Direttiva 2006/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE Test b'rilevanza għaż-ŻEE.
Official Journal L 161 , 14/06/2006 P. 0012 - 0018
Direttiva 2006/40/KE Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1], Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni ta' l- 14 ta' Marzu 2006. Billi: (1) Is-suq intern jinvolvi spazju mingħajr fruntieri interni li fih għandu jiġi żgurat il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital u għal dak il-għan teżisti sistema Komunitarja ta' approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur. Ir-rekwiżiti tekniċi għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja għandhom jiġu armonizzati sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta' rekwiżiti li huma differenti minn Stat Membru għall-ieħor u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern. (2) Numru li qed jikber ta' Stati Membri għandhom il-ħsieb li jirregolaw l-użu ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur bħala konsegwenza tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/358/KE tal- 25 ta' April 2002 dwar l-approvazzjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta' Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta' l-obbligi taħtu [3]. Id-Deċiżjoni timpenja lill-Komunità u lill-Istati Membri tagħha li jnaqqsu l-emissjonijiet antropoġeniċi totali tagħhom ta' gassijiet serra elenkati fl-Anness A għall-Protokoll ta' Kyoto bi 8 % meta mqabbla mal-livelli ta' l-1990 fil-perjodu mill-2008 sa l-2012. L-implimentazzjoni mhux kordinata ta' dawn l-impenji tinvolvi r-riskju li jinħolqu ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni libera ta' vetturi bil-mutur fil-Komunità.Għalhekk huwa kunsiljabbli li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi sabiex jibqgħu aċċettati fis-suq u sabiex jiġu projbiti, minn ċerta data, sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. (3) L-emissjonijiet ta' idroflworokarbonju-134a (HFC-134a), li għandu potenzjal ta' tisħin globali ta' 1300, minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur iqajmu tħassib li qiegħed jiżdied minħabba l-impatt tagħhom fuq il-bidla fil-klima. Huma mistennija li jkunu disponibbli fil-ġejjieni qrib alternattivi għall-idroflworokarbonju-134a (HFC-134a) li huma effiċjenti vis-à-vis in-nefqa involuta u li huma mingħajr periklu. Għandha titwettaq reviżjoni sabiex jiġi stabbilit, fid-dawl tal-progress realizzat fit-trażżin potenzjali ta' emissjonijiet minn gassijiet serra flworinati jew fis-sostituzzjoni ta' gassijiet serra flworinati f'tali sistemi, jekk din id-Direttiva għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi bil-mutur u jekk id-disposizzjonijiet dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' dawn il-gassijiet għandhomx jiġu emendati, b'kont meħud ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi fl-ippjanar tal-produzzjoni industrijali. (4) Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-projbizzjoni ta' ċerti gassijiet serra flworinati, hemm bżonn li tiġi limitata l-possibbiltà tar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi bil-mutur b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 u li jiġi projbit il-mili ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja b'tali gassijiet. (5) Sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' ċerti gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vetturi bil-mutur jeħtieġ li jiġu stabbiliti valuri limitativi għar-rati ta' telf u l-proċedura għall-istima tat-telf minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 li huma installati f'vetturi bil-mutur. (6) Bil-għan li jikkontribwixxu fit-twettiq ta' l-impenji tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha skond il-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima, il-Protokoll ta' Kyoto u d-Deċiżjoni 2002/358/KE, ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 17 ta' Mejju 2006 dwar ċertu gassijiet serra flworinati [4] u din id-Direttiva, li t-tnejn li huma jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati, għandhom jiġu adottati u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea simultanjament. (7) Kwalunkwe manifattur ta' vetturi għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni ta' l-awtorità ta' l-approvazzjoni l-informazzjoni teknika kollha rilevanti dwar is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati u l-gassijiet użati fihom. Fil-każ ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, il-manifattur għandu jagħmel disponibbli wkoll informazzjoni dwar ir-rata tat-telf ta' gass ta' dawn is-sistemi. (8) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [5]. (9) Din id-Direttiva hija waħda mid-Direttivi separati tal-proċedura Komunitarja ta' l-approvazzjoni tat-tip li kienet stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas- 6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [6]. B'konsegwenza, id-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi emendata kif meħtieġ. (10) Billi l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri li jiġi kontrollat it-telf tal-gassijiet serra flworinati speċifiċi mis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u li jiġu projbiti, minn ċerta data, is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri meta jaġixxu waħedhom u jistgħu għalhekk, minħabba l-firxa u l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet. (11) Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet [7], l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, sa fejn hu possibbli, jillustraw il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi, ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Suġġett Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti, għas-sistema tal-KE jew għas-sistemi nazzjonali, ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi fir-rigward ta' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi u tal-funzjonament mingħajr periklu ta' dawn is-sistemi. Hija tistabbilixxi wkoll disposizzjonijiet dwar ir-rikonfigurazzjoni u r-riforniment ta' tali sistemi. Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni Din id-Direttiva għandha tapplika għal vetturi bil-mutur tal-kategoriji M1 u l-kategorija N1 kif definiti fl-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-vetturi tal-kategorija N1 huma limitati għal dawk tal-Klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4 ta' l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE ta' l- 20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġis ta' l-arja b'emissjonijiet minn vetturi b'mutur [8], kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE [9] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Artikolu 3 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: (1) "vettura" tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur li taqa' fl-ambitu ta' din id-Direttiva; (2) "tip ta' vettura" tfisser tip kif definit fis-sezzjoni B ta' l-Anness II mad-Direttiva 70/156/KEE; (3) "sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja" tfisser kwalunkwe sistema li l-għan prinċipali tagħha huwa li tnaqqas it-temperatura ta' l-arja u l-umdità tal-kompartiment tal-passiġġieri ta' vettura; (4) "sistema ta' evaporatur doppju" tfisser sistema fejn evaporatur wieħed huwa mmuntat fil-kompartiment tal-magna u l-ieħor f'kompartiment differenti tal-vettura; is-sistemi l-oħra kollha għandhom ikunu kunsidrati bħala "sistemi ta' evaporatur uniku"; (5) "gassijiet serra flworinati" tfisser idroflworkarbonji (HFCs), perflworokarbonji (PFCs) u eżaflworidu tal-kubrit (SF6) kif imsemmija fl-Anness A mal-Protokoll ta' Kyoto u preparazzjonijiet li jikkontjenu dawn is-sustanzi, iżda teskludi sustanzi kontrollati taħt ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu [10]; (6) "idroflworokarbonju" tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju, idroġenu u flworin, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula; (7) "perflworokarbonju" tfisser kompost organiku li jikkonsisti f'karbonju u flworin biss, u fejn mhux iktar minn sitt atomi tal-karbonju jinsabu fil-molekula; (8) "potenzjal ta' tisħin globali" tfisser il-potenzjal ta' tisħin klimatiku ta' gass serra flworinat relattivament għal dak tad-diossidu karboniku. Il-potenzjal ta' tisħin globali (GWP) huwa kalkolat f'termini tal-potenzjal ta' tisħin f'100 sena ta' kilogramma ta' gass meta mqabbla ma' kilogramma ta' CO2. Il-figuri GWP rilevanti huma dawk pubblikati fit-tielet rapport ta' valutazzjoni adottat mill-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (il-"valuri IPCC GWP ta' l-2001") [11]; (9) "preparazzjoni" tfisser taħlita komposta minn żewġ sustanzi jew iktar li minnhom almenu waħda hija gass serra flworinat. Il-potenzjal ta' tisħin globali [12] totali tal-preparazzjoni għandu jiġi determinat skond il-Parti 2 ta' l-Anness; (10) "rikonfigurazzjoni" tfisser l-installazzjoni ta' sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja f'vettura wara li tkun ġiet reġistrata. Artikolu 4 Obbligi ta' l-Istati Membri 1. L-Istati Membri għandhom jagħtu, skond kif meħtieġ, l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, fir-rigward ta' l-emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, biss lil tipi ta' vetturi li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. 2. Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni kompleta tat-tip tal-vettura skond l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 70/156/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifatturi jipprovdu informazzjoni dwar it-tip ta' refriġerant użat fis-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi bil-mutur ġodda. 3. Għall-fini ta' l-għoti ta' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi mgħammra b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, skond it-test armonizzat għall-iskoperta tat-telf imsemmi fl-Artikolu 7(1), ir-rata tat-telf ta' tali gassijiet ma għandhiex teċċedi l-limiti massimi permissibbli stabbiliti fl-Artikolu 5. Artikolu 5 Approvazzjoni tat-tip 1. B'effett minn sitt xhur mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf, l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet marbuta ma' emissjonijiet minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja: (a) jirrifjutaw, fir-rigward ta' tip ġdid ta' vettura, li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip KE, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali, jew (b) jipprojbixxu r-reġistrazzjoni, il-bejgħ jew id-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda jekk il-vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 tkun konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. 2. B'effett minn 12-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l- 1 ta' Jannar 2007, skond liema huwa l-iktar tard, l-Istati Membri ma għandhomx iktar jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku, jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju. 3. B'effett minn 24 xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' test armonizzat għall-iskoperta tat-telf jew l- 1 ta' Jannar 2008, skond liema huwa l-iktar tard, fir-rigward ta' vetturi ġodda mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, sakemm ir-rata tat-telf minn dik is-sistema teċċedi l-40 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur uniku jew 60 gramma ta' gassijiet serra flworinati fis-sena għal sistema ta' evaporatur doppju, l-Istati Membri għandhom: (a) jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u (b) jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz. 4. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2011, l-Istati Membri ma għandhomx jagħtu iktar approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta' vettura mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. 5. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2017, fir-rigward ta' vetturi ġodda li huma mgħammra b'sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettata li tikkontjeni gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, l-Istati Membri għandhom: (a) jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità bħala mhux iżjed validi għall-finijiet ta' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u (b) jirrifjutaw ir-reġistrazzjoni, u jipprojbixxu l-bejgħ u d-dħul fis-servizz. 6. Mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja relevanti, b'mod partikolari r-regoli Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat u d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta' Ġunju 1998 li jistabbilixxu l-proċedura għall-provvediment ta' informazzjoni fil-qasam ta' standards tekniċi u regolamenti u ta' regoli dwar servizzi tas-Soċjeta' ta' l-Informazzjoni1 [13], l-Istati Membri jistgħu jippromwovu l-istallazzjoni ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li huma effiċjenti, innovattivi u jnaqqsu iktar l-impatt tal-klima. Artikolu 6 Rikonfigurazzjoni u riforniment 1. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2011, vetturi mogħtija approvazzjoni tat-tip minn dik id-data ma għandhomx jiġu rikonfigurati b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja proġettati li jikkontjenu gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2017, l-ebda vettura ma tista' tiġi rikonfigurata b'tali sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja. 2. Is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja installati f'vetturi b'approvazzjoni tat-tip fl- 1 ta' Jannar 2011 jew wara tali data ma għandhomx jiġu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2017 is-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fil-vetturi kollha ma għandhomx ikunu mimlija b'gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, bl-eċċezzjoni tar-riforniment tas-sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja li jikkontjenu dawk il-gassijiet li ġew installati f'vetturi qabel dik id-data. 3. Il-fornituri ta' servizzi li joffru servizz u tiswija ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja ma għandhomx jimlew tali tagħmir b'gassijiet serra flworinati jekk intilef ammont anormali tar-refriġerant mis-sistema, sakemm jiġu kompletati t-tiswijiet meħtieġa. Artikolu 7 Miżuri implimentattivi 1. Sa l- 4 ta' Lulju 2007 l-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5, u b'mod partikolari: (a) id-dispożizzjonijiet amministrattivi għall-approvazzjoni tat-tip KE ta' vetturi; u (b) proċedura ta' test għall-kejl tar-rata tat-telf ta' gassijiet serra flworinati b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150 minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja. 2. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE. 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. 4. Il-proċedura imsemmija fil-paragrafu 2 għandha tapplika għall-adozzjoni, fejn xieraq ta': (a) miżuri meħtieġa biex jiġu żgurati l-funzjonament mingħajr periklu u l-manutenzjoni korretta ta' refriġeranti f'sistemi mobbli ta' kondizzjonament ta' l-arja; (b) miżuri relatati mar-rikonfigurazzjoni ta' vetturi fiċ-ċirkolazzjoni b'sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja u r-riforniment ta' sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja fiċ-ċirkolazzjoni sal-punt mhux kopert mill-Artikolu 6; (ċ) l-adattament, fejn ikun il-każ, tal-metodu tad-determinazzjoni tal-potenzjal ta' tisħin globali rilevanti tal-preparazzjonijiet. Artikolu 8 Reviżjoni 1. Abbażi tal-progress realizzat fil-kapaċità tat-trażżin ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra flworinati minn sistemi ta' kondizzjonament ta' l-arja, jew is-sostituzzjoni tagħhom f'tali sistemi, installati f'vetturi bil-mutur, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk: - il-leġiżlazzjoni attwali għandhiex tiġi estiża għal kategoriji oħra ta' vetturi, partikolarment il-kategoriji M2 u M3 kif ukoll il-klassijiet II u III tal-kategorija N1; u - għandhom jiġu emendati d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar il-potenzjal ta' tisħin globali ta' gassijiet serra flworinati; kwalunkwe tibdiliet għandhom jieħdu kont ta' żviluppi tekonoloġiċi u xjentifiċi u tal-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskali kronoloġiċi tal-produzzjoni industrijali, u għandha tippubblika rapport sa l- 4 ta' Lulju 2011. Fejn meħtieġ, hija għandha tippreżenta proposti leġiżlattivi adatti. 2. Fejn gass serra flworinat b'potenzjal ta' tisħin globali ogħla minn 150, li għadu mhuwiex kopert mir-rapport IPCC imsemmi fl-Artikolu 3(8), jiġi nkluż f'rapport futur ta' l-IPCC, il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk ikunx opportun li tiġi emendata din id-Direttiva sabiex tinkludi dak il-gass. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li hemm il-ħtieġa, hija għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE: - tadotta l-miżuri meħtieġa; u - tiddefinixxi l-perjodi transitorji għall-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Permezz ta' dan il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi ffissat terminu adegwat ta' żmien u r-riskju li l-gass serra flworinat jikkostitwixxi għall-ambjent. Artikolu 9 Emendi lid-Direttiva 70/156/KEE Id-Direttiva 70/156/KEE tiġi b'dan emendata skond il-Parti 1 ta' l-Anness ma' din id-Direttiva. Artikolu 10 Traspożizzjoni 1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa l- 4 ta' Jannar 2008, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva. Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill- 5 ta' Jannar 2008. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jikontjenu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru tali riferimenti għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 11 Dħul fis-seħħ Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 12 L-indirizzati Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Strasburgu, nhar is- 17 ta' Mejju 2006. Għall-Parlament Ewropew Il-President J. Borrell fontelles Għall-Kunsill Il-President H. Winkler [1] ĠU C 108, 30.4.2004, p. 62. [2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal- 31 ta' Marzu 2004 (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 600), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal- 21 ta' Ġunju 2005 (ĠU C 183 E, 26.7.2005, p. 17), u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 26 ta' Ottubru 2005 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas- 6 ta' April 2006 u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 25 ta' April 2006. [3] ĠU L 130, 15.5.2002, p. 1. [4] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali. [5] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. [6] ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/64/KE (ĠU L 65, 7.3.2006, p. 27). [7] ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1. [8] ĠU L 76, 6.4.1970, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/76/KE (ĠU L 206, 15.8.2003, p. 29). [9] ĠU L 350, 28.12.1998, p. 1. [10] ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 29/2006 (ĠU L 6, 11.1.2006, p. 27). [11] It-Tielet Valutazzjoni IPCC tal-Bidla fil-Klima 2001. Rapport tal-Grupp Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (http://www.ipcc.ch/pub/reports.htm). [12] Għall-kalkolu tal-GWP ta' gassijiet serra mhux flworinati fi preparazzjonijiet, għandhom japplikaw il-valuri pubblikati fl-Ewwel Valutazzjoni ta' IPCC, ara: Climate Change, The IPCC Scientific Assessment, J.T. Houghton, G.J. Jenkins, J.J. Ephraums (ed.), Cambridge University Press, Cambridge (UK) 1990. [13] ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003. -------------------------------------------------- ANNESS PARTI 1 Id-Direttiva 70/156/KEE hija emendata kif ġej: 1. Fl-Anness IV, Parti I, jiġu inseriti punt ġdid numerat 61, u nota f'qiegħ il-paġna, kif ġej: Suġġett | Numru tad-Direttiva | Riferiment għall-Ġurnal Uffiċjali | Applikabbiltà | M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 | "61. Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | L 161, 14.6.2006, p. 12 | X | | | X [8] Għall-vetturi tal-kategorija N1 biss u tal-klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4 ta' l-Anness I mad-Direttiva 70/220/KEE kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69." | | | | | | | 2. L-Anness XI jiġi emendat kif ġej: (a) Fl-Appendiċi 1 jiġi inserit punt ġdid numerat 61 kif ġej: Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M1 ≤ 2500 (1) kg | M1 ≤ 2500 (1) kg | M2 | M3 | "61 | Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | X | X" | | | (b) Fl-Appendiċi 2 jiġi inserit punt ġdid numerat 61 kif ġej: Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M1 | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 | "61 | Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | X | | | W" | | | | | | | (ċ) Fl-Appendiċi 3 jiġi nserit punt ġdid numerat 61 kif ġej: Punt | Suġġett | Numru tad-Direttiva | M2 | M3 | N1 | N2 | N3 | O1 | O2 | O3 | O4 | "61 | Sistema ta' kondizzjonament ta' l-arja | 2006/40/KE | | | W" | | | | | | | (d) Taħt it-titolu "Tifsira ta' l-ittri" tiġi nserita l-ittra li ġejja: "W Għall-vetturi biss tal-kategorija N1, tal-klassi I kif deskritt fl-ewwel skeda fil-punt 5.3.1.4. ta' l-Anness I mad-Direttiva 70/220/KEE kif inserit permezz tad-Direttiva 98/69/KE". PARTI 2 Metodu ta' kalkolu tal-potenzjal totali ta' tisħin globali (GWP) għal preparazzjoni Il-GWP totali għal preparazzjoni huwa medja ppeżata, derivata mis-somma tal-frazzjonijiet tal-piż tas-sustanzi individwali multiplikati bil-GWP rispettivi tagħhom. Σ (Sustanza X % x GWP) + (Sustanza Y % x GWP) + … (Sustanza N % x GWP) fejn % huwa l-kontribut skond il-piż b'tolleranza ta' piż ta' +/- 1 % Per eżempju: l-applikazzjoni tal-formola għal taħlita teorika ta' gassijiet li tikkonsisti fi 23 % HFC-32; 25 % HFC-125 u 52 % HFC-134a: Σ (23 % x 550) + (25 % x 3400) + (52 % x 1300) → GWP totali = 1652,5 --------------------------------------------------