32006L0114


Titolu u referenza

Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE.

 ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 15 Volume 18 P. 229 - 235
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 15 Volume 18 P. 229 - 235

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat- 12 ta' Diċembru 2006

dwar reklamar qarrieqi u komparattiv

(verżjoni kodifikata)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Id-Direttiva 84/450/KEE tal- Kunsill ta’ l- 10 ta' Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv [3] ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali [4]. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

(2) Il-liġijiet kontra reklamar qarrieqi li hemm fis-seħħ fl-Istati Membri jvarjaw ħafna. La darba r-reklamar jmur lil hinn mill-fruntieri ta’ Stati Membri individwali, għandu effett dirett fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

(3) Ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(4) Ir-reklamar, sew jekk jirriżultax f’kuntratt jew le, jaffettwa l-qagħda ekonomika tal-konsumaturi u kummerċjanti.

(5) Id-differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar li jqarraq fin-negozju jfixklu t-twettiq ta’ kampanji ta’ reklamar lil hinn minn fruntieri nazzjonali u hekk jaffettwaw iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija u l-provvista ta’ servizzi.

(6) Il-kisba tal-kompletezza tas-suq intern tfisser firxa wiesgħa ta' għażla. Ladarba l-konsumaturi u l-kummerċjanti jistgħu u għandhom jagħmlu l-aħjar użu possibbli mis-suq intern, u r-reklamar huwa mezz importanti ħafna sabiex joħloq sbokki ġenwini għall-merkanzija u servizzi fi ħdan il-Komunità kollha, id-dispożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu uniformi u l-kondizzjonijiet għall-użu ta' reklamar komparattiv fl-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, dan il-fatt għandu jgħin sabiex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi. Ir-reklamar komparattiv jista' jistimula wkoll kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-merkanzija u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumatur.

(7) Għandhom jiġu stabbiliti kriterji minimi u oġġettivi sabiex jiġi determinat jekk reklamar huwiex qarrieqi.

(8) Ir-reklamar komparattiv, meta jikkompara karatteristiċi materjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u ma jkunx qarrieqi, jista' jkun mezz leġittimu sabiex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom. Hu siewi li jkun hemm kunċett wiesa' ta' reklamar komparattiv sabiex jirregola l-modi kollha ta' reklamar komparattiv.

(9) Il-kondizzjonijiet għal reklamar komparattiv permess, sa fejn jirrigwarda l-paragun, għandhom ikunu stabbiliti sabiex jistabbilixxu liema prattiċi relatati mar-reklamar komparattiv jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni, ikunu detrimentali għal kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur. Dawn il-kondizzjonijiet ta' reklamar permess għandhom jinkludu kriterji ta' paragun oġġettiv ta' karatteristiċi ta' merkanzija u servizzi.

(10) Il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta' l-awtur kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali għandhom japplikaw meta r-riżultati ta' testijiet komparattivi mwettqa minn terzi jissemmew jew ikunu riprodotti f'reklamar komparattiv;

(11) Il-kondizzjonijiet ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu kumulattivi u rispettati kollha kemm huma. Skond it-Trattat, l-għażla ta' forom u metodi għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet għandhom jitħallew għall-Istati Membri, sakemm dawk il-forom u metodi mhumiex diġà stipulati minn din id-Direttiva.

(12) Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu, b'mod partikulari, konsiderazzjoni għad- dispożizzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l- 20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-desinjazzjonijiet ta' oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel [5], u b'mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu, u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità adottati fil-qasam agrikolu.

(13) L-Artikolu 5 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal- 21 ta' Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks [6] jagħti drittijiet esklussivi lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata, inkluż id-dritt li jipprevjeni lil terzi milli jużaw, fin-negozju, kull simbolu li jkun identiku jew simili għat-trade mark relattivament għal merkanzija jew servizzi identiċi jew ukoll, fejn ikun il-każ, għal merkanzija oħra.

(14) Madankollu, jistà jkun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jiġu identifikati l-merkanzija jew servizzi ta' kompetitur u li jagħmel referenza għal trade mark jew isem ta' ditta li tagħhom dan ta' l-aħħar ikun il-proprjetarju.

(15) Dan l-użu ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra, ma jiksirx dan id-dritt esklussiv f'każi fejn ikun konformi mal-kondizzjonijiet stipulati minn din id-Direttiva, l-iskop maħsub huwa biss li jiddistingwu bejniethom u b'hekk li oġġettivament joħorġu aħjar id-differenzi.

(16) Il-persuni jew organizzazzjonijiet meqjusa skond il-liġi nazzjonali li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni għandhom ikollhom faċilitajiet sabiex jagħtu bidu għal proċeduri kontra reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti sabiex tiddeċidi dwar l-ilmenti jew sabiex jagħtu bidu għal proċeduri legali xierqa.

(17) Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ikollhom setgħat li bihom ikunu jistgħu jordnaw jew jiksbu l-waqfien ta' reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess. F'ċerti każijiet jista' jkun mixtieq li jipprojbixxu reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess anke qabel dan jiġi ppubblikat. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu regoli li jeħtieġu vvettjar sistematiku minn qabel ta' reklamar.

(18) Il-kontroll volontarju eżerċitat mill-korpi awto-regolatorji sabiex jeliminaw reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi jista' jevita r-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u għandu għalhekk ikun imħeġġeġ.

(19) Waqt li l-oneru tal-prova għandu jiġi stabbilit skond il-liġi nazzjonali, huwa xieraq li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi jkunu jistgħu jobbligaw lill-kummerċjanti jipproduċu prova dwar l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali li jkunu ressqu.

(20) Ir-regolamentazzjoni ta' reklamar komparattiv hija meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Hija għalhekk meħtieġa azzjoni fil-livell Komunitarju. L-adozzjoni ta' Direttiva huwa l-istrument addatt għaliex din tistipula prinċipji uniformi ġenerali fil-waqt li tippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu l-forma u l-metodu xieraq li bihom jilħqu dawn l-għanijiet. Dan ikun skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà.

(21) Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward it-termini ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u mill-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) "reklamar" tfisser l-għemil ta’ rappreżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

(b) "reklamar qarrieqi" tfisser kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluża l-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew probabbilment iqarraq bil-persuni li lejhom ikun indirizzat jew li għandhom jasal u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, probabbilment jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew probabbilment jagħmel ħsara lil xi kompetitur;

(ċ) "reklamar komparattiv" tfisser kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur;

(d) "kummerċjant" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;

(e) "sid ta’ kodiċi" tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh.

Artikolu 3

Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tiegħu kollha, u b’mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar:

(a) il-karatteristiċi tal-merkanzija jew servizzi, bħad-disponibbiltà tagħhom, in-natura, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, il-metodu u d-data ta’ manifattura jew provvista, kemm ikunu adattati għall-iskop, l-użu, il-kwantita, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati normalment mistennija mill-użu tagħhom, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi materjali tat-testijiet jew kontrolli mwettqa fuq il-merkanzija jew servizzi;

(b) il-prezz jew il-manjiera li bihom l-prezz jiġi kkalkolat, u l-kondizzjonijiet li bihom il-merkanzija tkun provduta jew is-servizzi jkunu mogħtija;

(ċ) in-natura, l-attributi u d-drittijiet ta’ min jagħmel ir-reklam, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki u l-pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premjijiet u d-distinzjonijiet miksuba minnu.

Artikolu 4

Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ma jqarraqx fis-sens ta’ l-Artikoli 2(b), 3 u 8(1) ta’ din id-Direttiva jew ta' l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern ("Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali") [7];

(b) jagħmel paragun bejn merkanzija jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan;

(ċ) jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkanziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz;

(d) la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew marki oħra distintivi, il-merkanzija, is-servizzi, l-attivitajiet jew iċ-ċirkostanzi ta’ kompetitur;

(e) jirreferi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl-istess titlu;

(f) ma jiħux vantaġġ żlealment mir-reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ kompetitur jew tat-titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti;

(g) ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett;

(h) ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta’ xi kompetitur.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri.

Tali mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu r-reklamar qarrieqi jew li jirregolaw ir-reklamar komparattiv jistgħu:

(a) jieħdu azzjoni legali kontra tali reklamar;

jew

(b) iġibu każijiet ta’ tali reklamar quddiem awtorità amministrattiva li jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għal proċedimenti legali adegwati.

2. Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema mezz imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħux jesiġu li jkun sar rikors qabel għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6.

Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi:

(a) jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew flimkien kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku;

u

(b) jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi relevanti jippromwovi in-nonkonformità mar-rekwiżiti legali.

3. Skond id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi setgħat, f’każi fejn iqisu li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa waqt li jikkunsidraw l-interessi involuti kollha u b’mod partikulari l-interess pubbliku:

(a) sabiex jordnaw il-waqfien ta', jew sabiex jistabbilixxu proċedimenti legali xierqa għal ordni għat-twaqqif ta' reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi;,

jew

(b) jekk ir-reklamar qarrieqi jew ir-reklamar komparattiv kontra l-liġi ma jkunx għadu ppubblikat iżda l-pubblikazzjoni tkun fil-qrib, sabiex jordnaw il-projbizzjoni ta', jew sabiex jistabbilixxu proċeduri legali xierqa għal ordni ta' projbizzjoni ta', din il-pubblikazzjoni.

L-ewwel subparagrafu japplika ukoll meta m’hemmx prova ta’ telf jew ħsara effettiv jew ta’ intenzjoni jew negliġenza min-naħa tar-reklamant.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu li għandhom jittieħdu skond proċedura aċċelerata jew b’effett intermedju jew b’effett definittiv, fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri.

4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi setgħat, bl-għan li jeliminaw l-effetti kontinwi ta' reklamar qarrieqi jew ta' reklamar komparattiv kontra l-liġi li t-terminazzjoni tiegħu kienet ordnata b'deċiżjoni finali:

(a) sabiex jesiġu l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fl-interità jew f’parti u f’dik il-forma li huma jqisu adegwata;

(b) sabiex jesiġu, minbarra dan, il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva.

5. L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom:

(a) ikunu kkostitwiti hekk li ma jitfgħux dubbju fuq l-imparzjalità tagħhom;

(b) ikollhom setgħat biżżejjed, fejn huma jiddeċiedu dwar ilmenti, sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament;

(ċ) normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

6. Fejn is-setgħat imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 ikunu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, dejjem għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. F’dan il-każ, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal proċeduri li bihom it-twettiq mhux xieraq jew mhux raġonevoli minn awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas mhux xieraq jew mhux raġonevoli tat-twettiq tas-setgħat imsemmija jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja.

Artikolu 6

Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll volontarju, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta' reklamar qarrieqi jew komparattiv minn korpi awto-regolatorji u r-rikors għal korpi bħal dawn mill-persuni jew organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) sakemm il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi jkunu addizzjonali għall-proċedimenti fil-qrati jew għall-proċedimenti amministrattivi msemmija f'dak l-Artikolu.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi setgħat sabiex ikunu jistgħu fil-proċeduri ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 5:

(a) jesiġu mir-reklamant prova ta' l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar jekk, b'kont meħud ta' l-interessi leġittimi tar-reklamant u ta' kull parti oħra fil-proċedimenti, tali rekwiżit jidher xieraq fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u fil-każ ta' reklamar komparattiv jesiġu mir-reklamant tali prova f'perjodu qasir ta' żmien;

u

(b) jikkunsidraw pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova mitluba skond il-punt (a) ma tingħatax jew titqies bħala mhux suffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva.

Artikolu 8

1. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri.

L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l-paragun.

2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar reklamar għal prodotti u/jew servizzi speċifiċi jew għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq reklamar f'media partikulari;

3. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar reklamar komparattiv m'għandhomx jobbligaw lill-Istati Membri li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet ta' reklamar rigward ċerti merkanziji jew servizzi, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività kummerċjali, industrijali, ta' sengħa jew professjonali, sabiex jippermetu reklamar komparattiv rigward dawk il-merkanziji jew servizzi. Fejn dawn il-projbizzjonijiet ikunu limitati għal media partikulari, din id-Direttiva għandha tapplika għall-media li ma tkunx regolata minn dawn il-projbizzjonijiet.

4. Xejn f'din id-Direttiva m'għandu jżomm lill-Istati Membri, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, milli iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq l-użu ta' paraguni fir-reklamar ta' servizzi professjonali, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali kollha tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 10

Id-Direttiva 84/450/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 11

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fit- 12 ta' Diċembru 2007.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

M. Pekkarinen

[1] Opinjoni ta' l- 26 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Novemberu 2006

[3] ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

[4] Ara l-Anness I, Parti A.

[5] ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

[6] ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 92/10/KEE (ĠU L 6, 11.1.1992, p. 35).

[7] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

--------------------------------------------------

ANNESS I

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi suċċessivi tagħha

Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE (ĠU L 250, tas-19.9.1984, p. 17) | |

Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tas-23.10.1997, p. 18) | |

Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22) | l-Artikolu 14 biss |

PARTI B

Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u applikazzjoni

(imsemmi fl-Artikolu 10)

Direttiva | Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni | Data ta’ Applikazzjoni |

84/450/KEE | L- 1 ta’ Ottubru, 1986 | — |

97/55/KE | It- 23 ta’ April 2000 | — |

2005/29/KE | 12 ta’ Ġunju 2007 | 12 ta’ Diċembru 2007 |

--------------------------------------------------

ANNESS II

TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

Direttiva 84/450/KEE | Din id-Direttiva |

Artikolu 1 | Artikolu 1 |

Artikolu 2, kliem introduttorju | Artikolu 2, kliem introduttorju |

Artikolu 2(1) | Artikolu 2(a) |

Artikolu 2(2) | Artikolu 2(b) |

Artikolu 2(2a) | Artikolu 2(c) |

Artikolu 2(3) | Artikolu 2(d) |

Artikolu 2(4) | Artikolu 2(e) |

Artikolu 3 | Artikolu 3 |

Artikolu 3a(1) | Artikolu 4 |

Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza | Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu |

Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza | Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu |

Artikolu 4(1) it-tieni subparagrafu | Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu |

Artikolu 4(1) it-tielet subparagrafu | Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu |

Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju | Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju |

Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż | Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu punt (a) |

Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż | Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu punt (b) |

Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, kliem finali | Artikolu 5(3), it-tieni subparagrafu |

Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu |

Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu |

Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu |

Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, kliem finali | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu |

Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu kliem introduttorju | Artikolu 5(4) kliem introduttorju |

Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu l-ewwel inċiż | Artikolu 5(4) (a) |

Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu it-tieni inċiż | Artikolu 5(4) (b) |

Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 5(5) |

Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu | Artikolu 5(6) |

Artikolu 5 | Artikolu 6 |

Artikolu 6 | Artikolu 7 |

Artikolu 7(1) | Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu |

Artikolu 7(2) | Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu |

Artikolu 7(3) | Artikolu 8(2) |

Artikolu 7(4) | Artikolu 8(3) |

Artikolu 7(5) | Artikolu 8(4) |

Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu | — |

Artikolu 8, it-tieni subparagrafu | Artikolu 9 |

— | Artikolu 10 |

— | Artikolu 11 |

Artikolu 9 | Artikolu 12 |

— | Anness I |

— | Anness II |

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet