32006L0040


Titolu u referenza

Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

 ĠU L 161, 14.6.2006, p. 12–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 15 Volume 16 P. 84 - 90
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 15 Volume 16 P. 84 - 90

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Direttiva 2006/40/KE Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 17 ta' Mejju 2006

dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ta' l- 14 ta' Marzu 2006.

Billi:

(1) Is-suq intern jinvolvi spazju mingħajr fruntieri interni li fih għandu jiġi żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital u għal dak il-għan teżisti sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur. Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja għandhom jiġu armonizzati sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta' rekwiżiti li huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern.

(2) Numru li qed jikber ta' Stati Membri għandhom il-ħsieb li jirregolaw l-użu ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur bħala konsegwenza tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal- 25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta' l-obbligi taħtu [3]. Id-Deċiżjoni timpenja lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi totali tagħhom ta' gassijiet serra elenkati fl-Anness A għall-Protokoll ta' Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990 fil-perjodu mill-2008 sa l-2012. L-implimentazzjoni mhux kordinata ta' dawn l-impenji tinvolvi r-riskju li jinħolqu ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' vetturi bil-mutur fil-Komunità.Għalhekk huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi sabiex jibqgħu aċċettati fis-suq u sabiex jiġu projbiti, minn ċerta data, sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150.

(3) L-emissjonijiet ta' idroflworokarbonju-134a (HFC-134a), li għandu potenzjal ta' tisħin globali ta' 1300, minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur iqajmu tħassib li qiegħed jiżdied minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bidla fil-klima. Huma mistennija li jkunu disponibbli fil-ġejjieni qrib alternattivi għall-idroflworokarbonju-134a (HFC-134a) li huma effiċjenti vis-à-vis in-nefqa involuta u li huma mingħajr periklu. Għandha titwettaq reviżjoni sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tal-progress realizzat fit-trażżin potenzjali ta' emissjonijiet minn gassijiet serra flworinati jew fis-sostituzzjoni ta' gassijiet serra flworinati f'tali sistemi, jekk din id-Direttiva għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi bil-mutur u jekk id-disposizzjonijiet dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' dawn il-gassijiet għandhomx jiġu emendati, b'kont meħud ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi fl-ippjanar tal-produzzjoni industrijali.

(4) Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-projbizzjoni ta' ċerti gassijiet serra flworinati, hemm bżonn li tiġi limitata l-possibbiltà tar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 u li jiġi projbit il-mili ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja b'tali gassijiet.

(5) Sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' ċerti gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur jeħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitativi għar-rati ta' telf u l-proċedura għall-istima tat-telf minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 li huma installati f'vetturi bil-mutur.

(6) Bil-għan li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, il-Protokoll ta' Kyoto u d-Deċiżjoni 2002/358/KE, ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar ċertu gassijiet serra flworinati [4] u din id-Direttiva, li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jiġu adottati u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea simultanjament.

(7) Kwalunkwe manifattur ta' vetturi għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni l-informazzjoni teknika kollha rilevanti dwar is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati u l-gassijiet użati fihom. Fil-każ ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, il-manifattur għandu jagħmel disponibbli wkoll informazzjoni dwar ir-rata tat-telf ta' gass ta' dawn is-sistemi.

(8) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [5].

(9) Din id-Direttiva hija waħda mid-Direttivi separati tal-proċedura Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip li kienet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas- 6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [6]. B'konsegwenza, id-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata kif meħtieġ.

(10) Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġi kontrollat it-telf tal-gassijiet serra flworinati speċifiċi mis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u li jiġu projbiti, minn ċerta data, is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom u jistgħu għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(11) Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet [7], l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti, għas-sistema tal-KE jew għas-sistemi nazzjonali, ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi fir-rigward ta' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u tal-funzjonament mingħajr periklu ta' dawn is-sistemi. Hija tistabbilixxi wkoll disposizzjonijiet dwar ir-rikonfigurazzjoni u r-riforniment ta' tali sistemi.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għal vetturi bil-mutur tal-kategoriji M1 u l-kategorija N1 kif definiti fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-vetturi tal-kategorija N1 huma limitati għal dawk tal-Klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4 ta' l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE ta' l- 20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja b'emissjonijiet minn vetturi b'mutur [8], kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE [9] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) "vettura" tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur li taqa' fl-ambitu ta' din id-Direttiva;

(2) "tip ta' vettura" tfisser tip kif definit fis-sezzjoni B ta' l-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE;

(3) "sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja" tfisser kwalunkwe sistema li l-għan prinċipali tagħha huwa li tnaqqas it-temperatura ta' l-arja u l-umdità tal-kompartiment tal-passiġġieri ta' vettura;

(4) "sistema ta' evaporatur doppju" tfisser sistema fejn evaporatur wieħed huwa mmuntat fil-kompartiment tal-magna u l-ieħor f'kompartiment differenti tal-vettura; is-sistemi l-oħra kollha għandhom ikunu kunsidrati bħala "sistemi ta' evaporatur uniku";

(5) "gassijiet serra flworinati" tfisser idroflworkarbonji (HFCs), perflworokarbonji (PFCs) u eżaflworidu tal-kubrit (SF6) kif imsemmija fl-Anness A mal-Protokoll ta' Kyoto u preparazzjonijiet li jikkontjenu dawn is-sustanzi, iżda teskludi sustanzi kontrollati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu [10];

(6) "idroflworokarbonju" tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju, idroġenu u flworin, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

(7) "perflworokarbonju" tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju u flworin biss, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula;

(8) "potenzjal ta' tisħin globali" tfisser il-potenzjal ta' tisħin klimatiku ta' gass serra flworinat relattivament għal dak tad-diossidu karboniku. Il-potenzjal ta' tisħin globali (GWP) huwa kalkolat f'termini tal-potenzjal ta' tisħin f'100 sena ta' kilogramma ta' gass meta mqabbla ma' kilogramma ta' CO2. Il-figuri GWP rilevanti huma dawk pubblikati fit-tielet rapport ta' valutazzjoni adottat mill-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (il-"valuri IPCC GWP ta' l-2001") [11];

(9) "preparazzjoni" tfisser taħlita komposta minn żewġ sustanzi jew iktar li minnhom almenu waħda hija gass serra flworinat. Il-potenzjal ta' tisħin globali [12] totali tal-preparazzjoni għandu jiġi determinat skond il-Parti 2 ta' l-Anness;

(10) "rikonfigurazzjoni" tfisser l-installazzjoni ta' sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vettura wara li tkun ġiet reġistrata.

Artikolu 4

Obbligi ta' l-Istati Membri

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu, skond kif meħtieġ, l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, fir-rigward ta' l-emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, biss lil tipi ta' vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2. Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni kompleta tat-tip tal-vettura skond l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 70/156/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jipprovdu informazzjoni dwar it-tip ta' refriġerant użat fis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi bil-mutur ġodda.

3. Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi mgħammra b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skond it-test armonizzat għall-iskoperta tat-telf imsemmi fl-Artikolu 7(1), ir-rata tat-telf ta' tali gassijiet ma għandhiex teċċedi l-limiti massimi permissibbli stabbiliti fl-Artikolu 5.

Artikolu 5

Approvazzjoni tat-tip

1. B'effett minn sitt xhur mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet marbuta ma' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja:

(a) jirrifjutaw, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew

(b) jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda

jekk il-vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 tkun konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

2. B'effett minn 12-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l- 1 ta' Jannar 2007, skond liema huwa l-iktar tard, l-Istati Membri ma għandhomx iktar jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku, jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju.

3. B'effett minn 24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l- 1 ta' Jannar 2008, skond liema huwa l-iktar tard, fir-rigward ta' vetturi ġodda mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju, l-Istati Membri għandhom:

(a) jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u

(b) jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz.

4. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150.

5. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2017, fir-rigward ta' vetturi ġodda li huma mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom:

(a) jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u

(b) jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz.

6. Mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja relevanti, b'mod partikolari r-regoli Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxu l-proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar servizzi tas-Soċjeta' ta' l-Informazzjoni1 [13], l-Istati Membri jistgħu jippromwovu l-istallazzjoni ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li huma effiċjenti, innovattivi u jnaqqsu iktar l-impatt tal-klima.

Artikolu 6

Rikonfigurazzjoni u riforniment

1. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2011, vetturi mogħtija approvazzjoni tat-tip minn dik id-data ma għandhomx jiġu rikonfigurati b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2017, l-ebda vettura ma tista' tiġi rikonfigurata b'tali sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja.

2. Is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi b'approvazzjoni tat-tip fl- 1 ta' Jannar 2011 jew wara tali data ma għandhomx jiġu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2017 is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fil-vetturi kollha ma għandhomx ikunu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, bl-eċċezzjoni tar-riforniment tas-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li jikkontjenu dawk il-gassijiet li ġew installati f'vetturi qabel dik id-data.

3. Il-fornituri ta' servizzi li joffru servizz u tiswija ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja ma għandhomx jimlew tali tagħmir b'gassijiet serra flworinati jekk intilef ammont anormali tar-refriġerant mis-sistema, sakemm jiġu kompletati t-tiswijiet meħtieġa.

Artikolu 7

Miżuri implimentattivi

1. Sa l- 4 ta' Lulju 2007 l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5, u b'mod partikolari:

(a) id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip KE ta' vetturi; u

(b) proċedura ta' test għall-kejl tar-rata tat-telf ta' gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja.

2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

4. Il-proċedura imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tapplika għall-adozzjoni, fejn xieraq ta':

(a) miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-funzjonament mingħajr periklu u l-manutenzjoni korretta ta' refriġeranti f'sistemi mobbli ta' kondizzjonament ta' l-arja;

(b) miżuri relatati mar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja u r-riforniment ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fiċ-ċirkolazzjoni sal-punt mhux kopert mill-Artikolu 6;

(ċ) l-adattament, fejn ikun il-każ, tal-metodu tad-determinazzjoni tal-potenzjal ta' tisħin globali rilevanti tal-preparazzjonijiet.

Artikolu 8

Reviżjoni

1. Abbażi tal-progress realizzat fil-kapaċità tat-trażżin ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, jew is-sostituzzjoni tagħhom f'tali sistemi, installati f'vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk:

- il-leġiżlazzjoni attwali għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi, partikolarment il-kategoriji M2 u M3 kif ukoll il-klassijiet II u III tal-kategorija N1; u

- għandhom jiġu emendati d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' gassijiet serra flworinati; kwalunkwe tibdiliet għandhom jieħdu kont ta' żviluppi tekonoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi tal-produzzjoni industrijali,

u għandha tippubblika rapport sa l- 4 ta' Lulju 2011. Fejn meħtieġ, hija għandha tippreżenta proposti leġiżlattivi adatti.

2. Fejn gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, li għadu mhuwiex kopert mir-rapport IPCC imsemmi fl-Artikolu 3(8), jiġi nkluż f'rapport futur ta' l-IPCC, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunx opportun li tiġi emendata din id-Direttiva sabiex tinkludi dak il-gass. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa, hija għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE:

- tadotta l-miżuri meħtieġa; u

- tiddefinixxi l-perjodi transitorji għall-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Permezz ta' dan il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffissat terminu adegwat ta' żmien u r-riskju li l-gass serra flworinat jikkostitwixxi għall-ambjent.

Artikolu 9

Emendi lid-Direttiva 70/156/KEE

Id-Direttiva 70/156/KEE tiġi b'dan emendata skond il-Parti 1 ta' l-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 10

Traspożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa l- 4 ta' Jannar 2008, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill- 5 ta' Jannar 2008.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jikontjenu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru tali riferimenti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

L-indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is- 17 ta' Mejju 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

H. Winkler

[1] ĠU C 108, 30.4.2004, p. 62.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal- 31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 600), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 183 E, 26.7.2005, p. 17), u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 26 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' April 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta' April 2006.

[3] ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1.

[4] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/64/KE (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 27).

[7] ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

[8] ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/76/KE (ĠU L 206, 15.8.2003, p. 29).

[9] ĠU L 350, 28.12.1998, p. 1.

[10] ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27).

[11] It-Tielet Valutazzjoni IPCC tal-Bidla fil-Klima 2001. Rapport tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (http://www.ipcc.ch/pub/reports.htm).

[12] Għall-kalkolu tal-GWP ta' gassijiet serra mhux flworinati fi preparazzjonijiet, għandhom japplikaw il-valuri pubblikati fl-Ewwel Valutazzjoni ta' IPCC, ara: Climate Change, The IPCC Scientific Assessment, J.T. Houghton, G.J. Jenkins, J.J. Ephraums (ed.), Cambridge University Press, Cambridge (UK) 1990.

[13] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

--------------------------------------------------

ANNESS

PARTI 1

Id-Direttiva 70/156/KEE hija emendata kif ġej:

1. Fl-Anness IV, Parti I, jiġu inseriti punt ġdid numerat 61, u nota f'qiegħ il-paġna, kif ġej:

Suġġett | Numru tad-Direttiva | Riferiment għall-Ġurnal Uffiċjali | Applikabbiltà |

M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 |

"61. Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | L 161, 14.6.2006, p. 12 | X | | | X [8] Għall-vetturi tal-kategorija N1 biss u tal-klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4 ta' l-Anness I mad-Direttiva 70/220/KEE kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69." | | | | | | |

2. L-Anness XI jiġi emendat kif ġej:

(a) Fl-Appendiċi 1 jiġi inserit punt ġdid numerat 61 kif ġej:

Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M1 ≤ 2500 (1) kg | M1 ≤ 2500 (1) kg | M2 | M3 |

"61 | Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | X | X" | | |

(b) Fl-Appendiċi 2 jiġi inserit punt ġdid numerat 61 kif ġej:

Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 |

"61 | Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | X | | | W" | | | | | | |

(ċ) Fl-Appendiċi 3 jiġi nserit punt ġdid numerat 61 kif ġej:

Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 |

"61 | Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | | | W" | | | | | | |

(d) Taħt it-titolu "Tifsira ta' l-ittri" tiġi nserita l-ittra li ġejja:

"W Għall-vetturi biss tal-kategorija N1, tal-klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4. ta' l-Anness I mad-Direttiva 70/220/KEE kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE".

PARTI 2

Metodu ta' kalkolu tal-potenzjal totali ta' tisħin globali (GWP) għal preparazzjoni

Il-GWP totali għal preparazzjoni huwa medja ppeżata, derivata mis-somma tal-frazzjonijiet tal-piż tas-sustanzi individwali multiplikati bil-GWP rispettivi tagħhom.

Σ (Sustanza X % x GWP) + (Sustanza Y % x GWP) + … (Sustanza N % x GWP)

fejn % huwa l-kontribut skond il-piż b'tolleranza ta' piż ta' +/- 1 %

Per eżempju: l-applikazzjoni tal-formola għal taħlita teorika ta' gassijiet li tikkonsisti fi 23 % HFC-32; 25 % HFC-125 u 52 % HFC-134a:

Σ (23 % x 550) + (25 % x 3400) + (52 % x 1300)

→ GWP totali = 1652,5

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet