Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata) Test b’relevanza għaż-ŻEE.
Official Journal L 376 , 27/12/2006 P. 0021 - 0027
Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (verżjoni kodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], Billi: (1) Id-Direttiva 84/450/KEE tal- Kunsill ta’ l- 10 ta' Settembru 1984 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv [3] ġiet emendata kemm-il darba b’mod sostanzjali [4]. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata. (2) Il-liġijiet kontra reklamar qarrieqi li hemm fis-seħħ fl-Istati Membri jvarjaw ħafna. La darba r-reklamar jmur lil hinn mill-fruntieri ta’ Stati Membri individwali, għandu effett dirett fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. (3) Ir-reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. (4) Ir-reklamar, sew jekk jirriżultax f’kuntratt jew le, jaffettwa l-qagħda ekonomika tal-konsumaturi u kummerċjanti. (5) Id-differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-reklamar li jqarraq fin-negozju jfixklu t-twettiq ta’ kampanji ta’ reklamar lil hinn minn fruntieri nazzjonali u hekk jaffettwaw iċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija u l-provvista ta’ servizzi. (6) Il-kisba tal-kompletezza tas-suq intern tfisser firxa wiesgħa ta' għażla. Ladarba l-konsumaturi u l-kummerċjanti jistgħu u għandhom jagħmlu l-aħjar użu possibbli mis-suq intern, u r-reklamar huwa mezz importanti ħafna sabiex joħloq sbokki ġenwini għall-merkanzija u servizzi fi ħdan il-Komunità kollha, id-dispożizzjonijiet bażiċi li jirregolaw il-forma u l-kontenut ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu uniformi u l-kondizzjonijiet għall-użu ta' reklamar komparattiv fl-Istati Membri għandhom ikunu armonizzati. Jekk dawn il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, dan il-fatt għandu jgħin sabiex juri oġġettivament il-meriti tal-prodotti komparabbli diversi. Ir-reklamar komparattiv jista' jistimula wkoll kompetizzjoni bejn il-fornituri tal-merkanzija u s-servizzi għal vantaġġ tal-konsumatur. (7) Għandhom jiġu stabbiliti kriterji minimi u oġġettivi sabiex jiġi determinat jekk reklamar huwiex qarrieqi. (8) Ir-reklamar komparattiv, meta jikkompara karatteristiċi materjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi u ma jkunx qarrieqi, jista' jkun mezz leġittimu sabiex jinforma lill-konsumaturi bil-vantaġġ tagħhom. Hu siewi li jkun hemm kunċett wiesa' ta' reklamar komparattiv sabiex jirregola l-modi kollha ta' reklamar komparattiv. (9) Il-kondizzjonijiet għal reklamar komparattiv permess, sa fejn jirrigwarda l-paragun, għandhom ikunu stabbiliti sabiex jistabbilixxu liema prattiċi relatati mar-reklamar komparattiv jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni, ikunu detrimentali għal kompetituri u jkollhom effett negattiv fuq l-għażla tal-konsumatur. Dawn il-kondizzjonijiet ta' reklamar permess għandhom jinkludu kriterji ta' paragun oġġettiv ta' karatteristiċi ta' merkanzija u servizzi. (10) Il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet ta' l-awtur kif ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u mhux kuntrattwali għandhom japplikaw meta r-riżultati ta' testijiet komparattivi mwettqa minn terzi jissemmew jew ikunu riprodotti f'reklamar komparattiv; (11) Il-kondizzjonijiet ta' reklamar komparattiv għandhom ikunu kumulattivi u rispettati kollha kemm huma. Skond it-Trattat, l-għażla ta' forom u metodi għall-implimentazzjoni ta' dawn il-kondizzjonijiet għandhom jitħallew għall-Istati Membri, sakemm dawk il-forom u metodi mhumiex diġà stipulati minn din id-Direttiva. (12) Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu, b'mod partikulari, konsiderazzjoni għad- dispożizzjonijiet li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 ta' l- 20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta' l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-desinjazzjonijiet ta' oriġini għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta' l-ikel [5], u b'mod partikulari l-Artikolu 13 tiegħu, u tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Komunità adottati fil-qasam agrikolu. (13) L-Artikolu 5 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal- 21 ta' Diċembru 1988 sabiex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trade marks [6] jagħti drittijiet esklussivi lill-proprjetarju ta' trade mark reġistrata, inkluż id-dritt li jipprevjeni lil terzi milli jużaw, fin-negozju, kull simbolu li jkun identiku jew simili għat-trade mark relattivament għal merkanzija jew servizzi identiċi jew ukoll, fejn ikun il-każ, għal merkanzija oħra. (14) Madankollu, jistà jkun indispensabbli, sabiex isir reklamar komparattiv effettiv, li jiġu identifikati l-merkanzija jew servizzi ta' kompetitur u li jagħmel referenza għal trade mark jew isem ta' ditta li tagħhom dan ta' l-aħħar ikun il-proprjetarju. (15) Dan l-użu ta' trade mark, isem ta' ditta jew marki distintivi oħra, ma jiksirx dan id-dritt esklussiv f'każi fejn ikun konformi mal-kondizzjonijiet stipulati minn din id-Direttiva, l-iskop maħsub huwa biss li jiddistingwu bejniethom u b'hekk li oġġettivament joħorġu aħjar id-differenzi. (16) Il-persuni jew organizzazzjonijiet meqjusa skond il-liġi nazzjonali li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni għandhom ikollhom faċilitajiet sabiex jagħtu bidu għal proċeduri kontra reklamar qarrieqi u r-reklamar komparattiv kontra l-liġi quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti sabiex tiddeċidi dwar l-ilmenti jew sabiex jagħtu bidu għal proċeduri legali xierqa. (17) Il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ikollhom setgħat li bihom ikunu jistgħu jordnaw jew jiksbu l-waqfien ta' reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess. F'ċerti każijiet jista' jkun mixtieq li jipprojbixxu reklamar qarrieqi u reklamar komparattiv mhux permess anke qabel dan jiġi ppubblikat. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu regoli li jeħtieġu vvettjar sistematiku minn qabel ta' reklamar. (18) Il-kontroll volontarju eżerċitat mill-korpi awto-regolatorji sabiex jeliminaw reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi jista' jevita r-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġudizzjarja u għandu għalhekk ikun imħeġġeġ. (19) Waqt li l-oneru tal-prova għandu jiġi stabbilit skond il-liġi nazzjonali, huwa xieraq li l-qrati u l-awtoritajiet amministrattivi jkunu jistgħu jobbligaw lill-kummerċjanti jipproduċu prova dwar l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali li jkunu ressqu. (20) Ir-regolamentazzjoni ta' reklamar komparattiv hija meħtieġa għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Hija għalhekk meħtieġa azzjoni fil-livell Komunitarju. L-adozzjoni ta' Direttiva huwa l-istrument addatt għaliex din tistipula prinċipji uniformi ġenerali fil-waqt li tippermetti lill-Istati Membri li jagħżlu l-forma u l-metodu xieraq li bihom jilħqu dawn l-għanijiet. Dan ikun skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà. (21) Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward it-termini ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tipproteġi lill-kummerċjanti minn reklamar qarrieqi u mill-konsegwenzi żleali tiegħu u tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom huwa permess ir-reklamar komparattiv. Artikolu 2 Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: (a) "reklamar" tfisser l-għemil ta’ rappreżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi; (b) "reklamar qarrieqi" tfisser kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluża l-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew probabbilment iqarraq bil-persuni li lejhom ikun indirizzat jew li għandhom jasal u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, probabbilment jaffettwa l-imġiba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew probabbilment jagħmel ħsara lil xi kompetitur; (ċ) "reklamar komparattiv" tfisser kull reklamar li espliċitament jew b'deduzzjoni jidentifika kompetitur jew merkanzija jew servizzi offruti minn kompetitur; (d) "kummerċjant" tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi għal skopijiet konnessi mal-kummerċ, sengħa, negozju jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant; (e) "sid ta’ kodiċi" tfisser kwalunkwe entità, inkluż kummerċjant jew grupp ta’ kummerċjanti, responsabbli mit-tfassil u r-reviżjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta u/jew mill-monitoraġġ tal-konformità mal-kodiċi minn dawk li assumew l-obbligu li josservawh. Artikolu 3 Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tiegħu kollha, u b’mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar: (a) il-karatteristiċi tal-merkanzija jew servizzi, bħad-disponibbiltà tagħhom, in-natura, l-eżekuzzjoni, il-kompożizzjoni, il-metodu u d-data ta’ manifattura jew provvista, kemm ikunu adattati għall-iskop, l-użu, il-kwantita, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati normalment mistennija mill-użu tagħhom, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi materjali tat-testijiet jew kontrolli mwettqa fuq il-merkanzija jew servizzi; (b) il-prezz jew il-manjiera li bihom l-prezz jiġi kkalkolat, u l-kondizzjonijiet li bihom il-merkanzija tkun provduta jew is-servizzi jkunu mogħtija; (ċ) in-natura, l-attributi u d-drittijiet ta’ min jagħmel ir-reklam, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki u l-pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premjijiet u d-distinzjonijiet miksuba minnu. Artikolu 4 Ir-reklamar komparattiv għandu, safejn il-paragun huwa konċernat, jiġi permess fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin: (a) ma jqarraqx fis-sens ta’ l-Artikoli 2(b), 3 u 8(1) ta’ din id-Direttiva jew ta' l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern ("Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali") [7]; (b) jagħmel paragun bejn merkanzija jew servizzi li jissodisfaw l-istess ħtiġijiet jew li huma maħsuba għall-istess għan; (ċ) jagħmel paragun oġġettiv bejn wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi essenzjali, relevanti, verifikabbli u rappreżentattivi ta’ dawk il-merkanziji u servizzi, li jistgħu jinkludu l-prezz; (d) la jiskredita u lanqas imaqdar it-trade marks, l-ismijiet kummerċjali, jew marki oħra distintivi, il-merkanzija, is-servizzi, l-attivitajiet jew iċ-ċirkostanzi ta’ kompetitur; (e) jirreferi, għal prodotti b’titlu ta’ oriġini, f’kull każ għal prodotti bl-istess titlu; (f) ma jiħux vantaġġ żlealment mir-reputazzjoni ta’ trade mark, ta’ isem kummerċjali jew ta’ marki oħra distintivi ta’ kompetitur jew tat-titlu ta’ oriġini ta’ prodotti konkorrenti; (g) ma jippreżentax merkanzija jew servizzi bħala imitazzjonijiet jew repliki ta’ merkanzija jew servizzi li għandhom trade mark jew isem kummerċjali protett; (h) ma joħloqx konfużjoni bejn kummerċjanti, bejn dak li jirreklama u xi kompetitur jew bejn it-trade marks, ismijiet kummerċjali jew marki oħra distintivi, merkanzija jew servizzi tar-riklamant u dawk ta’ xi kompetitur. Artikolu 5 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġi miġġieled ir-reklamar qarrieqi u jinfurzaw konformità mad-dispożizzjonijiet dwar reklamar komparattiv fl-interess tal-kummerċjanti u tal-kompetituri. Tali mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizzazzjonijiet li f’għajnejn il-liġi nazzjonali għandhom interess leġittimu li jiġġieldu r-reklamar qarrieqi jew li jirregolaw ir-reklamar komparattiv jistgħu: (a) jieħdu azzjoni legali kontra tali reklamar; jew (b) iġibu każijiet ta’ tali reklamar quddiem awtorità amministrattiva li jkollha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar ilmenti jew li tagħti bidu għal proċedimenti legali adegwati. 2. Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema mezz imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandu jkun disponibbli u li jiddeċiedi jekk il-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi jistgħux jesiġu li jkun sar rikors qabel għal mezzi stabbiliti oħra tat-trattament ta’ ilmenti, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6. Għandu jkun għal kull Stat Membru li jiddeċiedi: (a) jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti separatament jew flimkien kontra numru ta’ kummerċjanti fl-istess settur ekonomiku; u (b) jekk dawn il-mezzi legali jistgħux jiġu diretti kontra sid ta’ kodiċi fejn il-kodiċi relevanti jippromwovi in-nonkonformità mar-rekwiżiti legali. 3. Skond id-dispożizzjonijiet msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi setgħat, f’każi fejn iqisu li dawn il-miżuri jkunu meħtieġa waqt li jikkunsidraw l-interessi involuti kollha u b’mod partikulari l-interess pubbliku: (a) sabiex jordnaw il-waqfien ta', jew sabiex jistabbilixxu proċedimenti legali xierqa għal ordni għat-twaqqif ta' reklamar qarrieqi jew reklamar komparattiv kontra l-liġi;, jew (b) jekk ir-reklamar qarrieqi jew ir-reklamar komparattiv kontra l-liġi ma jkunx għadu ppubblikat iżda l-pubblikazzjoni tkun fil-qrib, sabiex jordnaw il-projbizzjoni ta', jew sabiex jistabbilixxu proċeduri legali xierqa għal ordni ta' projbizzjoni ta', din il-pubblikazzjoni. L-ewwel subparagrafu japplika ukoll meta m’hemmx prova ta’ telf jew ħsara effettiv jew ta’ intenzjoni jew negliġenza min-naħa tar-reklamant. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu li għandhom jittieħdu skond proċedura aċċelerata jew b’effett intermedju jew b’effett definittiv, fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri. 4. L-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati jew awtoritajiet amministrattivi setgħat, bl-għan li jeliminaw l-effetti kontinwi ta' reklamar qarrieqi jew ta' reklamar komparattiv kontra l-liġi li t-terminazzjoni tiegħu kienet ordnata b'deċiżjoni finali: (a) sabiex jesiġu l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fl-interità jew f’parti u f’dik il-forma li huma jqisu adegwata; (b) sabiex jesiġu, minbarra dan, il-pubblikazzjoni ta’ stqarrija korrettiva. 5. L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 għandhom: (a) ikunu kkostitwiti hekk li ma jitfgħux dubbju fuq l-imparzjalità tagħhom; (b) ikollhom setgħat biżżejjed, fejn huma jiddeċiedu dwar ilmenti, sabiex jissorveljaw u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament; (ċ) normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom. 6. Fejn is-setgħat imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 ikunu eżerċitati esklussivament minn awtorità amministrattiva, dejjem għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha. F’dan il-każ, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet għal proċeduri li bihom it-twettiq mhux xieraq jew mhux raġonevoli minn awtorità amministrattiva tas-setgħat tagħha jew in-nuqqas mhux xieraq jew mhux raġonevoli tat-twettiq tas-setgħat imsemmija jistgħu jkunu suġġetti għal reviżjoni ġudizzjarja. Artikolu 6 Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll volontarju, li l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, ta' reklamar qarrieqi jew komparattiv minn korpi awto-regolatorji u r-rikors għal korpi bħal dawn mill-persuni jew organizzazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) sakemm il-proċedimenti quddiem dawn il-korpi jkunu addizzjonali għall-proċedimenti fil-qrati jew għall-proċedimenti amministrattivi msemmija f'dak l-Artikolu. Artikolu 7 L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi setgħat sabiex ikunu jistgħu fil-proċeduri ċivili jew amministrattivi msemmija fl-Artikolu 5: (a) jesiġu mir-reklamant prova ta' l-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar jekk, b'kont meħud ta' l-interessi leġittimi tar-reklamant u ta' kull parti oħra fil-proċedimenti, tali rekwiżit jidher xieraq fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari u fil-każ ta' reklamar komparattiv jesiġu mir-reklamant tali prova f'perjodu qasir ta' żmien; u (b) jikkunsidraw pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk il-prova mitluba skond il-punt (a) ma tingħatax jew titqies bħala mhux suffiċjenti mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva. Artikolu 8 1. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva, fir-rigward ta’ reklamar qarrieqi, għall-kummerċjanti u għall-kompetituri. L-ewwel subparagrafu m'għandux japplika għal reklamar komparattiv sa fejn jirrigwarda l-paragun. 2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Komunità dwar reklamar għal prodotti u/jew servizzi speċifiċi jew għal restrizzjonijiet jew projbizzjonijiet fuq reklamar f'media partikulari; 3. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar reklamar komparattiv m'għandhomx jobbligaw lill-Istati Membri li, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet ta' reklamar rigward ċerti merkanziji jew servizzi, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività kummerċjali, industrijali, ta' sengħa jew professjonali, sabiex jippermetu reklamar komparattiv rigward dawk il-merkanziji jew servizzi. Fejn dawn il-projbizzjonijiet ikunu limitati għal media partikulari, din id-Direttiva għandha tapplika għall-media li ma tkunx regolata minn dawn il-projbizzjonijiet. 4. Xejn f'din id-Direttiva m'għandu jżomm lill-Istati Membri, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, milli iżommu jew jintroduċu projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq l-użu ta' paraguni fir-reklamar ta' servizzi professjonali, sew jekk imposti direttament jew minn korp jew organizzazzjoni responsabbli, skond il-liġi ta' l-Istati Membri, sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta' attività professjonali. Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali kollha tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva. Artikolu 10 Id-Direttiva 84/450/KEE hija b'dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni tad-Direttivi kif stabbilit fil-Parti B ta' l-Anness I. Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala magħmula għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II. Artikolu 11 Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fit- 12 ta' Diċembru 2007. Artikolu 12 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006. Għall-Parlament Ewropew Il-President J. Borrell Fontelles Għall-Kunsill Il-President M. Pekkarinen [1] Opinjoni ta' l- 26 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 12 ta' Ottubru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 30 ta' Novemberu 2006 [3] ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22). [4] Ara l-Anness I, Parti A. [5] ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. [6] ĠU L 40, 11.2.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 92/10/KEE (ĠU L 6, 11.1.1992, p. 35). [7] ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22. -------------------------------------------------- ANNESS I PARTI A Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emendi suċċessivi tagħha Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE (ĠU L 250, tas-19.9.1984, p. 17) | | Direttiva 97/55/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tas-23.10.1997, p. 18) | | Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22) | l-Artikolu 14 biss | PARTI B Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u applikazzjoni (imsemmi fl-Artikolu 10) Direttiva | Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni | Data ta’ Applikazzjoni | 84/450/KEE | L- 1 ta’ Ottubru, 1986 | — | 97/55/KE | It- 23 ta’ April 2000 | — | 2005/29/KE | 12 ta’ Ġunju 2007 | 12 ta’ Diċembru 2007 | -------------------------------------------------- ANNESS II TABELLA TA’ KORRELAZZJONI Direttiva 84/450/KEE | Din id-Direttiva | Artikolu 1 | Artikolu 1 | Artikolu 2, kliem introduttorju | Artikolu 2, kliem introduttorju | Artikolu 2(1) | Artikolu 2(a) | Artikolu 2(2) | Artikolu 2(b) | Artikolu 2(2a) | Artikolu 2(c) | Artikolu 2(3) | Artikolu 2(d) | Artikolu 2(4) | Artikolu 2(e) | Artikolu 3 | Artikolu 3 | Artikolu 3a(1) | Artikolu 4 | Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza | Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 4(1) l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza | Artikolu 5(1), it-tieni subparagrafu | Artikolu 4(1) it-tieni subparagrafu | Artikolu 5(2), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 4(1) it-tielet subparagrafu | Artikolu 5(2), it-tieni subparagrafu | Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju | Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, kliem introduttorju | Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel inċiż | Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu punt (a) | Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni inċiż | Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu punt (b) | Artikolu 4(2), l-ewwel subparagrafu, kliem finali | Artikolu 5(3), it-tieni subparagrafu | Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, kliem introduttorju | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu | Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu | Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, it-tieni inċiż | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu | Artikolu 4(2), it-tieni subparagrafu, kliem finali | Artikolu 5(3), it-tielet subparagrafu | Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu kliem introduttorju | Artikolu 5(4) kliem introduttorju | Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu l-ewwel inċiż | Artikolu 5(4) (a) | Artikolu 4(2), it-tielet subparagrafu it-tieni inċiż | Artikolu 5(4) (b) | Artikolu 4(3), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 5(5) | Artikolu 4(3), it-tieni subparagrafu | Artikolu 5(6) | Artikolu 5 | Artikolu 6 | Artikolu 6 | Artikolu 7 | Artikolu 7(1) | Artikolu 8(1), l-ewwel subparagrafu | Artikolu 7(2) | Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu | Artikolu 7(3) | Artikolu 8(2) | Artikolu 7(4) | Artikolu 8(3) | Artikolu 7(5) | Artikolu 8(4) | Artikolu 8, l-ewwel subparagrafu | — | Artikolu 8, it-tieni subparagrafu | Artikolu 9 | — | Artikolu 10 | — | Artikolu 11 | Artikolu 9 | Artikolu 12 | — | Anness I | — | Anness II | --------------------------------------------------