanti ta' l-ilma ta' taħt l-art meta jkunu qed jiġu stabbiliti valuri ta' limitu.

4) Id-determinazzjoni tal-valuri ta' limitu għandha tiġi sostnuta minn mekkaniżmu ta' kontroll għad-data miġbura, ibbażat fuq valutazzjoni tal-kwalità tad-data, fuq konsiderazzjonijiet analitiċi, u fuq livelli ta' l-isfond għas-sustanzi li jistgħu jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem.

Parti B

Listi minimi ta' pollutanti u l-indikaturi tagħhom li għalihom l-istati Membri Għandhom jikkunsidraw l-istabbiliment ta' valuri ta' limitu skond L-Artikolu 3

1. Sustanzi jew joni jew indikaturi, li jistgħu jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll/jew bħala riżultat ta' attivitajiet tal-bniedem

Arseniku

Kadmju

Ċomb

Merkurju

Ammonju

Kloru

Sulfat

2. Sustanzi sintetiċi magħmula mill-bniedem

Trikloroetilene

Tetrakloroetilene

3. Parametri indikattivi ta' dħul ta' mluħ jew dħul ieħor [1]

Konduttività

Parti Ċ

Informazzjoni li għandha tingħata Mill-istati Membri fir-rigward tal-pollutanti u l-indikaturi tagħhom li għalihom gew stabbiliti valuri ta' limitu

L-Istati Membri jagħmlu sintesi fil-Pjan ta' Ġestjoni tal-Baċiri tax-Xmajjar li għandu jkun sottomess skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, dwar il-mod kif il-proċedura stabbilita fil-Parti A ta' dan l-Anness ġiet segwita.

B'mod partikolari, l-Istati Membri jipprovdu, fejn vijabbli:

a) informazzjoni dwar in-numru ta' mases jew gruppi ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju u dwar il-pollutanti u l-indikaturi tat-tniġġiż li jikkontribwixxu għal din il-klassifikazzjoni, inklużi l-konċentrazzjonijiet/valuri osservati;

b) informazzjoni dwar kull wieħed mill-mases ta' ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju, b'mod partikolari id-daqs tal-mases, ir-relazzjoni bejn il-mases ta' ilma ta' taħt l-art u l-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ u l-ekosistemi terrestri dipendenti direttament u, f'każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli naturali ta' l-isfond fil-mases ta' ilma ta' taħt l-art;

ċ) il-valuri ta' limitu, kemm jekk japplikaw fil-livell nazzjonali, fil-livell tad-distrett tal-baċir tax-xmara jew fil-parti tad-distrett tal-baċir internazzjonali tax-xmara li taqa' fit-territorju ta' l-Istat Membru, kif ukoll fil-livell ta' massa jew grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art;

d) ir-relazzjoni bejn il-valuri ta' limitu u:

(i) fil-każ ta' sustanzi li jokkorru b'mod naturali, il-livelli ta' l-isfond osservati,

(ii) l-objettivi ta' kwalità ambjentali u standards oħra għall-protezzjoni ta' l-ilma li jeżistu fuq livell nazzjonali, Komunitarju jew internazzjonali, u

(iii) kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar it-tossikoloġija, l-eko-tossikoloġija, il-persistenza, il-potenzjal ta' bijo-akkumulazzjoni, u t-tendenza ta' tifrix tal-pollutanti.

[1] Fir-rigward ta-konċentrazzjonijiet ta' mluħ li jirriżultaw minn attivitajiet tal-bniedem, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu valuri ta' limitu jew għas-sulfat u l-kloridu jew għall-konduttività.

--------------------------------------------------

ANNESS III

STIMA TA' L-ISTAT KIMIKU TA' L-ILMA TA' TAĦT L-ART

1. Il-proċedura ta' valutazzjoni biex jiġi determinat l-istat kimiku ta' massa jew grupp ta' mases ta' ilma ta' taħt l-art għandha titwettaq f'relazzjoni mal-mases jew gruppi ta' mases kollha ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzati bħala li huma f'riskju u fir-rigward ta' kull wieħed mill-pollutanti li jikkontribwixxu għall-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art li huma karatterizzati hekk.

2. Fit-twettiq ta' kwalunkwe investigazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ), l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ta':

a) l-informazzjoni miġbura bħala parti mill-karatterizzazzjoni li trid titwettaq skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60/KE u taħt is-Sezzjonijiet 2.1, 2.2 u 2.3 ta' l-Anness II għalih;

b) ir-riżultati tan-network ta' monitoraġġ ta' l-ilma ta' taħt l-art miksuba skond is-Sezzjoni 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE; u

ċ) kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra inkluż tqabbil bejn il-konċentrazzjoni aritmetika medja annwali tal-pollutanti rilevanti f'punt ta' monitoraġġ u l-istandards ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbiliti fl-Anness I u l-valuri ta' limitu stabbiliti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 3 u l-Anness II.

3. Għall-iskopijiet ta' l-investigazzjonijiet dwar jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet għal stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ)(i) u (iv), l-Istati Membri, għandhom fejn ikun rilevanti u meħtieġ, u abbażi ta' aggregazzjonijiet xierqa tar-riżultati tal-monitoraġġ, sostnuti fejn meħtieġ bi stimi ta' konċentrazzjoni bbażati fuq mudell konċettwali tal-massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art, jistmaw kemm il-massa ta' ilma ta' taħt l-art għandha konċentrazzjoni aritmetika medja annwali ta' pollutant ogħla minn standard ta' kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art jew minn valur ta' limitu.

4. Għall-iskopijiet ta' l-investigazzjoni dwar jekk il-kondizzjonijiet għal stat kimiku tajjeb ta' l-ilma ta' taħt l-art imsemmija fl-Artikolu 4(2)(ċ)(ii) u (iii) humiex sodisfatti, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun rilevanti u meħtieġ, u abbażi tar-riżultati rilevanti ta' monitoraġġ u ta' mudell konċettwali adatt tal-massa ta' ilma ta' taħt l-art, jivvalutaw:

a) l-impatt tal-pollutanti fil-ġabra ta' l-ilma ta' taħt l-art;

b) l-ammonti u l-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti li jiġu, jew li x'aktarx jiġu, trasferiti mill-massa ta' ilma ta' taħt l-art għall-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ jew ekosistemi terrestri direttament dipendenti;

ċ) l-impatt probabbli ta' l-ammonti u l-konċentrazzjonijiet tal-pollutanti trasferiti għall-ilmijiet assoċjati tal-wiċċ u għal ekosistemi terrestri dipendenti direttament;

d) il-livell ta' kwalunkwe dħul ta' mluħ jew dħul ieħor fil-massa ta' ilma ta' taħt l-art; u

e) ir-riskju mill-pollutanti fil-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art għall-kwalità ta' ilma li jinġabar, jew maħsub li jinġabar, mill-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art għall-konsum mill-bniedem.

5. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw l-istat kimiku ta' l-ilma ta' taħt l-art ta' massa jew grupp ta' mases ta' l-ilma ta' taħt l-art fuq mapep skond is-Sezzjonijiet 2.4.5 u 2.5 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jindikaw fuq dawn il-mapep il-punti kollha ta' monitoraġġ fejn l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art u/jew il-valuri ta' limitu nqabżu, fejn ikun rilevanti u vijabbli.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

IDENTIFIKAZZJONI U TREĠĠIGĦ LURA TA' TENDENZI 'L FUQ SINIFIKANTI U SOSTNUTI

Parti A

Identifikazzjoni u treġġigħ lura ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti

L-Istati Membri jidentifikaw tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti fil-mases jew gruppi ta' mases kollha ta' ilma ta' taħt l-art li huma karatterizzati bħala li huma f'riskju skond l-Anness II tad-Direttiva 2000/60/KE, b'kont meħud tal-ħtiġiet li ġejjin:

1) skond is-Sezzjoni 2.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE, il-programm ta' monitoraġġ se jkun imfassal b'mod li josserva tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti f'konċentrazzjonijiet tal-pollutanti identifikati skond l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva;

2) il-proċedura għall-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti tkun bbażata fuq l-elementi li ġejjin:

a) il-frekwenzi ta' monitoraġġ u s-siti ta' monitoraġġ se jiġu magħżula b'mod li jkunu suffiċjenti biex:

i) jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex jiżguraw li tali tendenzi 'l fuq ikunu jistgħu jintgħarfu minn varjazzjoni naturali b'livell adegwat ta' kunfidenza u preċiżjoni;

ii) jippermettu l-identifikazzjoni ta' tali tendenzi 'l fuq fi żmien biżżejjed li jippermetti li miżuri jiġu implimentati biex jipprevjenu, jew għall-inqas jimmitigaw safejn hu prattikabbli, bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara fil-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art. Din l-identifikazzjoni se titwettaq għall-ewwel darba fl-2009, jekk ikun possibbli, u se tieħu kont tad-data eżistenti, fil-kuntest tar-rapport dwar l-identifikazzjoni ta' tendenzi fl-ewwel pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, u mill-anqas kull sitt snin minn hemm 'il quddiem;

iii) jieħdu kont tal-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi temporali tal-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art, inkluż il-kondizzjonijiet tal-fluss ta' l-ilma ta' taħt l-art u r-rati ta' ċċarġjar mill-ġdid u l-ħin meħud għat-tnixxija fil-ħamrija u fil- ħamrija ta' taħt.

b) il-metodi ta' monitoraġġ u analiżi li jintużaw se jikkonformaw mal-prinċipji internazzjonali ta' kontroll fuq il-kwalità, inklużi, jekk rilevanti, il-metodi CEN jew dawk standardizzati nazzjonali, biex jiżguraw li d-data pprovduta tkun ta' kwalità u komparabbiltà xjentifika ekwivalenti;

ċ) il-valutazzjoni se tkun ibbażata fuq metodu ta' statistika, bħal analiżi tar-rigressjoni, għal analiżi ta' tendenzi f'serje temporali ta' punti ta' monitoraġġ individwali;

d) sabiex jiġi evitat distorsjoni fl-identifikazzjoni tat-tendenzi, il-miżuri kollha taħt il-limitu ta' kwantifikazzjoni se jiġu ffissati għal nofs il-valur ta' l-ogħla limitu ta' kwantifikazzjoni li jsir f'serje temporali, ħlief għal pestiċidi totali.

3. l-identifikazzjoni ta' tendenzi 'l fuq u li huma sinifikanti u sostnuti fil-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi li jokkorru kemm b'mod naturali kif ukoll bħala riżultat ta' attivitajiet umani ser tikkunsidra l-livelli ta' bażi u, fejn tali data hija disponibbli, id-data miġbura qabel il-bidu tal-programm ta' monitoraġġ sabiex isir rapport dwar l-identifikazzjoni ta' tendenzi fl-ewwel pjan ta' ġestjoni tal-baċini tax-xmajjar imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE, fejn tali data hija disponibbli.

Parti B

Punt tat-tluq ghat-treġġigħ

L-Istati Membri ser ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq identifikati u li huma sinifikanti u sostnuti, skond l-Artikolu 5, waqt li jieħdu kont tal-ħtiġiet li ġejjin:

1) il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni tal-miżuri biex ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti se jkun meta l-konċentrazzjoni tal-pollutant tilħaq il-75 % tal-valuri parametriċi ta' l-istandards tal-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art stabbiliti fl-Anness I u tal-valuri ta' limitu stabbiliti skond l-Artikolu 3, ħlief jekk:

a) ikun meħtieġ punt ta' tluq iżjed bikri biex jippermetti li miżuri ta' treġġigħ lura tat-tendenza jipprevjenu bl-iżjed mod effettiv fl-infiq, jew għall-anqas biex jimmitigaw kemm jista' jkun, kwalunkwe bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara lill-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art;

b) punt ta' tluq differenti jkun ġustifikat fejn il-limitu ta' skoperta ma jippermettix l-istabbiliment tal-preżenza ta' tendenza f'75 % tal-valuri parametriċi; jew

ċ) ir-rata ta' żieda u l-proċess ta' treġġigħ lura tat-tendenza jkunu tali li punt ta' tluq iżjed tard għall-miżuri ta' treġġigħ lura tat-tendenza xorta jippermetti li tali miżuri jipprevjenu bl-iżjed mod effettiv fl-infiq, jew għall-anqas jimmitigaw kemm jista' jkun, kwalunkwe bidliet ambjentalment sinifikanti li jikkawżaw ħsara lill-kwalità ta' l-ilma ta' taħt l-art. Tali punt tat-tluq iktar tard m' għandux iwassal għal dewmien fl-ilħuq tat-terminu perentorju għall-objettivi ambjentali.

Għal attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 91/676/KEE, il-punt tat-tluq għall-implimentazzjoni ta' miżuri biex ireġġgħu lura tendenzi 'l fuq sinifikanti u sostnuti se jiġi stabbilit skond dik id-Direttiva u d-Direttiva 2000/60/KE u, b' mod partikolari, ż-żamma ma' l-objettivi ambjentali għall-protezzjoni ta' l-ilma kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE;

2) ladarba jkun ġie stabbilit punt ta' tluq għal massa ta' l-ilma ta' taħt l-art karatterizzat bħala li huwa f'riskju skond is-Sezzjoni 2.4.4 ta' l-Anness V tad-Direttiva 2000/60/KE u skond il-punt 1 hawn fuq, dan ma jinbidilx matul iċ-ċiklu ta' sitt snin tal-pjan ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar meħtieġ skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/60/KE;

3) it-treġġigħ lura ta' tendenzi se jintwera, b'kont meħud tad-disposizzjonijiet rilevanti ta' monitoraġġ li jinsabu fil-punt 2 tal-Parti A.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet