Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata)
Official Journal L 372 , 27/12/2006 P. 0012 - 0018
Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (verżjoni kodifikata) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 47 (2), 55 u 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2] Billi: (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad- 29 ta' Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta' protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur u ċerti drittijiet relatati [3] ġiet emendata b'mod sostanzjali [4]. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata. (2) Il-Konvenzjoni ta' Berna għall-protezzjoni ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-protezzjoni ta' artisti, produtturi ta' fonogrammi u organizzazzjonijiet tax-xandir (il-Konvenzjoni ta' Ruma) jistipulaw biss il-perjodi minimi ta' protezzjoni tad-drittijiet li jirreferu għalihom, waqt li jħallu l-Istati Kontraenti ħielsa li jagħtu perjodi itwal. Ċerti Stati Membri eżerċitaw dan id-dritt. Barra minn hekk, ċerti Stati Membri għadhom ma sarux partijiet għall-Konvenzjoni ta' Ruma. (3) Bħala konsegwenza hemm differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw il-perjodu tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u d-drittijiet relatati, differenzi li jistgħu jfixklu l-moviment liberu ta' merkanzija u l-libertà tal-provvista ta' servizzi, u li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni. Għalhekk, għall-funzjonament korrett tas-suq intern, il-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati sabiex jistabbilixxu l-istess perjodu ta' protezzjoni mal-Komunità kollha. (4) Huwa importanti li jiġu stabbiliti mhux biss il-perjodi ta' protezzjoni bħala tali, iżda wkoll ċerti arranġamenti ta' implimentazzjoni bħad-data li minnha kull perjodu ta' protezzjoni jiġi kkalkulat. (5) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 14 bis (2) (b), (ċ) u (d) u (3), tal-Konvenzjoni ta' Berna. (6) Il-perjodu minimu ta' protezzjoni previst mill-Konvenzjoni ta' Berna, jiġifieri l-ħajja ta' l-awtur u 50 sena wara l-mewt tiegħu, kien maħsub biex jipprovdi protezzjoni għall-awtur u għall-ewwel żewġ ġenerazzjonijiet tad-dixxendenti tiegħu. Il-medja tal-ħajja fil-Komunità twalet, sal-punt fejn dan il-perjodu mhuwiex aktar biżżejjed sabiex ikopri żewġ ġenerazzjonijiet. (7) Ċerti Stati Membri taw perjodu itwal minn 50 sena wara l-mewt ta' l-awtur biex jikkumpensaw għall-effetti tal-gwerer dinjija fuq l-isfruttament tax-xogħlijiet ta' l-awtur. (8) Għall-protezzjoni ta' drittijiet relatati, ċerti Stati Membri introduċew perjodu ta' 50 sena wara l-pubblikazzjoni legali jew komunikazzjoni legali lill-pubbliku. (9) Il-Konferenza Diplomatika ta' Diċembru 1996 li saret mill-Organizzazzjoni Dinjija għall-Proprjetà Intellettwali (World Intellectual Property Organization, WIPO) wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat tal-WIPO dwar Rappreżentazzjonijiet u Fonogrammi, għall-protezzjoni ta' artisti li jagħmlu rappreżentazzjonijiet u ta' produtturi ta' fonogrammi. Dan it-Trattat jikkostitwixxi aġġornament importanti tal-protezzjoni internazzjonali ta' drittijiet relatati. (10) Ir-rispett għad-drittijiet stabbiliti jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tal-liġi protetti mill-ordni legali tal-Komunità. Għalhekk, il-perjodi ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati stabbiliti mil-liġi Komunitarja ma jistgħux ikollhom l-effett li jnaqqsu l-protezzjoni li bbenefikaw minnha d-detenturi tad-drittijiet fil-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 93/98/KEE. Sabiex l-effetti tal-miżuri tranżitorji jinżammu minimi u għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, dawn il-perjodi ta' protezzjoni għandhom jiġu mtawla. (11) Il-livell ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur u tad-drittijiet relatati għandu jkun għoli, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma fundamentali għall-kreattività intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tassigura ż-żamma u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interess ta' l-awturi, l-industriji kulturali, il-konsumaturi u s-soċjeta in ġenerali. (12) Sabiex ikun stabbilit livell għoli ta' protezzjoni li fl-istess ħin jissodisfa r-rekwiżiti tas-suq intern u l-ħtieġa li jkun stabbilit ambjent legali li jwassal għall-iżvilupp armonjuż tal-kreattività letterarja u artistika fil-Komunità, għandha ssir armonizzazzjoni tal-perjodu ta' protezzjoni għad-drittijiet ta' l-awtur għal 70 sena wara l-mewt ta' l-awtur jew 70 sena wara li x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku, u tal-perjodu ta' protezzjoni għal drittijiet relatati għal 50 sena wara l-fatt li jagħti bidu għall-perjodu. (13) Il-kollezzjonijiet huma protetti skond l-Artikolu 2(5) tal-Konvenzjoni ta' Berna meta, abbażi ta' l-għażla u l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali. Dawk ix-xogħlijiet huma protetti bħali tali, mingħajr ħsara għad-drittijiet ta' l-awtur f'kull wieħed mix-xogħlijiet li jagħmel parti minn dawn il-kollezzjonijiet. Bħala konsegwenza, jistgħu japplikaw perijodi speċifiċi ta' protezzjoni għal xogħlijiet inklużi fil-kollezzjonijiet. (14) Fil-każi kollha fejn waħda jew aktar persuni fiżiċi jkunu identifikati bħala awturi, il-perjodu ta' protezzjoni għandu jiġi kkalkulat wara mewthom. Il-kwistjoni ta' l-awtur tax-xogħol kollu jew ta' parti minnu hija kwistjoni ta' fatt li l-qrati nazzjonali jistgħu jkollhom jiddeċiedu. (15) Il-perjodi ta' protezzjoni għandhom jiġu kalkolati mill-ewwel ta' Jannar tas-sena li ssegwi l-fatt, kif inhuma fil-Konvenzjonijiet ta' Berna u ta' Ruma. (16) Il-protezzjoni ta' fotografiji fl-Istati Membri hija s-suġġett ta' diversi reġimi. Xogħol fotografiku skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Berna għandu jkun ikkunsidrat bħala oriġinali jekk ikun kreazzjoni intellettwali ta' l-awtur li tirrifletti l-personalità tiegħu, mingħajr il-kunsiderazzjoni ta' kriterji oħra, bħall-valur jew l-iskop tiegħu. Il-protezzjoni ta' fotografiji oħra għandha tkun tista' tingħata mil-liġi nazzjonali. (17) Sabiex ikunu evitati d-differenzi fil-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet relatati huwa meħtieġ li jiġi previst l-istess punt ta' tluq sabiex ikun kalkolat il-perjodu fi ħdan il-Komunità kollha. Ir-rappreżentazzjonijiet, l-iffissar, ix-xandir, il-pubblikazzjoni legali, u l-komunikazzjoni legali lill-pubbliku, jiġifieri l-fatt li jagħmel perċepibbli suġġett ta' dritt relatat, bil-modi xierqa kollha, lill-persuni in ġenerali, għandhom ikunu kkunsidrati biex ikun ikkalkolat il-perjodu ta' protezzjoni irrispettivament mill-pajjiż fejn iseħħu r-rappreżentazzjoni, l-iffissar, ix-xandir, il-pubblikazzjoni legali, jew il-komunikazzjoni legali lill-pubbliku. (18) Id-drittijiet ta' l-organizzazzjonijiet tax-xandir fir-rigward tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandiriet ikunu trasmessi bil-fili sew jekk bl-ajru, inklużi bil-cable jew bis-satellita, m'għandhomx ikunu perpetwi. Huwa għalhekk meħtieġ li l-perjodu ta' protezzjoni jibda jiddekorri biss mill-ewwel trasmissjoni ta' xandira partikolari. Din id-dispożizzjoni hija maħsuba bl-iskop li tevita perjodu ġdid li jibda fil-każi fejn xandira tkun identika ma' waħda preċedenti. (19) L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu drittijiet oħra relatati mad-drittijiet ta' l-awtur partikolarment fir-rigward tal-protezzjoni ta' pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi. Sabiex tkun żgurata t-trasparenza fil-livell Komunitarju, huwa madankollu meħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu drittijiet ġodda relatati sabiex jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom. (20) Għandu jkun ċar li din id-Direttiva ma tapplikax għal drittijiet morali. (21) Għal xogħlijiet li l-pajjiż ta' oriġini tagħhom skond it-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Berna ikun pajjiż terz u li l-awtur tagħhom ma jkunx ċittadin tal-Komunità, għandu jsir paragun bejn perjodi ta' protezzjoni sakemm il-perjodu mogħti fil-Komunità ma jeċċedix il-perjodu stabbilit minn din id-Direttiva. (22) Fejn detentur tad-drittijiet li ma jkunx ċittadin tal-Komunità jikkwalifika għall-protezzjoni skond ftehima internazzjonali, il-perjodu ta' protezzjoni tad-drittijiet relatati għandu jkun l-istess bħal dak previst minn din id-Direttiva. Madankollu dan il-perjodu m'għandux jaqbeż dak stipulat fil-pajjiż terz li tiegħu d-detentur tad-drittijiet ikun ċittadin. (23) Il-paragun bejn perjodi ta' protezzjoni m'għandux jwassal sabiex l-Istati Membri jiġu f'kunflitt ma' l-obbligi internazzjonali tagħhom. (24) L-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jadottaw id-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni, l-adattament u t-twettiq ulterjuri ta' kuntratti dwar l-isfruttament ta' xogħlijiet protetti u materja oħra li kienu konklużi qabel l-estensjoni tal-perjodu ta' protezzjoni li jirriżulta minn din id-Direttiva. (25) Ir-rispett għad-drittijiet miksuba u għall-aspettazzjonijiet leġittimi huwa garantit mis-sistema ġuridika tal-Komunità. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jipprovdu b'mod partikolari li, f'ċerti ċirkustanzi, id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet relatati li jerġu jitwieldu taħt din id-Direttiva ma jkunux jistgħu jirriżultaw fi ħlasijiet minn persuni li kienu jisfruttaw in bona fide xogħlijiet fi żmien meta dawn ix-xogħlijiet kienu jagħmlu parti mill-isfera pubblika. (26) Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi indikati fil-Parti B ta' l-Anness I, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 It-tul tal-perjodu ta' validita' tad-drittijiet ta' l-awtur 1. Id-drittijiet ta' l-awtur ta' xogħol artistiku jew letterarju skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' Berna għandhom idumu tul il-ħajja ta' l-awtur u għal 70 sena wara mewtu, irrispettivament mid-data meta x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku. 2. Fejn id-dritt ta' l-awtur ikun ta' aktar minn awtur wieħed, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ikkalkulat mill-mewt ta' l-aħħar ko-awtur li jibqa' ħaj. 3. Fil-każ ta' xogħlijiet anonimi jew psewdonimi, il-perjodu ta' protezzjoni għandu jdum għal 70 sena wara li x-xogħol ikun sar legalment disponibbli għall-pubbliku. Madankollu, meta psewdonimu adottat mill-awtur ma jħalli l-ebda dubbju dwar l-identità tiegħu, jew jekk l-awtur jiżvela l-identità tiegħu matul il-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza, il-perjodu ta' protezzjoni applikabbli għandu jkun dak stipulat fil-paragrafu 1. 4. Fejn Stat Membru jipprovdi għal dispożizzjonijet partikolari dwar drittijiet ta' l-awtur fuq xogħlijiet kollettivi jew sabiex persuna ġuridika tiġi maħtura bħala detentur tad-drittijiet, il-perjodu tal-protezzjoni għandu jkun ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, għajr jekk il-persuni fiżiċi li ħalqu x-xogħol ikunu identifikati bħala tali fil-verżjonijiet tax-xogħol li jkunu saru disponibbli għall-pubbliku. Dan il-paragrafu huwa mingħajr ħsara għad-drittijiet ta' l-awturi identifikati li l-kontributi identifikabbli tagħhom ikunu inklużi f'dawn ix-xogħlijiet, li għal liema kontributi għandhom japplikaw il-paragrafi 1 jew 2. 5. Fejn xogħol huwa ppubblikat f'volumi, partijiet, faxxikli, ħarġiet jew episodji u l-perjodu ta' protezzjoni jibda mill-mument meta x-xogħol kien legalment magħmul disponibbli għall-pubbliku, il-perjodu ta' protezzjoni għandu jibda separatament għal kull oġġett. 6. Fil-każ ta' xogħlijiet li għalihom il-perjodu ta' protezzjoni ma jkunx ikkalkolat mill-mewt ta' l-awtur jew awturi u li ma jkunux saru disponibbli legalment għall-pubbliku fi żmien 70 sena mill-kreazzjoni tagħhom, il-protezzjoni għandha tintemm. Artikolu 2 Xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi 1. Id-direttur prinċipali ta' xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv għandu jkun ikkunsidrat bħala l-awtur tiegħu jew bħala wieħed mill-awturi. L-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jindikaw ko-awturi oħrajn. 2. Il-perjodu ta' protezzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi jew awdjoviżivi għandu jiskadi 70 sena wara l-mewt ta' l-aħħar mill-persuni li ġejjin li jkunu baqgħu ħajjin, sew jekk dawn il-persuni jiġux indikati jew le bħala ko-awturi: id-direttur prinċipali, l-awtur ta' l-iscreenplay, l-awtur tad-djalogu u l-kompożitur tal-mużika maħluqa speċifikament biex tintuża fix-xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv. Artikolu 3 It-tul tal-perjodu ta' validita' ta' drittijiet relatati 1. Id-drittijiet ta' l-artisti għandhom jiskadu 50 sena wara d-data tar-rappreżentazzjoni. Madankollu, jekk l-iffissar ta' rappreżentazzjoni jkun ippubblikat legalment jew komunikat legalment lill-pubbliku f'dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' l-ewwel pubblikazzjoni bħal din jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel. 2. Id-drittijiet tal-produtturi ta' fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. Madankollu, jekk fonogramm ikun pubblikat legalment f'dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' l-ewwel pubblikazzjoni legali. Jekk ma tkun saret l-ebda pubblikazzjoni legali fil-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza, u jekk il-fonogramm ikun legalment komunikat lill-pubbliku fi żmien dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' l-ewwel komunikazzjoni legali lill-pubbliku. Madankollu, dan il-paragrafu m'għandux ikollu l-effett li jipproteġi mill-ġdid id-drittijiet ta' produtturi ta' fonogrammi li, minħabba l-iskadenza tal-perjodu ta' protezzjoni mogħtija lilhom skond l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/98/KEE fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bid-Direttiva 2001/29/KE, ma kienux aktar protetti fit- 22 ta' Diċembru 2002. 3. Id-drittijiet tal-produtturi ta' l-ewwel iffissar ta' film għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. Madankollu, jekk il-film ikun ippubblikat legalment jew ikun komunikat legalment lill-pubbliku matul dan il-perjodu, id-drittijiet għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta' din l-ewwel pubblikazzjoni jew l-ewwel komunikazzjoni bħal din lill-pubbliku, liema minnhom tkun l-ewwel. It-terminu "film" għandu jfisser xogħol ċinematografiku jew awdjoviżiv jew sekwenza ta' xbiehat li jiċċaqilqu, kemm jekk ikunu akkumpanjati mill-ħoss sew jekk le. 4. Id-drittijiet ta' l-organizzazzjonijiet tax-xandir għandhom jiskadu 50 sena wara l-ewwel trasmissjoni ta' xandira, sew jekk din ix-xandira tkun trasmessa bil-fili jew bl-ajru, inklużi bil-cable jew satellita. Artikolu 4 Protezzjoni ta' xogħlijiet mhux pubblikati qabel Kull persuna li, wara l-iskadenza tal-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-awtur, għall-ewwel darba tippubblika legalment jew tikkomunika legalment lill-pubbliku xogħol mhux ippubblikat qabel, għandha tibbenefika minn protezzjoni ekwivalenti għad-drittijiet ekonomiċi ta' l-awtur. Il-perjodu ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet għandu jkun ta' 25 sena minn meta x-xogħol ikun ippubblikat għall-ewwel darba jew komunikat legalment lill-pubbliku. Artikolu 5 Pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi L-Istati Membri jistgħu jipproteġu pubblikazzjonijiet kritiċi u xjentifiċi ta' xogħlijiet li jkunu ġew fl-isfera pubblika. Il-perjodu massimu ta' protezzjoni ta' dawn id-drittijiet għandu jkun ta' 30 sena minn meta l-pubblikazzjoni kienet legalment ippubblikata għall-ewwel darba. Artikolu 6 Protezzjoni ta' fotografiji Il-fotografiji li jkunu oriġinali fis-sens li jkunu l-kreazzjoni intellettwali ta' l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti skond l-Artikolu 1. L-ebda kriterji oħra m'għandhom ikunu applikati biex jistabbilixxu l-eliġibbiltà tagħhom għall-protezzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għall-protezzjoni ta' fotografiji oħra. Artikolu 7 Protezzjoni fir-rigward ta' pajjiżi terzi 1. Fejn il-pajjiż ta' oriġini ta' xogħol, fit-tifsira tal-Konvenzjoni ta' Berna, ikun pajjiż terz, u l-awtur tax-xogħol ma jkunx ċittadin tal-Komunità, il-perjodu ta' protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi fid-data ta' skadenza tal-protezzjoni mogħtija mill-pajjiż ta' oriġini tax-xogħol, iżda ma jistax jaqbeż il-perjodu stipulat fl-Artikolu 1. 2. Il-perjodi ta' protezzjoni stipulati fl-Artikolu 3 għandhom japplikaw ukoll fil-każ fejn id-detenturi tad-drittijiet ma jkunux ċittadini tal-Komunità, kemm-il darba l-Istati Membri jagħtuhom protezzjoni. Madankollu, mingħajr ħsara għall-obbligi internazzjonali ta' l-Istati Membri, il-perjodu ta' protezzjoni mogħti mill-Istati Membri għandu jiskadi mhux aktar tard mid-data ta' skadenza tal-protezzjoni mogħtija fil-pajjiż li tiegħu d-detentur tad-drittijiet ikun ċittadin u ma jistax jeċċedi il-perjodu stipulat fl-Artikolu 3. 3. L-Istati Membri li, fid- 29 ta' Ottubru 1993, b'mod partikolari skond l-obbligi internazzjonali tagħhom, ikunu taw perjodu itwal ta' protezzjoni minn dak li jirriżulta mid-dispożizzjonijet tal-paragrafi 1 u 2 jistgħu jżommu din il-protezzjoni sal-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali dwar il-perjodu tal-protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awtur jew ta' drittijiet relatati. Artikolu 8 Il-kalkolu tal-perjodi Il-perjodi stipulati f'din id-Direttiva għandhom jiġu kkalkolati mill-ewwel jum ta' Jannar tas-sena li ssegwi l-fatt li jagħti bidu għad-dritt. Artikolu 9 Drittijiet morali Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijet ta' l-Istati Membri li jirregolaw id-drittijiet morali. Artikolu 10 Applikazzjoni kronoloġika 1. Fejn perjodu ta' protezzjoni, li jkun itwal mill-perjodu li jikkorrispondi għall-perjodu previst f'din id-Direttiva, ikun diġà beda jiddekorri fi Stat Membru fl- 1 ta' Lulju 1995, din id-Direttiva m'għandhiex ikollha l-effett li tqassar dak il-perjodu f'dak l-Istat Membru. 2. Il-perjodi ta' protezzjoni previsti f'din id-Direttiva għandhom japplikaw għax-xogħlijiet u s-suġġetti kollha li jkunu protetti f'għall-inqas Stat Membru wieħed fid-data msemmija fil-paragrafu 1, skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta' l-awtur jew drittijiet relatati jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-Direttiva [92/100/KEE tal-Kunsill tad- 19 ta' Novembru 1992 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta' l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali] [5]. 3. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr ħsara għal kull att ta' sfruttament imwettaq qabel id-data msemmija fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijet meħtieġa biex jipproteġu b'mod partikolari drittijiet miksuba ta' pajjiżi terzi. 4. L-Istati Membri mhumiex meħtieġa japplikaw id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 2(1) għal xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi maħluqin qabel l- 1 ta' Lulju 1994. Artikolu 11 Notifika u Komunikazzjoni 1. L-Istati Membri għandhom minnufih jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull pjan governattiv sabiex jingħataw drittijiet relatati ġodda, inklużi r-raġunijiet bażiċi għall-introduzzjoni tagħhom u l-perjodu ta' protezzjoni previst. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijet tal-liġijiet interni li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva. Artikolu 12 Tħassir Id-Direttiva 93/98/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi indikati fil-Parti B ta' l-Anness I. Referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II. Artikolu 13 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 14 Stati indirizzati Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006. Għall-Parlament Ewropew Il-President J. Borrell fontelles Għall-Kunsill Il-President M. Pekkarinen [1] Opinjoni ta' l- 26 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Novembru 2006. [3] ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10). [4] Ara l-Anness I, Parti A. [5] ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2001/29/KE. -------------------------------------------------- ANNESS I Parti A Direttiva mħassra flimkien ma' l-emendi tagħha Direttiva 93/98/KEE tal-Kunsill (ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9) | | Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10) | L-Artikolu 11(2) biss | Parti B Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni (imsemmi fl-Artikolu 12) Direttiva | Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni | Data ta' applikazzjoni | 93/98/KEE | L- 1 ta' Lulju 1995 (l-Artikoli 1 sa 11) | Id- 19 ta' Novembru 1993 (l-Artikolu 12) Mhux iktar tard mill- 1 ta' Lulju 1997 għall-Artikolu 2(1) (l-Artikolu 10(5)) | 2001/29/KE | It- 22 ta' Diċembru 2002 | | -------------------------------------------------- ANNESS II Tabella ta' korrelazzjoni Direttiva 93/98/KEE | Din id-Direttiva | Artikoli 1 sa 9 Artikoli 10(1) sa (4) Artikolu 10(5) Artikolu 11 Artikolu 12 Artikolu 13(1) l-ewwel sub-paragrafu Artikolu 13(1) it-tieni sub-paragrafu Artikolu 13(1) it-tielet sub-paragrafu Artikolu 13(2) — — Artikolu 14 — — | Artikoli 1 sa 9 Artikoli 10(1) sa (4) — — Artikolu 11(1) — — Artikolu 11(2) — Artikolu 12 Artikolu 13 Artikolu 14 Anness I Anness II | --------------------------------------------------