32006L0007


Titolu u referenza

Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE

 ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37–51 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 15 Volume 15 P. 229 - 243
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 15 Volume 15 P. 229 - 243

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal- 15 ta’ Frar 2006

dwar l-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li l-kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jagixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni fil- 8 ta’ Diċembru 2005,

Billi:

– Sabiex ikompli mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-Kunsill Ewopew individwa objettivi sabiex iservu bħala gwida ġenerali għall-iżvilupp fil-ġejjieni f’oqsma ta’ prijorità bħal dawk tar-riżorsi naturali u tas-saħħa pubblika.

– L-ilma huwa riżors naturali skars, li l-kwalità tiegħu għandha tkun protetta, imħarsa, immaniġġjata u trattata bħala tali. L-ilmijiet tal-wiċċ, b’mod partikulari, huma riżorsi li jiġġeddu b’kapaċità limitata li jirkupraw minn impatti dannużi minn attivitajiet umani.

– Il-politika tal-Komunità dwar l-ambjent għandha timmira lejn livell għoli ta’ protezzjoni, u tagħti kontribut għall-kisba ta’ l-għanijiet għal-preservazzjoni, l-protezzjoni u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent u tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

– F’Diċembru 2000, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp ta’ politika ġdida dwar l-ilma għall-għawm u tat bidu għal konsultazzjoni fuq skala kbira bejn il-partijiet kollha interessati u involuti. L-effett prinċipali ta’ din il-konsultazzjoni kien appoġġ ġenerali għall-iżvilupp ta’ Direttiva ġdida bbażata fuq evidenza xjentifika l-aktar riċenti u li tagħti attenzjoni partikulari lil parteċipazzjoni aktar wiesgħa tal-pubbliku.

– Id-Deċiżjoni Nru. 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità dwar l-Ambjent [5] fiha impenn sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ilma għall-għawm, li jinkludi r-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/160/KEE tat- 8 ta’ Diċembru 1975 dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm [6].

– Skond it-Trattat, fit-tħejjija tal-politika dwar l-ambjent il-Komunità għandha, inter alia, tikkunsidra d-data xjentifika u teknika li hija disponibbli. Din id-Direttiva għandha tuża evidenza xjentifika fl-implimentazzjoni ta’ parametri indikaturi l-iktar affidabbli għat-tbassir ta’ riskju mikrobijoloġiku għas-saħħa u sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni. Għandhom isiru studji epidemjoloġiċi ulterjuri urġenti dwar ir-riskji għas-saħħa assoċjati ma’ l-għawm, b’mod partikolari fl-ilma ħelu.

– Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-użu għaqli tar-riżorsi, din id-Direttiva għandha tkun koordinata mill-qrib ma’ leġislazzjoni Komunitarja oħra dwar l-ilma, bħad-Direttivi tal-Kunsill 91/271/KEE tal- 21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi [7], 91/676/KEE tat- 12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min nitrati minn sorsi agrikoli [8] u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma [9].

– Għandha tiġi mxerrda, fost il-partijiet interessati, informazzjoni xierqa dwar miżuri ppjanati u dwar il-progress fl-implimentazzjoni. Il-pubbliku għandu jirċievi informazzjoni xierqa u f’waqtha dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u dwar il-miżuri għall-immaniġġjar tar-riskji sabiex jiġu evitati perikli għas-saħħa, speċjalment fil-kuntest ta’ tniġġis għal żmien qasir li huwa prevedibbli jew ta’ sitwazzjonijiet mhux normali. Għandha tiġi applikata teknoloġija ġdida li tippermetti li l-pubbliku jkun informat b’mod effiċjenti u komparabbli dwar ilmijiet għall-għawm madwar il-Komunità.

– Għall-finijiet ta’ monitoraġġ, jeħtieġu li jiġu applikati metodi u prattiċi armonizzati ta’ analiżi. L-osservazzjoni u l-valutazzjoni ta’ kwalità fuq perjodu estiż huma neċessarji sabiex tiġi stabbilita klassifikazzjoni realistika ta’ l-ilma għall-għawm.

– Il-konformità għandha tkun kwistjoni ta’ miżuri xierqa ta’ mmaniġġjar u ta’ assigurazzjoni ta’ kwalità, mhux biss ta’ kejl u kalkolu. Huwa għalhekk xieraq li jkun hemm sistema ta’ profili ta’ ilma għall-għawm sabiex tipprovdi konoxxenza aħjar tar-riskji bħala bażi għall-miżuri ta’ immaniġġjar. B’mod komplimentari, għandha tingħata attenzjoni partikulari sabiex jiġu osservati standards ta’ kwalità u sabiex issir transizzjoni koerenti mid-Direttiva 76/160/KEE.

– Fis- 17 ta’ Frar 2005 il-Komunità ffirmat il-Konvenzjoni tal-UNECE dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Affarijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta’ Århus). Huwa għalhekk xieraq li din id-Direttiva tinkludi disposizzjonijiet dwar l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fl-implimentazzjoni tagħha sabiex iżżid mad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali [10] u d-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta’ Mejju 2003 li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika fir-rigward tat-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent [11].

– Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-kisba mill-Istati Membri, abbażi ta’ standards komuni, ta’ kwalità tajba ta’ l-ilma għall-għawm u ta’ livell għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità kollha, ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu jiġu żgurati aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

– Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi konferiti mogħtija lill-Kummissjoni [12].

– L-importanza kontinwa ta’ politika Komunitarja dwar l-ilma għall-għawm hija evidenti f’kull staġun ta’ l-għawm billi tipproteġi lill-pubbliku minn tniġġis aċċidentali u kroniku li jiġi skarikat f’żoni għall-għawm Komunitarji jew ħdejhom. Il-kwalità ġenerali ta’ l-ilma għall-għawm tjiebet b’mod konsiderevoli minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 76/160/KEE. Madankollu, dik id-Direttiva tirrifletti l-istat ta’ konoxxenza u esperjenza fil-bidu tas-snin sebgħin. It- tendenzi fl-użu ta’ l-ilma għall-għawm inbidlu minn dak iż-żmien, hekk kif inbidel l-istat ta’ l-għarfien xjentifiku u tekniku. Għalhekk, dik id-Direttiva għandha tiġi mħassra,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tistabbilixxi disposizzjonijiet:

(a) għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm;

(b) għall-immaniġġjar tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm; u

(c) għall-proviżjoni ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm.

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tippreserva, tipproteġi u ttejjeb il-kwalità ta’ l-ambjent u li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem billi tikkomplimenta d-Direttiva 2000/60/KE.

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe element ta’ ilma tal-wiċċ fejn l-awtorità kompetenti tistenna numru kbir ta’ nies li jmorru sabiex jgħumu u fejn ma tkunx imponiet xi projbizzjoni permanenti ta’ l-għawm, jew ħarġet xi avviż permanenti kontra l-għawm (minn hawn ‘il quddiem "ilma għall-għawm"). Ma għandhiex tapplika għal:

(a) pixxini għall-għawm u pixxini ta’ spas;

(b) ilmijiet magħluqa soġġetti għal trattamenti jew użati għal għanijiet terapewtiċi;

(c) ilmijiet magħluqa, maħluqa artifiċjalment, separati minn ilma tal-wiċċ u minn ilma ta’ taħt l-art.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet li ġejjin.

1) "Ilma tal-wiċċ", "ilma ta’ taħt l-art", "ilma intern", "ilmijiet temporanji", "ilma tal-kosta" u "baċir ta’ xmara" għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2000/60/KE;

2) "Awtorità kompetenti" tfisser l-awtorità jew awtoritajiet li Stat Membru jkun innomina sabiex jiżgura konformità mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva jew kwalunkwe awtorità oħra jew korp ieħor li ġew ddelegati b’dak ir-rwol;

3) "Permanenti" tfisser, fir-rigward ta’ xi projbizzjoni ta’ l-għawm, jew avviż kontra, l-għawm li jdum għall-inqas staġun wieħed sħiħ ta’ l-għawm;

4) "Numru kbir" tfisser, fir-rigward ta’ għawwiema, numru li awtorità kompetenti tikkunsidra li hu kbir b’kont meħud, b’mod partikolari, ta’ tendenzi fil-passat jew ta’ kwalunkwe infrastruttura jew faċilitajiet provduti, jew ta’ miżuri oħra meħuda, għall-promozzjoni ta’ l-għawm;

5) "Tniġġis" tfisser il-preżenza ta’ kontaminazzjoni mikrobijoloġika jew organiżmi oħra jew skart li jaffettwa l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u li jippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-għawwiema kif inhu msemmi fl-Artikoli 8 u 9 u fl-Anness I, Kolonna A;

6) "L-istaġun ta’ l-għawm" tfisser il-perjodu li matulu jkun mistenni numru kbir ta’ għawwiema;

7) "Miżuri ta’ immaniġġjar" tfisser il-miżuri segwenti, li ttieħdu fir-rigward ta’ l-ilma għall-għawm:

(a) l-istabbiliment u l-manteniment ta’ profil ta’ l-ilma għall-għawm;

(b) l-istabbiliment ta’ kalendarju ta’ monitoraġġ;

(c) il-monitoraġġ ta’ l-ilma għall-għawm;

(d) l-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm;

(e) il-klassifikazzjoni l-ilma għall-għawm;

(f) l-identifikazzjoni u l-istima tal-kawżi ta’ tniġġis li jista’ jaffettwa l-ilmijiet għall-għawm u jagħmel ħsara għas-saħħa ta’ l-għawwiema;

(g) l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku;

(h) it-teħid ta’ azzjoni sabiex tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis;

(i) it-teħid ta’ azzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ tniġġis;

8) "Tniġġis għal żmien qasir" tfisser kontaminazzjoni mikrobijoloġika kif imsemmi fl-Anness I, Kolonna A, li għandha kawżi li jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar, li normalment mhux mistenni jaffettwa l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għal iktar minn bejn wieħed u ieħor 72 siegħa wara li l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm tkun l-ewwel affetwata u li għaliha l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet proċeduri sabiex tipprevedi u titratta kif stabbilit fl-Anness II;

9) "Sitwazzjoni anormali" tfisser avveniment jew kombinazzjoni ta’ avvenimenti li jolqtu l-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm fil-post konċernat u li ma jkunux mistennija jiġru fuq medja ta’ iktar minn darba kull erba’ snin;

10) "Sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm" tfisser data miksuba skond l-Artikolu 3;

11) "Stima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm" tfisser il-proċess għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, bl-użu tal-metodu ta’ stima definit fl-Anness II;

12) "Proliferazzjoni ċjanobatterika" tfisser akkumulazzjoni ta’ ċjanobatterji f’forma ta’ bloom, paljett jew ħmieġ;

13) "Pubbliku kkonċernat"għandu l-istess tifsira bħal fid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas- 27 ta’ Ġunju 1985 dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent [13].

KAPITOLU II

IL-KWALITÀ U L-IMMANIĠĠJAR TA’ L-ILMA GĦALL-GĦAWM

Artikolu 3

Monitoraġġ

1. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw kull sena l-ilmijiet għall-għawm kollha u jiddefenixxu t-tul ta’ l-istaġun ta’ l-għawm. Għandhom jagħmlu dan għall-ewwel darba qabel il-bidu ta’ l-ewwel staġun ta’ l-għawm wara 24 Marzu 2008.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness I, Kolonna A, isir skond l-Anness IV.

3. Il-punt ta’ monitoraġġ għandu jkun il-post ġo l-ilma għall-għawm fejn:

(a) hu mistenni l-akbar numru ta’ għawwiema; jew

(b) hu mistenni l-akbar riskju ta’ tniġġis, skond il-profil ta’ l-ilma għall-għawm.

4. Għandu jiġi stabbilit kalendarju ta’ monitoraġġ għal kull ilma għall-għawm qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ l-għawm u għall-ewwel darba qabel il-bidu tat-tielet staġun sħiħ ta’ l-għawm wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Il-monitoraġġ għandu jsir mhux aktar tard minn erbat’ijiem wara d-data speċifikata fil-kalendarju ta’ monitoraġġ.

5. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness I, Kolonna A, matul l-ewwel staġun sħiħ ta’ l-għawm wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dak il-każ, il-monitoraġġ għandu jsir bil-frekwenza speċifikata fl-Anness IV. Ir-riżultati ta’ tali monitoraġġ jistgħu jintużaw sabiex jinbnew is-settijiet ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm imsemmija fl-Artikolu 4. Hekk kif l-Istati Membri jintroduċu l-monitoraġġ skond din id-Direttiva, il-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva 76/160/KEE jista’ jieqaf.

6. Kampjuni li jkunu ttieħdu matul tniġġis għal żmien qasir jistgħu ma jitqisux. Huma għandhom jiġu sostitwiti b’kampjuni meħuda skond l-Anness IV.

7. Matul sitwazzjonijiet anormali, il-kalendarju ta’ monitoraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 jista’ jiġi sospiż. Hu għandu jerġa jibda mill-aktar fis possibbli wara t-tmiem tas-sitwazzjoni anormali. Għandhom jittieħdu kampjuni ġodda mill-aktar fis possibbli wara t-tmiem tas-sitwazzjoni anormali sabiex jieħdu post kampjuni li huma neqsin minħabba s-sitwazzjoni anormali.

8. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kwalunkwe sospensjoni tal-kalendarju ta’ monitoraġġ lill-Kummissjoni, u jagħtu r-raġunijiet għas-sospensjoni. Huma għandhom jipprovdu rapporti bħal dawn mhux aktar tard mill-okkażjoni tar-rapport annwali li jmiss kif stabbilit fl-Artikolu 13.

9. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-analiżi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm issir skond il-metodi ta’ referenza speċifikati fl-Anness I u r-regoli stabbiliti fl-Anness V. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-użu ta’ metodi jew regoli oħra jekk ikunu jistgħu juru li r-riżultati miksuba huma ekwivalenti għal dawk miksuba bl-użu tal-metodi speċifikati fl-Anness I u tar-regoli stabbiliti fl-Anness V. L-Istati Membri li jippermettu l-użu ta’ tali metodi jew regoli ekwivalenti għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni relevanti kollha dwar il-metodi jew ir-regoli użati u l-ekwivalenza tagħhom.

Artikolu 4

L-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm

1. L-Istati Membri għandhom jiżuraw li s-settijiet ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm jiġu kompilati permezz tal-monitoraġġ tal-parametri stabbiliti fl-Anness I, Kolonna A.

2. L-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għandha ssir:

(a) fir-rigward ta’ kull ilma għall-għawm;

(b) wara t-tmiem ta’ kull staġun ta’ l-għawm;

(c) abbażi tas-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm fir-rigward ta’ dak l-istaġun ta’ l-għawm u t-tliet staġuni ta’ l-għawm preċedenti; u

(d) skond il-proċedura stabbilita fl-Anness II.

Madankollu, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jwettaq stimi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm abbażi tas-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm ikkompilati fir-rigward biss tat-tliet staġuni ta’ l-għawm preċedenti. Jekk dan jiddeċiedi hekk, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni minn qabel. Għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni jekk sussegwentement jiddeċiedi li jerġa’ lura għal stimi li jagħmel abbażi ta’ erba’ staġuni ta’ l-għawm. L-Istati Membri ma jistgħux ibiddlu il-perjodu ta’ stima applikabbli aktar minn darba kull ħames snin.

3. Is-settijiet ta’ data dwar l-ilma għall-għawm użati sabiex jitwettqu stimi dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għandhom dejjem jinkludu mill-inqas 16-il kampjun jew, fiċ-ċirkustanzi speċjali msemmija fl-Anness IV, paragrafu 2, 12-il kampjun.

4. Madankollu, bil-kondizzjoni li jew:

- ikun sodisfatt ir-rekwiżit tal-paragrafu 3; jew

- is-sett ta’ data dwar l-ilma għall-għawm użat sabiex issir l-istima jikkomprendi mill-inqas 8 kampjuni, fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm bi staġun ta’ l-għawm li ma jaqbiżx it-8 ġimgħat,

tista’ titwettaq stima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm abbażi ta’ sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm assoċjata ma’ inqas minn erba’ staġuni ta’ l-għawm jekk:

(a) l-ilma għall-għawm ikun għadu kif ġie identifikat;

(b) seħħew kwalunkwe tibdiliet li għandhom il-probabbiltà li jolqtu l-klassifikazzjoni ta’ l-ilma għall-għawm skond l-Artikolu 5, u f’dan il-każ l-istima għandha titwettaq abbażi ta’ sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm li tikkonsisti biss fir-riżultati tal-kampjuni miġbura mindu seħħew it-tibdiliet; jew

(c) l-ilma għall-għawm ikun diġà ġie stmat skond id-Direttiva 76/160/KEE, u f’dak il-każ għandha tintuża data ekwivalenti miġbura skond dik id-Direttiva u, għal dan il-għan, il-parametri 2 u 3 ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/160/KEE għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-parametri 2 u 1 tal-Kolonna A ta’ l-Anness I ma’ din id-Direttiva.

5. L-Istati Membri jistgħu jissuddividu jew jaggruppaw flimkien ilmijiet għall-għawm eżistenti fid-dawl ta’ l-istimi tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm. Huma jistgħu jaggruppaw flimkien ilmijiet għall-għawm eżistenti biss jekk dawn l-ilmijiet:

(a) huma kontigwi;

(b) ingħataw stimi simili għall-erba’ snin preċedenti skond il-paragrafi 2, 3 u 4(ċ); u

(c) għandhom profili ta’ l-ilma għall-għawm li kollha jidentifikaw fatturi ta’ riskju komuni jew in-nuqqas tagħhom.

Artikolu 5

Klassifikazzjoni u status ta’ kwalità ta’ l-ilmijiet għall-għawm

1. Bħala riżultat ta’ l-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm li titwettaq skond l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom, skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II, jikklassifikaw l-ilma għall-għawm bħala:

(a) "fqir";

(b) "suffiċjenti";

(ċ) "tajjeb"; jew

(d) "eċċellenti".

2. L-ewwel klassifikazzjoni skond ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva għandha titlesta sat-tmiem ta’ l-istaġun ta’ l-għawm ta’ l-2015.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sa l-aħħar ta’ l-istaġun ta’ l-għawm ta’ l-2015, l-ilmijiet għall-għawm kollha jkunu, għall-inqas, "suffiċjenti". Għandhom jieħdu dawk il-miżuri realistiċi u proporzjonati li jidhrulhom xierqa bil-ħsieb li jżidu n-numru ta’ ilmijiet għall-għawm klassifikati bħala "eċċellenti" jew "tajba".

4. Madankollu, minkejja r-rekwiżit ġenerali tal-paragrafu 3, l-ilmijiet għall-għawm jistgħu jiġu klassifikati temporanjament bħala "fqar" u xorta jibqgħu konformi ma’ din id-Direttiva. F’ dawk il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a) Fir-rigward ta’ kull ilma għall-għawm klassifikat bħala "fqir", għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin b’effett mill-istaġun ta’ l-għawm li jiġi wara l-klassifikazzjoni tiegħu:

(i) miżuri amministrattivi adegwati, li jinkludu l-projbizzjoni ta’ għawm jew avviż kontra l-għawm, bil-għan li tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis;

(ii) identifikazzjoni tal-kawżi u r-raġunijiet għan-nuqqas tal-kisba ta’ l-istatus "suffiċjenti";

(iii) miżuri adegwati sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iv) skond l-Artikolu 12, jiġi avżat il-pubbliku b’tabella ta’ twiddib ċara u sempliċi u jiġu informati bil-kawżi tat-tniġġis u l-miżuri li qed jittieħdu, abbażi tal-profil ta’ l-ilma għall-għawm.

(b) Jekk xi ilma għall-għawm jiġi klassifikat bħala "fqir" għal ħames snin konsekuttivi, għandha tiġi introdotta projbizzjoni permanenti ta’ l-għawm jew għandu jiġi introdott avviż permanenti kontra l-għawm. Madankollu, Stat Membru jista’ jintroduċi projbizzjoni permanenti ta’ l-għawm jew avviż permanenti kontra l-għawm qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin jekk jikkonsidra li l-kisba tal-kwalità "suffiċjenti" ma tkunx possibbli jew tkun tinvolvi spiża sproporzjonata.

Artikolu 6

Il-profili ta’ l-ilma għall-għawm

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-profili ta’ l-ilma għall-għawm jiġu stabbiliti skond l-Anness III. Kull profil ta’ l-ilma għall-għawm jista’ jkopri ilma għall-għawm wieħed jew iktar minn ilma għall-għawm wieħed kontigwu. Il-profili ta’ l-ilma għall-għawm għandhom jiġu stabbiliti għall-ewwel darba sa 24 Marzu 2011.

2. Il-profili ta’ l-ilma għall-għawm għandhom jiġu riveduti u aġġornati kif previst fl-Anness III.

3. Meta jiġu stabbiliti, riveduti u aġġornati l-profili ta’ l-ilma għall-għawm, għandu jsir użu adegwat mid-data miksuba mill-monitoraġġ u l-istimi mwettqa skond id-Direttiva 2000/60/KE li huma relevanti għal din id-Direttiva.

Artikolu 7

Miżuri ta’ immaniġġjar f’ċirkustanzi eċċezzjonali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri f’waqthom u adegwati ta’ immaniġġjar meta jkunu konxji ta’ sitwazzjonijiet mhux mistennija li jkollhom, jew li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija li jkollhom, impatt ħażin fuq il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm u fuq is-saħħa ta’ l-għawwiema. Tali miżuri għandhom jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku u, jekk ikun neċessarju, il-projbizzjoni temporanja ta’ l-għawm.

Artikolu 8

Riskji ċjanobatteriċi

1. Meta l-profil ta’ l-ilma għall-għawm jindika potenzjal ta’ proliferazzjoni ċjanobatterika, għandu jitwettaq monitoraġġ xieraq sabiex jippermetti l-identifikazzjoni f’waqtha tar-riskji għas-saħħa.

2. Meta sseħħ proliferazzjoni ċjanobatterika u jkun ġie identifikat jew preżunt riskju għas-saħħa, għandhom immedjatament jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex tiġi evitata l-esposizzjoni, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

Artikolu 9

Parametri oħra

1. Meta l-profil ta’ l-ilma għall-għawm jindika tendenza għall-proliferazzjoni ta’ makro-alka u/jew fitoplankton tal-baħar, għandhom jitwettqu investigazzjonijiet sabiex tiġi stabbilita l-aċċettabbiltà tagħhom u r-riskji għas-saħħa u għandhom jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

2. L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu spezzjonati viżwalment għal tniġġis bħal residwi tal-qatran, ħġieġ, plastik, lasktu jew kawlunkwe skart ieħor. Meta jinstab tniġġis bħal dan, għandhom jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, inkluż, jekk ikun neċessarju, l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku.

Artikolu 10

Koperazzjoni dwar ilmijiet transkonfinali

Kull fejn xi baċir ta’ xmara jkun il-kawża ta’ impatti transkonfinali fuq il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, l-Istati Membri involuti għandhom jikkoperaw b’mod xieraq fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż bl-iskambju xieraq ta’ informazzjoni u b’azzjoni konġunta biex jiġu kkontrollati dawk l-impatti.

KAPITOLU III

SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 11

Il-parteċipazzjoni tal-pubbliku

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jassiguraw li jipprovdu opportunitajiet għall-pubbliku kkonċernat:

- sabiex ikun jaf kif jipparteċipa; u

- jifformula suġġerimenti, rimarki jew ilmenti.

Dan għandu jirrigwarda, b’ mod partikolari, l-istabbiliment, ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-listi ta’ ilmijiet għall-għawm skond l-Artikolu 3(1). L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont xieraq ta’ kwalunkwe informazzjoni miksuba.

Artikolu 12

Informazzjoni lill-pubbliku

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja tiġi mxerrda b’mod attiv u li tkun disponibbli fil-pront matul l-istaġun ta’ l-għawm f’post li jkun aċċessibbli faċilment fil-viċinanzi ta’ kull ilma għall-għawm:

(a) il-klassifikazzjoni attwali ta’ l-ilma għall-għawm u kwalunkwe projbizzjoni ta’ l-għawm jew parir kontra l-għawm imsemmi f’dan l-Artikolu permezz ta’ tabella jew simbolu ċar u sempliċi;

(b) deskrizzjoni ġenerali ta’ l-ilma għall-għawm, b’lingwaġġ mhux tekniku, ibbażata fuq il-profil ta’ l-ilma għall-għawm stabbilit skond l-Anness III;

(c) fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm li huma soġġetti għal tniġġis għal żmien qasir:

- notifika li l-ilma għall-għawm huwa soġġett għal tniġġis għal żmien qasir,

- indikazzjoni tan-numru ta’ ġranet li matulhom l-għawm kien ipprojbit jew li matulhom ingħata avviż kontra tiegħu matul l-istaġun ta’ l-għawm preċedenti minħabba tali tniġġis, u

- twissija kull meta tali tniġġis ikun mistenni jew ikun preżenti;

(d) informazzjoni dwar in-natura u d-dewmien mistenni tas-sitwazzjonijiet anormali matul tali avvenimenti;

(e) kull meta jiġi pprojbit l-għawm jew jingħata avviż kontra l-għawm, avviż li jinforma lill-pubbliku u jipprovdi raġunijiet;

(f) kull meta tiddaħħal projbizzjoni permanenti jew parir permanenti kontra l-għawm, il-fatt li ż-żona konċernata ma għadiex ilma għall-għawm u r-raġunijiet għad-deklassifikazzjoni tagħha; u

(g) indikazzjoni tas-sorsi ta’ informazzjoni aktar kompleta skond il-paragrafu 2.

2. L-Istati Membri għandhom jużaw il-mezzi tax-xandir u t-teknoloġiji xierqa, inkluż l-Internet, sabiex attivament u mill-ewwel ixerrdu l-informazzjoni dwar l-ilmijiet għall-għawm imsemmija fil-paragrafu 1 kif ukoll l-informazzjoni li ġejja, f’ aktar minn lingwa waħda fejn jixraq:

(a) lista ta’ ilmijiet għall-għawm;

(b) il-klassifikazzjoni ta’ kull ilma għall-għawm fuq medda ta’ l-aħħar tliet snin u l-profil ta’ l-ilma għall-għawm tiegħu, inklużi r-riżultati ta’ monitoraġġ li jkun sar skond din id-Direttiva mill-aħħar klassifikazzjoni;

(c) fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm klassifikati bħala "fqar", informazzjoni dwar il-kawżi ta’ tniġġis u l-miżuri meħuda sabiex tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis u sabiex jiġu trattati l-kawżi tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 5(4); u

(d) fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm soġġetti għal tniġġis għal żmien qasir, informazzjoni ġenerali dwar:

- il-kondizzjonijiet li probabbli jwasslu għal tniġġis għal żmien qasir,

- il-probabbilità ta’ tniġġis bħal dan u d-dewmien probabbli tiegħu,

- il-kawżi ta’ tniġġis u l-miżuri li ttieħdu bil-għan li tiġi evitata l-esposizzjoni ta’ l-għawwiema għat-tniġġis u sabiex jiġu trattati l-kawżi tiegħu.

Il-lista msemmija f’punt (a) għandha tkun disponibbli kull sena qabel il-bidu ta’ l-istaġun ta’ l-għawm. Ir-riżultati tal-monitoraġġ imsemmi f’ punt (b) għandhom ikunu disponibbli fuq l-internet hekk kif titlesta l-analiżi.

3. L-informazzjoni imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tkun imxerrda malli ssir disponibbli u b’effett mill-bidu tal-ħames staġun ta’ l-għawm wara 24 Marzu 2008.

4. L-Istati Membri u l-Kummisjoni għandhom, fejn ikun possibbli, jipprovdu informazzjoni lill-pubbliku bl-użu ta’ teknoloġija ġeo-referenzjata u jippreżentawha b’mod ċar u koerenti, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta’ sinjali u simboli.

Artikolu 13

Rapporti

1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-monitoraġġ u bl-istima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għal kull ilma għall-għawm, kif ukoll b’deskrizzjoni tal-miżuri sinifikanti ta’ immaniġġjar li ttieħdu. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw din l-informazzjoni kull sena sal-31 ta’ Diċembru fir-rigward ta’ l-istaġun ta’ l-għawm preċedenti. Huma għandhom jibdew jipprovduha ladarba tkun saret l-ewwel stima tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm skond l-Artikolu 4.

2. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni kull sena qabel il-bidu ta’ l-istaġun ta’ l-għawm dwar l-ilmijiet kollha identifikati bħala ilmijiet għall-għawm, inkluża r-raġuni għal kwalunkwe bidla b’paragun mas-sena preċedenti. Huma għandhom jagħmlu dan għall-ewwel darba qabel il-bidu ta’ l-ewwel staġun ta’ l-għawm wara 24 Marzu 2008.

3. Meta jibda l-monitoraġġ ta’ l-ilma għall-għawm skond din id-Direttiva, ir-rapportaġġ ta’ kull sena lill-Kummissjoni għandu jkompli jsir skond il-paragrafu 1 skond id-Direttiva 76/160/KEE sakemm tkun tista’ ssir l-ewwel stima skond din id-Direttiva. Matul dak il-perjodu, il-parametru 1 ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/160/KEE ma għandux jiġi kkonsidrat fir-rapport annwali, u l-parametri 2 u 3 ta’ l-Anness mad-Direttiva 76/160/KEE għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għall-parametri 2 u 1 tal-Kolonna A ta’ l-Anness I ma’ din id-Direttiva.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport annwali fil-qosor dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm fil-Komunità, inklużi l-klassifikazzjonijiet ta’ l-ilma għall-għawm, il-konformità ma’ din id-Direttiva u l-miżuri sinifikanti ta’ immaniġġjar li ttieħdu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dan ir-rapport sat-30 ta’ April kull sena, anke permezz ta’ l-Internet. Meta tagħmel ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun possibbli, tagħmel l-aħjar użu mis-sistemi tal-ġbir, ta’ valutazzjoni u ta’ preżentazzjoni ta’ data skond il-liġi Komunitarja relatata, partikolarment id-Direttiva 2000/60/KE.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Rapport u reviżjoni

1. Il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-2008, tippreżenta rapport, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikulari fuq:

(a) ir-riżultati ta’ studju epidemjoloġiku Ewropew xieraq imwettaq mill-Kummissjoni b’kollaborazzjoni ma’ l-Istati Membri;

(b) żviluppi oħra xjentifiċi, analitiċi u epidemjoloġiċi rilevanti għall-parametri tal-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm, inkluż fir-rigward ta’ viruses; u

(ċ) rakkomandazzjonijiet ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

2. Sa l-aħħar ta’ l-2014, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni dwar dak ir-rapport inkluż dwar il-ħtieġa għal kwalunkwe riċerka jew stima ulterjuri li jistgħu ikunu meħtieġa sabiex jgħinu lill-Kummissjoni fir-reviżjoni tagħha ta’ din id-Direttiva taħt il-paragrafu 3.

3. Fid-dawl tar-rapport, l-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ l-Istati Membri u l-istima ta’ l-impatt estiża u fid-dawl ta’ l-esperjenza akkwistata mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-2020, tirrevedi din id-Direttiva b’attenzjoni partikolari għall-parametri tal-kwalità ta’ l-ima għall-għawm, inkluż fuq jekk ikunx xieraq li tiġi mtemma gradwalment il-klassifikazzjoni "suffiċjenti" jew li timmodifika l-istandards applikabbli, u għandha tippreżenta kif xieraq il-proposti leġislattivi meħtieġa skond l-Artikolu 251 tat-Trattat.

Artikolu 15

Adattamenti tekniċi u miżuri ta’ implimentazzjoni

1. Għandu jiġi deċiż skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2):

(a) li jiġi speċifikat l-istandard ta’ l-EN/ISO dwar l-ekwivalenza ta’ metodi mikrobijoloġiċi għall-finijiet ta’ l-Artikolu 3(9);

(b) li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikoli 8(1), 12(1)(a) u 12(4);

ċ) li jiġu adattati l-metodi ta’ analiżi għall-parametri stabbiliti fl-Anness I fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku;

(d) li l-Anness V jiġi adattat fid-dawl tal-progress xjentifku u tekniku;

(e) li jiġu stabbiliti linji ta’ gwida għal metodu komuni għall-istima ta’ kampjuni singoli.

2. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu skond paragrafu 1 (b) b’ rispett għall-Artikolu 12 (1)(a) sa 24 Marzu 2010. Qabel tagħmel dan, hija għandha tikkonsulta r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-organizzazzjonijeit turistiċi u tal-konsumatur relevanti u partijiet oħra interessati. Wara l-adozzjoni tar-regoli relevanti, hija għandha tippubliċizzhom permezz ta’ l-internet.

Artikolu 16

Proċedura tal-kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 17

Tħassir

1. Id-Direttiva 76/160/KEE hija b’dan imħassra b’effett mill- 31 ta’ Diċembru 2014. Soġġett għall-paragrafu 2, dan it-tħassir għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti taż-żmien għal traspożizzjoni u applikazzjoni stabbiliti fid-Direttiva mħassra.

2. Hekk kif Stat Membru jkun ħa l-miżuri kollha legali, amministrattivi u prattiċi neċessarji biex jikkonforma ma’ din id-Direttiva, din id-Direttiva tibda tapplika, filwaqt li tissostitwixxi d-Direttiva 76/160/KEE.

3. Riferimenti magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jiġu interpretati bħala magħmula għal din id-Direttiva.

Artikolu 18

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa 24 Marzu 2008. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn ta’ l-aħħar għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandha titqiegħed magħhom tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-mod kif għandha ssir tali referenza għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

L-indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, il- 15 ta’ Frar 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

H. Winkler

[1] ĠU C 45 E, 25.2.2003, p. 127.

[2] ĠU C 220, 16.9.2003, p. 39.

[3] ĠU C 244, 10.10.2003, p. 31.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal- 21 ta’ Ottubru 2003 (ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 115). Posizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2004 (ĠU C 111 E, 11.5.2005, p. 1) u Posizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l- 10 ta’ Mejju 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Rizoluzzjoni Leġislattiva tal-Parlament Ewropew tat- 18 ta’ Jannar 2006 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2005.

[5] ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

[6] ĠU L 31, 5.2.1976, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

[7] ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

[8] ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru. 1882/2003.

[9] ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru. 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

[10] ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26.

[11] ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

[12] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

[13] ĠU L 175, 5.7.1985, p. 40. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17).

--------------------------------------------------

ANNESS I

GĦALL-ILMIJIET INTERNI

| A | B | C | D | E |

| Parametru | Kwalità Eċċellenti | Kwalità Tajba | Kwalità Suffiċjenti | Metodi ta’ referenza għall-analiżi |

1 | Intestinal Enterococci (cfu/100 mL) | 200 [1] | 400 [1] | 330 [2] | ISO 7899-1 jew ISO 7899-2 |

2 | Escherischia coli (cfu/100 mL) | 500 [1] | 1000 [1] | 900 [2] | ISO 9308-3 jew ISO 9308-1 |

GĦALL-ILMIJIET TAL-KOSTA U ILMIJIET TEMPORANJI

| A | B | Ċ | D | E |

| Parametru | Kwalità Eċċellenti | Kwalità Tajba | Kwalità Suffiċjenti | Metodi ta’ referenza għall-analiżi |

1 | Intestinal Enterococci (cfu/100 mL) | 100 [3] | 200 [3] | 185 [4] | ISO 7899-1 jew ISO 7899-2 |

2 | Escherischia coli (cfu/100 mL) | 250 [3] | 500 [3] | 500 [4] | ISO 9308-3 jew ISO 9308-1 |

[1] Ibbażati fuq stima ta’ 95 perċentili. Ara l-Anness II.

[2] Ibbażati fuq stima ta’ 90 perċentili. Ara l-Anness II.

[3] Ibbażati fuq stima ta’ 95 perċentili. Ara l-Anness II.

[4] Ibbażati fuq stima ta’ 90 perċentili. Ara l-Anness II.

--------------------------------------------------

ANNESS II

L-istima u l-klassifikazzjoni ta’ l-ilma għall-għawm

1. Kwalità fqira

[2] għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi jkunu agħar [3] mill-valuri ta’ "kwalità suffiċjenti" stabbiliti fl-Anness I, Kolonna D.

2. Kwalità suffiċjenti

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu kklassifikati bħala "suffiċjenti":

1) jekk, fis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima, il-valuri perċentili għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi huma daqs jew aħjar [4] mill-valuri ta’ "kwalità suffiċjenti" stabbiliti fl-Anness I, Kolonna D; u

2) jekk l-ilma għall-għawm ikun soġġett għal tniġġis għal żmien qasir, bil-kondizzjoni li:

(i) ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, li jinkludu sorveljanza, sistemi ta’ twissija bikrija u monitoraġġ, bil-għan li tiġi evitata l-espożizzjoni ta’ l-għawwiema permezz ta’ twissija jew, fejn ikun neċessarju, projbizzjoni ta’ l-għawm;

(ii) ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iii) in-numru ta’ kampjuni injorati skond l-Artikolu 3(6) minħabba tniġġis għal żmien qasir matul l-aħħar perjodu ta’ stima rrapreżentaw mhux iktar minn 15 % tan-numru totali ta’ kampjuni previsti fil-kalendarji ta’ monitoraġġ stabbiliti għal dak il-perjodu, jew mhux iktar minn kampjun wieħed kull staġun ta’ l-għawm, ikun liema jkun l-ikbar.

3. Kwalità tajba

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu kklassifikati bħala "tajba":

1) jekk, fis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima, il-valuri perċentili għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi huma daqs jew aħjar [4] mill-valuri ta’ "kwalità tajba" stabbiliti fl-Anness I, Kolonna Ċ; u

2) jekk l-ilma għall-għawm huwa soġġett għal tniġġis għal żmien qasir, bil-kondizzjoni li:

(i) ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, li jinkludu sorveljanza, sistemi ta’ twissija bikrija u monitoraġġ, bil-għan li tiġi evitata l-espożizzjoni ta’ l-għawwiema, permezz ta’ twissija jew, fejn ikun neċessarju, projbizzjoni ta’ l-għawm;

(ii) ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iii) in-numru ta’ kampjuni injorati skond l-Artikolu 3(6) minħabba tniġġis għal żmien qasir matul l-aħħar perjodu ta’ stima rrapreżentaw mhux iktar minn 15 % tan-numru totali ta’ kampjuni previsti fil-kalendarji ta’ monitoraġġ stabbiliti għal dak il-perjodu, jew mhux iktar minn kampjun wieħed kull staġun ta’ l-għawm, ikun liema jkun l-ikbar.

4. Kwalità eċċellenti

L-ilmijiet għall-għawm għandhom jiġu kklassifikati bħala "eċċellenti":

1) jekk, is-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm għall-aħħar perjodu ta’ stima, il-valuri perċentili għall-enumerazzjonijiet mikrobijoloġiċi huma daqs jew aħjar mill-valuri ta’ "kwalità eċċellenti" stabbiliti fl-Anness I, Kolonna B; u

2) jekk l-ilma għall-għawm ikun soġġett għal tniġġis għal żmien qasir, bil-kondizzjoni li:

(i) ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar, li jinkludu sorveljanza, sistemi ta’ twissija bikrija u monitoraġġ, bil-għan li tiġi evitata l-espożizzjoni ta’ l-għawwiema, permezz ta’ twissija jew, fejn ikun neċessarju, projbizzjoni ta’ l-għawm;

(ii) ikunu qegħdin jittieħdu miżuri adegwati ta’ immaniġġjar sabiex jiġu evitati, imnaqqsa jew eliminati l-kawżi ta’ tniġġis; u

(iii) in-numru ta’ kampjuni injorati skond l-Artikolu 3(6) minħabba tniġġis għal żmien qasir matul l-aħħar perjodu ta’ stima rrapreżentaw mhux iktar minn 15 % tan-numru totali ta’ kampjuni previsti fil-kalendarji ta’ monitoraġġ stabbiliti għal dak il-perjodu, jew mhux iktar minn kampjun wieħed kull staġun ta’ l-għawm, ikun liema jkun l-ikbar.

[1] "L-aħħar perjodu ta’ stima" tfisser l-aħħar erba’ staġuni ta’ l-għawm, jew, fejn ikun applikabbli, il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 4(2) jew (4).

[2] Ikkalkula d-devjazzjoni standard tal-valuri log10 (σ).Il-punt superjuri tad-90 perċentili tal-funzjoni tad-densità tal-probabbiltà tad-data hija derivata mill-ekwazzjoni li ġejja: 90 e ‐percentile superjuri = antilog (μ + 1,282 σ).Il-punt superjuri tad-95 e perċentili tal-funzjoni tad-densità tal-probabbiltà tad-data hija derivata mill-ekwazzjoni li ġejja: 95 e ‐percentile superjuri = antilog (μ + 1,65 σ).

[3] "Agħar" tfisser valuri ogħla ta’ konċentrazzjoni espressi bħala CFU/100 ml.

[4] "Aħjar" tfisser valuri inferjuri ta’ konċentrazzjoni espressi bħala CFU/100 ml.

--------------------------------------------------

ANNESS III

Il-profil ta’ l-ilma għall-għawm

1. Il-profil ta’ l-ilma għall-għawm imsemmi fl-Artikolu 6 għandu jikkonsisti f’li ġej:

(a) deskrizzjoni tal-karatteristiċi fiżiċi, ġeografiċi u idroloġiċi ta’ l-ilma għall-għawm, u ta’ ilmijiet oħra tal-wiċċ fil-baċin ta’ l-ilma għall-għawm konċernat, li jistgħu ikunu sors ta’ tniġġis, li huma relevanti għall-għan ta’ din id-Direttiva u kif previsti fid-Direttiva 2000/60/KE;

(b) identifikazzjoni u stima tal-kawżi ta’ tniġġis li jistgħu jaffettwaw l-ilmijiet għall-għawm u jagħmlu ħsara għas-saħħa ta’ l-għawwiema;

(ċ) stima tal-potenzjal għall-proliferazzjoni ta’ ċjanobatterji;

(d) stima tal-potenzjal għall-proliferazzjoni ta’ makro-alka u/jew fitoplankton;

(e) jekk l-istima skond il-punt (b) turi li hemm riskju ta’ tniġġis għal żmien qasir, l-informazzjoni li ġejja:

- in-natura, il-frekwenza u d-dewmien antiċipati tat-tniġġis mistenni għal żmien qasir,

- id-dettalji ta’ xi kawżi rimanenti ta’ tniġġis, inklużi l-miżuri ta’ immaniġġjar li ttieħdu u l-programm kronoloġiku għall-eliminazzjoni tagħhom,

- il-miżuri ta’ immaniġġjar li ttieħdu matul inċidenti ta’ tniġġis għal żmien qasir u l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ korpi responsabbli sabiex jieħdu tali azzjonijiet;

(f) il-post tal-punt ta’ monitoraġġ.

2. Fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm kklassifikati bħala "tajba", "suffiċjenti" jew "fqar", il-profil ta’ l-ilma għall-għawm għandu jiġi rivedut regolarment biex jiġi stmat jekk inbidlux xi aspetti stabbiliti fil-paragrafu 1. Jekk ikun neċessarju, huwa għandu jiġi aġġornat. Il-frekwenza u l-ambitu tar-reviżjonijiet għandhom jiġu stabbiliti abbażi tan-natura u l-gravità tat-tniġġis. Madankollu, huma għandhom jikkonformaw mill-inqas mad-disposizzjonijiet u għandhom isiru mill-inqas bil-frekwenza speċifikata fit-tabella li ġejja.

Klassifikazzjoni ta’ l-ilma għall-għawm | "Tajjeb" | "Suffiċjenti" | "Fqir" |

Reviżjonijiet għandhom isiru minn ta’ l-inqas kull | 4 snin | 3 snin | Sentejn |

Aspetti li għandhom jiġu riveduti (punti tal-para. 1) | (a) sa (f) | (a) sa (f) | (a) sa (f) |

Fil-każ ta’ ilmijiet għall-għawm preċedentement ikklassifikati bħala "eċċellenti", il-profil ta’ l-ilma għall-għawm għandu jiġi rivedut u, jekk ikun neċessarju, aġġornat biss jekk il-klassifikazzjoni tinbidel għal "tajjeb", "suffiċjenti" jew "fqir". Ir-reviżjoni għandha tkopri l-aspetti kollha msemmija fil-paragrafu 1.

3. Fil-każ ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni sinifikanti jew tibdil sinifikanti fl-infrastruttura fil-viċinanzi ta’ l-ilma għall-għawm, il-profil ta’ l-ilma għall-għawm għandu jiġi aġġornat qabel il-ftuħ ta’ l-istaġun ta’ l-għawm li jmiss.

4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 (a) u (b) għandha tiġi provduta fuq mappa dettaljata kull fejn dan ikun prattikabbli.

5. Informazzjoni relevanti oħra tista’ tkun mehmuża jew inkluża jekk l-awtorità kompetenti tqis li dan huwa meħtieġ.

--------------------------------------------------

ANNESS IV

Monitoraġġ ta’ l-ilma għall-għawm

1. Kampjun wieħed għandu jittieħed ftit qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ l-għawm. B’kont meħud ta’ dan il-kampjun żejjed u soġġett għall-paragrafu 2, għandhom jittieħdu u jiġu analizzati mhux inqas minn erba’ kampjuni kull staġun ta’ l-għawm.

2. Madankollu, tliet kampjuni biss għandhom bżonn jittieħdu u jiġu analizzati kull staġun ta’ l-għawm fil-każ ta’ ilma għall-għawm li jew:

(a) għandu staġun ta’ l-għawm li ma jaqbiżx it-8 ġimgħat; jonkella

(b) qiegħed f’reġjun soġġett għall-restrizzjonijiet ġeografiċi speċjali.

3. Id-dati tal-ġbir ta’ kampjuni għandhom jitqassmu matul l-istaġun kollu ta’ l-għawm, bl-intervall bejn id-dati tal-ġbir ta’ kampjuni qatt ma jeċċedi xahar.

4. Fil-każ ta’ tniġġis għal żmien qasir, għandu jittieħed kampjun wieħed addizzjonali biex jikkonferma li l-inċident intemm. Dan il-kampjun ma għandux ikun parti mis-sett ta’ data dwar il-kwalità ta’ l-ilma għall-għawm. Jekk ikun neċessarju li jiġi sostitwit kampjun injorat, għandu jittieħed kampjun addizzjonali sebat’ijiem wara t-tmiem tat-tniġġis għal żmien qasir.

--------------------------------------------------

ANNESS V

Regoli dwar it-trattament ta’ kampjuni għall-analiżi mikrobijoloġika

1. Il-punt tal-ġir tal-kampjuni

Fejn ikun possibbli, il-kampjuni għandhom jittieħdu 30 ċentimetru taħt il-wiċċ ta’ l-ilma u f’ilma li huwa mill-inqas metru fond.

2. Sterilizzazzjoni tal-fliexken tal-kampjuni

Il-fliexken tal-kampjuni għandhom:

- jiġu sterilizzati f’awtoklava għal mhux anqas minn 15-il minuta f’temperatura ta’ 121 oC; jew

- issirilhom sterilizzazzjoni xotta f’temperatura ta’ bejn 160 oC u 170 oC għal mhux anqas minn siegħa; jew

- ikunu kontenituri irradjati ta’ kampjuni akkwistati direttament mingħand il-manifattur.

3. Ġbir ta’ kampjuni

Il-volum tal-flixkun/kontenitur tal-kampjuni għandu jiddependi mill-kwantità ta’ l-ilma meħtieġa għall-eżami ta’ kull parametru. Il-kontenut minimu huwa ġeneralment ta’ 250 ml.

Il-kontenituri tal-kampjuni għandhom ikunu ta’ materjal trasparenti u mhux ikkulurit (ħġieġ, politin jew polipropelin).

Sabiex tiġi evitata kontaminazzjoni aċċidentali tal-kampjun, min jieħu l-kampjun għandu juża teknika aseptika biex jippreserva l-isterilità tal-fliexken tal-kampjuni. Jekk dan isir sewwa ma jkunx hemm aktar bżonn ta’ tagħmir sterili (bħal ingwanti kirurġiċi sterili jew forċipi jew sample pole).

Il-kampjun għandu jiġi identifikat b’mod ċar b’linka permanenti fuq il-kampjun u fuq il-formola tal-ġbir ta’ kampjuni.

4. Il-ħażna u t-trasport ta’ kampjuni qabel l-analiżi

Il-kampjuni ta’ l-ilma għandhom jiġu protetti fl-istadji kollha tat-trasport mill-espożizzjoni għad-dawl, b’mod partikulari d-dawl tax-xemx dirett.

Il-kampjun għandu jiġi ppreservat f’temperatura ta’ madwar 4 oC, f’kaxxa mkessħa jew refrigerator (skond il-klima) sal-wasla tiegħu fil-laboratorju. Jekk it-trasport lejn il-laboratorju probabbilment jieħu iktar minn 4 sigħat, huwa meħtieġ trasport f’refrigerator.

Il-perjodu bejn il-ġbir ta’ kampjuni u l-analiżi għandu jinżamm qasir kemm jista’ jkun. Huwa rrakkomandat li l-kampjuni jiġu analizzati fl-istess ġurnata ta’ xogħol. Jekk dan ma jkunx possibbli għal raġunijiet prattiċi, il-kampjuni għandhom jiġu proċessati fi żmien ta’ mhux iktar minn 24 siegħa. Sadanittant, huma għandhom jinħażnu fid-dlam u f’temperatura ta’ 4 oC ± 3 oC.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet