32006D1982


Titolu u referenza

Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)

Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

 ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1–43 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 13 Volume 59 P. 115 - 155
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 13 Volume 59 P. 115 - 155
 HR.ES Chapter 13 Volume 023 P. 273 - 313

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat- 18 ta' Diċembru 2006

dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 166(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-Komunità għandha l-objettiv, imniżżel fit-Trattat, li ssaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi ta' l-industrija Komunitarja, u b'hekk tiżgura livell għoli ta' kompetittività fuq livell internazzjonali. Għal dan il-għan, il-Komunità għandha tippromwovi l-attivitajiet kollha ta' riċerka li jitqiesu meħtieġa, b'mod partikolari billi tinkoraġġixxi l-impriżi, inklużi dawk l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ("SMEs"), iċ-ċentri ta' riċerka u l-universitajiet fl-attivitajiet tagħhom ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku. F'dan il-kuntest, għandha tingħata prijorità lil dawk l-oqsma u proġetti fejn il-finanzjament u l-koperazzjoni Ewropej huma ta' importanza partikolari u jagħtu valur miżjud. Permezz ta' l-appoġġ tagħha għar-riċerka fuq il-fruntieri tal-konoxxenza, ir-riċerka applikata u l-innovazzjoni, il-Komunità tfittex li tippromwovi sinerġiji fir-riċerka Ewropea u b'hekk tipprovdi sisien aktar stabbli għaż-Żona ta' Riċerka Ewropea. Dan ser jagħmel kontribut pożittiv għall-progress soċjali, kulturali u ekonomiku ta' l-Istati Membri kollha.

(2) Ir-rwol ċentrali tar-riċerka ġie rikonoxxut mill-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l- 24 ta' Marzu 2000 li ta lill-Unjoni Ewropea għan strateġiku ġdid għall-għaxar snin li ġejjin: li ssir l-ekonomija bbażata fuq il-konoxxenza l-aktar kompetittiva u dinamika fid-dinja, kapaċi ta' tkabbir ekonomiku sostenibbli b'aktar impiegi u impiegi aħjar u koeżjoni soċjali akbar. It-triangolu tal-konoxxenza — l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni — huwa essenzjali sabiex jinkiseb dan il-għan, li fir-rigward tiegħu il-Komunità għandha l-mira li timmobilizza u ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni meħtieġa. Is-Seba' Programm Kwadru huwa strument ċentrali Komunitarju f'dan ir-rigward, u jikkomplementa l-isforzi ta' l-Istati Membri u ta' l-industrija Ewropea.

(3) Konformement ma' l-istrateġija ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s- 16 ta' Marzu 2002 qabel li l-infiq globali fuq ir-riċerka u l-iżvilupp ("RTD") u fuq l-innovazzjoni fl-Unjoni għandu jiżdied bil-għan li jitressaq lejn it-3 % tal-PGD sa l-2010, li żewġ terzi minnu għandhom jiġu mis-settur privat.

(4) L-għan ewlieni tas-Seba' Programm Kwadru huwa li jikkontribwixxi sabiex l-Unjoni ssir iż-żona ta' riċerka l-aktar 'il quddiem fid-dinja. Dan jeħtieġ li l-Programm Kwadru jkun iffokat sewwa fuq il-promozzjoni u l-investiment fir-riċerka ta' klassi dinjija u avvanzata, ibbażata primarjament fuq il-prinċipju ta' l-eċċellenza fir-riċerka.

(5) Il-Parlament Ewropew enfasizza darba wara l-oħra l-importanza tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u r-rwol akbar tal-konoxxenza għat-tkabbir ekonomiku u l-benessri soċjali u ambjentali, b'mod partikolari fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta' l- 10 ta' Marzu 2005 dwar ix-xjenza u t-tekonoloġija — Linji gwida għal politika futura ta' l-Unjoni Ewropea għall-appoġġ tar-riċerka [4].

(6) Filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta' riċerka għall-oqsma kollha tal-politika Komunitarja u tibni fuq l-appoġġ wiesa' mill-industrija Ewropea, mill-komunità xjentifika, mill-universitajiet u entitajiet oħra interessati, il-Komunità għandha tistabbilixxi l-miri xjentifiċi u teknoloġiċi li jridu jintlaħqu taħt is-Seba' Programm Kwadru tagħha fil-perijodu mill-2007 sa l-2013.

(7) Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej (ETPs) u l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs) maħsubin huma partikolarment relevanti għar-riċerka industrijali. F'dan il-kuntest, l-SMEs għandhom jiġu involuti b'mod attiv fl-operat tagħhom. L-ETPs jgħinu lill-partijiet interessati jistabbilixxu aġendi strateġiċi ta' riċerka fit-tul u jistgħu jevolvu aktar sabiex jirrappreżentaw mekkaniżmu importanti sabiex titrawwem il-kompetittività Ewropea.

(8) L-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru għandhom jintgħażlu bil-mira li jibnu fuq il-kisbiet tas-Sitt Programm Kwadru lejn il-ħolqien ta' Żona ta' Riċerka Ewropea u jressquhom aktar lejn l-iżvilupp ta' ekonomija u soċjetà, fl-Ewropa, ibbażati fuq il-konoxxenza li jissodisfaw l-iskop ta' l-istrateġija ta' Lisbona fil-linji politiċi Komunitarji. Fost l-objettivi tas-Seba' Programm Kwadru, dawn li ġejjin huma ta' importanza partikolari:

- għandu jingħata appoġġ għall-koperazzjoni transnazzjonali f'kull livell madwar l-UE kollha,

- għandhom jittejbu d-dinamiżmu, il-kreattività u l-eċċellenza tar-riċerka Ewropea fuq il-fruntiera tal-konoxxenza, filwaqt li tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà u l-indipendenza tax-xjenzjati fid-definizzjoni ta' linji ta' riċerka wesgħin f'dan il-qasam. Bil-ħsieb ta' dan, ir-riċerka bażika mmexxija mir-riċerkaturi bbażata fuq l-eċċellenza għandha jkollha rwol essenzjali fis-Seba' Programm Kwadru,

- għandu jissaħħaħ, fil-kwantità u fil-kwalità, il-potenzjal uman fir-riċerka u t-teknoloġija fl-Ewropa; taħriġ aħjar fl-edukazzjoni u fir-riċerka, aċċess aktar faċli għal opportunitajiet ta' riċerka kif ukoll ir-rikonoxximent tal-"professjoni" tar-riċerkatur, huma għodod prinċipali sabiex jintlaħaq dan il-għan, mhux l-inqas permezz ta' żieda sinifikattiva fil-preżenza tan-nisa fir-riċerka, fl-inkoraġġiment tal-mobbiltà tar-riċerkaturi u fl-iżvilupp tal-karriera. Il-prinċipji ġenerali riflessi fil-Karta Ewropea għar-Riċerkaturi u fil-Kodiċi ta' Kondotta għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi jistgħu jgħinu sabiex jiġi stabbilit suq ġenwin Ewropew għar-riċerkaturi, filwaqt li tiġi rrispettata n-natura volontarja tagħhom. Barra minn hekk, l-eċċellenza ta' istituzzjonijiet ta' riċerka u universitajiet Ewropej għandhom jiġu żviluppati u mtejbin.

(9) Minbarra dan, id-djalogu bejn ix-xjenza u s-soċjetà fl-Ewropa għandu jiġi intensifikat sabiex tiġi żviluppata aġenda ta' xjenza u riċerka li tirrispondi għat-tħassib taċ-ċittadini, anke permezz tat-trawwim ta' riflessjoni kritika, u mmirat lejn it-tisħiħ tal-kunfidenza tal-pubbliku fix-xjenza.

(10) Għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-tħaffif tal-karriera xjentifika tar-riċerkaturi fil-perijodu l-aktar produttiv tal-ħajja. Ir-riċerkaturi fi stadji bikrija jistgħu jkunu mutur għall-avvanz tax-xjenza fl-Ewropa.

(11) Il-kapaċitajiet tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni madwar l-Ewropa kollha għandhom jissaħħu, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità.

(12) Għandhom ikunu appoġġati l-użu u d-disseminazzjoni b'mod wiesa' tal-konoxxenza ġġenerata minn attività ta' riċerka ffinanzjata b'mezzi pubbliċi.

(13) Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi hija meħtieġa l-promozzjoni ta' erba' tipi ta' attivitajiet: il-koperazzjoni transnazzjonali dwar temi definiti minn politika (il-programm "Koperazzjoni"), ir-riċerka mmexxija mir-riċerkaturi u bbażata fuq l-inizjattiva tal-komunità tar-riċerka (il-programm "Ideat"), l-appoġġ għar-riċerkaturi individwali (il-programm "Nies"), u l-appoġġ għall-kapaċitajiet ta' riċerka (il-programm "Kapaċitajiet").

(14) Taħt il-programm "Koperazzjoni" għandu jingħata appoġġ għall-koperazzjoni transnazzjonali fuq skala xierqa madwar l-Unjoni u lil hinn minnha, f'għadd ta' oqsma tematiċi li jikkorrispondu għall-oqsma prinċipali tal-progress fiil-konoxxenza u fit-teknoloġija, fejn ir-riċerka għandha tiġi appoġġata u msaħħa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali, ta' saħħa pubblika u industrijali Ewropej, taqdi l-ġid komuni u tappoġġa lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Fejn hu possibbli, dan il-programm ser jippermetti flessibbiltà għal skemi orjentati għal missjonijiet li jinvolvu l-prijoritajiet tematiċi.

(15) Taħt il-programm "Ideat", l-attivitajiet għandhom jiġu implimentati minn Kunsill Ewropew tar-Riċerka ("ERC"), li għandu jgawdi minn grad għoli ta' awtonomija sabiex jiżviluppa riċerka innovattiva ta' livell għoli ħafna fil-livell Ewropew, filwaqt li jibni fuq l-eċċellenza fl-Ewropa u jgħolli l-profil tiegħu fil-livell internazzjonali. L-ERC għandu jżomm kuntatt regolari mal-komunità xjentifika u ma' l-Istituzzjonijiet Ewropej. Fir-rigward ta' l-istrutturi ta' l-ERC, ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tas-Seba' Programm Kwadru tista' turi l-ħtieġa għal aktar titjib li jkun jeħtieġ emendi adegwati.

(16) Taħt il-programm "Nies", għandu jingħata stimolu lil individwi sabiex jidħlu fil-professjoni ta' riċerkatur, riċerkaturi Ewropej għandhom jiġu mħeġġa jibqgħu fl-Ewropa, ir-riċerkaturi mid-dinja kollha għandhom jiġu mħajra jiġu fl-Ewropa u l-Ewropa għandha ssir aktar attraenti għall-aqwa riċerkaturi. Bi tkomplija ta' l-esperjenzi pożittivi bl-"Azzjonijiet Marie Curie" taħt Programmi Kwadru preċedenti, il-programm "Nies" għandu jinkoraġġixxi individwi sabiex jidħlu għall-professjoni ta' riċerkatur; jistruttura l-offerta u l-għażliet tat-taħriġ fir-riċerka; jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi Ewropej jibqgħu jew jirritornaw fl-Ewropa; jinkoraġġixxi mobbiltà intersettorali, u jattira lejn l-Ewropa riċerkaturi mid-dinja kollha. Il-mobbiltà tar-riċerkaturi mhix biss ċentrali għall-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi iżda wkoll għall-kondiviżjoni u t-trasferiment tal-konoxxenza bejn pajjiżi u setturi u sabiex jiġi żgurat li r-riċerka innovattiva f'diversi dixxiplini tibbenefika minn riċerkaturi li jkunu ddedikati u kompetenti, kif ukoll minn riżorsi finanzjarji miżjudin.

(17) Taħt il-programm "Kapaċitajiet", l-użu u l-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' riċerka għandhom jiġu ottimizzati; il-kapaċitajiet innovattivi ta' l-SMEs u l-abbiltà tagħhom sabiex jibbenefikaw mir-riċerka għandhom jissaħħu; l-iżvilupp ta' raggruppamenti reġjonali mmexxija mir-riċerka għandhom jiġu appoġġati; il-potenzjal tar-riċerka fir-reġjuni ta' konverġenza u dawk l-aktar imbiegħda ta' l-Unjoni għandu jinfetaħ; ix-xjenza u s-soċjetà għandhom jinġiebu aktar qrib xulxin fis-soċjetà Ewropea; għandu jingħata appoġġ għall-iżvilupp koerenti ta' linji politiċi fil-livelli nazzjonali u Komunitarju u għandhom jittieħdu azzjonijiet u miżuri orizzontali bħala appoġġ għall-koperazzjoni internazzjonali.

(18) Iċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka ("JRC") għandu jikkontribwixxi fl-għoti ta' appoġġ xjentifiku u teknoloġiku mmirat lejn il-klijent li jingħata għall-konċezzjoni, l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' linji politiċi Komunitarji. F'dan ir-rigward, huwa utli li l-JRC ikompli jiffunzjona bħala ċentru indipendenti ta' referenza għax-xjenza u t-teknoloġija fl-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza speċifika tiegħu.

(19) Ir-reġjuni għandhom sehem importanti fl-implimentazzjoni taż-Żona ta' Riċerka Ewropea. Il-ftuħ tal-potenzjal ta' l-iżvilupp tar-reġjuni u d-disseminazzjoni wiesgħa tar-riżultati tar-riċerka u ta' l-iżvilupp teknoloġiku jgħin sabiex inaqqas id-distakk teknoloġika u jikkontribwixxi għall-kompetittività Ewropea.

(20) Is-Seba' Programm Kwadru jikkomplementa l-attivitajiet imwettqa fl-Istati Membri kif ukoll azzjonijiet oħra Komunitarji li huma meħtieġa għall-isforz strateġiku globali għall-kisba tal-miri ta' Lisbona, flimkien b'mod partikolari ma' dawk taħt il-fondi strutturali u dawk li għandhom x'jaqsmu ma' l-agrikoltura, is-sajd, l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kompetittività u l-innovazzjoni, l-industrija, l-impjiegi u l-ambjent.

(21) Għandhom ikunu żgurati sinerġiji reċiproċi u kumplementarjetà mal-linji politiċi u l-programmi Komunitarji, u filwaqt li tiġi indirizzata wkoll il-ħtieġa għal approċċ imsaħħaħ u simplifikat għall-finanzjament tar-riċerka, li huwa partikolarment importanti għall-SMEs.

(22) Is-Seba' Programm Kwadru għandu jimmira, b'mod partikolari, li jiżgura l-involviment xieraq ta' l-SME's permezz ta' miżuri konkreti u azzjonijiet speċifiċi għall-benefiċċju tagħhom. L-innovazzjoni u dawk l-attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-SMEs li jingħataw appoġġ taħt dan il-Programm Kwadru għandhom ikunu kumplementari ma' dawk imwettqa taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l- Innovazzjoni.

(23) Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tas-Seba' Programm Kwadru għandha titħaffef permezz tal-pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni relevanti kollha, li għandha ssir disponibbli fil-ħin u b'mod li jkun faċli għall-utent għall-parteċipanti potenzjali kollha u l-użu xieraq ta' proċeduri sempliċi u rapidi, ħielsa minn kondizzjonijiet finanzjarji indebitament kumplessi u rappurtar mhux meħtieġ, skond ir-Regoli għall-Parteċipazzjoni li huma applikabbli għal dan il-Programm Kwadru, stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni ta' intrapriżi, ċentri ta' riċerka u universitajiet f'azzjonijiet taħt is-Seba' Programm Kwadru u għad-disseminazzjoni ta' riżultati ta' riċerka (2007-2013) [5].

(24) B'kont meħud tar-reviżjoni, ta' nofs it-terminu, ta' l-użu ta' strumenti ġodda taħt is-Sitt Programm Kwadru u l-Evalwazzjoni ta' Ħames Snin tal-Programm Kwadru, ġie definit approċċ ġdid li għandu jippermetti li l-objettivi politiċi tal-politika ta' riċerka Komunitarja jintlaħqu b'iktar faċilità, effiċjenza u flessibbiltà. Għal dan il-għan, għandu jintuża sett iżgħar ta' "skemi ta' finanzjament" aktar sempliċi, individwalment jew flimkien ma' oħrajn, b'iktar flessibbiltà u libertà, sabiex jiġu appoġġati l-azzjonijiet differenti, u għandha tingħata awtonomija aktar b'saħħitha fl-amministrazzjoni lill-parteċipanti.

(25) Fid-dawl ta' l-interess wiesa' fl-azzjonijiet tal-Programm Kwadru, l-effett stimulanti tal-finanzjament fl-investimenti nazzjonali u privati, il-ħtieġa li l-Komunità tingħata l-kapaċità sabiex tilqa' l-isfidi ġodda xjentifiċi u teknoloġiċi u li tagħmel użu sħiħ tal-potenzjal tar-riċerkaturi tagħha mingħajr diskriminazzjoni, ir-rwol ewlieni li għandu l-intervent Komunitarju sabiex is-sistema Ewropea tar-riċerka ssir aktar effiċjenti u effettiva, u l-kontribut possibbli tal-Programm Kwadru għall-isforzi, fost oħrajn, sabiex jinstabu soluzzjonijiet għall-bidla fil-klima u għas-sostenibbiltà, għas-saħħa tal-popolazzjoni ta' l-Ewropa u l-għoti ta' nifs ġdid lill-istrateġija ta' Lisbona, hemm ħtieġa għal attivitajiet Komunitarji ta' riċerka.

(26) L-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru tista' tagħti lok għal programmi supplimentari li jinvolvu l-parteċipazzjoni ta' uħud biss mill-Istati Membri, il-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi mibdija minn għadd ta' Stati Membri, jew inkella l-istabbiliment ta' intrapriżi konġunti jew arranġamenti oħra skond it-tifsira ta' l-Artikoli 168, 169 u 171 tat-Trattat.

(27) Il-Komunità kkonkludiet numru ta' ftehim internazzjonali fil-qasam tar-riċerka u għandhom isiru sforzi sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni internazzjonali fir-riċerka bil-ħsieb li jittieħdu l-benefiċċji sħaħ ta' l-internazzjonalizzazzjoni ta' l-RTD, li jkun hemm kontribut għall-produzzjoni tal-ġid pubbliku globali u sabiex il-Komunità tiġi integrata aktar fil-komunità dinjija tar-riċerka.

(28) Diġà hemm ammont sinifikattiv ta' konoxxenza xjentifika li kapaċi ttejjeb drastikament il-ħajjiet ta' dawk li jgħixu fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; fejn possibbli, il-Programm Kwadru — fil-qafas ta' l-attivitajiet deskritti hawn fuq — ser jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju sa l-2010.

(29) Is-Seba' Programm Kwadru għandu jikkontribwixxi għall-promozzjoni tat-tkabbir, ta' l-iżvilupp sostenibbli u tal-protezzjoni ta' l-ambjent, inkluż permezz tat-trattament tal-problema tal-bidla fil-klima.

(30) L-attivitajiet ta' riċerka appoġġati minn dan is-Seba' Programm Kwadru għandhom jirrispettaw prinċipji fundamentali ta' l-etika, inklużi dawk li huma riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea. Qegħdin, u ser jibqgħu, jitqiesu l-fehmiet tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u fit-Teknoloġiji Ġodda. L-attivitajiet ta' riċerka għandhom iqisu wkoll l-Protokoll dwar il-Protezzjoni u l-Ħarsien ta' l-Annimali, u jnaqqsu l-użu ta' l-annimali fir-riċerka u fl-ittestjar, bil-ħsieb li fl-aħħar jiġi sostitwit l-użu ta' l-annimali.

(31) Taħt is-Seba' Programm Kwadru r-rwol tan-nisa fix-xjenza u fir-riċerka ser jiġi promoss attivament permezz ta' miżuri xierqa bil-ħsieb li jiġu inkoraġġuti numri akbar sabiex jipparteċipaw f'dan il-qasam u jissaħħaħ aktar ir-rwol attiv tagħhom fir-riċerka.

(32) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu tas-Seba' Programm ta' Qafas, pakkett finanzjarju li ser ikun il-punt ewlieni ta' referenza, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas- 17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba [6], għall-awtorità tal-baġit matul il-proċedura baġitarja annwali.

(33) Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa — proporzjonatament għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej — sabiex jiġu mmonitorjati kemm l-effikaċja ta' l-appoġġ finanzjarju mogħti kif ukoll l-effikaċja ta' l-użu ta' dawn il-fondi sabiex jiġu evitati l-irregolaritajiet u l-frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa indebitament jew użati skorrettament skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat- 18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej [7], ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal- 11 ta' Novembru 1996 dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra [8] u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) [9].

(34) Huwa importanti li tiġi żgurata l-amministrazzjoni finanzjarja tajba tas-Seba' Programm Kwadru kif ukoll l-implimentazzjoni tiegħu bl-iktar mod effettiv u faċli għall-użu, filwaqt li jiġu żgurati wkoll iċ-ċertezza legali u l-aċċessibbiltà għall-programm għall-parteċipanti kollha. Jeħtieġ li tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal- 25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [10] u mar-rekwiżiti ta' simplifikazzjoni u ta' regolamentazzjoni aħjar.

(35) Ladarba l-għan ta' l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu skond l-Artikolu 163 tat-Trattat, jiġifieri li jingħata kontribut lejn il -ħolqien fl-Ewropa ta' soċjetà u ekonomija bbażati fuq il-konoxxenza, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, is-Seba' Programm Kwadru ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-għan,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-adozzjoni tas-Seba' Programm Kwadru

Il-Programm Kwadru għall-attivitajiet Komunitarji fil-qasam tar-riċerka u ta' l-iżvilupp teknoloġiku "RTD"), inklużi l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni, (is-"Seba' Programm Kwadru") huwa b'dan adottat għall-perijodu mill- 1 ta' Jannar 2007 sal- 31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Objettivi u attivitajiet

1. Is-Seba' Programm Kwadru għandu jappoġġa l-attivitajiet stabbiliti fil-punti (i) sa (iv). L-objettivi u l-linji ġenerali ta' dawk l-attivitajiet huma stabbiliti fl-Anness I.

(i) Koperazzjoni: appoġġ għall-firxa sħiħa ta' l-azzjonijiet tar-riċerka mwettqa b'koperazzjoni transnazzjonali fl-oqsma tematiċi li ġejjin:

(a) Is-Saħħa;

(b) L-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd, u l-Bijoteknoloġija;

(ċ) It-Teknoloġiji ta' l-Informatika u tal-Komunikazzjoni;

(d) In-Nanoxjenzi, in-Nanoteknoloġiji, il-Materjali u Teknoloġiji Ġodda tal-Produzzjoni;

(e) L-Enerġija;

(f) L-Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima);

(g) It-Trasport (inkluża l-Aeronawtika);

(h) Ix-Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Umanistika;

(i) L-Ispazju;

(j) Is-Sigurtà.

(ii) Ideat: appoġġ għar-riċerka "mmexxija mill-investigaturi" li ssir fl-oqsma kollha minn timijiet individwali nazzjonali jew transnazzjonali f'kompetizzjoni fuq livell Ewropew.

(iii) Nies: it-tisħiħ, sew fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità, tal-potenzjal uman fir-riċerka u fl-iżvilupp teknoloġiku fl-Ewropa, kif ukoll l-inkoraġġiment tal-mobbiltà.

(iv) Kapaċitajiet: appoġġ għall-aspetti prinċipali tal-kapaċitajiet Ewropej ta' riċerka u innovazzjoni bħal infrastrutturi ta' riċerka; raggruppamenti reġjonali mmexxija mir-riċerka; l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tar-riċerka fir-reġjuni ta' konverġenza u dawk l-aktar imbiegħda tal-Komunità; riċerka għall-benefiċċju ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju ("SMEs") [11]; kwistjonijiet ta' "Xjenza fis-Soċjetà"; appoġġ għall-iżvilupp koerenti ta' linji politiċi; attivitajiet orizzontali ta' koperazzjoni internazzjonali.

2. Is-Seba' Programm Kwadru għandu jappoġġa wkoll l-azzjonijiet diretti xjentifiċi u tekniċi li mhumiex ta' natura nukleari mwettqa miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka ("JRC") kif definit fl-Anness I.

Artikolu 3

Programmi Speċifiċi

Is-Seba' Programm Kwadru għandu jiġi implimentat permezz ta' programmi speċifiċi. Dawn il-programmi għandhom jispeċifikaw objettivi preċiżi u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni.

Artikolu 4

Ammont globali massimu u ishma assenjati għal kull programm

1. L-ammont massimu globali għall-parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja f'dan is-Seba' Programm Kwadru għandha tkun ta' EUR 50521 miljun. Dak l-ammont għandu jitqassam bejn l-attivitajiet u l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' l-Artikolu 2 kif ġej (f'miljuni ta' EUR):

Koperazzjoni | 32413 |

Ideat | 7510 |

Nies | 4750 |

Kapaċitajiet | 4097 |

Azzjonijiet mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka | 1751 |

2. Id-dettalji indikattivi ta' l-oqsma tematiċi ta' kull attività msemmija fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness II.

3. Ir-regoli dettaljati għall-parteċipazzjoni finanzjarja Komunitarja f'dan il-Programm Kwadru huma stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 5

Il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet

Għall-azzjonijiet Komunitarji ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inkluż il-ksur ta' obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-programm, li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta' operatur ekonomiku li, permezz ta' nefqa mhux ġustifikata, li għandu jew ikollu l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha.

Artikolu 6

Prinċipji etiċi

1. L-attivitajiet kollha ta' riċerka mwettqa taħt is-Seba' Programm Kwadru għandhom jitwettqu skond prinċipji etiċi fundamentali.

2. L-oqsma ta' riċerka li ġejjin ma għandhomx jiġu ffinanzjati taħt dan il-Programm Kwadru:

- attività ta' riċerka li timmira għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni,

- attività ta' riċerka maħsuba għall-modifika tal-wirt ġenetiku tal-bnedmin li tista' tagħmel tali tibdil ereditabbli [12],

- attivitajiet ta' riċerka maħsuba sabiex joħolqu embrijoni tal-bniedem għall-fini biss ta' riċerka jew għall-fini tal-kisba ta' ċelluli staminali, anke permezz ta' trasferiment ta' nuklei ta' ċelluli somatiċi.

3. Ir-riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-bniedem, kemm adulti kif ukoll embrijoniċi, tista' tiġi ffinanzjata. Dan jiddipendi kemm mill-kontenut tal-proposta xjentifika kif ukoll mill-qafas legali ta' l-Istat jew Stati Membri involuti.

Kwalunkwe applikazzjoni għall-finanzjament ta' riċerka fuq iċ-ċelluli staminali tal-embrijoni tal-bniedem għandha tinkludi, skond il-każ, id-dettalji tal-liċenzja u tal-miżuri ta' kontroll li jkunu ser jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kif ukoll id-dettalji ta' l-approvazzjoni jew approvazzjonijiet etiċi li jkunu ser jiġu pprovduti.

Fir-rigward tad-derivazzjoni taċ-ċelluli staminali embrijoniċi tal-bniedem, l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u r-riċerkaturi għandhom ikunu suġġetti għal liċenzjar u kontroll stretti skond il-qafas legali ta' l-Istat jew Stati Membri involuti.

4. L-oqsma tar-riċerka stabbiliti hawn fuq għandhom jiġu riveduti għat-tieni fażi ta' dan il-programm (2010-2013) fid-dawl ta' l-avvanzi xjentifiċi.

Artikolu 7

Monitoraġġ, evalwazzjoni u reviżjoni

1. Il-Kummissjoni għandha kontinwament u sistematikament timmonitorja l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu u regolarment tirrapporta u xxerred ir-riżultati ta' dan il-monitoraġġ.

2. Sa mhux aktar tard mill-2010, il-Kummissjoni għandha twettaq, bl-għajnuna ta' esperti esterni, evalwazzjoni interim ibbażata fuq l-evidenza ta' dan il-Programm Kwadru u l-programmi speċifiċi tiegħu filwaqt li tibni fuq l-evalwazzjoni ex-post tas-Sitt Programm Kwadru. Din l-evalwazzjoni għandha tkopri l-kwalità ta' l-attivitajiet ta' riċerka eżistenti, kif ukoll il-kwalità ta' l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni, u l-progress li sar lejn il-kisba ta' l-objettivi stabbiliti.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta' dan, flimkien ma' l-osservazzjonijiet tagħha u, fejn xieraq, proposti għall-adattament ta' dan il-Programm Kwadru, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

L-evalwazzjoni interim għandha tkun preċeduta minn rapport dwar il-progress hekk kif tkun disponibbli data biżżejjed, fejn jingħataw ir-riżultati inizjali dwar l-effikaċja ta' l-azzjonijiet il-ġodda mibdija taħt is-Seba' Programm Kwadru u l-isforzi magħmula fir-rigward tas-simplifikazzjoni.

3. Sentejn wara t-tlestija ta' dan il-Programm Kwadru, il-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni esterna, minn esperti indipendenti, tal-motivazzjonijiet, l-implimentazzjoni u l-kisbiet tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet ta' din, flimkien ma' l-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, tat- 18 ta' Diċembru 2006

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

M. Vanhanen

[1] ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9.

[2] ĠU C 115, 16.5.2006, p. 20.

[3] Opinioni tal-Parlament Ewropew tal- 15 ta' Ġunju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal- 25 ta' Settembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 30 ta' Novembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006.

[4] ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 259.

[5] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[6] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[7] ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

[8] ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

[9] ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

[10] ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

[11] Fis-Seba' Programme Kwadru kollu, "SMEs" għandha tinftiehem li tinkludi l-mikro-intrapriżi.

[12] Ir-riċerka relatata mat-trattament tal-kanċer tal-gonadi tista' tiġi ffinanzjata.

--------------------------------------------------

ANNESS I

OBJETTIVI XJENTIFIĊI U TEKNOLOĠIĊI, DESKRIZZJONI ĠENERALI TAT-TEMI U TA' L-ATTIVITAJIET

Is-Seba' Programm Kwadru sejjer jitwettaq sabiex jinkisbu l-objettivi ġenerali deskritti fl-Artikolu 163 tat-Trattat sabiex tissaħħaħ il-kompetittività industrijali u jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' riċerka ta' linji politiċi Komunitarji oħra u b'hekk jikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta' soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza, jibni fuq Żona Ewropea tar-Riċerka u jikkomplementa attivitajiet fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Huwa sejjer jippromwovi l-eċċellenza fir-riċerka, l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni xjentifika u teknoloġika permezz ta' l-erba' programmi li ġejjin: koperazzjoni, ideat, nies u kapaċitajiet.

I. KOPERAZZJONI

F'din il-parti tas-Seba' Programm Kwadru, ser jingħata appoġġ għal koperazzjoni transnazzjonali f'forom differenti madwar l-Unjoni u lil hinn minnha, f'għadd ta' oqsma tematiċi li jikkorrispondu għal oqsma prinċipali tal-konoxxenza u fit-tekonoloġija, li fihom ir-riċerka ta' l-ogħla kwalità għandha tiġi appoġġata u msaħħa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, ekonomiċi, ambjentali u industrijali ta' l-Ewropa. Il-parti l-kbira ta' dan l-isforz se tkun diretta lejn it-titjib tal-kompetittività industrijali, b'aġenda ta' riċerka li tirrifletti l-ħtiġijiet ta' l-utenti madwar l-Ewropa.

L-għan ġenerali huwa li jingħata kontribut lejn żvilupp sostenibbli.

L-għaxar temi ddeterminati għal azzjoni Komunitarja huma dawn li ġejjin:

1) Is-Saħħa;

2) L-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd, u l-Bijoteknoloġija;

3) It-Teknoloġiji ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni;

4) In-Nanoxjenzi, in-Nanoteknoloġiji, il-Materjali u Teknoloġiji ġodda tal-Produzzjoni;

5) L-Enerġija;

6) L-Ambjent (inkluż il-Bidla fil-Klima);

7) It-Trasport (inkluża l-Aeronawtika);

8) Ix-Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Umanistika;

9) L-Ispazju;

10) Is-Sigurtà.

Dawn it-temi huma ddefiniti b'mod ġenerali f'livell relattivament għoli, b'tali mod li jkunu jistgħu jadattaw irwieħhom għal rekwiżiti u opportunitajiet li jistgħu jinqalgħu matul il-perijodu ta' applikazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru. Għal kull waħda minnhom, ġiet identifikata serje ta' attivitajiet li jindikaw il-linji ġenerali li huma maħsuba għall-appoġġ Komunitarju. Dawn l-attivitajiet ġew identifikati abbażi tal-kontribut li jagħtu sabiex jintlaħqu l-objettivi Komunitarji, fosthom it-transizzjoni lejn soċjetà ibbażata fuq il-konoxxenza, il-potenzjal tar-riċerka relevanti Ewropea u l-valur miżjud ta' l-intervent f'livell Komunitarju f'dawn is-suġġetti.

Ser tingħata attenzjoni speċjali sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn l-oqsma tematiċi, u lil oqsma xjentifiċi ta' prijorità li jirrigwardaw bosta temi, bħar-riċerka fil-foresterija, il-wirt kulturali, ix-xjenzi u t-teknoloġiji tal-baħar.

Il-mulitdixxiplinarjetà sejra tiġi inkoraġġita permezz ta' approċċi konġunti li jirrigwardaw bosta temi għas-suġġetti tar-riċerka u t-teknoloġija li jkollhom relevanza għal aktar minn tema waħda, b'sejħiet konġunti li jkunu forma inter-tematika ta' koperazzjoni importanti.

B'mod partikolari fil-każ ta' suġġetti b'relevanza industrijali, is-suġġetti ntgħażlu abbażi, fost oħrajn, tax-xogħol ta' għadd ta' "Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej" differenti li ġew stabbiliti fl-oqsma fejn il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-benessri ta' l-Ewropa jiddependu fuq riċerka importanti u fuq il-progress teknoloġiku, fil-perijodu medju u fit-tul. Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej jiġbru flimkien lil persuni interessati, sabiex, taħt tmexxija industrijali, jiddefinixxu u jimplimentaw Aġenda Strateġika ta' Riċerka. Dan il-Programm Kwadru ser jikkontribwixxi għat-twettiq ta' dawn l-Aġendi Strateġiċi ta' Riċerka fejn dawn għandhom verament valur miżjud Ewropew. Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, bil-parteċipazzjoni possibbli ta' raggruppamenti reġjonali mmexxija mir-riċerka, jista' jkollhom rwol fit-tħaffif u fl-organizzazzjoni tal-parteċipazzjoni ta' l-industrija, inklużi l-SMEs, fi proġetti ta' riċerka relatati mal-qasam speċifiku tagħhom, inklużi proġetti eliġibbli għal finanzjament taħt il-Programm Kwadru.

L-għaxar temi jinkludu wkoll ir-riċerka li tkun meħtieġa sabiex tirfed it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji, f'oqsma bħas-saħħa, is-sigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-enerġija, l-ambjent, għajnuna għall-iżvilupp, is-sajd, l-affarijiet marittimi, l-agrikoltura, il-ħarsien ta' l-annimali, it-trasport, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, il-koeżjoni, u l-ħolqien ta' Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, flimkien mar-riċerka pre-normattiva u ko-normattiva li tkun relevanti għat-titjib fl-interoperabbiltà u l-kwalità ta' l-istandards u ta' l-implimentazzjoni tagħhom u b'hekk isaħħu l-kompetittività Ewropea. Ser tingħata attenzjoni speċjali għall-koordinazzjoni ta' aspetti marbutin ma' l-użu razzjonali u effiċjenti ta' l-enerġija fi ħdan il-Programm Kwadru u koordinazzjoni ma' linji politiċi u programmi Komunitarji oħrajn.

Taħt kull tema, minbarra dawn l-attivitajiet, ser jiġu indirizzati żewġ tipi ta' opportunitajiet b'mod miftuħ u flessibbli:

- Teknoloġiji tal-Ġejjieni u Emerġenti: sabiex jappoġġaw riċerka li timmira li tidentifika jew tesplora iktar opportunitajiet xjentifiċi u teknoloġiċi ġodda f'qasam speċifiku u/jew il-kombinazzjoni tagħhom ma' oqsma u dixxiplini relevanti oħra permezz ta' appoġġ speċifiku għal proposti ta' riċerka spontanji, anke b'sejħiet konġunti; sabiex jitrawmu ideat ġodda u użi radikalment ġodda u jiġu esplorati għażliet ġodda fil-proġettazzjonijiet ta' riċerka, b'mod partikolari dawk b'potenzjal għal skoperti sinifikattivi; koordinazzjoni adegwata ma' l-attivitajiet imwettqa taħt il-programm Ideat se jkunu ggarantiti sabiex tiġi evitata s-sovrappożizzjoni u jiġi żgurat l-aqwa użu tal-finanzjament.

- Rekwiżiti ta' politika mhux previsti: sabiex tingħata tweġiba b'mod flessibbli għal rekwiżiti ġodda ta' politika li jirriżultaw fil-kors tal-Programm Kwadru, bħal żviluppi jew avvenimenti mhux previsti li jirrikjedu reazzjoni ta' malajr, bħal epidemiji ġodda, tħassib emerġenti dwar is-sigurtà alimentari jew ir-rispons għal diżastru naturali.

Id-disseminazzjoni u t-trasferiment tal-konoxxenza huma valur miżjud ewlieni ta' l-azzjonijiet Ewropej ta' riċerka, u se jittieħdu miżuri sabiex jiżdied l-użu tar-riżultati mill-industrija, minn dawk li jfasslu l-politika u mis-soċjetà. Id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali għandhom jiġu salvagwardati wkoll, anke fil-kuntest ta' appoġġ għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. Id-disseminazzjoni se tiġi kkunsidrata bħala kompitu integrali taħt l-oqsma tematiċi kollha, b'restrizzjonijiet xierqa għat-tema ta' sigurtà minħabba l-aspetti ta' kunfidenzjalità ta' l-attivitajiet, anke permezz tal-finanzjament ta' inizjattivi ta' networking, seminars u avvenimenti, assistenza minn esperti esterni u informazzjoni u servizzi elettroniċi b'mod partikolari l-CORDIS.

Ser tiġi żgurata l-komplementarità u s-sinerġija bejn dan il-programm u programmi oħra Komunitarji. L-azzjonijiet għall-appoġġ ta' l-innovazzjoni sejrin jittieħdu taħt il-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni xierqa ta' l-SMEs [1], b'mod partikolari SMEs li jagħmlu użu intensiv mill-konoxxenza f'koperazzjoni transnazzjonali. Tul il-parti ta' "Koperazzjoni" tal-programm fil-qafas ta' strateġija li għandha tiġi żviluppata taħt kull tema ser jittieħdu miżuri konkreti, inklużi azzjonijiet ta' appoġġ li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta' l-SMEs. Dawn l-istrateġiji ser jiġu akkumpanjati minn monitoraġġ kwantitattiv u kwalitattiv imqabbel ma' l-objettivi stabbiliti. L-għan ser ikun li jippermetti li għall-inqas 15 % mill-finanzjament disponibbli taħt il-parti "Koperazzjoni" tal-programm imorru għall-SMEs.

Ser jingħata wkoll appoġġ għal inizjattivi li jkollhom l-għan li jniedu djalogu ma' firxa tal-pubbliku li tkun l-aktar wiesgħa possibbli lil hinn mill-komunità tar-riċerka dwar temi xjentifiċi u r-riżultati tar-riċerka, u għal inizjattivi fil-qasam tal-komunikazzjoni u l-edukazzjoni xjentifika, bl-inklużjoni, fejn opportun, ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew tan-networks ta' tali organizzazzjonijiet. L-integrazzjoni tad-dimensjoni dwar is-sessi u l-ugwaljanza bejn is-sessi ser tiġi trattata f'kull qasam tar-riċerka.

Biex ikun hemm aktar kompetittività fir-riċerka Ewropea jeħtieġ li jinfetaħ kompletament il-potenzjal fiż-Żona ta' Riċerka Ewropea kollha. Il-proġetti li jimmiraw għall-eċċellenza xjentifika għandhom jiġu ġestiti bl-aħjar mod b'attenzjoni partikolari għall-użu tar-riżorsi.

F'dawn it-temi kollha, l-appoġġ għall-koperazzjoni transnazzjonali ser jiġi implimentat permezz ta':

- Ir-riċerka kollaborattiva;

- Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti;

- Il-Koordinazzjoni ta' programmi ta' riċerka mhux Komunitarji;

- Koperazzjoni Internazzjonali.

Ir-Riċerka Kollaborattiva

Ir-riċerka kollaborattiva ser tikkostitwixxi l-parti l-kbira u l-qofol tal-finanzjament Komunitarju għar-riċerka. L-objettiv huwa li, fl-oqsma prinċipali tal-progress fil-konoxxenza, jiġu stabbiliti proġetti ta' riċerka eċċellenti u networks li jkunu kapaċi jattiraw riċerkaturi u investimenti mill-Ewropa u mid-dinja kollha.

Dan ser jintlaħaq billi jingħata appoġġ lir-riċerka kollaborattiva permezz ta' firxa ta' skemi ta' finanzjament: proġetti kollaborattivi, networks ta' eċċellenza, azzjonijiet ta' koordinazzjoni/appoġġ (ara l-Anness III).

Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti

F'għadd limitat ħafna ta' każijiet, il-kamp ta' applikazzjoni ta' objettiv ta' RTD u l-iskala tar-riżorsi involuti jistgħu jiġġustifikaw il-ħolqien ta' sħubiji pubbliċi/privati fit-tul f'forma ta' Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti. Dawn l-inizjattivi, li joħorġu l-iktar mill-ħidma tal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej u li jkopru aspett partikolari jew għadd żgħir ta' aspetti tar-riċerka fil-qasam tagħhom, se jgħaqqdu l-investiment mis-settur privat mal-finanzjament nazzjonali u dak pubbliku Ewropew, inklużi l-għotjiet finanzjarji mis-Seba' Programm Kwadru u s-self u l-garanzija finanzjarja mill-Bank Ewropew għall-Investiment. Kull Inizjattiva Teknoloġika Konġunta ser tiġi deċiża individwalment, jew abbażi ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat (dan jista' jinkludi l-ħolqien ta' proġett konġunt) jew abbażi ta' Deċiżjonijiet Speċifiċi tal-Programm skond l-Artikolu 166(3) tat-Trattat.

L-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti potenzjali ser jiġu identifikati b'mod miftuħ u trasparenti abbażi ta' evalwazzjoni bl-użu ta' sensiela ta' kriterji:

- in-nuqqas ta' kapaċità ta' l-istrumenti eżistenti sabiex jiksbu l-objettiv,

- l-iskala ta' l-impatt fuq il-kompetittività u t-tkabbir industrijali,

- il-valur miżjud ta' intervent f'livell Ewropew,

- kemm ikun definit u ċar l-objettiv li jrid jintlaħaq u r-riżultati li għandhom jintlaħqu,

- il-qawwa ta' l-impenn finanzjarju u ta' riżorsi min-naħa ta' l-industrija,

- l-importanza tal-kontribut lill-objettivi usa' ta' politika inkluż il-benefiċċju għas-soċjetà,

- il-kapaċità li jkun attirat appoġġ nazzjonali addizzjonali u sabiex ikun inċentivat finanzjament fil-preżent u fil-ġejjieni, min-naħa ta' l-industrija.

In-natura ta' l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti għandhom ikunu ddefiniti b'mod ċar, partikolarment fir-rigward ta' materji dwar:

- impenji finanzjarji;

- dewmien ta' l-impenn tal-parteċipanti;

- regoli sabiex jittieħed u jispiċċa l-kuntratt;

- drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni u l-kumplessità partikolari ta' l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti, ser isiru sforzi kbar sabiex jiġi żgurat it-tħaddim trasparenti tagħhom u sabiex jiġi żgurat li kwalunkwe allokazzjoni ta' finanzjament Komunitarju mill-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti ssir abbażi tal-prinċipji ta' eċċellenza u kompetizzjoni tal-Programm Kwadru.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-koerenza u l-koordinazzjoni ġenerali bejn l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti u programmi u proġetti fl-istess oqsma [2], filwaqt li jiġu rispettati l-proċeduri ta' implimentazzjoni eżistenti tagħhom, kif ukoll sabiex jiġi żgurat li l-parteċipazzjoni fil-proġetti tagħhom tkun miftuħa għal firxa wiesgħa ta' parteċipanti madwar l-Ewropa, b'mod partikolari l-SMEs.

Il-Koordinazzjoni ta' Programmi ta' Riċerka mhux Komunitarji

L-azzjoni li ssir f'dan il-qasam ser tuża żewġ strumenti ewlenin: l-iskema ERA-NET u l-parteċipazzjoni tal-Komunità fi programmi nazzjonali ta' riċerka li jiġu implimentati b'mod konġunt (taħt l-Artikolu 169 tat-Trattat). L-azzjoni tista' tkopri suġġetti li mhumiex direttament marbuta ma' l-għaxar temi, sakemm is-suġġetti jkollhom biżżejjed valur miżjud Ewropew. L-azzjoni ser tintuża wkoll sabiex issaħħaħ il-komplementarità u s-sinerġija bejn is-Seba' Programm Kwadru u l-attivitajiet li jsiru fil-qafas ta' strutturi inter-governattivi bħall-EUREKA u l-COST [3].

L-iskema ERA-NET ser tiżviluppa u ssaħħaħ il-koordinazzjoni ta' attivitajiet nazzjonali u reġjonali ta' riċerka billi:

- tipprovdi qafas sabiex dawk li jkunu qed jimplimentaw programmi pubbliċi ta' riċerka jkunu jistgħu jtejbu l-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tagħhom. Dan ser jinkludi l-appoġġ għal ERA-NETs ġodda, kif ukoll għat-twessigħ u l-approfondiment tal-kamp ta' applikazzjoni ta' l-ERA-NETs eżistenti, p.e. billi jestendu s-sħubija tagħhom, kif ukoll bil-ftuħ reċiproku tal-programmi tagħhom. Fejn ikun opportun, l-ERA-NETs jistgħu jiġu wżati għall-koordinazzjoni ta' programmi bejn ir-reġjuni Ewropej u l-Istati Membri sabiex tkun possibbli l-koperazzjoni tagħhom f'inizjattivi fuq skala kbira,

- f'numru limitat ta' każijiet tipprovdi appoġġ finanzjarju Komunitarju addizzjonali lil dawk il-parteċipanti li joħolqu fond komuni ta' riżorsi għall-finijiet ta' sejħiet konġunti għal proposti bejn il-programmi nazzjonali u reġjonali rispettivi tagħhom ("ERA-NET PLUS").

Il-parteċipazzjoni tal-Komunità fil-programmi ta' riċerka implimentati b'mod konġunt abbażi ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat hija ta' relevanza speċjali għall-koperazzjoni Ewropea fuq skala kbira f'"ġeometrija varjabbli" bejn l-Istati Membri li jkollhom ħtiġijiet u/jew interessi komuni. F'każijiet identifikati sew tali inizjattivi ta' l-Artikolu 169 jistgħu jitniedu f'oqsma li għandhom jiġu identifikati f'assoċjazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, inkluża l-koperazzjoni possibbli ma' programmi intergovernattivi, abbażi ta' għadd ta' kriterji:

- relevanza għal objettivi Komunitarji,

- id-definizzjoni ċara ta' l-objettiv li jrid jintlaħaq u r-relevanza tiegħu għall-objettivi ta' dan il-Programm Kwadru,

- il-preżenza ta' bażi pre-eżistenti (programmi ta' riċerka li diġà jeżistu jew li huma previsti),

- il-valur miżjud Ewropew,

- il-massa kritika, fir-rigward tad-daqs u ta' l-għadd ta' programmi kkonċernati, u x-xebh bejn l-attivitajiet li jkopru,

- l-effiċjenza ta' l-Artikolu 169 bħala l-mezz l-aktar adegwat għall-kisba ta' l-objettivi.

Koperazzjoni Internazzjonali

L-azzjonijiet ta' koperazzjoni internazzjonali, li juru valur miżjud Ewropew u li huma ta' interess reċiproku, taħt din il-parti tas-Seba' Programm Kwadru ser ikunu:

- azzjonijiet maħsuba biex isaħħu l-parteċipazzjoni mir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet ta' riċerka minn pajjiżi terzi fl-oqsma tematiċi, b'restrizzjonijiet adegwati għat-tema ta' sigurtà minħabba aspetti ta' kunfidenzjalità, flimkien ma' sforzi qawwija sabiex ikunu nkoraġġuti jaħtfu din l-opportunità.

- azzjonijiet ta' koperazzjoni speċifiċi f'kull qasam tematiku ddedikati lil pajjiżi terzi fejn hemm interess reċiproku f'koperazzjoni dwar temi partikolari li jingħażlu abbażi tal-livell u l-ħtiġijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-pajjiżi kkonċernati. Dawn l-azzjonijiet, li huma assoċjati mill-qrib mal-ftehim bilaterali ta' koperazzjoni jew djalogi multilaterali bejn l-UE u dawn il-pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi, ser iservu bħala għodda pprivileġġata għall-implimentazzjoni tal-koperazzjoni bejn l-UE u dawn il-pajjiżi. Tali azzjonijiet huma, partikolarment, azzjonijiet li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet għar-riċerka ta' pajjiżi kandidati kif ukoll ta' pajjiżi ġirien u attivitajiet koperattivi mmirati lejn pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk emerġenti, b'enfasi fuq il-bżonnijiet partikolari tagħhom f'oqsma bħas-saħħa, inkluża r-riċerka f'mard li ma jingħatax attenzjoni, l-agrikoltura, is-sajd u l-ambjent, u implimentati f'kondizzjonijiet finanzjarji adattati għall-kapaċitajiet tagħhom.

Din il-parti mill-Programm Kwadru tkopri l-azzjonijiet ta' koperazzjoni internazzjonali f'kull qasam tematiku u dawk mifruxa fuq għadd ta' temi. Tali azzjonijiet jiġu implimentati f'koordinazzjoni ma' dawk taħt il-programmi "Nies" u "Kapaċitajiet". Strateġija ġenerali għal koperazzjoni internazzjonali fi ħdan is-Seba' Programm Kwadru ser tirfed din l-attività.

TEMI

1. Saħħa

Objettiv

It-titjib tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej u t-tiżjid tal-kompetittività u t-tisħiħ tal-kapaċità innovattiva ta' l-industriji u l-intrapriżi Ewropej li huma relatati mas-saħħa, filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet globali ta' saħħa, inklużi l-epidemiji emerġenti. Ser issir enfasi fuq ir-riċerka traspożizzjonali (traspożizzjoni ta' skoperti bażiċi f'applikazzjonijiet kliniċi inkluża validazzjoni xjentifika ta' riżultati sperimentali), l-iżvilupp u l-validazzjoni ta' terapiji ġodda, metodi għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni inkluż il-promozzjoni tas-saħħa tat-tfal, ta' xjuħija sana, għodod dijanjostiċi u teknoloġiji mediċi, kif ukoll sistemi għall-kura tas-saħħa sostenibbli u effiċjenti.

Motivazzjoni

Is-sekwenzar tal-ġenoma tal-bniedem u l-iżviluppi reċenti fil-post-ġenomika irrevoluzzjonaw ir-riċerka fis-saħħa u fil-mard tal-bniedem. L-integrazzjoni ta' l-ammonti vasti ta' data, il-komprensjoni tal-proċessi bijoloġiċi sottostanti u l-iżvilupp ta' teknoloġiji prinċipali għall-bijo-industriji relatati mas-saħħa jeħtieġu li jinġiebu flimkien mases kritiċi ta' kompetenzi u riżorsi varji li mhumiex disponibbli f'livell nazzjonali, bil-ħsieb li jkunu żviluppati l-konoxxenza u l-kapaċità għal intervent.

L-avvanzi sinifikattivi fir-riċerka traspożizzjonali fil-qasam tas-saħħa, li hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li r-riċerka bijomedika tipprovdi benefiċċji prattiċi u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja, jeħtieġu wkoll approċċi multi-dixxiplinari u pan-Ewropej li jinvolvu partijiet interessati differenti. Dawn l-approċċi jħallu lill-Ewropa tikkontribwixxi b'mod iktar effettiv għall-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra mard ta' importanza globali.

Ir-riċerka klinika fuq bosta mardiet (p.e. il-kanċer, il-mard kardjovaskulari u infettiv, il-mard mentali u newroloġiku, b'mod partikolari dawk marbuta max-xjuħija, bħall-mardiet Alzheimer u Parkinson) tiddipendi fuq provi internazzjonali f'diversi ċentri sabiex jinkiseb l-għadd meħtieġ ta' pazjenti fi żmien qasir.

Ir-riċerka epidemjoloġika tirrikjedi diversità kbira ta' popolazzjonijiet u networks internazzjonali sabiex jintlaħqu konklużjonijiet sinifikattivi. Sew l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' dijanjosi u t-trattament għal disturbi rari kif wkoll it-twettiq ta' riċerka epidemoloġika fuq dawk id-disturbi jirrikjedu wkoll approċċi minn numru ta' pajjiżi sabiex jiżdied l-għadd ta' pazjenti għal kull studju. Barra minn hekk, it-twettiq ta' riċerka bbażata fuq il-politika tas-saħħa fil-livell Ewropew jippermetti t-tqabbil ta' mudelli, sistemi, data u materjal dwar il-pazjenti miżmuma fid-databases u biobanks nazzjonali.

Ir-riċerka bijomedika qawwija bbażata fl-UE ser tgħin sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-bijoteknoloġija Ewropea għall-kura tas-saħħa, tat-teknoloġija medika u ta' l-industriji farmaċewtiċi. Il-kollaborazzjoni ta' l-UE ma' pajjiżi fi żvilupp ser tippermetti lil dawk il-pajjiżi jiżviluppaw kapaċitajiet għar-riċerka. L-UE trid ukoll tieħu sehem attiv fil-ħolqien ta' ambjent li jwassal għall-innovazzjoni fis-settur pubbliku u dak farmaċewtiku li jindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa pubblika, b'mod partikolari sabiex jitkabbar kemm jista' s-suċċess tar-riċerka klinika. L-SMEs ibbażati fuq ir-riċerka huma l-muturi ekonomiċi ewlenin ta' l-industriji tal-bijoteknoloġija għall-kura tas-saħħa u dawk tat-teknoloġija medika. Minkejja li l-Ewropa issa għandha aktar kumpanniji tal-Bijoteknoloġija milli għandha l-Istati Uniti, il-biċċa l-kbira minnhom huma żgħar u anqas maturi mill-kompetituri tagħhom. L-isforzi ta' riċerka pubbliċi-privati fil-livell ta' l-UE sejrin jiffaċilitaw l-iżvilupp tagħhom. Ir-riċerka fl-UE sejra tagħti wkoll kontribut għall-iżvilupp ta' normi u standards ġodda sabiex jiġi stabbilit qafas leġislattiv xieraq għal teknoloġiji mediċi ġodda (p.e. il-mediċina riġenerattiva). Għandha tiġi żgurata tmexxija globali tar-riċerka u l-innovazzjoni Ewropea fil-qasam ta' strateġiji alternattivi għall-ittestjar, partikolarment metodi fejn ma jsirx użu minn annimali.

L-attivitajiet li ser jiġu indirizzati, li jinkludu r-riċerka essenzjali għar-rekwiżiti tal-politika, huma stabbiliti hawn taħt. L-aġendi ta' riċerka fit-tul bħal dawk stabbiliti mill-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej, bħal dik dwar il-mediċini innovattivi, ser jiġu appoġġati fejn relevanti. Sabiex jingħata rispons għall-ħtiġijiet ta' politika ġodda, jistgħu jiġu appoġġati azzjonijiet addizzjonali, bħal l-oqsma ta' kwistjonijiet ta' politika tas-saħħa u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Il-kwistjonijiet strateġiċi dwar is-saħħa tat-tfal u l-mard pedjatriku kif ukoll dwar is-saħħa tal-popolazzjoni li qed tixjieħ ser jirċievu attenzjoni speċifika u ser jitqiesu kull meta jkun xieraq fl-attivitajiet kollha ta' din it-tema.

Il-kwistjonijiet etiċi, legali u soċjo-ekonomiċi ser jiġu ttrattati f'kull waħda mill-attivitajiet li ġejjin.

Attivitajiet

- Il-bijoteknoloġija, l-għodod ġeneriċi u t-teknoloġiji mediċi għas-saħħa tal-bniedem

- Riċerka b'volum kbir: sabiex jiġi kkatalizzat il-progress fil-ġenomika fundamentali (ġenoma u post-ġenoma) u r-riċerka bijomedika billi jissaħħu l-ġenerazzjoni, l-istandardizzar, il-ksib u l-analiżi tad-data.

- L-iskoperta, id-dijanjosi u l-monitoraġġ: b'enfasi fuq approċċi u teknoloġiji li m'humiex invażivi jew invażivi b'mod minimu bħal għodod ġodda ta' prevenzjoni għall-mediċina riġenerattiva (p.e. permezz ta' immaġni u dijanjosi molekulari).

- Il-previżjoni ta' l-idoneità, is-sigurtà u l-effikaċja tat-terapiji: sabiex jiġu żviluppati u vvalidati indikaturi bijoloġiċi, metodi u mudelli in vivo u in vitro, inklużi s-simulazzjoni, il-farmakoġenomika, strateġiji ta' mira u kunsinna u alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali.

- Approċċi u interventi terapewtiċi innovattivi: sabiex jiġu riċerkati, ikkonsolidati u żgurati aktar żviluppi fit-terapiji u t-teknoloġiji avvanzati li għandhom potenzjal li jiġu applikati għal għadd ta' mardiet u disturbi bħal għodod terapewtiċi ġodda għall-mediċina reġenerattiva.

- It-traspożizzjoni tar-riċerka għas-saħħa tal-bniedem

- L-integrazzjoni ta' data u proċessi bijoloġiċi — il-ġbir ta' data fuq skala wiesgħa, il-bijoloġija tas-sistemi (inkluż l-immodellar ta' sistemi kumplessi): sabiex jiġi ġġenerat u analizzat il-volum vast ta' data li huwa meħtieġ sabiex jiġu mifhuma aħjar in-networks regolatorji kumplessi ta' eluf ta' ġeni u prodotti ta' ġeni li jikkontrollaw proċessi bijoloġiċi importanti fl-organiżmi relevanti kollha u fil-livelli kollha ta' organizzazzjoni.

- Ir-riċerka fuq il-moħħ u fuq mard relatat mal-moħħ, l-iżvilupp uman u l-proċess tax-xjuħija: ssabiex jiġi esplorat il-proċess tax-xjuħija sana, u l-mod kif il-ġeni u l-ambjent jinteraġixxu ma' l-attività tal-moħħ, sew f'kondizzjonijiet normali kif ukoll fil-mard tal-moħħ u f'mard relevanti relatat max-xjuħija (p.e. id-demenzja).

- Riċerka traspożizzjonali fil-mard infettiv: sabiex jiġu ndirizzati r-reżistenza għall- mediċini, it-theddidiet globali ta' l-HIV/AIDS, il-malarja u t-tuberkulożi kif ukoll l-epatite u epidemiji potenzjalment ġodda u emerġenti mill-ġdid (eż SARS u l-influwenza patoġenika qawwija).

- Riċerka traspożizzjonali fil-mardiet prinċipali- kanċer, mard kardjovaskulari, id-dijabete/obesità; mard rari; mard kroniku ieħor inkluż l-artrite, il-mard rewmatiku u dak muskolo-skeletriku u mard respiratorju inkluż dak ikkawżat minn allerġiji: sabiex jiġu żviluppati strateġiji orjentati lejn il-pazjent, mill-prevenzjoni sad-dijanjożi b'enfażi partikolari fuq it-trattament, inkluża r-riċerka klinika u l-użu ta' ingredjenti attivi. Ser jittieħed kont ta' aspetti tal-mediċina palljattiva.

- L-ottimizzazzjoni ta' l-għoti tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini Ewropej

- It-traspożizzjoni tar-riżultati kliniċi fil-prassi klinika: sabiex tinħoloq bażi ta' konoxxenza għal teħid ta' deċiżjonijiet kliniċi u sabiex tiġi indirizzata l-mod kif ir-riżultati tar-riċerka klinika jiġu trasposti fil-prassi klinika, u speċjalment fl-indirizz tas-sigurtà tal-pazjent u l-użu aħjar tal-mediċini (inklużi xi aspetti ta' viġilanza farmakoloġika u ta' mediċini alternattivi u komplementari ttestjati xjentifikament) kif ukoll tal-karatteristiċi speċifiċi tat-tfal, in-nisa u l-popolazzjoni tax-xjuħ.

- Il-kwalità, l-effiċjenza u s-solidarjetà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa, inklużi sistemi tal-kura tas-saħħa transizzjonali u strateġiji għal kura fid-dar: sabiex l-interventi effettivi jiġu kkonvertiti f'deċiżjonijiet maniġerjali, sabiex jiġu vvalutati l-ispiża, l-effiċjenza u l-benefiċċji ta' interventi differenti inkluż fir-rigward tas-sigurtà tal-pazjent, sabiex jiġu definiti l-ħtiġijiet u l-kondizzjonijiet għall-forniment adegwat ta' riżorsi umani, sabiex jiġu analizzati l-fatturi li jinfluwenzaw l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja (anke minn gruppi żvantaġġati), inkluża l-analiżi tat-tibdiliet fil-popolazzjoni (p.e. il-proċess tax-xjuħija, il-mobbiltà u l-migrazzjoni, u t-tibdiliet fil-post tax-xogħol).

- Titjib fil-prevenzjoni tal-mard u fl-użu aħjar tal-mediċini: sabiex jiġu żviluppati interventi effiċjenti fil-qasam tas-saħħa pubblika li jindirizzaw id-determinanti usa' tas-saħħa (bħall-istress, id-dieta, stili ta' ħajja jew fatturi marbutin ma' l-istili ta' ħajja jew l-ambjent u l-interazzjoni tagħhom mal-medikazzjoni); sabiex jiġu identifikati interventi li rnexxew f'kuntesti differenti tal-kura tas-saħħa għat-titjib tal-preskrizzjoni tal-mediċini u ta' l-użu tagħhom min-naħa tal-pazjenti (inklużi aspetti tal-farmakoviġilanza u interazzjonijiet ta' mediċini).

- Użu xieraq ta' terapiji u teknoloġiji ġodda tas-saħħa: valutazzjoni tas-sigurtà u ta' l-effikaċja fit-tul u l-monitoraġġ ta' l-użu fuq skala wiesgħa ta' teknoloġiji mediċi ġodda (inkluż it-tagħmir) u ta' terapiji avvanzati sabiex ikun żgurat livell għoli ta' ħarsien u benefiċċju għas-saħħa pubblika.

2. L-Ikel, l-Agrikultura u s-Sajd u l-Bijoteknoloġija

Objettiv

Il-bini ta' bijo-ekonomija ibbażata fuq il-konoxxenza [4] billi jinġiebu flimkien ix-xjenza, l-industrija u oħrajn li għandhom interess, sabiex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ġodda u emerġenti ta' riċerka li jindirizzaw l-isfidi soċjali, ambjentali u ekonomiċi: it-talba dejjem tikber għal ikel aktar sigur, ta' ġid għas-saħħa u ta' kwalità ogħla, kif ukoll għall-użu u l-produzzjoni sostenibbli ta' bijo-riżorsi rinnovabbli; ir-riskju li qed jiżdied ta' mard epiżotiku u żoonotiku u disturbi relatati ma' l-ikel; theddidiet għas-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-produzzjoni agrikola, ta' l-akkwakultura u tas-sajd; u t-talba dejjem tikber għal ikel ta' kwalità għolja, b'kont meħud tal-ħarsien ta' l-annimali u tal-kuntesti rurali u tal-kosta u rispons għall-bżonnijiet djetetiċi speċifiċi tal-konsumaturi.

Motivazzjoni

L-innovazzjonijiet u l-progress fil-konoxxenza dwar l-immaniġġar sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu tar-riżorsi bijoloġiċi (mikro-organiżmi, pjanti, annimali), sejrin jipprovdu l-bażi għal prodotti ġodda, sostenibbli, siguri, eko-effiċjenti u kompettittivi fl-agrikoltura, is-sajd, l-għalf, l-ikel, is-saħħa, il-koltivazzjoni tal-foresti u l-industriji relatati. Konformement ma' l-istrateġija Ewropea fix-xjenzi tal-ħajja u fil-bijoteknoloġija [5], dan se jgħin sabiex tikber il-kompetittività tal-kumpaniji Ewropej tata' l-agrikoltura u l-bijoteknoloġija, u taż-żrieragħ u ta' l-ikel, b'mod partikolari l-SMEs ta' teknoloġija avvanzata, filwaqt li jtejbu l-ħarsien u l-benessri soċjali.

Ir-riċerka dwar is-sigurtà fl-ikel u tal-katini alimentari, il-mardiet marbuta mad-dieta, l-għażliet ta' l-ikel u l-impatt ta' l-ikel u n-nutriment fuq is-saħħa ser tgħin fil-ġlieda kontra d-disturbi relatati ma' l-ikel (p.e. l-obeżità, l-allerġiji) u l-mard infettiv (p.e. enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli, influwenza avjarja), filwaqt li tagħti kontribut importanti lill-implimentazzjoni ta' linji politiċi u regolamenti eżistenti u lit-tfassil ta' dawk tal-ġejjieni fl-oqsma tas-saħħa pubblika, ta' l-annimali u tal-pjanti u l-protezzjoni tal-konsumatur.

Id-diversità u prinċipalment id-daqs żgħir ta' l-industriji Ewropej f'dawn l-oqsma, filwaqt li huma wieħed mill-vantaġġi ta' l-Ewropa u huma opportunità, iwasslu sabiex problemi simili jiġu ttrattati b'mod frammentat. Dawn jiġu ttrattati aħjar li kieku jkun hemm aktar kollaborazzjoni u qsim tal-kompetenzi, per eżempju dwar metodoloġiji, teknoloġiji, proċessi u standards ġodda li jirriżultaw mit-tibdil fil-leġislazzjoni Ewropea.

Bosta Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta' prijoritajiet komuni għar-riċerka, f'oqsma bħall-ġenomika u l-bijoteknoloġija tal-pjanti, il-foresterija u l-industriji bbażati fuq il-foresti, is-saħħa globali ta' l-annimali, it-trobbija ta' l-annimali fl-agrikoltura, u l-bijoteknoloġija alimentari u industrijali. Ir-riċerka li ssir ser tipprovdi wkoll il-bażi tal-konoxxenza meħtieġa sabiex tappoġġa l-Politika Agrikola Komuni u l-Istrateġija Ewropea għall-Foresti; kwistjonijiet dwar l-agrikoltura u l-kummerċ; aspetti ta' sigurtà ta' organiżmi modifikati ġenetikament ("OMĠ"); regolamenti dwar is-sigurtà ta' l-ikel; standards Komunitarji dwar is-saħħa, il-kontroll tal-mard u l-ħarsien ta' l-annimali; u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd li għandha l-għan li tipprovdi l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd u ta' l-akkwakultura u s-sigurtà tal-prodotti ta' l-ikel tal-baħar [6]. Sabiex tiġi żgurata r-relevanza soċjali, huwa previst ukoll rispons flessibbli għal ħtiġijiet ta' politika ġodda, b'mod partikolari fir-rigward ta' riskji ġodda u xejriet u ħtiġijiet soċjali jew ekonomiċi ġodda.

Attivitajiet

- Il-produzzjoni u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi mill-ambjent ta' l-art, tal-foresti u akkwatiċi: l-għanjnuna għar-riċerka, inkluża dik fit-teknoloġiji ta' l-'omika', bħall-ġenomika, il-proteomika, il-metabolomika, il-bijoloġija sistemika, it-teknoloġiji tal-bijoinformatika u konverġenza għall-mikro-organiżmi, il-pjanti u l-annimali, inkluża r-riċerka fuq l-isfruttament u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità tagħhom.

Għar-riżorsi bijoloġiċi bbażati fuq l-art, ir-riċerka ser tiffoka fuq: il-fertilità tal-ħamrija, titjib fis-sistemi ta' l-uċuħ u l-produzzjoni fid-diversità kollha tagħhom, inklużi il-biedja organika, skemi ta' produzzjoni ta' kwalità u l-monitoraġġ u l-valutazzjoni ta' l-impatti ta' OMĠs fuq l-ambjent u l-bnedmin; is-saħħa tal-pjanti, l-agrikultura sostenibbli, kompetittiva u multifunzjonali, u foresterija; żvilupp rurali, saħħa u ħarsien, trobbija u produzzjoni ta' annimali; mard infettiv fl-annimali, inkluż studji epidemjoloġiċi, iż-żoonosi u l-mekkaniżmi patoġeniċi tagħhom, u mard marbut ma' l-għalf ta' l-annimali; theddid ieħor għas-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-produzzjoni ta' l-ikel, inkluż il-bidla fil-klima; ir-rimi sigur ta' l-iskart ta' l-annimali.

Għar-riżorsi bijoloġiċi minn ambjenti akkwatiċi, ir-riċerka ser tappoġġa s-sostenibbiltà u l-kompetittività tas-sajd, ser tipprovdi l-bażi xjentifika u teknika tal-ġestjoni tas-sajd u tappoġġa l-iżvilupp sostenibbli ta' l-akkwakultura, inkluż it-trobbija u l-ħarsien.

L-iżvilupp ta' għodod (inkluż għodod ta' l-ICT) meħtieġa minn dawk li jfasslu l-politika u atturi oħra f'oqsma bħall-agrikultura, is-sajd u l-akkwakultura, u l-iżvilupp rurali (prattika ta' landscaping, ta' maniġġar ta' l-art eċċ.); kuntesti soċjo-ekonomiċi u etiċi ta' produzzjoni.

- "Mill-furketta sar-razzett" — l-ikel (inkluż il-frott tal-baħar), is-saħħa u l-benessri: Aspetti ta' konsumaturi, ta' soċjetà, ta' kultura, industrijali u ta' saħħa kif ukoll aspetti tradizzjonali ta' l-ikel u l-għalf, inklużi xjenzi dwar l-imġiba u dawk konjittivi; nutrizzjoni, mard u disturbi relatati mad-dieta, inklużi obeżità u allerġiji fit-tfal u l-adulti; nutrizzjoni fir-rigward tal-prevenzjoni ta' mard (inkluża konoxxenza akbar dwar il-komposti u l-karatteristiċi li jġibu s-saħħa ta' l-ikel); teknoloġiji innovattivi ta' l-ipproċessar ta' l-ikel u l-għalf (inkluż pakkettar u teknoloġiji minn oqsma li ma għandhomx x'jaqsmu ma' l-ikel); kwalità u sigurtà mtejba, kemm kimika u bijoloġika, ta' l-ikel, xorb u għalf; metodoloġiji mtejba ta' assigurazzjoni ta' sigurtà ta' l-ikel; integrità (u kontroll) tal-katina ta' l-ikel; impatti ambjentali fiżiċi u bijoloġiċi fuq u ta' katini ta' l-ikel/l-għalf; impatt fuq u reżistenza tal-katina ta' l-ikel għall-bidliet globali; kunċett sħiħ tal-katina ta' l-ikel (inkluż ikel mill-baħar u materja prima u komponenti ta' ikel oħra); traċċabbiltà u l-iżvilupp ulterjuri tagħha; awtentiċità ta' l-ikel; żvilupp ta' ingredjenti u prodotti ġodda.

- Ix-xjenzi tal-ħajja, il-bijoteknoloġija u l-bijokimika għall-prodotti u proċessi mhux alimentari sostenibbli: uċuħ u riżorsi tal-foresta mtejba, għalf, prodotti u bijomassa mill-baħar (inklużi r-riżorsi mill-baħar) għall-prodotti ta' l-enerġija, l-ambjent, u ta' valur miżjud għoli bħalma huma l-materjali u s-sustanzi kimiċi (inklużi riżorsi bijoloġiċi li jistgħu jintużaw fl-industrija farmaċewtika u l-mediċina), inklużi l-innovazzjonijiet fis-sistemi tal-biedja, fil-bijo-proċessi u fil-kunċetti tal-bijo-raffinerija; bijo-kataliżi; mikro-organiżmi u enżimi ġodda u mtejba; prodotti u proċessi bbażati fuq il-foresterija u l-foresti; il-bijo-risanament ambjentali u l-bijo-proċessar aktar nadif, l-użu ta' skart agro-industrijali u prodotti sekondarji.

3. It-Teknoloġiji ta' l-Informatika u tal-Komunikazzjoni (Informationa and Communication Technologies, ICT)

Objettiv

Sabiex titjieb il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea u tgħin l-Ewropa sabiex tkun tista' tiddomina u ssawwar l-iżviluppi futuri ta' l-ICT sabiex tiġi sodisfatta d-domanda tas-soċjetà u l-ekonomija tagħha. L-ICT jinsabu fil-qalba tas-soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza. L-attivitajiet ser isaħħu l-bażi xjentifika u teknoloġika ta' l-Ewropa u jiżguraw li globalment tkun fuq quddiem nett fl-ICT, igħinu sabiex imexxu u jistimulaw l-innovazzjoni u l-kreattività tal-prodott, servizz u proċess permezz ta' l-użu ta' l-ICT u jiżguraw li l-progress fl-ICT jiġi trasformat malajr f'benefiċċji għaċ-ċittadini, l-azjendi, l-industrija u l-gvernijiet ta' l-Ewropa. Dawn l-attivitajiet ser jgħinu wkoll bies jitnaqqsu d-diviżjoni diġitali u l-esklużjoni soċjali.

Motivazzjoni

L-ICT huma ta' importanza kritika għall-ġejjieni ta' l-Ewropa. Huwa fondamentali għat-twettiq ta' l-aġenda ta' Lisbona. Għandhom impatt katalitiku fi tlitt oqsma ewlenin: produttività u innovazzjoni, modernizzazzjoni ta' servizzi pubbliċi u avvanzi fix-xjenza u teknoloġija. Nofs iż-żidiet fil-produttività fl-ekonomiji tagħna nafuhom lill-impatt ta' l-ICT fuq il-prodotti, is-servizzi, u l-proċessi fl-intrapriżi. L-ICT huma l-fattur ewlieni fl-għoti ta' l-ispinta lill-innovazzjoni u l-kreatività u fil-kontroll tal-bidla fil-katini ta' valur fis-setturi ta' l-industrija u s-servizzi.

L-ICT huma neċessarji sabiex nilqgħu għaż-żieda fid-domanda għall-kura tas-saħħa u għall-kura soċjali, partikolarment għal nies bi bżonnijiet speċjali inkluż il-popolazzjoni li qed tixjieħ sabiex jiġu mmodernizzati s-servizzi f'oqsma ta' interess pubbliku bħall-edukazzjoni, il-wirt kulturali, is-sigurtà, l-enerġija, it-trasport u l-ambjent u sabiex tiġi promossa l-aċċessibbiltà u t-trasparenza fit-tmexxija u fil-proċessi ta żvilupp ta' linji politiċi. L-ICT għandhom rwol importanti fl-immaniġġar u l-komunikazzjoni ta' l-RTD u jservu bħala katalizzatur għall-avvanz f'oqsma oħra tat-teknoloġija u tax-xjenza billi jittrasformaw il-mod kif ir-riċerkaturi jmexxu r-riċerka tagħhom, jikkoperaw u joħolqu l-innovazzjonijiet.

Id-domandi ekonomiċi u soċjali dejjem jikbru, flimkien ma' l-integrazzjoni kontinwa ta' l-ICT u l-ħtieġa li jitwessgħu l-limiti tat-teknoloġija kif ukoll li jiġu żviluppati prodotti u servizzi innovattivi u ta' valur għoli bbażati fuq l-ICT jistabbilixxu aġenda dejjem tikber għar-riċerka. Sabiex it-teknoloġija titqarreb aktar lejn in-nies u lejn il-ħtiġijiet ta' l-organizzazzjonijiet ifisser: il-ħabi tal-kumplessità teknoloġika u l-iżvelar tal-funzjonalità meta mitluba; it-teknoloġija ssir funzjonali, sempliċi ħafna sabiex tintuża, disponibbli u abbordabbli; jiġu provduti applikazzjonijiet, soluzzjonijiet u servizzi ġodda bbażati fuq l-ICT, li jkunu fdati, affidabbli u adattabbli għall-kuntesti u l-preferenzi ta' l-utenti. Immexxija mit-talba għal iktar b'inqas, ir-riċerkaturi ta' l-ICT huma mdaħħla f'tellieqa globali li tiffoka fuq il-minjaturizzazzjoni, sabiex jaħkmu l-konverġenza tat-teknoloġiji ta' l-informatika, l-komunikazzjoni u l-media, inkluża aktar interoperabbiltà bejn is-sistemi u l-konverġenza ma' xjenzi u dixxiplini oħra relevanti, u sabiex jibnu sistemi li jkunu kapaċi jitgħallmu u jevolvu.

Minn dawn l-isforzi diversi nħolqot ġenerazzjoni ġdida ta' teknoloġiji. L-attivitajiet ta' riċerka fl-ICT ser jutilizzaw firxa usa' ta' dixxiplini xjentifiċi u teknoloġiċi, inklużi x-xjenzi bijoloġiċi u dawk tal-ħajja, il-kimika, il-psikoloġija, il-pedagoġija, ix-xjenzi konjittivi u soċjali u l-umanistika.

Il-qasam ta' l-ICT huwa wieħed mis-setturi li fihom l-aktar li ssir ir-riċerka. L-isforz tar-riċerka fl-ICT, sew pubbliku kif ukoll privat, jirrappreżenta terz tar-riċerka kollha fl-ekonomiji ewlenin kollha. Minkejja li l-Ewropa f'xi oqsma ewlenin ta' l-ICT diġà qiegħda fuq quddiem nett fl-industrija u t-teknoloġija, tinsab lura wara l-kompetituri l-kbar tagħha fir-rigward ta' l-investiment fir-riċerka fl-ICT. Ikun biss jekk l-għaqda ta' l-isforzi tkun imġedda u iktar intensiva fuq il-livell Ewropew li nkunu kapaċi nagħmlu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li jista' joffri l-progress fl-ICT. L-attività ta' riċerka ta' l-ICT bbażata fuq il-mudell ta' żvilupp 'sors miftuħ' qed tagħti prova ta' l-utilità tagħha bħala sors ta' innovazzjoni u ta' kollaborazzjoni dejjem tiżdied Ir-riżultati tar-riċerka fl-ICT jistgħu jieħdu toroq differenti fejn jiġu sfruttati u jwasslu għal diversi mudelli ta' negozju.

L-attivitajiet ta' riċerka fl-ICT se jkunu artikolati mill-qrib ma' l-azzjonijiet ta' politika fl-applikazzjoni ta' l-ICT u mal-miżuri regolatorji fi ħdan strateġija komprensiva u olistika. Ġew stabbiliti prijoritajiet wara li saru konsultazzjonijiet estensivi, li inkludew kontributi minn għadd ta' Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej u minn inizjattivi industrijali f'oqsma bħan-nano-elettronika, il-mikrosistemi, is-sistemi integrati, il-komunikazzjoni ċellulari u mingħajr fil, il-midja elettroniċi, il-fotonika, ir-robotika u s-software, is-servizzi u l-rids, inkluża il-Free, Libre and Open Source Software (FLOSS). Ser jittieħed kont ukoll ta' kwistjonijiet ta' sostenibbiltà, b'mod partikolari fil-qasam ta' l-elettronika.

Attivitajiet

Ir-rwol tar-riċerka f'Teknolġiji Futuri u Emerġenti huwa partikolarment relevanti f'din it-tema sabiex tappoġġa r-riċerka fil-fruntiera tal-konoxxenza f'ICT ewlenin, u fil-kombinazzjoni tagħhom ma' oqsma u dixxiplini relevanti oħra; sabiex jitrawmu ideat ġodda u użi radiklament ġodda u sabiex ikunu esplorati għażliet ġodda fir-roadmaps ta' riċerka ta' l-ICT, inkluż l-isfruttament ta' effetti quantum, l-integrazzjoni tas-sistemi u sistemi intelliġenti.

- Il-Pilastri ta' l-ICT:

- In-nano-elettronika, il-fotonika u s-sistemi mikro/nano integrati: li javvanzaw il-limiti tal-minjaturizzazzjoni, l-integrazzjoni, il-varjetà, il-ħażna u d-densità; iż-żieda fil-prestazzjoni u l-manifatturabbiltà b'anqas spiża; il-faċilitazzjoni ta' l-inkorporazzjoni ta' l-ICT f'firxa ta' applikazzjonijiet; punti ta' interazzjoni (interfaces); riċerka 'l fuq lejn l-oriġini li teħtieġ l-esplorazzjoni ta' kunċetti ġodda.

- Networks ta' komunikazzjoni aċċessibbli minn kullimkien u ta' kapaċità bla limiti: aċċess minn kullimkien permezz ta' networks eteroġeni — networks fissi, mobbli, ta' mingħajr fil u tax-xandir li jifirxu miż-żona personali sa dik reġjonali u dik globali — li jippermettu t-twassil bla interruzzjoni ta' volumi dejjem akbar ta' data u servizzi f'kull post u f'kull ħin.

- Sistemi integrati, computing u kontroll: sistemi u prodotti ta' computing, ħażna u komunikazzjoni qawwija, siguri u distribwiti, affidabbli u effiċjenti li huma integrati f'oġġetti u f'infrastrutturi fiżiċi li jistgħu jipperċepixxu, jikkontrollaw u jadattaw għall-ambjent tagħhom; interoperabbiltà ta' sistemi diskreti u kontinwi.

- Software, Grids, sigurtà u affidabbiltà: software u servizzi dinamiċi, adattivi, affidabbli u fdati, pjattaformi għal software u servizzi, sistemi komplessi u arkitetturi ġodda ta' proċessar, inkluż il-provvista tagħhom bħala utilità.

- Konoxxenza, sistemi konjittivi u ta' tagħlim: sistemi semantiċi; il-kisba u l-isfruttament tal-konoxxenza integrata fi ħdan il-kontenut tal-web u dak multimedjatiku; sistemi artifiċjali bijo-ispirati li jipperċepixxu, jifhmu, jitgħallmu u jevolvu, u jaġixxu b'mod awtonomu; it-tagħlim minn magni u bnedmin konvivjali, abbażi ta' fehim aħjar tal-konjizzjoni tal-bniedem.

- Simulazzjoni, viżwalizzazzjoni, interazzjoni u realtajiet imħallta: għodod għall-proġettazzjoni innovattiva u għall-kreattività fil-prodotti, servizzi u media diġitali, u għall-interazzjoni u komunikazzjoni naturali, li jużaw il-lingwaġġ u li jkunu għonja fil-kuntest.

- Perspettivi ġodda fl-ICT li jirriferu għal dixxiplini xjentifiċi u teknoloġiċi oħra, inklużi l-kisbiet tal-konoxxenza mill-matematika u l-fiżika, il-bijoteknoloġiji, ix-xjenzi tal-materjali u tal-ħajja, għall-minjaturizzazzjoni tat-tagħmir ta' l-ICT għal daqsijiet li jippermettulhom il-kompattibbiltà u l-interazzjoni ma' organiżmi ħajjin, sabiex jiżdiedu l-prestazzjoni u l-użu faċli ta' l-inġinerija sistemika u l-ipproċessar ta' l-informazzjoni, u għall-immudellar u s-simulazzjoni tad-dinja ħajja.

- L-Integrazzjoni tat-Teknoloġiji:

- Ambjenti personali: il-komunikazzjoni personali u t-tagħmir, aċċessorji, apparat li jintlibes u impjanti ta' computing; il-punti ta' interazzjoni u l-interkonnessjonijiet tagħhom mas-servizzi u r-riżorsi.

- Ambjenti domestiċi: il-komunikazzjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-għajnuna; l-inter-operabbiltà u l-użu bla interruzzjoni tat-tagħmir kollu; il-kontenut u s-servizzi diġitali interattivi.

- Sistemi robotiċi: sistemi awtonomi avanzati; il-konjizzjoni, il-kontroll, il-ħiliet għall-azzjoni, l-interazzjoni u l-koperazzjoni naturali; il-minjaturizzazzjoni, it-teknoloġiji umanojdi.

- infrastrutturi intelliġenti: għodod li jagħmlu l-infrastrutturi li huma ta' importanza kritika għall-ħajja ta' kuljum iktar effiċjenti u faċli sabiex jintużaw, eħfef f'dak li hu adattament u manutenzjoni, u aktar robusti fl-użu u li huma reżistenti għall-ħsarat.

- Ir-Riċerka dwar l-Applikazzjonijiet:

- L-ICT li jindirizzaw l-isfidi tas-socjetà: sistemi ġodda, materjali, strutturi, teknoloġiji u servizzi ġodda fl-oqsma ta' interess pubbliku, li jtejbu l-kwalità, l-effiċjenza, l-aċċess u l-inklużività, inkluża l-aċċessibbiltà għall-persuni diżabbli; applikazzjonijiet ta' użu faċli, l-integrazzjoni ta' teknoloġiji u inizjattivi ġodda bħall-għajxien domestiku megħjun (ambient assisted living).

- għas-saħħa, it-titjib tal-prevenzjoni tal-mard u d-disposizzjonijiet dwar il-kura tas-saħħa, djanjosi bikrija, trattament u personalizzazzjoni; l-awtonomija, is-sigurtà, il-monitoraġġ u l-mobbiltà tal-pazjenti; spazju ta' informazzjoni dwar is-saħħa għall-kisba u l-ġestjoni tal-konoxxenza.

- it-titjib ta' l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni ugwali u l-prevenzjoni tal-firdiet diġitali; it-teknoloġija assistiva għall-anzjani u għall-persuni b'diżabbiltà; proġettazzjoni għal kulħadd (design-for-all).

- għall-mobbiltà; sistemi ta' trasport intelliġenti msejsa fuq l-ICT, vetturi u soluzzjonijiet ta' servizz intelliġenti għat-turiżmu li jippermettu ċ-ċaqliq tan-nies u l-merkanzija fis-sigurtà, b'mod ekoloġiku, fil-kumdità u b'mod effiċjenti.

- b'appoġġ għall-ambjent, għall-immaniġġar tar-riskju u għall-iżvilupp sostenibbli, sabiex tiġi pprevenuta jew titnaqqas il-vulnerabbiltà u jiġu mitigati l-konsegwenzi ta' diżastri naturali, l-inċidenti industrijali u attivitajiet tal-bniedem relatati ma' l-iżvilupp ekonomiku.

- għall-gvernijiet f'kull livell: l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà, għal amministrazzjoni pubblika ta' klassi dinjija u rabtiet maċ-ċittadini u l-azjendi, b'appoġġ għad-demokrazija, waqt li jiġi permess l-aċċess għal informazzjoni għal kulħadd.

- L-ICT għall-kontenut, għall-kreatività u għall-iżvilupp personali:

- mudelli ġodda tal-medja u forom ġodda ta' kontenut, inkluż id-divertiment; il-ħolqien ta' u aċċess għal kontenut diġitali interattiv; l-arrikkiment ta' l-esperjenzi ta' l-utenti; il-forniment effettiv fl-infiq tal-kontenut; ġestjoni ta' drittijiet diġitali; medja ibrida.

- tagħlim arrikkit bit-teknoloġija; soluzzjonijiet adattivi u kuntestwalizzati ta' tagħlim; tagħlim attiv.

- sistemi msjesa fuq l-ICT li jappoġġaw l-aċċessibbiltà u l-użu fuq tul ta' żmien tar-riżorsi u l-assi diġitali kulturali u xjentifiċi, f'ambjent multilingwistiku/ multikulturali u li jinkludi fir-rigward tal-wirt kulturali.

- L-ICT fl-appoġġ għall-azjendi u l-industrija:

- forom ġodda ta' proċessi azjendali f'network, dinamiċi u koperattivi, eko-sistemi diġitali inkluż sabiex tingħata aktar setgħa lil organizzazzjonijiet u komunitajiet żgħar u ta' daqs medju; organizzazzjoni ottimizzata tax-xogħol u ambjenti tax-xogħol kollaborattivi bħall-kondiviżjoni tal-konoxxenza u servizzi interattivi (p.e. għat-turiżmu).

- il-manifattura inklużi l-industriji tradizzjonali: il-proġettazzjoni rapida u adattabbli, il-produzzjoni u l-kunsinna ta' oġġetti speċifikament adattati għal użu partikolari; il-produzzjoni diġitali u virtwali; għodod għall-immudellar, simulazzjoni, ottimizzazzjoni u preżentazzjoni; prodotti ta' l-ICT minjaturizzati u integrati.

- L-ICT għall-fiduċja u l-kunfidenza: l-amministrazzjoni ta' l-identità; l-awtentikazzjoni u l-awtorizzazzjoni; teknoloġiji li jtejbu l-privatezza; amministrazzjoni ta' drittijiet u ta' assi; protezzjoni mit-theddid informatiku, f'koordinazzjoni ma' temi oħra, b'mod partikulari t-tema ta' "Sigurtà".

4. Nano-xjenzi, Nano-teknoloġiji, Materjali u Teknoloġiji tal-Produzzjoni ġodda

Objettiv

It-titjib tal-kompetittività ta' l-industrija Ewropea u l-ġenerazzjoni tal-konoxxenza sabiex tiġi żgurata t-trasformazzjoni tagħha minn industrija li sserraħ primarjament fuq ir-riżorsi għal waħda li sserraħ primarjament fuq il-konoxxenza, bil-ġenerazzjoni ta' bidliet gradwali fil-konoxxenza u bl-implimentazzjoni ta' konoxxenza deċiżiva għal applikazzjonijiet ġodda f'salib it-toroq bejn teknoloġiji u dixxiplini differenti. Dan ikun ta' benefiċċju kemm għal industriji ġodda ta' teknoloġija għolja kif ukoll għal industriji tradizzjonali bbażati fuq il-konoxxenza ta' valur iktar għoli, b'attenzjoni partikolari għad-disseminazzjoni xierqa ta' riżultati ta' RTD lill-SMEs. Dawn l-attivitajiet huma primarjament ikkonċernati li jippermettu teknoloġiji li għandhom impatt fuq is-setturi industrijali kollha u ħafna temi tas-Seba' Programm Kwadru oħra.

Motivazzjoni

Id-diffikultajiet li qed jiżdiedu li jaffetwaw ħafna attivitajiet industrijali ma jidhirx li baqgħu ristretti għas-setturi tradizzjonali li jserrħu l-aktar fuq ix-xogħol, imma bdew jinħassu wkoll f'setturi intermedji — li jikkostitwixxu l-punti qawwija stabbiliti ta' l-industrija Ewropea — u saħansitra f'xi setturi ta' teknoloġija avvanzata. Bażi industrijali b'saħħitha għandha tinżamm billi jissaħħaħ il-kontenut tal-konoxxenza fl-industrija eżistenti kif ukoll billi tinbena, fl-Ewropa, industrija b'saħħitha, ibbażata fuq il-konoxxenza u li sserraħ primarjament fuq il-konoxxenza, waqt li ssir enfasi fuq l-isfruttament ta' riċerka bażika għal applikazzjonijiet industrijali. Dan ser jinkludi l-modernizzazzjoni tal-bażi ta' SMEs eżistenti u l-ħolqien u t-tkabbir sussegwenti ta' SMEs ġodda mmexxija mill-konoxxenza permezz tad-disseminazzjoni tal-konoxxenza u l-kompetenzi u permezz ta' programmi kollaborattivi.

Il-kompetittività ta' l-industrija fil-futur ser tiddipendi ħafna fuq in-nano-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tagħhom. L-RTD fin-nano-xjenzi u n-nano-teknologiji integrati minn diversi oqsma jista' jaċċelera t-trasformazzjoni ta' l-industrija Ewropea. L-UE għandha pożizzjoni rikonoxxuta ta' tmexxija f'oqsma bħan-nano-xjenzi, in-nano-teknoloġiji, il-materjali u t-teknoloġiji ta' produzzjoni, li għandha tissaħħaħ sabiex tiġi żgurata u mkabbra l-pożizzjoni ta' l-UE f'kuntest globali ta' kompetizzjoni qawwija.

Materjali bi proprjetajiet ġodda huma ċentrali għall-kompetittività futura ta' l-industrija Ewropea u l-bażi għal progress tekniku f'ħafna oqsma.

Prijoritajiet relevanti għall-industrija u l-integrazzjoni tagħhom għal applikazzjonijiet settorali jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta' attivitajiet bħall-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej f'oqsma bħan-nano-elettronika, il-manifattura, il-ġenerazzjoni ta' ħolqien ta' l-enerġija, l-azzar, il-kimika, l-enerġija, l-industrija tat-trasport, il-kostruzzjoni, is-sigurtà industrijali, it-tessuti, iċ-ċeramika, l-industrija bbażata fuq il-foresti u n-nano-mediċina. Dan se jgħin sabiex jiġu stabbiliti prijoritajiet u miri komuni ta' riċerka. Barra minn hekk, b'risposta flessibbli għall-ħtiġijiet ta' politika ġodda li jirriżultaw matul ħajjet is-Seba' Programm Kwadru, ser jiġu indirizzati l-kwistjonijiet relevanti dwar il-politika, ir-regolamentazzjoni u l-istandardizzazzjoni, u l-impatt.

Attivitajiet

- Nano-xjenzi, Nano-teknoloġiji

- Il-ġenerazzjoni ta' konoxxenza ġdida dwar fenomeni li jiddipendu fuq interface u daqs; il-kontroll fuq skala nanometrika tal-proprjetajiet tal-materjali għal applikazzjonijiet ġodda; l-integrazzjoni fuq skala nanometrika ta' teknoloġiji inklużi monitoraġġ u sensing; il-proprjetajiet ta' assemblaġġ awtomatiku; in-nano-muturi; in-nano-magni u n-nano-sistemi; il-metodi u l-għodod għall-karatterizzazzjoni u l-manipulazzjoni fuq dimensjonijiet nanometriċi; nano-teknoloġiji u dawk ta' preċiżjoni għolja fil-kimika għall-manifattura ta' materjali u komponenti bażiċi; l-istudju u l-produzzjoni ta' komponenti nanometriċi preċiżi; l-impatt fuq is-sigurtà tal-bniedem, is-saħħa u l-ambjent; il-metroloġija, il-monitoraġġ u s-sensing, in-nomenklatura u l-istandards; l-esplorazzjoni ta' kunċetti u approċċi ġodda għal applikazzjonijiet settorali, inkluż l-integrazzjoni u l-konverġenza ta' teknoloġiji emerġenti. L-attivitajiet ser jinvestigaw ukoll l-impatt tan-nano-teknoloġija fuq is-soċjetà u r-relevanza tan-nano-xjenza u t-teknoloġija għas-soluzzjoni tal-problemi tas-soċjetà.

- Materjali

- Il-ġenerazzjoni ta' konoxxenza ġdida dwar materjali u superfiċji bi prestazzjoni għolja għal prodotti u proċessi ġodda kif ukoll għat-tiswija tagħhom; materjali msejsa fuq il-konoxxenza, bi proprjetajiet imfassla apposta u bi prestazzjoni prevedibbli; disinn u simulazzjoni aktar affidabbli; mudellar tal-computing; kumplessità akbar; kompatibbiltà ambjentali; l-integrazzjoni ta' funzjonalità nano-mikro-makro fl-industriji tat-teknoloġija kimika u ta' l-ipproċessar tal-materjali; nano-materjali ġodda, inkluzi nano-komposti, bijo-materjali, u materjali ibridi, inkluż id-disinn u l-kontroll ta' l-ipproċessar, il-karatteristiċi u l-prestazzjoni tagħhom.

- Produzzjoni Ġdida

- Il-ħolqien ta' kondizzjonijiet u assi għall-produzzjoni sostenibbli li sserraħ primarjament fuq il-konoxxenza, inkluż il-bini, l-iżvilupp u l-validazzjoni ta' mudelli ġodda li jirrispondu għal ħtiġijiet emerġenti ta' l-industrija u t-trawwim tal-modernizzazzjoni tal-bażi ta' l-industrija Ewropea; l-iżvilupp ta' assi ġeneriċi ta' produzzjoni għall-produzzjoni adattiva, msejsa fuq il-konoxxenza, u fi ħdan network; l-iżvilupp ta' kunċetti ġodda fl-inġinerija li jisfruttaw il-konverġenza tat-teknoloġiji (per eżempju tekonololġiji nano, mikro, bijo, ġeo, info, ottiċi, konjittivi, flimkien mal-ħtiġijiet ta' l-inġinerija tagħhom) għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' prodotti u servizzi ġodda jew imġedda b'valur miżjud għoli, u l-adattament għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu; l-użu ta' teknoloġiji ta' produzzjoni ta' prestazzjoni għolja.

- Integrazzjoni tat-teknoloġiji għal applikazzjonijiet industrijali

- L-integrazzjoni ta' konoxxenza ġdida, nano- u mikro-teknoloġiji, materjali u produzzjoni f'applikazzjonijiet settorali jew trans-settorali, f'oqsma bħalma huma: is-saħħa, l-ikel, il-kostruzzjoni u l-bini, it-trasport, l-enerġija, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, il-kimika, l-ambjent, it-tessuti u l-ħwejjeġ, iż-żraben, l-industrija bbażata fuq il-foresti, l-azzar, l-inġinerija mekkanika.

5. Enerġija

Objettiv

L-adattament tas-sistema attwali ta' enerġija f'waħda iktar sostenibbli, inqas dipendenti fuq il-karburanti importati u bbażat fuq taħlita varja ta' sorsi ta' enerġija, b'mod partikolari dawk rinnovabbli, it-trasportaturi ta' l-enerġija u s-sorsi li ma jniġġsux; it-tisħiħ ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, inkluż permezz ta' razzjonalizzazzjoni ta' l-użu u l-ħażna ta' l-enerġija; l-indirizzar ta' l-isfidi urġenti tas-sigurtà tal-provvista u l-bidla fil-klima, filwaqt li tiżdied il-kompetittività ta' l-industriji ta' l-Ewropa.

Motivazzjoni

Is-sistemi ta' l-enerġija għandhom quddiemhom sfidi kbar. Hemm bżonn urġentement li jiġu identifikati u żviluppati soluzzjonijiet adegwati u f'waqthom fid-dawl tat-tendenzi allarmanti fit-talba globali għall-enerġija, tan-natura limitata tar-riżervi konvenzjonali taż-żejt u l-ġass naturali u tal-bżonn li jitrażżnu drammatikament l-emissjonjiet tal-gassijiet serra bil-għan li jiġu mitigati l-konsegwenzi devastanti tal-bidla fil-klima, tal-volatilità danneġġanti tal-prezzijiet taż-żejt (b'mod partikolari għas-settur tat-trasport, li jiddipendi ħafna fuq iż-żejt) u ta' l-instabbiltà ġeopolitika tar-reġjuni fornituri. Ir-riċerka dwar l-enerġija hija kontribut importanti biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u l-industriji tagħna jkunu jistgħu jlaħħqu ma' l-ispiża għall-enerġija. Ir-riċerka u d-dimostrazzjoni huma meħtieġa sabiex jiġu pprovduti t-teknoloġiji u l-miżuri l-iktar sodi mill-aspett ambjentali u effettivi fin-nefqa, b'tali mod li l-Ewropa tkun tista' tilħaq il-miri tagħha skond il-Protokoll ta' Kyoto u lil hinn minnu, u sabiex twettaq l-impenji li ħadet fil-politika ta' l-enerġija tagħha, kif deskritti fil-Green Paper ta' l-2000 dwar is-sigurtà tal-provvista ta' l-enerġija [7], il-Green Paper ta' l-2005 dwar l-Effiċjenza ta' l-Enerġija [8] u l-Green Paper ta' l-2006 dwar strateġija Ewropea għall-enerġija sostenibbli, kompetittiva u sigura [9].

L-Ewropa żviluppat pożizzjoni ta' tmexxija dinjija f'għadd ta' teknoloġiji għall-ġenerazzjoni u l-effiċjenza ta' l-enerġija. Hija l-pijuniera fit-teknoloġiji moderni ta' l-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mix-xemx, bijo-enerġija u l-enerġija mir-riħ. L-UE hija wkoll kompetitriċi dinjija fit-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni ta' l-enerġija, u għandha kapaċità qawwija ta' riċerka fil-qasam ta' l-akkwiżizzjoni u l-iżolament tal-karbonju. Madankollu, dawn il-pożizzjonijiet issa qed jiffaċċaw kompetizzjoni serja (b'mod partikolari mill-USA u l-Ġappun). Għalhekk l-Ewropa għandha żżomm u tiżviluppa l-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha li teħtieġ sforzi sostanzjali u kollaborazzjoni internazzjonali.

It-trasformazzjoni radikali tas-sistema ta' l-enerġija f'sistema ta' l-enerġija li temetti inqas jew l-ebda CO2, affidabbli, kompetittiva u sostenibbli tirrikjedi teknoloġiji ġodda u materjali ġodda li jġorru magħhom riskji li huma kbar wisq u li l-qligħ huwa wisq inċert sabiex l-azjendi privati jipprovdu l-investiment kollu meħtieġ għar-riċerka, l-iżvilupp, id-dimostrazzjoni u l-implimentazzjoni. Għalhekk, l-appoġġ pubbliku għandu jkollu rwol ewlieni fil-mobilizzazzjoni ta' l-investiment privat u l-isforzi u r-riżorsi Ewropej għandhom jiġu magħquda flimkien b'mod iktar koerenti u effettiv, sabiex jikkompetu ma' l-ekonomiji li qed jinvestu ħafna u b'mod konsistenti f'teknoloġiji simili. Il pjattaformi teknoloġiċi Ewropej għandhom rwol importanti f'dan ir-rigward, billi jimmobilizzaw l-isforz ta' riċerka meħtieġ b'mod koordinat. L-attivitajiet sabiex jilħqu dan l-objettiv huma nmiżżla hawn taħt. Iżjed effiċjenza fis-sistema kollha ta' l-enerġija, mis-sors sa l-utent, hija essenzjali u l-bażi tat-Tema ta' l-Enerġija kollha. Minħabba l-kontribut importanti tagħhom għal sistemi ta' l-enerġija sostenibbli, dawk li jiġġeddu u l-effiċjenza ta' l-enerġija għall-użu aħħari fil-futur ser ikunu l-parti prinċipali ta' din it-Tema. Ser tingħata attenzjoni partikolari lill-istimulazzjoni ta' riċerka, żvilupp u demostrazzjoni u lill-promozzjoni tal-bini ta' kapaċità f'dan il-qasam. F'dan ir-rigward se jiġu sfruttati b'mod sħiħ sinerġiji mal-komponent tal-Programm ta' "Enerġija Intelliġenti għall-Ewropa" tal-Programm ta' Qafas dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Ser jiġi esplorat ukoll il-potenzjal għal inizjattivi futuri fuq skala kbira li jintegraw finanzjament minn diversi sorsi (eżempju JTI).

Hija inkluża attività speċifika dwar il-konoxxenza fit-tfassil ta' politika dwar l-enerġija, attività li tista' toffri appoġġ ukoll għal ħtiġijiet ġodda ta' politika li jistgħu jirriżultaw, per eżempju fir-rigward tar-rwol tal-politika Ewropea dwar l-enerġija fl-iżviluppi ta' l-azzjonijiet internazzjonali relatati mal-bidla fil-klima, u l-instabbilitajiet jew id-disturbi fil-provvista u fil-prezz ta' l-enerġija.

Attivitajiet

- Idroġenu u fuel cells

Azzjoni integrata sabiex tipprovdi pedament teknoloġiku sod għal industriji kompetittivi ta' l-UE fl-oqsma ta' fuel cells u l-idroġenu, għal applikazzjonijiet fissi, li jinġarru u għat-trasport. Il-Pjattaforma Teknoloġika Ewropea għall-Idroġenu u għall-Fuel Cells tikkontribwixxi għal din l-attività billi tipproponi strateġija integrata għar-riċerka u l-implimentazzjoni.

- Ġenerazzjoni ta' elettriku rinnovabbli

Teknoloġiji sabiex tiżdied l-effiċjenza ġenerali tal-konverżjoni, l-effiċjenza fl-ispiża u affidabbiltà, li tnaqqas in-nefqa fuq il-produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi ta' l-enerġija indiġeni u rinnovabbli, inkluż l-iskart, u l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji adatti għal kondizzjonijiet reġjonali differenti.

- Produzzjoni ta' karburant rinnovabbli

Sistemi integrati għall-produzzjoni ta' karburant u teknoloġiji ta' konverżjoni: sabiex jiġi żviluppat u mnaqqas il-kost unitarju ta' karburanti solidi, likwidi u f'forma ta' gass (inkluż l-idroġenu) prodotti minn għejun ta' l-enerġija rinnovabbli inkluż il-bijomassa u l-iskart, bil-għan ta' produzzjoni, ħażna, distribuzzjoni u użu effettiv fl-infiq ta' karburanti li huma newtri fir-rigward tal-karbonju, b'mod partikolari il-bijo-karburanti għall-użu fit-trasport u l-ġenerazzjoni ta' l-elettriku.

- Enerġija rinnovabbli għat-tisħin u t-tkessiħ

Riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni ta' teknoloġiji u apparat inklużi teknoloġiji ta' ħażna sabiex tiżdied l-effiċjenza u tonqos in-nefqa fuq it-tisħin u t-tkessiħ attiv u passiv minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli, b'tali mod li jiġi żgurat l-użu tagħhom f'kondizzjonijiet reġjonali differenti fejn jista' jiġi identifikat potenzjal suffiċjenti.

- Teknoloġiji għall-ġbir u l-ħażna tas-CO2 għall-ġenerazzjoni ta' l-enerġija mingħajr emissjonijiet

Riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni ta' teknoloġiji sabiex jitnaqqas drastikament l-impatt ambjentali ta' l-użu tal-karburanti fossili bil-għan li jkun hemm impjanti ta' ġenerazzjoni ta' l-enerġija u/jew is-sħana b'effiċenza għolja u effettivi fl-infiq li jqarrbu lejn l-assenza sħiħa ta' emissjonijiet, ibbażati fuq teknoloġiji għall-ġbir u l-ħażna tas- CO2 b'mod partikolari l-ħażna taħt l-art.

- Teknoloġiji nodfa tal-faħam

Riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni ta' teknoloġiji sabiex jittejbu sostanzjalment l-effiċjenza, l-affidabbiltà u n-nefqa ta' l-impjanti, permezz ta' l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta' teknoloġiji nodfa ta' konverżjoni, inklużi proċessi kimiċi, tal-faħam u karburanti solidi oħra, li jipproduċu wkoll ġarriera sekondarji ta' l-enerġija (inkluż l-idroġenu) u karburanti likwidi jew f'forma ta' gass. L-attivitajiet ser ikunu marbuta skond il-każ ma' teknoloġiji għall-qbid u l-ħażna tas- CO2 jew ma' l-użu konġunt tal-bijomassa.

- Networks intelliġenti ta' l-enerġija

Riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni dwar kif tiżdied l-effiċjenza, is-sigurtà, l-affidabbiltà u l-kwalità tas-sistemi Ewropej ta' l-elettriku u tal-gass u tan-networks b'mod partikolari fil-kuntest ta' suq Ewropew ta' l-enerġija iktar integrat p. eż. permezz tat-trasformazzjoni tas-sistema ta' distribuzzjoni ta' l-elettriku attwali f'network interattiv (klijenti/operaturi) ta' servizz, permezz ta' l-iżvilupp ta' għażliet għall-ħażna ta' l-enerġija u tat-tneħħija ta' l-ostakoli għall-implimentazzjoni fuq skala kbira u l-integrazzjoni effettiva ta' sorsi ta' l-enerġija distribwiti u rinnovabbli.

- L-effiċjenza u l-ekonomija fl-użu ta' l-enerġija

Riċerka, żvilupp u dimostrazzjoni ta' kunċetti ġodda, ottimizzazzjoni ta' kunċetti u teknoloġiji ppruvati sabiex jittejbu l-effiċjenza enerġetika u sabiex jippermettu aktar ekonomija fuq il-konsum aħħari u primarju ta' l-enerġija tul iċ-ċiklu ta' ħajja tagħhom, għall-bini (inkluż fid-dawl), it-trasport, is-servizzi u l-industrija. Dan jinkludi l-integrazzjoni ta' l-istrateġiji u t-teknoloġiji għall-effiċjenza enerġetika (inkluż ko- u poli-ġenerazzjoni), l-użu ta' teknoloġiji ta' l-enerġija ġodda u rinnovabbli u miżuri u apparat għall-ġestjoni tad-domanda għall-enerġija, u d-dimostrazzjoni ta' bini ta' impatt minimu fuq il-klima.

- Konoxxenza għat-tfassil tal-politika dwar l-enerġija

L-iżvilupp ta' għodod, metodi u mudelli għall-valutazzjoni tal-kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali ewlenin relatati mat-teknoloġiji ta' l-enerġija, u sabiex jipprovdu miri u xenarji kwantifikabbli għall-perijodu medju u fit-tul (inkluż l-għoti ta' appoġġ xjentifiku għall-iżvilupp tal-politika).

6. Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima)

Objettiv

L-immaniġġar sostenibbli ta' l-ambjent u r-riżorsi tiegħu permezz ta' l-avvanzi fil-konoxxenza dwar l-interazzjonijiet bejn il-klima, il-bijosfera, l-ekosistemi u l-attivitajiet tal-bniedem, u l-iżvilupp ta' teknoloġiji, għodod u servizzi ġodda sabiex il-kwistjonijiet globali ta' l-ambjent jiġu indirizzati b'mod integrat. Ser issir enfasi fuq it-tbassir tat-tibdil fil-klima, l-ekoloġija u s-sistemi ta' l-art u ta' l-oċeani; fuq għodod u teknoloġiji għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-adattament tal-pressjonijiet u r-riskji ambjentali inklużi riskji għas-saħħa, u għodod u teknoloġiji għas-sostenibbiltà ta' l-ambjent naturali u dak magħmul mill-bniedem.

Motivazzjoni

Il-problemi ambjentali jmorru 'l hinn mill-fruntieri nazzjonali, u jeħtieġu approċċ koordinat fil-livell pan-Ewropew u, ħafna drabi, saħansitra fuq livell globali. Ir-riżorsi naturali tad-dinja u l-ambjent magħmul mill-bniedem jinsabu taħt pressjoni qawwija mill-popolazzjoni li qed tikber, l-urbanizzazzjoni, il-kostruzzjoni, l-espansjoni kontinwa ta' l-agrikoltura, l-akwa-kultura, is-sajd, is-setturi tat-trasport u l-enerġija, kif ukoll mill-varjabbiltà tal-klima u ż-żieda fit-temperatura fuq skala lokali, reġjonali u globali. L-Ewropa jeħtiġilha tidħol f'relazzjoni sostenibbli ġdida ma' l-ambjent, filwaqt li ttejjeb il-kompetittività u ssaħħaħ l-industrija Ewropea. Fid-dawl ta' l-iskala, l-ambitu u l-livell għoli ta' kumplessità tar-riċerka ambjentali, jeħtieġ li jkun hemm koperazzjoni mifruxa ma' l-UE kollha sabiex tinkiseb il-massa kritika. Din ser tiffaċilita l-ippjanar komuni, l-użu ta' databases konnessi u inter-operabbli, u l-iżvilupp ta' sistemi ta' osservazzjoni u previżjoni koerenti u fuq skala kbira. Ir-riċerka għandha tindirizza l-ħtieġa għal ġestjoni ta' data u s-servizzi ta' informazzjoni u l-problemi dwar trasferiment, integrazzjoni u mapping ta' data.

Jeħtieġ li ssir riċerka fil-livell ta' l-UE għall-implimentazzjoni ta' l-impenji internazzjonali bħalma huma l-Konvenzjoni Kwadru tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCC) u l-protokoll ta' Kyoto tagħha, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Desertifikazzjoni, il-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Sustanzi Orġaniċi Persistenti li Jniġġsu, l-objettivi tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2002, inkluż l-Inizjatttiva ta' l-UE dwar l-Ilma, u l-kontributi lill-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima u l-inizjattiva dwar l-Osservazzjoni tad-Dinja.

Barra minn hekk hemm ħtiġijiet sinifikattivi ta' riċerka li jirriżultaw mil-linji politiċi eżistenti u emerġenti fil-livell ta' l-UE, l-implimentazzjoni tas-Sitt Pjan ta' Azzjoni Ambjentali u strateġiji tematiċi assoċjati (p. eż. l-istrateġija ta' l-UE dwar il-baħar), il-pjanijiet ta' azzjoni, il-programmi u d-direttivi dwar it-Teknoloġiji Ambjentali u l-Ambjent u s-Saħħa, id-Direttiva Kwadru dwar l-Ilma u NATURA 2000.

L-UE jeħtiġilha ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fit-teknoloġiji ambjentali fis-swieq dinjija. Dawn it-teknoloġiji jikkontribwixxu għal konsum u produzzjoni sostenibbli, billi jgħinu sabiex jinkiseb tkabbir sostenibbli, billi jipprovdu soluzzjonijiet eko-effiċjenti għall-problemi ambjentali fuq skali differenti, filwaqt li jipproteġu l-wirt kulturali u naturali tagħna. Il-ħtiġijiet ambjentali jaħdmu bħala stimulu għall-innovazzjoni u jistgħu joħolqu opportunitajiet kummerċjali u kompetittività akbar filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw futur aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li jmiss. Il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej dwar il-provvista ta' l-ilma, s-sanità u l-kimika sostenibbli jikkonfermaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fuq il-livell ta' l-UE, u l-aġendi ta' riċerka tagħhom huma meqjusa fl-attivitajiet ta' hawn taħt. Pjattaformi oħra (p. eż. dwar il-kostruzzjoni u l-forestrija) parzjalment jittrattaw kwistjonijiet ta' teknoloġija ambjentali, u qed jitqiesu wkoll. Il-kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi jinfluwenzaw partikolarment b'mod qawwi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ambjentali u l-introduzzjoni tagħhom fuq is-suq u l-applikazzjoni sussegwenti tagħhom, kif inhu l-każ, per eżempju, fl-immaniġġar tar-riżorsi ta' l-ilma. L-attivitajiet għandhom jikkunsidraw l-aspetti soċjo-ekonomiċi ta' linji politiċi u żviluppi teknoloġiċi, kull meta relevanti għas-suġġett.

Hawn taħt qed tiġi elenkata sensiela ta' attivitajiet [10], li ħafna minnhom huma ta' relevanza diretta għall-ħtiġijiet tal-politika. Madankollu, appoġġ addizzjonali jista' jingħata lil ħtiġijiet ġodda ta' politika li jirriżultaw, per eżempju rigward valutazzjonijiet ta' l-impatt fuq is-sostenibbiltà tal-linji politiċi ta' l-UE; is-segwitu għall-azzjoni ta' wara Kyoto dwar il-didla fil-klima; u oqsma ġodda tal-politika ambjentali bħalma huma dawk fl-Istrateġija Ewropea dwar il-Ħamrija u li għandhom x'jaqsmu mal-politika, l-istandards u r-regolamenti marittimi.

Attivitajiet

- Bidla fil-klima, tniġġis u riskji

- Pressjonijiet fuq l-ambjent u l-klima: funzjonament tal-klima u tas-sistema terrestri u tal-baħar inklużi r-reġjuni polari; miżuri ta' adattament u ta' mitigazzjoni; tniġġis fl-arja, fil-ħamrija u fl-ilma; bidliet fil-kompożizzjoni ta' l-atmosfera u fiċ-ċiklu ta' l-ilma; interazzjonijiet globali u reġjonali bejn il-klima u l-atmosfera, wiċċ l-art, is-silġ u l-oċean; u impatti fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi, inklużi l-effetti taż-żieda fil-livell tal-baħar fuq żoni kostali u impatti fuq żoni partikolarment sensittivi.

- Ambjent u saħħa: interazzjoni bejn il-fatturi ta' stress ambjentali u s-saħħa tal-bniedem, inkluż l-identifikazzjoni ta' għejun, ir-riċerka dwar bijomonitoraġġ għas-saħħa relatata ma' l-ambjent, il-kwalità ta' l-arja ta' ġewwa u r-rabtiet ma' l-ambjent ta' ġewwa, ambjent urban, emissjonijiet mill-karozzi u impatt u fatturi ta' riskju emerġenti; metodi integrati ta' valutazzjoni tar-riskji għal sustanzi perikolużi, inkluż l-alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali; kwantifikazzjoni u analiżi ta' kost-benefiċċju tar-riskji ambjentali għas-saħħa u indikaturi għal strateġiji ta' prevenzjoni.

- Perikli naturali: titjib tal-previżjoni u l-perikli integrati, — il-vulnerabbiltà — u l-valutazzjonijiet tar-riskji ta' diżastri relatati ma' perikli ġeoloġiċi (bħalma huma t-terremoti, il-vulkani, it-tsunami) u l-klima (bħalma huma t-tempesti, in-nixfa, l-għargħar, in-nirien tal-foresti, iċ-ċediment ta' l-art, il-valangi u avvenimenti estremi oħra) u l-impatt tagħhom; żvilupp ta' sistemi tat-twissija bikrija u titjib ta' l-istrateġiji ta' prevenzjoni, mitigazzjoni u mmaniġġar, ukoll fi ħdan approċċ li jindirizza numru ta' riskji.

- L-Immaniġġar Sostenibbli tar-Riżorsi

- Il-konservazzjoni u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali u dawk magħmula mill-bniedem u l-bijodiversità: ekosistemi; l-immaniġġar tar-riżorsi ta' l-ilma; l-immaniġġar u l-prevenzjoni ta' l-iskart; il-protezzjoni u l-immaniġġar tal-bijodiversità, inkluż il-kontroll ta' speċijiet aljeni invażivi, il-protezzjoni tal-ħamrija, ta' qiegħ il-baħar, tal-laguni u taż-żoni kostali, approċċi kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni ta' l-art, il-preservazzjoni tal-pajsaġġ; l-użu u l-immaniġġar sostenibbli tal-foresti; l-immaniġġar sostenibbli u l-ippjanar ta' l-ambjent urban, inkluż żoni post-industrijalizzati; is-servizzi ta' ġestjoni ta' data u ta' l-informazzjoni; il-valutazzjoni u l-antiċipazzjoni fir-rigward ta' proċessi naturali.

- L-immaniġġar ta' l-ambjenti ta' l-ibħra: impatti ta' l-attivitajiet tal-bniedem fuq l-ambjent tal-baħar u r-riżorsi tiegħu; it-tniġġis u l-ewtrofikazzjoni f'ibħra reġjonali u żoni kostali; l-ekosistemi tal-baħar fond; il-valutazzjoni tat-tendenzi fil-bijodiversità fl-ibħra, tal-proċessi fl-ekosistemi u taċ-ċirkolazzjoni oċeanika; il-ġeoloġija ta' qiegħ il-baħar; żvilupp ta' strateġiji, kunċetti u għodod għal użu sostenibbli ta' l-oċean u r-riżorsi tiegħu.

- Teknoloġiji Ambjentali

- Teknoloġiji ambjentali għall-osservazzjoni, is-simulazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, l-adattament, ir-rimedjar u r-restawr ta' l-ambjent naturali u dak magħmul mill-bniedem: relatati ma' l-ilma, il-klima, l-arja, il-baħar, l-ambjent urban u rurali, il-ħamrija, it-trattament ta' l-iskart, ir-riċiklaġġ, proċessi ta' produzzjoni ndaf u prodotti sostenibbli, is-sigurtà tal-kimiċi.

- Il-protezzjoni, il-konservazzjoni u t-titjib tal-wirt kulturali, inkluż il-ħabitat uman: valutazzjoni mtejba tal-ħsara fuq wirt kulturali, żvilupp ta' strateġiji innovattivi ta' konservazzjoni; trawwim ta' l-integrazzjoni ta' wirt kulturali fl-ambjent urban.

- Valutazzjoni, verifika u ttestjar tat-teknoloġija: metodi u għodod għall-valutazzjoni tar-riskji ambjentali u taċ-ċiklu tal-ħajja ta' proċessi, teknoloġiji u prodotti, inklużi strateġiji alternattivi għal ittestjar u b'mod partikolari metodi sabiex kimiċi industrijali ma jiġux ittestjati fuq l-annimali; appoġġ għall-pjattaformi sostenibbli dwar kimika, it-teknoloġija dwar is-settur tal-foresti, il-provvista ta' l-ilma u s-sanità [11]; aspetti xjentifiċi u teknoloġiċi ta' programm Ewropew futur għall-verifika u l-ittestjar tat-teknoloġiji ambjentali, li jikkomplementaw strumenti ta' valutazzjoni minn partijiet terzi.

- Osservazzjoni tad-dinja u għodod ta' valutazzjoni

- Sistemi ta' osservazzjoni tad-dinja u l-oċean u metodi ta' monitoraġġ għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli: kontribut għall-iżvilupp u l-integrazzjoni ta' sistemi ta' osservazzjoni għal kwistjonijiet ambjentali u ta' sostenibbiltà fil-qafas ta' GEOSS (li l-GMES hija komplementari għaliha); interoperabblità bejn is-sistemi u ottimizzazzjoni ta' l-informazzjoni għall-fehim, l-immudellar u t-tbassir ta' fenomeni ambjentali, għall-valutazzjoni, l-esplorazzjoni u l-immaniġġar tar-riżorsi naturali.

- Metodi ta' previżjoni u għodod ta' valutazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli b'kont meħud ta' l-iskali differenti ta' osservazzjoni: il-mudellar ta' rabtiet bejn l-ekonomija/l-ambjent/is-soċjetà, inkluż strumenti bbażati fuq is-suq, esternalitajiet, valuri ta' limitu u l-iżvilupp tal-bażi tal-konoxxenza u metodoloġiji għall-valutazzjoni ta' l-impatt fuq is-sostenibbiltà fi kwistjonijiet ewlenin bħall-użu ta' l-art u kwistjonijiet dwar il-baħar; żvilupp urban, tensjonijiet soċjali u ekonomiċi relatati mal-bidla fil-klima.

7. Trasport (inkluża l-aeronawtika)

Objettiv

Abbażi ta' avvanzi teknoloġiċi u operattivi u tal-politika Ewropea tat-trasport, l-iżvilupp ta' sistemi integrati Pan-Ewropej tat-trasport li jkunu aktar siguri, "ekoloġiċi" u "intelliġenti" għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha, politika dwar is-soċjetà u l-klima, li jirrispettaw l-ambjent u r-riżorsi naturali; u l-iżgurar u l-iżvilupp ulterjuri tal-kompetittività miksuba mill-industriji Ewropej fis-suq globali.

Motivazzjoni

It-trasport huwa wieħed mill-oqsma fejn l-Ewropa hija b'saħħitha — is-settur tat-trasport bl-ajru jikkontribwixxi għal 2,6 % tal-PGD ta' l-UE (bi 3.1 miljun impjieg) u l-qasam tat-trasport tal-wiċċ jiġġenera 11 % tal-PGD ta' l-UE (filwaqt li jimpjega madwar 16-il miljun persuna). Madankollu, it-trasport huwa responsabbli għal 25 % ta' l-emissjonijiet tas-CO2 kollha fl-UE, u minn hawn toħroġ il-ħtieġa assoluta li s-sistema ssir aktar "ħadra" sabiex jiġu żgurati mudelli aktar sostenibbli tat-trasport kif ukoll il-kompatibbiltà mar-rati ta' tkabbir, kif żviluppat fil-White Paper dwar "Politika Ewropea tat-Trasport għall-2010: wasal iż-żmien li niddeċiedu" [12].

It-tkabbir ta' l-UE (żieda ta' 25 % ta' wiċċ l-art u ta' 20 % fil-popolazzjoni) u l-iżvilupp ekonomiku ta' l-UE jippreżentaw sfidi ġodda għat-trasport effiċjenti, effettiv fl-infiq, u sostenibbli tal-persuni u tal-merkanzija. It-trasport għandu wkoll relevanza diretta għal linji politiċi ewlenin oħra, bħalma huma l-kummerċ, il-kompetizzjoni, l-impjiegi, l-ambjent, il-koeżjoni, l-enerġija, is-sigurtà u s-suq intern.

Biex jiġi żgurat il-vantaġġ teknoloġiku kompetittiv fis-swieq dinjija, ma nistgħux ngħaddu mingħajr l-investiment fl-RTD fl-industriji tat-trasport Ewropej [13]. Attivitajiet fil-livell Ewropew ser jistimolaw ukoll ir-ristrutturar ta' l-industrija, inklużi l-integrazzjoni tal-katina tal-provvista u, b'mod partikolari, l-SMEs.

L-aġendi ta' riċerka li żviluppaw il-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej [14] jappoġġaw il-ħtieġa li tittieħed perspettiva ġdida ta' "sistemi tat-trasport", li tqis l-interazzjonijiet tal-vetturi jew bastimenti, in-networks u l-infrastrutturi tat-trasport jew l-infrastruttura u l-użu tas-servizzi tat-trasport, ħaġa li tista' tiġi żviluppata biss fuq il-livell Ewropew. L-ispejjeż ta' l-RTD f'dawn l-oqsma kollha qed jikbru sostanzjalment, u l-attività kollaborattiva fuq il-livell ta' l-UE hija essenzjali sabiex "massa kritika" ta' fornituri diversi ta' l-RTD tkun tista' tindirizza l-isfidi ta' skala u ta' multidixxiplinarjetà b'mod effettiv fl-infiq, kif ukoll li tilqa' għall-isfidi politiċi, teknoloġiċi u soċjo-ekonomiċi fuq kwistjonijiet bħall-"karozza nadifa u żgura" tal-ġejjieni, l-interoperabbiltà u l-intermodalità, b'referenza partikolari rigward it-trasport fuq l-ilma u bil-ferrovija, abbordabbiltà, sigurtà, kapaċità, u impatti ambjentali u fuq is-sigurtà f'Unjoni mkabbra. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' appoġġ għas-sistema Galileo u għall-applikazzjonijiet tagħha ser ikun essenzjali fl-implimentazzjoni tal-linji politiċi Ewropej.

Minbarra r-relevanza qawwija għall-industrija tat-temi u l-attivitajiet stabbiliti hawn taħt, il-ħtiġiijet ta' dawk li jfasslu l-politika ser jiġu indirizzati b'mod integrat li jkopri l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-politika tat-trasport. Barra minn hekk, ser jingħata wkoll appoġġ għal rispons għall-ħtiġijiet politiċi eżistenti, kif ukoll dawk ġodda, per eżempju rigward l-iżviluppi fil-politika marittima jew l-implimentazzjoni tas-Sema Uniku Ewropew.

Attivitajiet

- Aeronawtika u trasport bl-ajru

- Lejn trasport bl-ajru iktar favur l-ambjent: it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet, inklużi l-gassijiet serra u d-disturb mill-istorbju, li jinkorpora ħidma fuq magni u fuq karburanti alternattivi, strutturi u proġettazzjoni ta' inġenji ta' l-ajru ġodda inklużi inġenji li jaħdmu bir-rotors (inklużi ħelikopters u tiltrotors), operazzjonijiet ta' l-ajruporti u l-ġestjoni tat-traffiku.

- Żieda fl-effiċjenza fil-ħin: titjib fl-effiċjenza ta' l-iskedi operativi b'fokus fuq sistemi innovattivi għall-immaniġġar tat-traffiku ta' l-ajru konformi ma' l-implimentazzoni effettiva tal-politika ta' Sema Uniku li jintegraw il-komponenti ta' l-ajru, ta' l-art u ta' l-ispazju, inklużi l-fluss tat-traffiku u aktar awtonomija għall-inġenji ta' l-ajru.

- L-iżgurar tas-sodisfazzjon u s-sigurtà tal-klijent: titjib fil-kumdità tal-passiġġieri, servizzi innovattivi matul it-titjira u trattament iktar effiċjenti tal-passiġġieri; titjib fl-aspetti kollha tas-sigurtà tat-trasport bl-ajru; għażla akbar ta' tipi ta' inġenji ta' l-ajru, minn inġenji kbar għal dawk iżgħar adatti għal applikazzjonijiet differenti (inklużi applikazzjonijiet reġjonali).

- Titjib fl-effettività fl-infiq: tnaqqis fl-infiq marbut ma' l-iżvilupp tal-prodott, mal-manifattura u l-ispejjeż ta' l-operat, b'enfasi fuq manutenzjoni innovattiva u li ma jkunx hemm ħtieġa ta' manutenzjoni, fuq tiswija u ispezzjoni, fuq l-inġenji ta' l-ajru, fuq iktar użu ta' l-awtomazzjoni u s-simulazzjoni.

- Protezzjoni ta' l-inġenji ta' l-ajru u tal-passiġġieri: titjib fil-miżuri ta' protezzjoni għall-vjaġġatur, l-ekwipaġġ, l-inġenju ta' l-ajru u s-sistema tat-trasport bl-ajru, bħalma huma metodi mtejba ta' data u ta' identifikazzjoni, il-protezzjoni ta' l-inġenju ta' l-ajru minn attakki, il-proġettazzjoni mtejba tas-sigurtà ta' l-ajruplani.

- Riċerka ta' avangwardja għat-trasport bl-ajru tal-ġejjieni: l-iffaċċar ta' l-isfidi ta' aktar fit-tul ta' l-avjazzoni bil-kombinazzjoni ta' teknoloġiji iktar radikali, effiċjenti mil-lat ambjentali, aċċessibbli u innovattivi, li jwassal għal avvanzi sinifikattivi għat-trasport bl-ajru.

- Trasport sostenibbli tal-wiċċ (ferroviji, toroq, u fuq l-ilmijiet)

- Lejn l-ambjentalizzazzjoni tat-trasport tal-wiċċ: it-tnaqqis tat-tniġġis ambjentali u ta' l-istorbju, inkluż gassijiet serra; tnaqqis ta' l-impatt tat-trasport fuq il-bidla fil-klima bit-tnaqqis ta' emissjonijiet permezz ta' mezzi teknoloġiċi u soċjo-ekonomiċi kif ukoll tat-taħriġ ta' l-utenti; l-iżvilupp ta' magni u power-trains nodfa u effiċjenti, inkluża teknoloġija ibrida u l-użu ta' karburanti alternattivi għall-applikazzjonijiet tat-trasport bħaċ-ċelluli ta' l-idroġenu u ta' kombustjoni, b'kont meħud ta' konsiderazzjonijiet ta' l-effettività fl-infiq u ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija; strateġiji għal tmiem il-ħajja ta' vetturi u bastimenti.

- Tħeġġiġ u żieda ta' bidla modali u t-tnaqqis tal-konġestjoni fil-kurituri tat-trasport: l-iżvilupp fl-Ewropa ta' networks, infrastrutturi u sistemi tat-trasport u tal-loġistika reġjonali u nazzjonali li jkunu sostenibbli, innovattivi, intermodali u interoperabbli; l-internalizzazzjoni ta' l-ispiża; l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-vettura/bastiment u l-infrastruttura tat-trasport; l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali; strateġiji ta' bidla fil-mezzi għall-inkoraġġiment ta' mezzi ta' trasport li huma effiċjenti fl-enerġija.

- L-iżgurar tal-mobbiltà sostenibbli fl-ibliet għaċ-ċittadini kollha inklużi dawk żvantaġġati: skemi ta' organizzazzjoni innovattivi, inklużi vetturi nodfa u siguri u mezzi tat-trasport b'livelli ta' tniġġis aktar baxxi, modi ta' trasportazzjoni pubbliċi ġodda u ta' kwalità għolja u razzjonalizzazzjoni tat-trasport privat, l-infrastruttura ta' komunikazzjoni, ippjanar integrat ta' l-ibliet u t-trasport tenut kont tar-relazzjoni tagħhom mat-tkabbir u l-impjiegi.

- Titjib tas-sigurtà: bħala elementi inerenti fis-sistema tat-trasport: f'operazzjonjiet ta' trasport għas-sewwieqa, il-passiġġieri, l-ekwipaġġi, iċ-ċiklisti u l-persuni li jivvjaġġaw bil-mixi, kif ukoll għall-merkanzija, fid-disinn u l-funzjonament ta' vetturi, bastimenti, infrastrutturi, u fi ħdan is-sistema tat-trasport kollha kemm hi.

- Tisħiħ tal-kompetittività: it-titjib tal-proċessi ta' ddisinjar; l-iżvilupp ta' teknoloġiji avvanzati għall-ferroviji, il-vetturi u l-bastimenti; sistemi ta' produzzjoni u kostruzzjoni u manutenzjoni ta' infrastruttura innovattivi u effettiv fl-infiq; arkitetturi integrattivi.

- Appoġġ għas-sistema Ewropea tan-navigazzjoni globali bis-satelliti (Galileo u EGNOS): servizzi ta' navigazzjoni u ta' żamma tal-ħin bi preċiżjoni għall-użu f'firxa ta' setturi; użu effiċjenti tan-navigazzjoni bis-satellita u appoġġ għad-definizzjoni ta' teknoloġiji u applikazzjonijiet tat-tieni ġenerazzjoni.

8. Xjenzi Soċjo-Ekonomiċi u Umanistika

Objettiv

Il-ħolqien ta' għarfien dettaljat u kondiviż ta' sfidi soċjo-ekonomiċi kumplessi u inter-konnessi li l-Ewropa hija konfrontata bihom, bħat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività, il-koeżjoni soċjali, sfidi soċjali, kulturali u edukattivi f'UE mkabbra u s-sostenibbiltà, sfidi ambjentali, il-bidla demografika, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, il-kwalità tal-ħajja u l-interdependenza globali, b'mod partikolari bil-ħsieb li tiġi pprovduta bażi mtejba ta' konoxxenza għal-linji ta' politiċi fl-oqsma konċernati.

Motivazzjoni

L-Ewropa għandha bażi ta' riċerka qawwija u ta' kwalità għolja fix-xjenzi soċjo-ekonomiċi u soċjo-kulturali u fl-oqsma ta' l-umanistika. Id-diversità ta' approċċi fl-UE fis-setturi ekonomiċi, soċjali, politiċi u kulturali tipprovdi art għammiela għar-riċerka f'dawn l-oqsma fil-livell ta' l-UE. Hemm valur miżjud Ewropew għoli fir-riċerka kollaborattiva li tindirizza kwistjonjiet soċjo-ekonomiċi u soċjo-kulturali Ewropej fl-oqsma msemmija. L-ewwelnett, il-kwistjonijiet u l-isfidi konċernati huma ta' prijorità għolja fil-livell Ewropew u huma indirizzati mil-linji politiċi Komunitarji. It-tieni, ir-riċerka komparattiva mifruxa ma' l-UE jew pajjiżi oħra toffri għodda partikolarment effettiva kif ukoll opportunitajiet importanti ta' tagħlim fil-pajjiżi u r-reġjuni.

It-tielet, ir-riċerka fil-livell ta' l-UE għandha l-vantaġġ partikolari li tista' tiżviluppa l-ġbir tad-data mill-Ewropa kollha u li tuża l-kotra ta' perspettivi meħtieġa għall-fehim ta' kwistjonijiet kumplessi. Fl-aħħarnett, l-iżvilupp ta' bażi ta' konoxxenza soċjo-ekonomika ġenwinament Ewropea dwar dawn l-isfidi ewlenin ser jagħti kontribut essenzjali għall-promozzjoni tal-fehim kondiviż tagħhom fl-Unjoni Ewropea kollha u, aktar sinifikattivament, miċ-ċittadini Ewropej.

L-attivitajiet li se jiġu appoġġati huma elenkati hawn taħt u huma mistennija li jagħtu kontribut sinifikattiv sabiex jiġi mtejjeb it-tfassil, l-implimentazzjoni, l-impatti u l-valutazzjoni tal-politika u d-definizzjoni ta' miżuri regolatorji f'firxa wiesgħa ta' oqsma, bħal dak ekonomiku, soċjali, kulturali, ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ, ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi, ta' l-intrapriża, tal-kummerċ internazzjonali, tal-konsumatur, tar-relazzjonijiet esterni, u fl-isferi tax-xjenza u t-teknoloġija, fil-politika ta' l-istatististika uffiċjali u fil-ħolqien ta' żona ta' libertà, sigurtà u l-ġustizzja. Barra minn hekk, ser jingħataw opportunitajiet sabiex jiġu indirizzati sfidi soċjo-ekonomiċi emerġenti kif ukoll sabiex titwettaq riċerka dwar ħtiġijiet ta' politika ġodda jew mhux previsti. Jista' jsir użu wkoll mill-pjattaformi soċjali sabiex jiġu diskussi aġendi tar-riċerka futuri.

Attivitajiet

- Tkabbir, impjiegi u kompetittività f'soċjetà ibbażata fuq il-konoxxenza: l-iżvilupp u l-integrazzjoni tar-riċerka dwar il-kwistjonijiet li jolqtu t-tkabbir, l-istabbiltà soċjo-ekonomika, l-impjiegi u l-kompetittività, li tkopri suġġetti bħall-innovazzoni, l-edukazzjoni inkluża dik tul il-ħajja kollha u r-rwol tal-konoxxenza xjentifika u ta' oqsma oħra ta' konoxxenza u beni mhux tanġibbli fuq skala globali, iż-żgħażagħ u l-politika dwar iż-żgħażagħ, l-adattament tal-politika tas-suq tax-xogħol u l-kuntesti istituzzjonali nazzjonali.

- L-għaqda ta' objettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali f'perspettiva Ewropea: billi jiġu indirizzati ż-żewġ kwistjonjiet ewlenin u ferm relatati flimkien ta' l-evoluzzjoni kontinwa tal-mudelli soċjo-ekonomiċi Ewropej u l-koeżjoni ekonomika u soċjali u reġjonali f'UE wara t-tkabbir, b'kont meħud tas-sostenibbiltà u tal-protezzjoni ta' l-ambjent, l-ippjanar urban sostenibbli, l-interazzjoni bejn l-ambjent, l-enerġija u s-soċjetà, ir-rwol ta' l-ibliet u r-reġjuni metropolitani, u l-impatt soċjo-ekonomiku tal-linji politiċi u l-leġislazzjoni Ewropea.

- Tendenzi ewlenin fis-soċjetà u l-implikazzjonijiet tagħhom: bħall-bidla demografika inkluż il-proċess ta' tixjiħ u l-effetti tiegħu fuq is-sistemi tal-pensjoni, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, waqt li ssir l-analiżi ta' l-implikazzjonijiet tal-bidla demografika għall-iżvilupp urban; l-istili ta' ħajja, ix-xogħol, il-familji, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik tal-familja, il-kwistjonijiet marbuta mas-sessi, il-kwistjonijiet ta' diżabbiltajiet, is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja; il-protezzjoni ekonomika tal-konsumatur; l-inugwaljanzi; il-kriminalità; ir-rwol tal-kummerċ fis-soċjetà u d-diversità fil-popolazzjoni, l-etniċità, il-pluraliżmu reliġjuż, l-interazzjonijiet kulturali, il-kwistjonijiet multikulturali u l-kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni ta' kwalunkwe xorta.

- L-Ewropa fid-dinja: fehim tat-tibdil fl-interazzjonijiet, ir-relazzjonijiet trans-kulturali u l-interdependenzi bejn ir-reġjuni tad-dinja, inklużi reġjuni li qed jiżviluppaw u l-implikazzjonijiet tagħhom; l-indirizzar tat-theddid u r-riskji emerġenti mingħajr ma jiġu ppreġudikati d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà u l-benessri, u t-trawwim tal-paċi.

- Iċ-ċittadin fl-Unjoni Ewropea: fil-kuntest ta' l-iżvilupp ta' l-UE mkabbra fil-ġejjieni, l-iffaċċar tal-kwistjonijiet marbuta mal-ksib ta' sens ta' "appartenenza" demokratiku u ta' parteċipazzjoni attiva tal-popli ta' l-Ewropa; tmexxija effettiva u demokratika fil-livelli kollha, inkluża t-tmexxija ekonomika u legali u r-rwol tas-soċjetà ċivili kif ukoll proċessi ta' tmexxija innovattiva maħsuba sabiex jissaħħu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-koperazzjoni bejn atturi pubbliċi u privati; riċerka għall-bini ta' komprensjoni u rispett komuni tad-diversitajiet u x-xebħ fi ħdan l-Ewropa, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kulturi, reliġjonijiet, wirt kulturali, istituzzjonijiet u sistemi legali, storja, lingwi u valuri bħala elementi ta' bini ta' l-identità u l-wirt Ewropew multi-kulturali tagħna.

- Indikaturi soċjo-ekonomiċi u xjentifiċi: l-użu tagħhom fil-politika u fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħha, it-titjib ta' indikaturi eżistenti, tekniki sabiex jiġu analizzati u l-iżvilupp ta' oħrajn ġodda għal dan il-għan kif ukoll għall-valutazzjoni ta' programmi ta' riċerka, inkluż indikaturi bbażati fuq l-istatistika uffiċjali.

- Attivitajiet ta' previżjoni dwar kwistjonijiet ewlenin ta' xjenza, teknoloġija u kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi relatati, bħalma huma t-tendenzi demografiċi futuri u l-globalizzazzjoni tal-konoxxenza, id-disseminazzjoni tal-konoxxenza, u l-evoluzzjoni tas-sistemi ta' riċerka, kif ukoll l-iżviluppi futuri fi ħdan u tul il-firxa kollha ta' l-oqsma ewlenin ta' riċerka u d-dixxiplini xjentifiċi.

9. L-Ispazju

Objettiv

L-appoġġ għal Programm Spazjali Ewropew li jiffoka fuq applikazzjonijiet bħall- Monitoraġġ Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) b'benefiċċji għaċ-ċittadini u għall-kompetittività ta' l-industrija spazjali Ewropea. Dan ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' Politika Spazjali Ewropea, billi jikkomplementa l-isforzi ta' l-Istati Membri u ta' atturi ewlenin oħra, inkluża l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

Motivazzjoni

Il-Komunità tista' tagħti kontribut f'dan il-qasam għad-definizzjoni aħjar ta' l-objettivi komuni bbażati fuq il-ħtiġijiet ta' l-utent u l-objettivi ta' politika; għall-koordinazzjoni ta' attivitajiet sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u tiżdied kemm tista' l-interoperabbiltà; għat-titjib ta' l-effettività fl-infiq u għad-definizzjoni ta' l-istandards. L-awtoritajiet pubbliċi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jirrapreżentaw utenti potenzjali importanti u l-industrija Ewropea ser tibbenefika wkoll minn politika Spazjali Ewropea ddefinita sew implimentata minn Programm Spazjali Ewropew, appoġġat parzjalment mill-azzjonijiet ta' riċerka u żvilupp teknoloġiku proposti. Azzjonijiet fuq il-livell Ewropew huma meħtieġa wkoll sabiex jagħtu appoġġ lill-objettivi ta' politika Komunitarji, per eżempju fl-oqsma ta' l-agrikoltura, il-foresterija, is-sajd, l-ambjent, is-saħħa, it-telekomunikazzjoni, is-sigurtà, it-trasport, kif ukoll sabiex jiżguraw li l-Ewropa tkun imsieħba rrispettata fil-koperazzjoni reġjonali u internazzjonali.

Fl-aħħar 40 sena, inbniet kompetenza teknoloġika eċċellenti fl-Ewropa, kemm nazzjonalment kif ukoll permezz ta' l-ESA,. Appoġġ għal industrija kompetittiva (inklużi manifatturi, fornituri ta' servizzi u operaturi) jeħtieġ riċerka u teknoloġiji ġodda. Applikazzjonijiet spazjali jġibu magħhom benefiċċji importanti liċ-ċittadini permezz ta' effetti teknoloġiċi derivati u huma indispensabbli f'soċjetà ta' teknoloġija avvanzata.

B'enfasi partikolari fuq l-użu ta' kapaċitajiet eżistenti fl-Ewropa, l-attivitajiet imniżżla hawn taħt jimmiraw lejn: l-isfruttament effiċjenti ta' l-assi spazjali (f'koordinazzjoni ma' assi fil-post, inklużi assi trasportati bl-ajru) għall-implimentazzjoni ta' applikazzjonijiet, notament il-GMES u l-kontribut tagħhom għall-infurzar tal-liġi fil-linji politiċi Komunitarji; l-esplorazzjoni ta' l-ispazju, li toffri opportunitajiet ta' koperazzjoni internazzjonali u progressi teknoloġiċi straordinarji kif ukoll missjonijiet effettiv fl-infiq; l-isfruttament u l-esplorazzjoni ta' l-ispazju appoġġati minn attivitajiet ta' abilitazzjoni li jiggarantixxu r-rwol strateġiku ta' l-Unjoni Ewropea. Dawn l-attivitajiet ser jiġu kkomplementati minn azzjonjiet oħra taħt il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u fil-Programm ta' Edukazzjoni u Taħriġ. Il-benefiċċji għall-politika pubblika ta' l-attivitajiet ta' hawn taħt ser jiġu wkoll massimizzati, anke permezz ta' l-għoti ta' appoġġ addizzjonali għal ħtiġijiet ġodda ta' politika li jistgħu jinqalgħu, per eżempju: soluzzjonijiet ibbażati fuq teknoloġiji spazjali f'appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; u l-użu ta' għodod u metodi għall-osservazzjoni ta' l-ispazju sabiex jappoġġaw żviluppi fil-linji politiċi Komunitarji.

Attivitajiet

- Applikazzjonijiet ibbażati fuq it-teknoloġija spazjali sabiex jaqdu lis-soċjetà Ewropea

- GMES: l-iżvilupp ta' sistemi ta' monitoraġġ u ta' twissija bikrija permezz tas-satellita u fil-post, inkluż għas-sigurtà taċ-ċittadini, u teknika relatata ma' l-immaniġġar ta' l-ambjent u s-sigurtà (inkluż l-immaniġġar ta' diżastri naturali) u l-integrazzjoni tagħhom ma' komponenti bbażati fuq l-art, fuq il-bastimenti u fl-ajru; appoġġ għall-integrazzjoni, l-armonizzazzjoni, l-użu u l-forniment ta' data (kemm mis-satelliti u fil-post, inkluż dawk ibbażati fuq l-art, fuq il-bastimenti u fl-ajru) u servizzi GMES.

- Servizzi innovattivi ta' komunikazzjoni permezz tas-satellita integrati b'mod kontinwu fin-networks globali ta' komunikazzjoni elettronika, għaċ-ċittadini u l-intrapriżi f'setturi ta' applikazzjoni li jinkludu l-protezzjoni ċivili, l-e-government, it-telemediċina, it-tele-edukazzjoni, it-tiftix u s-salvataġġ, it-turiżmu u l-ħin liberu, in-navigazzjoni personali, l-immaniġġar tal-flotta, l-agrikoltura u l-forestrija, il-meteoroloġija u l-utenti ġeneriċi.

- Żvilupp ta' teknoloġiji u sistemi ta' monitoraġġ għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà tas-servizzi bbażati fl-ispazju u sabiex jingħata kontribut lejn is-sorveljanza ta' l-ispazju.

- Applikazzjonijiet ta' sistemi bbażati fl-ispazju għall-prevenzjoni tar-riskji u l-maniġġar tar-riskji u kull tip ta' emerġenza, li jtejbu l-konverġenza ma' sistemi mhux spazjali.

- Esplorazzjoni ta' l-ispazju

- L-għoti ta' appoġġ R&D u l-massimizzazzjoni tal-valur xjentifiku miżjud permezz ta' sinerġiji ma' inizjattivi ta' l-ESA jew aġenziji spazjali nazzjonali fil-qasam ta' l-esplorazzjoni ta' l-ispazju; b'faċilitazzjoni ta' l-aċċess għal data xjentifika.

- Appoġġ għal sforzi koordinati għall-iżvilupp ta' teleskopji u detectors spazjali kif ukoll għall-analiżi tad-data fix-xjenzi spazjali.

- L-RTD sabiex jissaħħu l-pedamenti tat-teknoloġija spazjali

- Riċerka u żvilupp għall-ħtiġijiet fil-perijodu fit-tul fil-qasam ta' l-ispazju inkluż it-trasport spazjali; attivitajiet ta' riċerka sabiex tiżdied il-kompetittività u l-effettività fl-infiq tas-settur Ewropew tat-teknoloġija spazjali.

- Ix-xjenzi spazjali inkluż il-bijomediċina u x-xjenzi tal-ħajja u x-xjenzi fiżiċi fl-ispazju.

10. Sigurtà

Objettiv

Għall-iżvilupp tat-teknoloġiji u tail-konoxxenza għall-bini ta' kapaċitajiet meħtieġa sabiex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini minn theddid bħat-terroriżmu, id-diżastri naturali u l-kriminalità, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-bniedem inkluż id-dritt għall-privatezza; sabiex ikun żgurat l-użu ottimali u miftiehem tat-teknoloġiji disponibbli għall-benefiċċju tas-sigurtà ċivili Ewropea, sabiex tiġi stimulata l-koperazzjoni tal-fornituri u l-utenti għal soluzzjonijiet ta' sigurtà ċivili, tittejjeb il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tas-sigurtà u jiġu prodotti riżultati ta' riċerka orjentati lejn missjoni sabiex jitnaqqsu d-distakki fis-sigurtà.

Motivazzjoni

Is-sigurtà fl-Ewropa hija prerekwiżit għall-prosperità u l-libertà. L-Istrateġija ta' l-UE għas-Sigurtà: "Ewropa Sigura f'Dinja Aħjar", adottata mill-Kunsill Ewropew, tindirizza l-ħtieġa għal strateġija komprensiva għas-sigurtà li tkopri l-miżuri ta' sigurtà sew fl-oqsma ċivili kif ukoll tad-difiża.

Riċerka relatata mas-sigurtà hija modulu importanti sabiex jinkiseb livell għoli ta' sigurtà fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. Hija ser tikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ta' teknoloġiji u kapaċitajiet li jappoġġaw linji politiċi Komunitarji oħra f'oqsma bħat-trasport, il-protezzjoni ċivili, l-enerġija, l-ambjent u s-saħħa. Ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà teħtieġ regoli ta' implimentazzjoni speċifiċi sabiex jittieħed kont tan-natura speċjali tagħha.

L-attivitajiet ta' riċerka eżistenti relatati mas-sigurtà fl-Ewropa jbatu minn frammentazzjoni ta' l-isforzi, in-nuqqas ta' massa kritika ta' skala u ambitu u n-nuqqas ta' konnessjonijiet u interoperabbiltà. L-Ewropa jeħtiġilha ttejjeb il-koerenza ta' l-isforzi tagħha billi tiżviluppa arranġamenti istituzzjonali effiċjenti u billi tistiga lid-diversi atturi nazzjonali u internazzjonali sabiex jikkoperaw u jikkoordinaw sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u sabiex jiġu esplorati s-sinerġiji kull meta dan ikun possibbli. Ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà fil-livell Komunitarju ser iżżomm orjentament esklussivament ċivili u tiffoka fuq attivitajiet ta' valur miżjud ċar għal-livell nazzjonali. B'konsegwenza ta' dan, ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà ċivili fi ħdan is-Seba' Programm Kwadru ser issaħħaħ il-kompetittività ta' l-industrija Ewropea tas-sigurtà. Waqt li jkun rikonoxxut li jeżistu oqsma ta' teknoloġija ta' 'użu doppju', koordinazzjoni mill-qrib ma' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija Ewropea tad-Difiża ser tkun meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-komplementarità.

Ir-riċerka fil-qasam tas-sigurtà ser tenfasizza l-kapaċitajiet Ewropej rigward is-sorveljanza, id-distribuzzjoni ta' l-informazzjoni u il-konoxxenza dwar it-theddid u l-inċidenti kif ukoll tas-sistemi għal valutazzjonijiet aħjar u kontroll tas-sitwazzjoni permezz ta' użu aħjar tas-sistemi komuni ta' l-L-ICT fl-oqsma ta' operazzjonijiet differenti.

Ir-rekwiżiti speċjali dwar il-kunfidenzjalita' f'dan il-qasam se jiġu infurzati iżda t-trasparenza tar-riżultati tar-riċerka mhijiex se tiġi limitata mingħajr bżonn. Barra minn hekk, se jiġu identifikati oqsma li fihom ir-riżultati tar-riċerka jistgħu jiġu ppubblikati.

L-attivitajiet mhux ta' difiża stabbliti hawn taħt ser jikkomplementaw u jintegraw ir-riċerka orjentata lejn it-teknoloġija u dik orjentata lejn sistemi relevanti għas-sigurtà ċivili li hija mwettqa f'temi oħra. Dawn ser ikunu orjentati lejn missjonijiet, waqt li jiżviluppaw it-teknoloġiji u l-kapaċitajiet meħtieġa mill-missjonijiet speċifiċi ta' sigurtà. Dawn huma mfassla sabiex ikunu flessibbli sabiex jiffaċċjaw theddidiet futuri għas-sigurtà li għadhom mhux magħrufa u ħtiġijiet ta' politika relatati li jistgħu jirriżultaw, filwaqt li jistimolaw l-influwenza reċiproka u l-adozzjoni ta' teknoloġiji eżistenti għas-settur tas-sigurtà ċivili, ir-riċerka Ewropea fil-qasam tas-sigurtà ser tinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji b'iktar minn użu wieħed, sabiex jitwessa' kemm jista' l-ambitu ta' l-applikazzjoni tagħhom.

Attivitajiet

- Sigurtà taċ-ċittadini: l-elaborazzjoni ta' soluzzjonijijet teknoloġiċi għall-protezzjoni ċivili, inklużi l-bijosigurtà u l-protezzjoni kontra riskji li jirriżultaw mill-kriminalità u minn attakki terroristiċi.

- Sigurtà ta' l-infrastrutturi u s-servizzi pubbliċi: l-analiżi u t-tqegħid fis-sigurtà ta' l-infrastrutturi (p.e. fis-setturi tat-trasport, ta' l-enerġija, ta' l-ICT) is-sistemi u s-servizzi (inklużi servizzi finanzjarji u amministrattivi) essenzjali jew konnessi f'network, pubbliċi u privati, eżistenti u futuri.

- Sorveljanza intelliġenti u sigurtà tal-fruntieri: riċerka ffukata fuq it-teknoloġiji u l-kapaċitajiet sabiex tissaħħaħ l-effettività u l-effiċjenza tas-sistemi, t-tagħmir, l-għodod u l-proċessi kollha kif ukoll il-metodi għal identifikazzjoni rapida meħtieġa għat-titjib tas-sigurtà tal-fruntieri ta' l-art u dawk kostali ta' l-Ewropa, inklużi kwistjonijiet ta' kontroll u sorveljanza tal-fruntieri.

- Ir-ristabbilizzazzjoni tas-sigurtà f'każ ta' kriżi: riċerka ffukata fuq teknoloġiji li jipprovdu idea ġenerali ta' u appoġġ għal varji operazzjonijiet ta' maniġġar ta' emerġenza (bħall-protezzjoni ċivili, kompiti umanitarji u ta' salvataġġ), u fuq kwistjonjiet bħat-tħejjija inter-organizzattiva, il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni, l-arkitetturi distribwiti u l-fatturi umani.

Dawn l-erba' oqsma ta' hawn fuq ser jingħataw appoġġ mit-temi ta' natura aktar transettorali li ġejjin:

- Integrazzjoni, interkonnettività u interoperabbiltà tas-sistemi ta' sigurtà: intelliġenza, ġbir ta' informazjoni u sigurtà ċivili, riċerka ffukata fuq it-teknoloġiji għat-tisħiħ ta' l-interoperabbiltà tas-sistemi, it-tagħmir, is-servizzi u l-proċessi, inklużi l-infrastrutturi ta' infurzar tal-liġi, it-tifi tan-nar, id-difiża ċivili u l-informazzjoni medika, kif ukoll fuq l-affidabbiltà, l-aspetti organizzattivi, il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità u l-integrità ta' l-informazzjoni u t-traċċabbiltà tat-transazzjonijiet u l-operazzjonijiet kollha.

- Sigurtà u soċjetà: riċerka orjentata lejn il-missjonijiet li ser tiffoka fuq l-analiżi soċjo-ekonomika, il-bini ta' xenarji u l-attivitajiet marbuta ma': id-dimensjonijiet kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi tas-sigurtà, il-komunikazzjoni mas-soċjetà, ir-rwol tal-valuri tal-bniedem u t-tfassil ta' politika, l-ambjent psikoloġiku u soċjali tat-terroriżmu, il-perċezzjoni taċ-ċittadin tas-sigurtà, l-etika, il-protezzjoni tal-privatezza, il-previżjonijiet dwar aspetti tas-soċjetà u l-analiżi sistemika tar-riskju. Ir-riċerka ser tindirizza wkoll it-teknoloġiji li jissalvagwardjaw aħjar il-privatezza u l-libertajiet, u ser tindirizza vulnerabilitajiet u theddid ġdid, kif ukoll l-immaniġġar u l-valutazzjoni ta' l-impatt ta' konsegwenzi possibbli.

- Koordinazzjoni u strutturar tar-riċerka dwar is-sigurtà: il-koordinazzjoni ta' l-isforzi ta' riċerka Ewropej u internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà u l-iżvilupp ta' sinerġiji bejn ir-riċerka fl-oqsma ċivili, tas-sigurtà u tad-difiża, it-titjib tal-kondizzjonijiet legali, u t-tħeġġiġ għall-użu ottimali ta' l-infrastrutturi eżistenti.

II IDEAT

Objettiv

Dan il-programm ser isaħħaħ id-dinamiżmu, il-kreattività u l-eċċellenza tar-riċerka Ewropea fuq il-fruntieri tal-konoxxenza. Dan ser isir billi jingħata appoġġ lil proġetti ta' riċerka "mmexxija mir-riċerkatur" imwettqa fl-oqsma kollha minn timijiet individwali f'kompetizzjoni fil-livell Ewropew. Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati abbażi ta' proposti mressqa minn riċerkaturi mis-settur privat u minn dak pubbliku dwar suġġetti ta' l-għażla tagħhom u vvalutati fuq il-kriterju waħdieni ta' l-eċċellenza kif meqjus permezz ta' reviżjoni bejn pari. Il-komunikazzjoni u d-disseminazzjoni tar-riżultati ta' riċerka huma aspett importanti ta' dan il-programm.

Motivazzjoni

Ir-riċerka "innovattiva" mmexxija mir-riċerkatur, fi ħdan il-qafas ta' attivitajiet mifhuma komunement bħala "riċerka bażika", hija mutur ewlieni tal-prosperità u l-progress soċjali, minħabba li tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-avvanz xjentifiku u teknoloġiku, u hija strumentali fil-produzzjoni ta' konoxxenza ġdida li jwassal għal applikazzjonijiet u swieq futuri.

Minkejja l-bosta kisbiet u livell għoli ta' prestazzjoni f'għadd kbir ta' oqsma, l-Ewropa mhix qed tisfrutta bl-aħjar mod il-potenzjal ta' riċerka u r-riżorsi tagħha, u teħtieġ b'urġenza kapaċità akbar sabiex tiġġenera l-konoxxenza u sabiex din il-konoxxenza tiġi tradotta f'valur u tkabbir ekonomiku u soċjali.

Mekkaniżmu kompetittiv ta' finanzjament mifrux ma' l-Ewropa kollha (minbarra u mhux minflok il-finanzjament nazzjonali) għal riċerka innovattiva mwettqa minn timijiet individwali, li tista' tkun ta' karattru nazzjonali jew transnazzjonali, huwa komponent ċentrali taż-Żona ta' Riċerka Ewropea, li tikkomplementa attivitajiet Komunitajri u nazzjonali oħra. Ser tkun ta' għajnuna fit-tisħiħ tad-dinamiżmu u l-kapaċità ta' l-Ewropa li tiġbed lejha sew l-aħjar riċerkaturi mill-Ewropa u minn pajjiżi terzi, kif ukoll l-investiment industrijali.

Attivitajiet

Din l-azzjoni ser tirrispondi għall-oqsma l-iktar promettenti u produttivi tar-riċerka u għall-aħjar opportunitajiet għall-progress xjentifiku u teknoloġiku, fi ħdan u fost id-dixxiplini, inklużi l-inġinerija u x-xjenzi soċjali u l-umanistika. Ser titwettaq mingħajr irbit ma' l-orjentamenti tematiċi tal-partijiet l-oħra tas-Seba' Programm Kwadru, u se tagħti attenzjoni sew lir-riċerkaturi tal-ġenerazzjoni l-ġdida u lil gruppi ġodda, kif ukoll lil timijiet stabbiliti.

L-attivitajiet Komunitarji fir-riċerka innovattiva ser jiġu implimentati minn Kunsill Ewropew tar-Riċerka (KER), magħmul minn kunsill xjentifiku indipendenti, appoġġat minn struttura implimentattiva dedikata modesta u effettiv fl-infiq. L-immaniġġar tal-KER ser titwettaq minn persunal impjegat għal dak il-għan, inkluż uffiċjali mill-istituzzjonijiet ta' l-UE, u ser tkopri biss il-ħtiġijiet amministrattivi reali sabiex jiġu żgurati l-istabbiltà u l-kontinwità meħtieġa għal amministrazzjoni effettiva.

Il-Kunsill Xjentifiku ser ikun magħmul minn rappreżentanti mill-ogħla livell tal-komunità xjentifika Ewropea li jiżguraw diversità ta' l-oqsma ta' riċerka, li jaġixxu fil-kapaċità personali tagħhom, indipendentement mill-interessi politiċi jew interess oħra. Il-membri tiegħu ser ikunu maħtura mill-Kummissjoni wara proċedura indipendenti u trasparenti għall-identifikazzjoni tagħhom miftiehma mal-Kunsill Xjentifiku, li tinkludi l- konsultazzjoni tal-komunità xjentifika u rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huma ser jiġu maħtura għal perijodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded darba, abbażi ta' sistema ta' rotazzjoni li ser tiżgura l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Xjentifiku.

Il-Kunsill Xjentifiku ser, inter alia, jistabbilixxi strateġija xjentifika ġenerali, ikollu awtorità sħiħa fuq id-deċiżjonijiet dwar it-tip ta' riċerka li għandha tirċievi finanzjament u jaġixxi bħala garanti tal-kwalità ta' l-attività mill-perspettiva xjentifika. Il-kompiti tiegħu ser ikopru, b'mod partikolari, l-iżvilupp tal-programm annwali ta' ħidma, l-istabbiliment ta' proċess ta' reviżjoni bejn pari, kif ukoll il-monitoraġġ u l-kontroll tal-kwalità ta' l-implimentazzjoni tal-programm mill-perspettiva xjentifika. Huwa ser jistabbilixxi kodiċi ta' kondotta li jindirizza, inter alia, l-evitar ta' konflitti ta' interess.

L-istruttura implimentattiva dedikata ser tkun responsabbli għall-aspetti kollha ta' l-implimentazzjoni u l-esekuzzjoni tal-programm kif previst fil-programm annwali ta' ħidma. B'mod partikolari, ser timplimenta l-proċessi ta' reviżjoni bejn pari u ta' għażla skond il-prinċipji stabbiliti mill-Kunsill Xjentifiku, u ser tiżgura l-amministrazzjoni finanzjarja u xjentifika ta' l-għotjiet.

L-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal għall-KER li għandhom x'jaqsmu mal-Kunsill Xjentifiku u struttura implimentattiva dedikata ser ikunu konsistenti ma' l-amministrazzjoni modesta u effettiva fl-infiq; in-nefqa amministrattiva ser tinżamm għal minimu u mhux ser ikun iktar minn 5 % ta' l-allokazzjoni finanzjarja totali għall-ERC, b'mod konsistenti ma' l-iżgurar tar-riżorsi meħtieġa għal implimentazzjoni ta' kwalità għolja, sabiex jiġi massimizzat il-finanzjament għal riċerka innovattiva.

Il-Kummissjoni ser taġixxi bħala garanti ta' l-awtonomija sħiħa u l-integrità tal-KER Hija ser tiżgura li l-KER ser taġixxi skond il-prinċipji ta' eċċellenza xjentifika, awtonomija, effiċjenza u trasparenza, u li jsegwi b'mod preċiż l-istrateġija u l-metodoloġija implimentattiva stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku. Il-Kummissjoni ser tfassal, f'koperazzjoni mal-Kunsill Xjentifiku, rapport annwali dwar l-operazzjonijiet tal-KER u t-twettiq ta' l-objettivi u tippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Il-KER ser ikollu s-setgħa li jmexxi l-istudji strateġiċi tiegħu għat-tħejjija u l-appoġġ ta' l-attivitajiet operattivi tiegħu. B'mod partikolari, huwa jista' jikkonsulta ma' inizjattivi Ewropej, intergovernattivi u nazzjonali sabiex jipprogramma l-attivitajiet tiegħu fid-dawl ta' riċerka oħra fil-livell Ewropew u nazzjonali.

L-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' l-attività ser jiġu riveduti u evalwati fuq bażi kontinwa sabiex jiġu vvalutati l-kisbiet tagħha u sabiex jiġu aġġustati u mtejba l-proċeduri abbażi ta' l-esperjenza. Fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 7(2) ser titwettaq ukoll reviżjoni indipendenti ta' l-istrutturi u l-mekkaniżmi tal-KER, kontra l-kriterji ta' l-eċċellenza xjentifika, l-awtonomija, l-effiċjenza u t-trasparenza u bl-involviment sħiħ tal-Kunsill Xjentifiku. Dan ser jinkludi l-proċess u l-kriterji għall-għażla tal-membri tal-Kunsill Xjentifiku. Ir-reviżjoni ser tħares b'mod espliċitu lejn il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' struttura bbażata fuq Aġenzija Eżekuttiva u struttura bbażata fuq l-Artikolu 171 tat-Trattat. Abbażi ta' din ir-reviżjoni, dawn l-istrutturi u l-mekkaniżmi għandhom jiġu modifikati kif xieraq. Il-Kummissjoni ser tiżgura li l-ħidma preparatorja kollha meħtieġa, inkluża kwalunkwe proposta leġislattiva li hija tqis meħtieġa, titwettaq u tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif meħtieġ mit-Trattat, bil-ħsieb ta' transizzjoni għal kwalunkwe struttura modifikata meħtieġa, kemm jista' jkun malajr. Għal dan il-għan il-Programm Kwadru ser jiġi adattat jew issupplimentat b'kodeċiżjoni skond l-Artikolu 166(2) tat-Trattat. Ir-rapport ta' progress imsemmi fl-Artikolu 7(2), li jsir qabel l-evalwazzjoni interim, ser jagħti l-konklużjonijiet inizjali dwar il-funzjonament tal-KER.

III NIES

Objettiv

Li jissaħħaħ, kwantitattivament u kwalitattivament, il-potenzjal uman fir-riċerka u t-teknoloġija fl-Ewropa, billi n-nies jiġu stimolati sabiex jidħlu fil-professjoni ta' riċerkatur, billi r-riċerkaturi Ewropej jiġu inkoraġġuti sabiex jibqgħu fl-Ewropa, u billi riċerkaturi mid-dinja kollha jiġu miġbuda lejn l-Ewropa, b'tali mod li l-Ewropa ssir aktar attraenti għall-aħjar riċerkaturi. Bi tkomplija ta' l-esperjenzi bl-azzjonijiet "Marie Curie" taħt Programmi Kwadru preċedenti, dan ser isir billi jiġi stabbilit sett koerenti ta' azzjonijiet "Marie Curie", b'kont meħud b'mod partikolari tal-valur miżjud Ewropew f'termini ta' l-impatt tagħhom fuq iż-Żona ta' Riċerka Ewropea. Dawn l-azzjonijiet ser jindirizzaw ir-riċerkaturi fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom, mit-taħriġ inizjali fir-riċerka maħsub b'mod speċifiku għaż-żgħażagħ sa l-edukazzjoni tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-karriera fis-setturi pubbliċi u privati. Ser isiru wkoll sforzi sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni mir-riċerkaturi nisa, billi jiġu inkoraġġuti l-opportunitajiet indaqs fl-"Azzjonijiet Marie Curie" kollha, billi l-azzjonijiet jitfasslu b'mod tali li r-riċerkaturi jistgħu jiksbu bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħajja u billi tiġi ffaċilitata t-tkomplija tal-karriera wara waqfa.

Motivazzjoni

Id-disponibbiltà ta' numru kbir ta' riċerkaturi mħarrġa u kwalifikati f'livell għoli huwa prerekwiżit għall-avvanz tax-xjenza u sabiex tiġi sostnuta l-innovazzjoni, iżda huwa wkoll fattur importanti sabiex jiġu attratti u sostnuti l-investimenti fir-riċerka minn entitajiet pubbliċi u privati. Fuq l-isfond ta' kompetizzoni dejjem tikber fil-livell dinji, l-iżvilupp ta' suq Ewropew miftuħ ta' l-impjiegi għar-riċerkaturi ħieles minn kull forma ta' diskriminazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ħiliet u tar-rotot tal-karriera tar-riċerkaturi huma ta' importanza kruċjali sabiex jiżguraw ċirkolazzjoni benefika ta' riċerkaturi u tal-konoxxenza tagħhom, sew fl-Ewropa kif ukoll fid-dinja. Ser jiġu introdotti miżuri speċjali sabiex jiġu inkoraġġuti riċerkaturi fi stadju bikri u jkunu appoġġati l-istadji bikrija ta' karriera xjentifika, kif ukoll miżuri sabiex jitnaqqas l-"esodu ta' l-imħuħ", bħal għotjiet għall-integrazzjoni mill-ġdid.

Il-mobbiltà, kemm transnazzjonali u intersettorali, inkluż li tiġi stimolata l-parteċipazzjoni industrijali u l-ftuħ ta' karrieri fir-riċerka u pożizzjonijiet akkademiċi fuq skala Ewropea, hija komponent ewlieni fiż-Żona ta' Riċerka Ewropea u hija indispensabbli sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet u l-prestazzjonijiet Ewropej fir-riċerka. Kompetizzjoni internazzjonali bejn ir-riċerkaturi ser tibqa' ċentrali sabiex tiġi żgurata l-għola kwalità tar-riċerka taħt din l-attività. Żieda fil-mobbiltà tar-riċerkaturi u tisħiħ tar-riżorsi ta' dawk l-istituzzjonijiet li jiġbdu lir-riċerkaturi internazzjonalment ser jinkoraġġixxu ċentri ta' eċċellenza fl-Unjoni Ewropea kollha. Sabiex jiġu żgurati t-taħriġ u l-mobbiltà fi ħdan oqsma ġodda ta' riċerka u teknoloġija, ser tiġi żgurata koordinazzjoni adegwata ma' partijiet oħra tas-Seba' Programm Kwadru u ser jitfittxu sinerġiji ma' linji politiċi Komunitarji oħra, p. eż. dwar l-edukazzjoni, il-koeżjoni u l-impjiegi. Azzjonijiet sabiex l-edukazzjoni xjentifika tintrabat mal-karrieri, u azzjonijiet ta' riċerka u koordinazzjoni dwar metodi ġodda fl-edukazzjoni xjentifika huma previsti taħt il-parti Xjenza fis-Soċjetà tal-Programm "Kapaċitajiet".

Attivitajiet

- Taħriġ inizjali tar-riċerkaturi sabiex jittejbu l-perspettivi ta' karriera tagħhom, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, fost oħrajn permezz tat-twessiegħ tal-ħiliet xjentifiċi u ġeneriċi tagħhom, inklużi dawk relatati mat-trasferiment tat-teknoloġija u l-intraprenditorija, u billi jiġu attratti aktar persuni żgħażagħ lejn karrieri xjentifiċi. Dan ser jiġi implimentat permezz ta' Networks Marie Curie bl-objettiv ewlieni li tingħeleb il-frammentazzjoni ta', u sabiex jissaħħu fil-livell Ewropew, it-taħriġ inizjali u l-iżvilupp tal-karrieri tar-riċerkaturi. Huwa previst appoġġ għall-aħjar riċerkaturi fi stadju bikri sabiex dawn jingħaqdu ma' timijiet ta' riċerka stabbiliti. Il-membri tan-networks transnazzjonali għandhom jisfruttaw il-kompetenzi kumplementari tagħhom permezz ta' programmi integrati ta' taħriġ. L-appoġġ ser jinkludi r-reklutaġġ ta' riċerkaturi fi stadju bikri, l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' taħriġ li jkunu miftuħa wkoll għal riċerkaturi minn barra n-network u akkademiċi ta' esperjenza kbira u/jew persuni f'pożizzjonijiet ta' responsabbiltà fl-industrija għat-trasferiment tal-konoxxenza u għas-superviżjoni.

- Taħriġ tul il-ħajja u żvilupp tal-karrieri sabiex jingħata appoġġ għall-izvilupp tal-karriera ta' riċerkaturi ta' esperjenza. Bil-għan li jiġu kkomplementati jew miksuba ħiliet u kompetenzi ġodda jew sabiex tissaħħaħ l-inter/multi-dixxiplinarjetà u/jew il-mobbiltà inter-settorali, huwa maħsub li jingħata appoġġ lil riċerkaturi bi bżonnijiet partikolari għal kompetenzi u abbiltajiet addizzjonali/komplementari, lil riċerkaturi li jkunu jridu jerġgħu jaqbdu karriera fir-riċerka wara waqfien fl-attività tagħhom, u għall-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' riċerkaturi f'pożizzjonijiet fit-tul tar-riċerka fl-Ewropa, inkluż fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, wara li jkunu għamlu esperjenza ta' mobbiltà transnazzjonali jew internazzjonali. Din il-linja ta' azzjoni ser tiġi implimentata kemm permezz ta' fellowships individwali li jingħataw direttament fil-livell Komunitarju kif ukoll permezz tal-ko-finanzjament ta' programmi reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali fejn dan jissodisfa l-kriterji ta' valur miżjud Ewropew, trasparenza u ftuħ.

Inizjalment il-metodu ta' ko-finanzjament ser jiġi implimentat fuq skala kontrollata li tippermetti li tinkiseb l-esperjenza meħtieġa.

- Toroq u sħubiji bejn l-industrija u l-akkademja: Appoġġ għal programmi ta' koperazzjoni fit-tul bejn organizzazzjonijiet mill-akkademja u mill-industrija, b'mod partikolari l-SMEs u inkluż l-industriji tradizzjonali ta' manifattura, ser timmira li tistimola l-mobbiltà intersettorali u tiżdied il-kondiviżjoni tal-konoxxenza permezz ta' sħubiji konġunti ta' riċerka, appoġġati mir-reklutaġġ fis-sħubija ta' riċerkaturi ta' esperjenza, mis-sekondar ta' persunal bejn iż-żewġ setturi, u mill-organizzazzjoni ta' avvenimenti.

- Id-dimensjoni internazzjonali: sabiex titjieb il-kwalità tar-riċerka Ewropea billi jiġu attratti talenti fir-riċerka minn barra l-Ewropa, u titrawwem kollaborazzjoni fir-riċerka għall-benefiċċju reċiproku ma' riċerkaturi minn barra l-Ewropa. Dan ser jiġi indirizzat permezz ta' fellowships internazzjonali għal riċerka barra mill-Ewropa (b'fażi ta' ritorn obbligatorju inkluż); fellowships internazzjonali lejn l-Ewropa; sħubiji għall-appoġġ ta' l-iskambju ta' riċerkaturi. Ser jingħata appoġġ ukoll għal inizjattivi komuni bejn organizzazzjonijiet Ewropej u organizzazzjonijiet minn pajjiżi ġirien ta' l-UE u minn pajjiżi li magħhom il-Komunità għandha ftehim ta' Xjenza u Teknoloġija. L-attività ser tinkludi miżuri li jilqgħu kontra r-riskju ta' "esodu ta' l-imħuħ" mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u mill-ekonomiji emerġenti u miżuri sabiex jinħolqu networks bejn ir-riċerkaturi Ewropej li jaħdmu barra mill-Ewropa. Dawn l-azzjonijiet ser jiġu implimentati skond l-attivitajiet internazzjonali taħt il-Programmi "Koperazzjoni" u "Kapaċitajiet".

- Azzjonijiet speċifiċi sabiex jagħtu appoġġ għall-ħolqien ta' suq tax-xogħol Ewropew ġenwin għar-riċerkaturi, billi jitneħħew l-ostakli għall-mobbiltà u jittejbu l-perspettivi tal-karriera tar-riċerkaturi fl-Ewropa. Miżuri ta' inċentiv għal istituzzjonijiet pubbliċi li jippromwovu l-mobbiltà, il-kwalità u l-profil tar-riċerkaturi tagħhom jiġu wkoll appoġġati. Barra minn hekk, ser jingħataw għotjiet sabiex titjieb l-kuxjenza pubblika dwar l-azzjonijiet Marie Curie u l-objettivi tagħhom.

IV KAPAĊITAJIET

Din il-parti tas-Seba' Programm Kwadru ser issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa kollha u tiżgura użu ottimali tagħhom. Dan il-għan ser jinkiseb permezz ta':

- It-titjib kemm jista' jkun ta' l-użu u l-iżvilupp ta' infrastrutturi ta' riċerka,

- It-tisħiħ tal-kapaċitajiet innovattivi ta' l-SMEs u l-kapaċità tagħhom li jibbenefikaw mir-riċerka,

- Appoġġ għall-iżvilupp ta' raggruppamenti reġjonali mmexxija mir-riċerka,

- Il-ftuħ tal-potenzjal ta' riċerka fir-reġjuni ta' konverġenza u dawk l-aktar imbiegħda ta' l-UE,

- It-tqarrib lejn xulxin tax-xjenza u s-soċjetà għall-integrazzjoni armonjuża tax-xjenza u t-teknoloġija fis-soċjetà Ewropea,

- Appoġġ għall-iżvilupp koerenti ta' linji politiċi dwar ir-riċerka,

- Azzjonijiet u miżuri orizzontali ta' appoġġ għall-koperazzjoni internazzjonali.

INFRASTRUTTURI TA' RIĊERKA

Objettiv

Li jittejjeb kemm jista' jkun l-użu u l-iżvilupp ta' l-aħjar infrastrutturi ta' riċerka eżistenti fl-Ewropa, u tingħata għajnuna sabiex jinħolqu fl-oqsma kollha tax-xjenza u t-teknoloġija infrastrutturi ta' riċerka ġodda ta' interess pan-Ewropew meħtieġa mill-komunità xjentifika Ewropea sabiex tibqa' fuq quddiem nett tal-progress tar-riċerka, u tkun kapaċi tgħin lill-industrija sabiex issaħħaħ il-bażi tagħha tal-konoxxenza u l-konoxxenza teknoloġika tagħha.

Motivazzjoni

L-infrastrutturi ta' riċerka għandhom rwol dejjem akbar fl-avvanzi fil-konoxxenza u t-teknoloġija u l-isfruttament tagħhom. L-importanza ta' tali infrastrutturi hija diġà stabbilita sew f'oqsma bħall-enerġija, l-ispazju u l-fiżika tal-partiċelli u qed tiżdied f'oqsma oħra. Per eżempju, s-sorsi ta' radjazzjoni, id-databanks fil-ġenomika u fix-xjenzi soċjali, l-osservatorji għax-xjenzi ambjentali u spazjali, is-sistemi ta' l-imaging jew clean rooms għall-istudju u l-iżvilupp ta' materjali ġodda jew tan-nano-elettronika, huma fil-qofol tar-riċerka. Dawn huma għaljin, jeħtieġu l-iżvilupp ta' firxa wiesgħa ta' kompetenzi, u għandhom jintużaw u jiġu sfruttati minn kommunità kbira ta' xjenzati u industriji klijenti fuq skala Ewropea.

L-iżvilupp ta' approċċ Ewropew fir-rigward ta' infrastrutturi tar-riċerka, inklużi infrastrutturi elettroniċi bbażati fuq l-informatika u l-komunikazzjoni u infrastrutturi virtwali, u t-twettiq ta' attivitajiet f'dan il-qasam fil-livell ta' l-Unjoni, jistgħu jagħtu kontribut sinifikattiv sabiex tingħata spinta lill-potenzjal tar-riċerka Ewropea u l-isfruttament tiegħu u jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-Żona ta' Riċerka Ewropea.

Filwaqt li r-rwol ta' l-Istati Membri ser jibqa' ċentrali fl-iżvilupp u l-finanzjament ta' infrastrutturi, il-Komunità tista' u għandu jkollha rwol ta' katalizzatur u ta' lieva billi tgħin tiżgura aċċess usa' u aktar effiċjenti għal, u l-użu ta', l-infrastrutturi eżistenti fl-Istati Membri differenti, billi tistimula l-iżvilupp ta' dawn l-infrastrutturi, u n-networking tagħhom, b'mod koordinat, u billi tiġi promossa l-emerġenza ta' infrastrutturi tar-riċerka ġodda ta' interess pan-Ewropew għall-perijodu medju għal dak fit-tul. F'dan ir-rigward, il-Forum Strateġiku Ewropew dwar l-Infrastrutturi ta' Riċerka (ESFRI) għandu rwol ċentrali fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u ta' roadmap ta' infrastrutturi ta' riċerka Ewropej.

Attivitajiet

L-attivitajiet imwettqa taħt din l-intestatura ser jiġu esegwiti fil-qasam kollu tax-xjenza u tat-teknoloġija. Huma ser jiġu implimentati f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-attivitajiet li jseħħu fl-oqsma tematiċi sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet kollha mwettqa fil-livell Ewropew fil-qafas Komunitarju jwieġbu għall-ħtiġijiet għall-infrastruttura ta' riċerka fl-oqsma in kwistjoni, inkluża l-koperazzjoni internazzjonali.

L-attivitajiet ser ikunu dawn li ġejjin:

- Appoġġ għal infrastrutturi ta' riċerka eżistenti

- l-integrazzjoni ta' attivitajiet sabiex jiġi strutturat aħjar, fuq skala Ewropea, il-mod kif l-infrastrutturi ta' riċerka joperaw f'qasam speċifiku u sabiex jiġu promossi l-użu koerenti u l-iżvilupp tagħhom, b'mod partikolari permezz ta' aċċess transnazzjonali sabiex jiġi żgurat li r-riċerkaturi Ewropej, inklużi riċerkaturi mill-industrija u l-SMEs, jista' jkollhom aċċess għal infrastrutturi ta' riċerka ta' prestazzjoni għolja sabiex iwettqu r-riċerka tagħhom, irrispettivament mill-post ta' l-infrastruttura,

- it-tisħiħ ta' l-infrastruttura elettronika għar-riċerka permezz tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp ulterjuri u l-evoluzzjoni u l-konnettività globali ta' infrastrutturi ta' komunikazzjoni u ta' infrastrutturi grid ta' kapaċità għolja u ta' prestazzjoni għolja u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet Ewropej fl-informatika, kif ukoll billi titħeġġeġ l-adozzjoni minn komunitajiet utenti fejn ikun il-każ, waqt li tissaħħaħ ir-relevanza globali tagħhom u jiżdied il-livell ta' fiduċja u kunfidenza fihom, b'bini fuq il-kisbiet ta' l-infrastrutturi GEANT u Grid u abbażi ta' standards miftuħa għall-interoperabbiltà.

- Appoġġ għal infrastrutturi ta' riċerka ġodda

- Kostruzzjoni ta' infrastrutturi ġodda u titjib maġġuri ta' dawk eżistenti b'iffokar prinċipali fuq fażijiet preparatorji, għall-promozzjoni ta' l-emerġenza ta' faċilitajiet ta' riċerka ġodda, skond il-prinċipju ta' "ġeometrija varjabbli", li jibnu primarjament fuq il-ħidma mwettqa mill-ESFRI [15].

- studji ta' proġettazzjoni, permezz ta' approċċ minn isfel 'il fuq għal sejħiet għal proposti, sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta' infrastrutturi ġodda ta' riċerka permezz tal-finanzjament ta' għotjiet esploratorji u studji dwar il-fattibbiltà għal infrastrutturi ġodda.

Il-proġetti ta' infrastrutturi proposti għall-finanzjament f'dan ir-rigward ser jiġu identifikati abbażi ta' sensiela ta' kriterji inklużi b'mod partikolari:

- Inkapaċità ta' mekkaniżmi eżistenti li jiksbu l-objettiv.

- Valur miżjud ta' appoġġ finanzjarju Komunitarju.

- Kapaċità li jiġi offrut servizz bi tweġiba għall-ħtiġijiet ta' l-utenti mill-komunità xjentifika (akkademika u industrijali) fl-Ewropa kollha, inkluż il-valur miżjud għaż-Żona ta' Riċerka Ewropea.

- Eċċellenza xjentifika.

- Relevanza fil-livell internazzjonali.

- Kontribut għal kapaċità ta' żvilupp teknoloġiku.

- Kontribut għall-iżvilupp ta' "raggruppamenti ta' eċċellenza bbażati fuq ir-riċerka".

- Fattibbiltà teknoloġika u organizzattiva.

- Possibbiltajiet għal sħubija Ewropea u impenn finanzjarju b'saħħtu u impenn ieħor ta' l-Istati Membri u tal-partijiet interessati ewlenin oħra, kif ukoll l-użu possibbli ta' self mill-BEI u tal-Fondi Strutturali.

- L-istima ta' l-ispejjeż ta' kostruzzjoni u dawk operattivi.

Safejn hija kkonċernata l-kostruzzjoni ta' infrastrutturi ġodda, għandu jittieħed kont tal-potenzjal għal eċċellenza xjentifika tar-reġjuni ta' konverġenza kif ukoll r-reġjuni l-aktar imbiegħda kull meta jkun il-każ. Ser tiġi żgurata il-koordinazzjoni effiċjenti ta' l-istrumenti finanzjarji Komunitarji, b'mod partikolari s-Seba' Programm Kwadru u l-fondi strutturali.

RIĊERKA GĦALL-BENEFIĊĊJU TA' L-SMEs

Objettivi

It-tisħiħ tal-kapaċità ta' innovazzjoni tal-SMEs Ewropej u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp ta' prodotti u swieq ġodda bbażati fuq it-teknoloġija ġdida billi tingħatalhom għajnuna sabiex jesternalizzaw ir-riċerka, iżidu l-isforzi ta' riċerka tagħhom, jestendu n-networks tagħhom, jisfruttaw aħjar ir-riżultati tar-riċerka u jiksbu konoxxenza teknoloġika, b'hekk jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka u l-innovazzjoni.

Motivazzjoni

L-SMEs jinsabu fil-qofol ta' l-industrija Ewropea. Għandhom ikunu element ċentrali fis-sistema ta' l-innovazzjoni u fil-katina tat-trasformazzjoni tal-konoxxenza fi prodotti, proċessi u servizzi ġodda. Quddiem kompetizzjoni li qed tikber, sew fis-suq intern kif ukoll globalment, l-SMEs Ewropej jeħtiġilhom iżidu l-konoxxenza kif ukoll l-intensità tar-riċerka tagħhom, itejbu l-isfruttament tar-riċerka, jespandu l-attivitajiet kummerċjali tagħhom fi swieq akbar u jġibu n-networks tal-konoxxenza tagħhom fuq skala internazzjonali. Il-parti l-kbira ta' l-azzjonijiet ta' l-Istati Membri relevanti għall-SMEs ma jinkoraġġux u ma jappoġġawx il-koperazzjoni trasnazzjonali fir-riċerka u t-trasferiment tat-teknoloġija. Jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet fil-livell ta' l-UE sabiex jikkomplementaw u jtejbu l-impatt ta' azzjonijiet meħuda fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Minbarra l-azzjonijiet elenkati hawn taħt, il-parteċipazzjoni ta' l-SMEs ser tiġi inkoraġġita u ffaċilitata, u ser jittieħed kont tal-ħtiġijiet tagħhom tul is-Seba' Programm Kwadru.

Attivitajiet

Azzjonijiet speċifiċi f'appoġġ għall-SMEs huma maħsuba sabiex jappoġġaw lill-SMEs jew lil assoċjazzjonijiet ta' SMEs li jkunu jeħtieġu jesternalizzaw ir-riċerka: prinċipalment SMEs b'teknoloġija baxxa jew medja bi ftit jew ebda kapaċità ta' riċerka. L-SMEs b'intensità għolja ta' riċerka jistgħu jipparteċipaw bħala fornituri ta' servizzi ta' riċerka jew jesternalizzaw ir-riċerka sabiex jikkomplementaw il-kapaċità ta' riċerka fundamentali tagħhom. Ser jitwettqu azzjonijiet fil-qasam kollu tax-xjenza u tat-teknoloġija b'approċċ minn isfel 'il fuq. L-azzjonijiet ser jinkludu appoġġ ta' dimostrazzjoni u attivitajiet oħra sabiex jiffaċilitaw l-isfruttament ta' riżultati ta' riċerka, bl-iżgurar tal-komplementarità mal-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni. Il-mezzi finanzjarji ser jiġu allokati permezz ta' żewġ skemi:

- Riċerka għall-SMEs: sabiex jingħata appoġġ lil gruppi żgħar ta' SMEs innovattivi sabiex isolvu problemi teknoloġiċi komuni jew komplementari.

- Riċerka għal assoċjazzjonijiet ta' SMEs: sabiex jingħata appoġġ lil assoċjazzjonijiet ta' SMEs u raggruppamenti ta' SMEs sabiex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi għal problemi komuni għal għadd kbir ta' SMEs f'setturi industrijali speċifiċi jew f'ħoloq speċifiċi tal-katina ta' valur.

Il-fokus ċar se jkun li jingħata appoġġ għal proġetti ta' riċerka. Barra minn hekk, ser jingħata appoġġ għal skemi nazzjonali li jipprovdu mezzi finanzjarji lill-SMEs jew lill-assoċjazzjonijiet ta' SMEs sabiex iħejju proposti għal azzjonijiet taħt "Riċerka għall-benefiċċju ta' l-SMEs". Matul l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru, il-komplementarità u s-sinerġija ser ikunu żgurati bl-azzjonijiet tal-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni.

Il-Programm Kwadru dwar il-Kompetittività u l-Innovazzjoni ser iħeġġeġ u jiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' l-SMEs fis-Seba' Programm Kwadru permezz tas-servizzi orizzontali tiegħu f'appoġġ għan-negozji u l-innovazzjoni. Il-komplementarità u s-sinerġija ma' programmi Komunitarji oħra ser jiġu żgurati.

REĠJUNI TA' KONOXXENZA

Objettivi

Li jissaħħaħ il-potenzjal ta' riċerka tar-reġjuni Ewropej, b'mod partikolari billi jitħeġġeġ u jiġi appoġġat l-iżvilupp, madwar l-Ewropa, ta' "raggruppamenti mmexxija mir-riċerka" reġjonali li jassoċjaw flimkien universitajiet, ċentri ta' riċerka, intrapriżi u awtoritajiet reġjonali.

Motivazzjoni

Ir-reġjuni kull ma jmur dejjem iżjed qed jitqiesu bħala atturi importanti fix-xenarju tar-riċerka u l-iżvilupp ta' l-UE. Il-politika tar-riċerka u l-attivitajiet fil-livell reġjonali ta' spiss iserrħu fuq l-iżvilupp ta' "raggruppamenti" li jassoċjaw flimkien atturi pubbliċi u privati. L-azzjoni pilota dwar "Reġjuni ta' Konoxxenza" uriet id-dinamika ta' din l-evoluzzjoni u l-ħtieġa ta' appoġġ u inkoraġġament għall-iżvilupp ta' dawn l-istrutturi.

L-azzjonijiet meħuda f'dan il-qasam ser jippermettu lir-reġjuni Ewropej sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom għall-investiment fl-RTD u sabiex iwettqu attivitajiet ta' riċerka, filwaqt li jkabbru kemm jistgħu il-potenzjal ta' l-operaturi tagħhom għal parteċipazzjoni b'suċċess fi proġetti Ewropej ta' riċerka u jiffaċilitaw l-emerġenza ta' raggruppamenti, b'hekk jippromwovu l-iżvilupp reġjonali fl-Ewropa. Xi azzjonijiet ser jiffaċilitaw il-ħolqien ta' raggruppamenti reġjonali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp taż-Żona ta' Riċerka Ewropea.

Attivitajiet

L-inizjattiva ġdida "Reġjuni ta' Konoxxenza" ser tinvolvi u ġġib flimkien atturi reġjonali involuti fir-riċerka bħal universitajiet, ċentri ta' riċerka, l-industrija, awtoritajiet pubbliċi (kunsilli reġjonali jew aġenziji ta' żvilupp reġjonali). Il-proġetti ser ikopru l-analiżi konġunta ta' l-aġendi ta' riċerka ta' raggruppamenti reġjonali (f'koordinazzjoni ma' attivitajiet oħra dwar il-kwistjoni usa' ta' raggruppamenti reġjonali ta' innovazzjoni) u l-elaborazzjoni ta' sensiela ta' strumenti sabiex jindirizzawhom f'attivitajiet ta' riċerka speċifiċi, inkluż permezz ta' "konsulenza" ta' reġjuni bi profili ta' riċerka anqas żviluppati minn reġjuni ferm żviluppati u appoġġ lil Reġjuni ta' Konoxxenza emerġenti.

Dan ser jinkludi miżuri mmirati lejn it-titjib ta' networking ta' riċerka u l-aċċess għal sorsi ta' finanzjament għar-riċerka kif ukoll integrazzjoni u konnessjoni aħjar ta' atturi fir-riċerka u istituzzjonijiet f'ekonomiji reġjonali. Dawn l-attivitajiet ser jiġu implimentati f'relazzjoni mill-qrib mal-politika reġjonali Komunitarja (il-fondi strutturali), u l-Programm Kwadru ta' Kompetittività u Innovazzjoni u l-Programmi ta' Edukazzjoni u Taħriġ.

Fil-kuntest ta' l-attività speċifika "Reġjuni ta' Konoxxenza" ser jitfittxu sinerġiji mal-politika reġjonali Komunitarja kif ukoll mal-programmi nazzjonali u reġjonali relevanti, b'mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni ta' konverġenza u r-reġjuni l-aktar imbiegħda.

POTENZJAL GĦAR-RIĊERKA

Objettiv

Li tiġi stimulata r-realizzazzjoni tal-potenzjal sħiħ ta' riċerka ta' l-Unjoni wara t-tkabbir permezz tal-ftuħ u l-iżvilupp ta' l-eċċellenza eżistenti u emerġenti fir-reġjuni ta' konverġenza u dawk l-aktar imbiegħda ta' l-UE [16], u li jiġi megħjun it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tar-riċerkaturi tagħhom sabiex jipparteċipaw b'suċċess fl-attivitajiet ta' riċerka fil-livell Komunitarju.

Motivazzjoni

L-Ewropa ma tisfruttax bis-sħiħ il-potenzjal ta' riċerka tagħha, b'mod partikolari f'reġjuni anqas avvanzati mbiegħda mill-qalba Ewropea tar-riċerka u l-iżvilupp industrijali. Sabiex tingħata għajnuna lir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet, kemm jekk fis-settur pubbliku jew privat, ta' dawn ir-reġjuni sabiex jikkontribwixxu għall-isforz globali Ewropew fir-riċerka, filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-konoxxenza u l-esperjenza eżistenti f'reġjuni oħra ta' l-Ewropa, din l-azzjoni timmira li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li jippermettulhom jisfruttaw il-potenzjal tagħhom, u ser tgħin sabiex tiġi realizzata bis-sħiħ iż-Żona ta' Riċerka Ewropea fl-Unjoni wara t-tkabbir. L-azzjonijiet ser jibnu fuq miżuri ta' l-imgħoddi u dawk eżistenti bħaċ-Ċentri Ewropej ta' Eċċellenza taħt il-Ħames Programm Kwadru f'dawk li kienu l-pajjiżi aderenti u kandidati fil-Ħames Programm Kwadru u l-Fellowships ta' Ospitalità Marie Curie għat-Traferiment tal-Konoxxenza.

Attivitajiet

L-azzjonijiet f'dan il-qasam ser jinkludu appoġġ għal:

- Sekondamenti transnazzjonali miż-żewġ naħat ta' persunal ta' riċerka bejn organizzazzjonijiet magħżula fir-reġjuni ta' konverġenza, u organizzazzjoni msieħba waħda jew aktar; appoġġ għal ċentri magħżula ta' eċċellenza eżistenti jew emerġenti għar-reklutaġġ ta' riċerkaturi ta' esperjenza, inklużi maniġers, li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħra.

- L-akkwist u l-iżvilupp ta' tagħmir tar-riċerka u l-iżvilupp ta' ambjent materjali li jippermetti l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal intellettwali preżenti fiċ-ċentri magħżula ta' eċċellenza eżistenti jew emerġenti fir-reġjuni ta' konverġenza.

- L-organizzazzjoni ta' workshops u konferenzi sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-konoxxenza; attivitajiet ta' promozzjoni kif ukoll inizjattivi li jimmiraw lejn id-disseminazzjoni u t-trasferiment ta' riżultati ta' riċerka f'pajjiżi oħra u lejnhom u fuq is-swieq internazzjonali.

- "Faċilitajiet ta' valutazzjoni" li permezz tagħhom kwalunkwe ċentru ta' riċerka fir-reġjuni ta' konverġenza jista' jibbenefika minn valutazzjoni esperta indipendenti tal-livell tal-kwalità globali tar-riċerka u ta' l-infrastrutturi tiegħu.

Ser jiġu mfittxija sinerġiji b'saħħithom mal-politika reġjonali Komunitarja. L-azzjonijiet li jirċievu l-appoġġ taħt din l-intestatura ser jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' riċerka taċ-ċentri ta' eċċellenza emerġenti u eżistenti fir-reġjuni ta' koverġenza, li jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni.

Ser jiġu mfittxija wkoll sinerġiji mal-Programm Kwadru ta' Kompetittività u Innovazzjoni sabiex tiġi promossa l-kummerċjalizzazzjoni reġjonali ta' l-R&D f'kolloborazzjoni ma' l-industrija.

IX-XJENZA FIS-SOĊJETÀ

Objettiv

Sabiex tiġi stimulata, bil-ħsieb li tinbena soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza Ewropea li tkun miftuħa, effettiva u demokratika, l-integrazzjoni armonjuża ta' sforz xjentifiku u teknoloġiku, u ta' politika ta' riċerka assoċjata fit-tessut soċjali Ewropew, billi fuq skala Ewropea jiġu mħeġġa r-riflessjoni u d-dibattitu dwar ix-xjenza u t-teknoloġija, u r-relazzjoni tagħhom ma' l-ispektrum sħiħ tas-soċjetà u l-kultura.

Motivazzjoni

L-influwenza tax-xjenza u tat-teknoloġija fuq il-ħajja tagħna ta' kuljum qed issir dejjem iktar profonda. Madankollu, prodotti ta' l-attività soċjali u ffurmati minn fatturi soċjali u kulturali, ix-xjenza u t-teknoloġija jibqgħu dominju remot, bogħod mit-tħassib ta' kuljum tal-biċċa l-kbira tal-pubbliku u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-linji politiċi, u jkomplu jkunu s-suġġett ta' nuqqas ta' fehim. Kwistjonijiet kontroversjali rigward teknoloġiji emerġenti għandhom jiġu indirizzati mis-soċjetà abbażi ta' dibattitu infurmat li jwassal għal għażliet u deċiżjonijiet sodi.

Attivitajiet

L-inizjattiva sostanzjali u integrata meħuda f'dan il-qasam ser tinkludi appoġġ għal:

- It-tisħiħ u t-titjib tas-sistema Ewropea tax-xjenza, u l-indirizzar tal-kwistjonijiet li ġejjin: it-titjib ta' l-użu u l-monitoraġġ ta' l-impatt tal-parir u l-kompetenzi xjentifiċi għal tfassil ta' deċiżjonijiet (inkluż l-immaniġġar tar-riskji); il-futur tal-pubblikazzjonijiet xjentifiċi; miżuri sabiex il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi jsiru aktar aċċessibbli għal membri tal-pubbliku li jixtiequ jikkonsultawhom; salvagwardji għal oqsma xjentifiċi miftuħa għal użu mhux xieraq; u kwistjonijiet ta' frodi, fiduċja u "regolamentazzjoni proprja".

- Involviment usa' bejn ir-riċerkaturi u l-pubbliku ġenerali, inkluża s-soċjetà ċivili organizzata, b'mistoqsijiet relatati max-xjenza, sabiex jiġu antiċipati u ċċarati kwistjonijiet politiċi u tas-soċjetà, inklużi dawk etiċi.

- Ir-riflessjoni u d-dibattitu dwar ix-xjenza u t-teknoloġija u posthom fis-soċjetà, abbażi ta' dixxiplini bħall-istorja, is-soċjoloġija u l-filosofija tax-xjenza u t-teknoloġija.

- Riċerka dwar is-sessi, inkluża l-integrazzjoni tad-dimensjoni dwar is-sessi fl-oqsma kolla tar-riċerka u l-promozzjoni tar-rwol tan-nisa fir-riċerka u fil-korpi ta' tfassil ta' deċiżjonijiet xjentifiċi.

- Il-ħolqien ta' ambjent miftuħ li jqajjem il-kurżità dwar ix-xjenza fost it-tfal u ż-żgħażagħ, permezz tat-tisħiħ ta' l-edukazzjoni tax-xjenzi fil-livelli kollha, inklużi fl-iskejjel, u permezz tal-promozzjoni ta' l-interess u l-parteċipazzjoni sħiħa fix-xjenza fost iż-żgħażagħ minn kull sfond tal-ħajja.

- It-tisħiħ tar-rwol tar-riċerka bbażata f'universitajiet u istituti ta' l-edukazzjoni ogħla oħra u l-impenn ta' dawn l-universitajiet u istituti fl-isfidi ta' globalizzazzjoni.

- Inter-komunikazzjoni mtejba u fehim reċiproku bejn id-dinja xjentifika u l-udjenza usa' ta' dawk li jfasslu l-politika, il-medja u l-pubbliku ġenerali, permezz ta' għajnuna lix-xjenzjati sabiex jikkomunikaw aħjar u jippreżentaw il-ħidma tagħhom u permezz ta' appoġġ għall-informazzjoni xjentifika, pubblikazzjonijiet u medja.

Dawn l-attivitajiet se jieħdu l-forma, b'mod partikolari, ta' proġetti ta' riċerka, studji, networking u skambji, okkażjonjiet u inizjattivi pubbliċi, premjijiet, stħarriġ u ġbir tad-data. F'ħafna każijiet, ser ikunu jinkludu sħubiji internazzjonali ma' organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi.

APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP KOERENTI TA' LINJI POLITIĊI DWAR IR-RIĊERKA

Objettivi

It-titjib ta' l-effikaċja u l-koerenza ta' linji politiċi tar-riċerka Komunitarji u nazzjonali u l-artikolazzjoni tagħhom ma' linji politiċi oħra, it-titjib ta' l-impatt tar-riċerka pubblika u r-rabtiet tagħha ma' l-industrija, u t-tisħiħ ta' l-appoġġ pubbliku u l-influwenza pożittiva fuq l-investiment minn atturi privati.

Motivazzjoni

Iż-żieda ta' l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp sa l-objettiv ta' 3 % u t-titjib ta' l-effikaċja tiegħu hija prijorità minn ta' fuq nett ta' l-istrateġija ta' Lisbona għat-tkabbir u l-impjiegi. Għalhekk, l-iżvilupp ta' linji politiċi effettivi sabiex jiġu influwenzati b'mod pożittiv investimenti f'riċerka pubbliċi u privati hu tħassib prinċipali ta' l-awtoritajiet pubbliċi fid-dawl tal-bżonn ta' l-aċċellerazzjoni tat-transizzjoni lejn ekonomija kompetittiva bbażata fuq il-konoxxenza. Dan jitlob għal adattabbiltà ta' linji politiċi tar-riċerka, il-mobilizzazzjoni ta' firxa usa' ta' strumenti, il-koordinazzjoni ta' sforzi minn konfini nazzjonali għall-ieħor u l-mobilizzazzjoni ta' linji politiċi oħra sabiex jinħolqu kondizzjonijiet-kwadru aħjar għar-riċerka.

Attivitajiet

L-attivitajiet imwettqa taħt din l-intestatura ser jikkomplementaw l-attivitajiet ta' koordinazzjoni taħt il-programm "Koperazzjoni" u ser jimmiraw lejn it-titjib tal-koerenza u l-impatt ta' linji politiċi u inizjattivi reġjonali, nazzjonali u Komunitarji (p.eż il-finanzjament ta' programmi, il-leġislazzjoni, ir-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida). L-attivitajiet ser ikunu dawn li ġejjin:

- Il-monitoraġġ u l-analiżi ta' linji politiċi pubbliċi relatati mar-riċerka u strateġiji industrijali, inkluż l-impatt tagħhom u l-iżvilupp ta' indikaturi sabiex jiġu provduti informazzjoni u evidenza b'appoġġ għat-tfassil, l-implimentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-koordinazzjoni transnazzjonali ta' linji politiċi.

- It-tisħiħ, fuq bażi volontarja, tal-koordinazzjoni ta' linji politiċi tar-riċerka permezz ta' azzjonijiet għall-appoġġ ta' l-implimentazzjoni tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (OMC) u inizjattivi ta' koperazzjoni transnazzjonali minn isfel 'il fuq imwettqa fuq il-livell nazzjonali jew reġjonali dwar kwistjonijiet ta' interess komuni.

ATTIVITAJIET TA' KOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Il-Komunità Ewropea teħtieġ politika internazzjonali dwar ix-xjenza u t-teknoloġija koerenti u b'saħħitha, sabiex issir kompetittiva u sabiex ikollha rwol prinċipali fuq il-livell dinji. L-azzjonijiet internazzjonali mwettqa taħt il-programmi differenti tas-Seba' Programm Kwadru ser ikunu implimentati fil-kuntest ta' strateġija ta' koperazzjoni internazzjonali globali.

Din il-politika internazzjonali għandha tlitt objettivi interdipendenti:

- Li tagħti appoġġ għall-kompetittività Ewropea permezz ta' sħubija strateġika ma' pajjiżi terzi f'oqsma magħżula tax-xjenza u bl-ingaġġ ta' l-aqwa xjenzjati minn pajjiżi terzi sabiex jaħdmu fl-Ewropa u magħha;

- Li tiffaċilita l-kuntatti ma' l-imsieħba f'pajjiżi terzi bil-għan li tipprovdi aċċess aħjar għar-riċerka mwettqa xi mkien ieħor fid-dinja;

- Li tindirizza problemi speċifiċi li għandhom quddiemhom il-pajjiżi terzi, jew dawk ta' natura globali, abbażi ta' l-interess reċiproku u l-benefiċċju reċiproku.

Il-koperazzjoni mal-pajjiżi terzi fis-Seba' Programm Kwadru ser tkun immirata, b'mod partikolari, lejn il-gruppi ta' pajjiżi li ġejjin:

- Il-pajjiżi kandidati;

- Pajjiżi ġirien ta' l-UE, il-pajjiżi sħab tal-Mediterran, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (WBC) [17] u l-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant u ta' l-Asja Ċentrali (EECA) [18];

- Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'attenzjoni fuq il-ħtiġijiet partikolari ta' kull pajjiż jew reġjun ikkonċernat [19];

- L-ekonomiji emerġenti.

L-azzjonijiet ta' koperazzjoni internazzjonali orjentati skond it-temi jitwettqu taħt il-programm "Koperazzjoni". L-azzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-potenzjal uman isiru taħt il-programm "Nies".

Taħt il-programm "Kapaċitajiet" ser jiġu implimentati azzjonijiet ta' appoġġ orizzontali u miżuri li jiffokaw fuq oqsma minbarra dawk marbuta ma' tema speċifika jew ma' qasam interdixxiplinari koperti fil-programm "Koperazzjoni", u jistgħu jiġu supplimentati, f'numru limitat ta' każijiet, minn azzjonijiet ta' koperazzjoni speċifika ta' interess reċiproku. Se jsiru sforzi sabiex tittejjeb il-koerenza ta' l-attivitajiet nazzjonali permezz ta' l-appoġġ ta' l-koordinament bejn il-programmi nazzjonali dwar il-koperazzjoni xjentifika internazzjonali. B'kont meħud ta' l-esperjenza miksuba permezz ta' INTAS u filwaqt li jibnu fuq il-ħidma tagħha fil-qafas tal-koperazzjoni mal-pajjiżi ta' l-Ewropa tal-Lvant u ta' l-Asja Ċentrali, attivitajiet li jipprovdu kontinwità ser jitwettqu permezz ta' dan il-programm u l-programmi speċifiċi "Koperazzjoni" u "Nies".

Ser tiġi żgurata l-koordinazzjoni globali ta' l-azzjonijiet ta' koperazzjoni internazzjonali taħt il-programmi differenti tas-Seba' Programm Kwadru, kif ukoll ma' strumenti Komunitarji oħra.

AZZJONIJIET MHUX NUKLEARI TAĊ-ĊENTRU KONĠUNT TA' RIĊERKA (JRC)

Objettiv

Li jiġi provdut appoġġ xjentifiku u tekniku mmexxi mill-klijent għall-proċess ta' tfassil tal-politika Komunitarja, bl-iżgurar ta' l-appoġġ għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' linji politiċi eżistenti u li jwieġeb għal bżonnijiet ġodda ta' politika.

Motivazzjoni

L-indipendenza tal-JRC mill-interessi speċjali, sew privati kif ukoll nazzjonali, flimkien mal-kompetenzi tekniċi tiegħu, jippermettulu jiffaċilita l-komunikazzjoni u t-tkabbir tal-kunsens bejn il-partijiet interessati (assoċjazzjonijiet industrijali, gruppi ta' azzjoni ambjentali, awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, ċentri ta' riċerka oħra, eċċ.) u dawk li jfasslu l-politika, speċjalment fuq il-livell Komunitarju u b'mod partikolari mal-Parlament Ewropew. Permezz ta' l-appoġġ xjentifiku u teknoloġiku l-JRC jgħin sabiex il-proċess politiku Komunitarju jsir aktar effettiv, trasparenti u bbażat fuq ix-xjenza soda. Fejn u meta xieraq, ir-riċerka mwettqa mil-JRC għandha tkun koordinata mar-riċerka mwettqa taħt it-"Temi" tal-Programm Speċifiku "Koperazzjoni", sabiex jiġu evitati sovrapożizzjoni u duplikazzjoni.

Il-JRC ser isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fiż-Zona ta' Riċerka Ewropea. Permezz ta' l-aġevolazzjoni ta' l-aċċess għall-faċilitajiet tiegħu minn riċerkaturi Ewropej u dawk mhux Ewropej, inklużi riċerkaturi fi stadju bikri, ser iżid il-koperazzjoni tiegħu ma' organizzazzjoniet oħra ta' riċerka pubbliċi u privati, itejjeb b'mod konsistenti l-kwalità xjentifika ta' l-attivitajiet tiegħu stess u jikkontribwixxi b'mod aktar xjentifiku għat-taħriġ, li ser jibqa' ta' prijorità għolja għall-JRC.

L-utilità u l-kredibbiltà ta' l-appoġġ tal-JRC għal-linji politiċi Komunitarji huma marbuta mill-qrib mal-kwalità tal-kompetenzi xjentifiċi tiegħu u ma' l-integrazzjoni tiegħu fil-komunità xjentifika internazzjonali. Il-JRC għaldaqstant ser ikompli jinvesti fir-riċerka u fin-networking ma' ċentri oħra ta' eċċellenza fl-oqsma relevanti. Ser jipparteċipa f'azzjonijiet indiretti fl-oqsma kollha b'enfasi fuq sistemi komuni ta' referenza xjentifika, networking, it-taħriġ u l-mobbiltà, l-infrastrutturi tar-riċerka u l-parteċipazzjoni fil-Pjattaformi tat-Teknoloġija u l-istrumenti ta' ko-ordinazzjoni fejn għandu l-kompetenzi relevanti sabiex jipproduċi l-valur miżjud.

Il-JRC ser ikompli jippromwovi b'mod attiv l-integrazzjoni ta' l-Istati Membri l-Ġodda u l-Pajjiżi Kandidati fl-attivitajiet tiegħu, sa ma jilħqu l-istess livell ta' involviment attwali ta' l-UE-15.

Attivitajiet

Il-prijoritajiet tal-JRC ser ikunu f'oqsma li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni u fejn il-kontribut tal-JRC jipprovdi valur miżjud għoli. L-appoġġ xjentifiku u tekniku għal-linji politiċi Komunitarji ser ikomplu jingħataw f'oqsma ċentrali bħall-iżvilupp sostenibbli, il-bidla fil-klima, l-ikel, l-enerġija, it-trasport, il-kimiċi, metodi alternattivi ta' ttestjar fuq l-annimali, il-politika tar-riċerka, it-teknoloġiji ta' l-informatika, metodi u materjal ta' referenza, il-bijoteknoloġija, ir-riskji, il-perikli u l-impatti soċjo-ekonomiċi. It-tkabbir ser ikun fl-oqsma ta' interess ewlieni għall-Komunità:

- Il-prosperità f'soċjetà li sserraħ fuq il-konoxxenza

- It-twettiq u l-iżvilupp ta' tekniċi ta' l-immudellar u l-analiżi ekonometriċi avvanzati fil-kuntest tad-definizzjoni u l-monitoraġġ tal-politika bħalma huma s-segwitu ta' l-Aġenda ta' Lisbona, is-Suq Intern u l-linji politiċi tar-riċerka u ta' l-rdukazzjoni tal-Komunità;

- L-iżvilupp ta' mudelli sabiex jappoġġaw bilanċ ġdid bejn l-objettivi ta' sostenibbiltà u l-kompetittività b'mod responsabbli;

- L-għoti ta' l-appoġġ xjentifiku/tekniku tagħha għall-iżvilupp tal-proċeduri ta' valutazzjoni u maniġġar tar-riskju bħala għodda għall-proċess Ewropew ta' tfassil ta' deċiżjonijiet.

- Is-solidarjetà u l-immaniġġar responsabbli tar-riżorsi

- Li jsir ċentru rikonoxxut ta' referenza xjentifika u teknoloġika dwar l-agrikoltura sostenibbli b'enfasi fuq il-kwalità, it-traċċabbiltà u s-sigurtà ta' l-ikel (inkluż dak ġenetikament immodifikat u għalf), l-immaniġġar ta' l-ispazji u l-konformità reċiproka u sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Politika Agrikola Komunitarja.

- Li jagħti l-appoġġ xjentifiku u teknoloġiku lill-Politika Komuni tas-Sajd.

- Li jtejjeb il-provvista tas-sistemi ta' informazzjoni armonizzati Ewropej tad-data b'rabtiet ġeografiċi u spazjali (appoġġ għall-INSPIRE) u li jkompli l-iżvilupp ta' approċċi ġodda għall-monitoraġġ globali ta' l-ambjent u tar-riżorsi (appoġġ għall-GMES).

- Li jipprovdi kompetenzi u jkollu rwol fl-attivitajiet ta' riċerka tal-GMES u fl-iżvilupp ta' applikazzjonijiet ġodda f'dan il-qasam.

- Li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' l-UE dwar l-Ambjent u s-Saħħa inkluż l-appoġġ għal attivitajiet kurrenti sabiex tiġi stabbilita sistema Komunitarja ta' informazzjoni integrata dwar l-ambjent u s-saħħa.

- Li jippromwovi u jtejjeb l-iżvilupp u l-validazzjoni ta' strateġiji alternattivi, u b'mod partikolari metodi li ma jinvolvux annimali, fl-oqsma relevanti ta' riċerka kollha (valutazzjoni tas-sigurtà, ittestjar tal-vaċċini, riċerka tas-saħħa u bijomedika eċċ.).

- Libertà, sigurtà u ġustizzja

- Li jiżviluppa attivitajiet li jagħtu kontribut għall-istabbiliment tal-qasam tal-ħelsien, il-ġustizzja u s-sigurtà, speċjalment fl-oqsma li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-frodi, is-sigurtà tal-fruntieri u l-prevenzjoni ta' riskji kbar, f'koperazzjoni mal-korpi relevanti.

- Li jappoġġa r-rispons Komunitarju għad-diżastri naturali u teknoloġiċi.

- - L-Ewropa bħala imsieħba dinjija

- Li jsaħħaħ l-appoġġ għal-linji politiċi esterni Komunitarji f'oqsma speċifiċi bħalma huma l-aspetti esterni tas-sigurtà interna, il-koperazzjoni fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

[1] Fis-Seba' Programm Kwadru kollu, "SMEs" għandhom jinftiehmu li jinkludu mikro-intrapriżi.

[2] B'mod partikolari ma' l-attivitajiet imwettqa mill-istruttura intergovernattiva EUREKA. Barra minn hekk, l-esperijenza miksuba minn raggruppamenti EUREKA jistgħu jkunu relevanti għal Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti f'oqsma relatati.

[3] Dan se jinkludi l-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet ta' amministrazzjoni u koordinazzjoni tal-COST.

[4] It-terminu "bijo-ekonomija" jinkludi l-industriji u s-setturi ekonomiċi kollha li jipproduċu, jimmaniġġaw u jisfruttaw b'xi mod ieħor ir-riżorsi bijoloġiċi u s-servizzi relatati, l-industriji tal-provvista jew tal-konsumatur relatati, bħall-agrikoltura, l-industrija alimentari, is-sajd, il-foresterija, eċċ.

[5] "Ix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġija — Strateġija għall-Ewropa" — COM(2002) 27.

[6] Ir-riċerka komplementari rigward l-immaniġġar sostenibbli u l-konservazzjoni tar-riżorsi naturali hija ttrattata taħt it-tema "L-Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima)".

[7] COM (2000) 0769.

[8] COM (2005) 0265.

[9] COM (2006) 0105.

[10] Ir-riċerka komplementari relatata mal-produzzjoni u l-użu ta' riżorsi bijoloġiċi hija indirizzata taħt it-tema "Ikel, Agrikoltura, Sajd u l-Bijoteknoloġija".

[11] L-aġendi ta' riċerka tal-Pjattaformi Teknoloġiċi Ewropej relevanti ser jitqiesu fl-attivitajiet differenti.

[12] COM (2001) 370.

[13] L-industrija Ewropea ta' l-aeronawtika tinvesti 14 % tal-fatturat tagħha fir-riċerka, l-industrija Ewropea tal-karrozzi kważi 5 % tal-fatturat tagħha; u l-vantaġġ kompetittiv ta' l-industrija ta' l-UE tal-bini tal-vapuri jistrieħ għal kollox fuq l-RTD.

[14] ACARE: Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Aeronawtika fl-Ewropa. Imniedi fl-2001, u huwa l-ewwel eżempju operattiv ta' Pjattaforma Teknoloġika; ERRAC: Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea fil-Ferroviji; ERTRAC: Kunsill Konsultattiv għar-Riċerka Ewropea fit-Trasport bit-Toroq; Pjattaforma Teknoloġika WATERBORNE.

[15] L-ESFRI tnieda f'April 2002. ESFRI jġib flimkien rappreżentanti mill-25 Stat Membru ta' l-UE, maħtura mill-Ministri inkarigati mir-Riċerka, u rappreżentant mill-Kummissjoni Ewropea. Il-pajjiżi assoċjati mal-Programmi Kwadru għar-Riċerka ġew mistiedna jissieħbu fl-2004.

[16] Ir-reġjuni ta' konverġenza huma dawk stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 210, 31.07.2006, p. 25). Dan jinkludi r-reġjuni ta' l-objettiv ta' "konverġenza", ir-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament mill-fond ta' Koeżjoni, u r-reġjuni l-aktar imbiegħda.

[17] Minbarra pajjiżi kandidati assoċjati.

[18] Qabel kienu msejħa l-Istati Indipendenti Ġodda: L-Armenja, l-Azerbajġan, il-Belarus, il-Ġeorġja, il-Kazakstan, ir-Repubblika tal-Kirgistan, il-Moldova, ir-Russja, it-Taġikistan, it-Turkmenistan, l-Ukraina u l-Uzbekistan.

[19] Filwaqt li jigi nnutat li l-Amerika Latina tinkludi kemm pajjizi li qed jizviluppaw kif ukoll ekonomiji emerġenti.

--------------------------------------------------

ANNESS II

ANALIŻI INDIKATTIVA TAL-PROGRAMMI

L-analiżi indikattiva tal-programmi hija kif ġej (f'EUR miljuni):

I.Koperazzjoni [1], [2] | 32413 |

Saħħa | 6100 |

L-Ikel, l-Agrikoltura u s-Sajd, u l-Bijoteknoloġija | 1935 |

It-Teknoloġiji ta' l-Informatika u tal-Komunikazzjoni (ICT) | 9050 |

Nano-xjenzi, Nano-teknoloġiji, Materjali u Teknoloġiji ta' Produzzjoni ġodda | 3475 |

Enerġija | 2350 |

L-Ambjent (inkluża l-Bidla fil-Klima) | 1890 |

It-Trasport (inkluża l-Aeronawtika) | 4160 |

Ix-Xjenzi Soċjo-ekonomiċi u l-Umanistika | 623 |

L-Ispazju | 1430 |

Is-Sigurtà | 1400 |

II.Ideat | 7510 |

III.Nies | 4750 |

IV.Kapaċitajiet | 4097 |

Infrastrutturi tar-Riċerka | 1715 |

Riċerka għall-benefiċċju ta' l-SMEs | 1336 |

Reġjuni ta' konoxxenza | 126 |

Potenzjal għar-Riċerka | 340 |

Ix-Xjenza fis-Soċjetà | 330 |

Appoġġ għall-Iżvilupp koerenti ta' Linji Politiċi dwar ir-Riċerka | 70 |

Attivitajiet ta' Koperazzjoni Internazzjonali | 180 |

V.Azzjonijiet mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka | 1751 |

TOTAL | 50521 |

Dispożizzjonijiet speċjali li jikkonċernaw il-Faċilità Finanzjarja għat-Tqassim tar-Riskju (RSFF)

Il-baġits indikattivi għall-programmi "Koperazzjoni" u "Kapaċitajiet" jinkludu kontributi lill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) għall-istabbiliment ta' l-RSFF msemmija fl-Anness III. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jadottaw il-programmi speċifiċi li jikkontribwixxu ser jistabbilixxu, inter alia, il-modalitajiet ta' implimentazzjoni li taħthom il-Kummissjoni ser tiddeċiedi dwar l-allokazzjoni mill-ġdid għal attivitajiet oħra tal-Programm Kwadru tal-kontribut tal-Komunità għall-RSFF u d-dħul li hi tiġġenera, li mhumiex użati mill-BEI.

Is-Seba' Programm Kwadru ser jikkontribwixxi ammont sa EUR 500 miljun għall-RSFF sa l-2010. Għall-perijodu 2010-2013, ser ikun hemm il-possibbiltà ta' rilaxx ta' somma addizzjonali sa EUR 500 miljun wara l-evalwazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2) ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapport mill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni ta' SMEs u universitajiet, tat-twettiq tal-kriterji ta' l-għażla tas-Seba' Programm Kwadru, tat-tipi ta' proġetti appoġġati u tad-domanda għall-istrument ikkonċernat, tat-tul tal-proċedura ta' awtorizzazzjoni, tar-riżultati tal-proġett, u tal-mod ta' distribuzzjoni tal-fondi.

L-ammont disponibbli mis-Seba' Programm Kwadru għandu jiżdied miegħu ammont ekwivalenti mill-EIB. Huwa ser jiġi mill-programm "Koperazzjoni" (sa 800 miljun EURO b'kontribut proporzjonali tal-prijoritajiet tematiċi kollha, minbarra xjenzi soċjo-ekonomiċi u l-umanistika) u l-programm "Kapaċitajiet" (sa 200 miljun mil-linja ta' l-infrastruttura tar-riċerka).

L-ammont ser ikun magħmul disponibbli progressivament lill-EIB b'kont meħud tal-livell tat-talba.

Sabiex tiġi żgurata tnedija rapida b'massa kritika ta' riżorsi, ammont li jlaħħaq l-EUR 500 miljun ser ikun progressivament allokat fil-baġit għall-perijodu sa l-evalwazzjoni interim tas-Seba' ProgrammKwadru, imsemmi fl-Artikolu 7 (2) ta' din id-Deċiżjoni.

[1] Inklużi Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija (inkluż il-pjan finanzjarju, eċċ.) u l-parti mill-attivitajiet ta' koordinazzjoni u ta' koperazzjoni internazzjonali li għandhom jiġu ffinanzjati fi ħdan it-temi.

[2] L-għan ser ikun li għall-inqas 15% mill-finanzjament disponibbli taħt il-parti "Koperazzjoni" tal-programm imorru għall-SMEs.

--------------------------------------------------

ANNESS III

SKEMI TA' FINANZJAMENT

Azzjonijiet Indiretti

L-attivitajiet appoġġati mis-Seba' Programm Kwadru ser jiġu ffinanzjati permezz ta' firxa ta' "Skemi ta' finanzjament". Dawn l-iskemi ser jintużaw, sew individwalment kif ukoll flimkien, sabiex jiffinanzjaw azzjonijiet implimentati taħt il-Programm Kwadru.

Id-deċiżjonijiet għal programmi speċifiċi, programmi ta' ħidma u sejħiet għal proposti ser jispeċifikaw, skond u meta jkun xieraq:

- It-tip(i) ta' skema(i) użata(i) għall-finanzjament ta' azzjonijiet differenti;

- Il-kategoriji ta' parteċipanti (bħal ma huma organizzazzjonijiet tar-riċerka, universitajiet, industriji, SMEs, awtoritajiet pubbliċi) li jistgħu jibbenefikaw minnu;

- It-tipi ta' attivitajiet (bħal riċerka u żvilupp teknoloġiku, dimostrazzjoni, ġestjoni, taħriġ, disseminazzjoni, u attivitajiet oħra relatati) li jistgħu jiġu ffinanzjati minn kull waħda minnhom.

Fejn jistgħu jintużaw skemi ta' finanzjament differenti, il-programmi ta' ħidma jistgħu jispeċifikaw l-iskema ta' finanzjament li għandha tintuża għas-suġġett li dwaru jkunu mistiedna proposti.

L-iskemi ta' finanzjament huma dawn li ġejjin:

a) B'appoġġ ta' azzjonijiet li huma implimentati primarjament abbażi ta' sejħiet għall-proposti:

1) Proġetti kollaborattivi

Appoġġ għal proġetti ta' riċerka mwettqa minn konsorzji b'parteċipanti minn pajjiżi differenti, li jkollhom il-mira li jiżviluppaw konoxxenza ġdida, teknoloġija ġdida, prodotti, attivitajiet ta' dimostrazzjoni jew riżorsi komuni għar-riċerka. Id-daqs, il-kamp ta' applikazzjoni u l-organizzazzjoni interna tal-proġetti jistgħu jvarjaw minn qasam għall-ieħor u minn suġġett għall-ieħor. Il-proġetti jistgħu jkollhom firxa minn skala żgħira għal dik medja ffokati fuq azzjonijiet ta' riċerka għal proġetti ta' integrazzjoni fuq skala kbira għall-kisba ta' objettiv definit. Il-proġetti ser ikunu mmirati wkoll lejn gruppi speċjali bħal SMEs u partijiet oħrajn iżgħar.

2) Networks ta' Eċċellenza

Appoġġ għal Programm Konġunt ta' Attivitajiet implimentat minn għadd ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka li jintegraw l-attivitajiet tagħhom f'qasam partikolari, imwettqa minn timijiet ta' riċerka fil-qafas ta' koperazzjoni fil-perijodu aktar fit-tul. L-implimentazzjoni ta' dan il-Programm Konġunt ta' Attivitajiet tkun tirrikjedi impenn formali min-naħa ta' l-organizzazzjonijiet li jkunu qed jintegraw parti mir-riżorsi u l-attivitajiet tagħhom.

3) Azzjonijiet ta' koordinazzjoni u appoġġ

Appoġġ għal attivitajiet immirati lejn il-koordinament jew l-appoġġ tal-linji politiċi u l-attivitajiet ta' riċerka (networking, skambji, aċċess transnazzjonali għall-infrastrutturi tar-riċerka, studji, konferenzi, eċċ.). Dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu implimentati wkoll permezz ta' modi oħra, minbarra s-sejħiet għall-proposti.

4) Appoġġ għal riċerka "innovattiva"

Appoġġ għal proġetti mwettqa minn timijiet individwali ta' riċerka nazzjonali jew transnazzjonali. Din l-iskema ser tintuża sabiex tappoġġa proġetti tar-riċerka "innovattiva" mmexxija mir-riċerkaturi ffinanzjati fil-qafas tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka.

5) Appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi

Appoġġ għat-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera ta' riċerkaturi, użat prinċiplament għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet Marie Curie.

6) Riċerka għall-benefiċċju ta' gruppi speċifiċi (b'mod partikolari l-SMEs)

Appoġġ għal proġetti ta' riċerka li fihom il-parti l-kbira tar-riċerka u ta' l-iżvilupp teknoloġiku ssir minn universitajiet, ċentri ta' riċerka jew entitajiet legali oħra, għall-benefiċċju ta' gruppi speċifiċi, b'mod partikolari l-SMEs jew l-assoċjazzjonijiet ta' l-SMEs. Ser isiru sforzi sabiex jiġi mobilizzat finanzjament ulterjuri mill-BEI u organizzazzjonijiet finanzjarji oħra.

b) B'appoġġ għal azzjonijiet implimentati abbażi ta' deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew (jew mill-Kunsill f'konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew), ibbażati fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Komunità ser tipprovdi l-appoġġ finanzjarju għal inizjattivi fuq skala kbira u ffinanzjati minn għadd ta' sorsi.

- Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-implimentazzjoni konġunta ta' programmi nazzjonali ta' riċerka identifikati sew, abbażi ta' l-Artikolu 169 tat-Trattat. Din l-implimentazzjoni konġunta ser tirrikjedi l-istabbiliment jew l-eżistenza ta' struttura ddedikata ta' implimentazzjoni. L-appoġġ finanzjarju Komunitarju ser jingħata suġġett għad-definizzjoni ta' pjan ta' finanzjament ibbażat fuq impenji formali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

- Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-implimentazzjoni ta' Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux jistgħu jiġu milħuqa permezz ta' l-iskemi ta' finanzjament identifikati f'parti (a) hawn fuq. Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija ser jimmobilizzaw taħlita ta' finanzjament ta' tipi differenti u minn sorsi differenti, privati u pubbliċi, Ewropej u nazzjonali. Dan il-finanzjament jista' jieħu forom differenti u jista' jiġi allokat jew mobilizzat permezz ta' firxa ta' mekkaniżmi: appoġġ mill-Programm Kwadru, self mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), appoġġ lill-kapital ta' riskju. Inizjattivi Konġunti fit-Teknoloġija jistgħu jiġu deċiżi u implimentati abbażi ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat (dan jista' jinkludi l-ħolqien ta' impriżi konġunti) jew permezz tad-Deċiżjonijiet li jistabbiixxu l-programm speċifiċi. L-appoġġ Komunitarju ser jingħata suġġett għad-definizzjoni ta' skema globali ta' l-inġinerija finanzjarja, ibbażata fuq impenji formali min-naħa tal-partijiet kollha kkonċernati.

- Kontribuzzjoni finanzjarja mill-Komunità għall-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda ta' interess Ewropew. Din il-kontribuzzjoni tista' tiġi deċiża abbażi ta' l-Artikolu 171 tat-Trattat jew permezz ta' Deċiżjonijiet tal-Programm Speċifiku. L-iżvilupp ta' infrastrutturi ġodda ser jimmobilizza taħlita ta' finanzjament ta' tipi differenti u minn sorsi differenti: finanzjament nazzjonali, Programm Kwadru, Fondi Strutturali, self mill-BEI u oħra. L-appoġġ Komunitarju ser jingħata suġġett għad-definizzjoni ta' pjan globali finanzjarju, ibbażat fuq impennn min-naħa tal-partijiet kollha kkonċernati.

Il-Komunità ser timplimenta l-iskemi ta' finanzjament identifikati f'parti a) hawn fuq konformement mad-dispożizzjonijiet tar-regolament li għandu jiġi adottat skond l-Artikolu 167 tat-Trattat, l-istrumenti relevanti ta' għajnuna mill-Istat, b'mod partikolari l-qafas Komunitarju dwar l-għajnuniet mill-istat għar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll ir-regolamenti internazzjonali f'dan il-qasam. Konformement ma' dan il-qafas internazzjonali, ser ikun meħtieġ li jkun possibbli li l-iskala u l-forma tal-parteċipazzjoni finanzjarja jiġu aġġustati fuq bażi ta' każ b'każ, b'mod partikolari jekk ikun disponibbli l-finanzjament minn sorsi oħra tas-settur pubbliku, inklużi sorsi oħra Komunitarji ta' finanzjament bħall-BEI.

Minbarra l-għoti ta' appoġġ finanzjarju dirett lill-parteċipanti f'azzjonijiet RTD, il-Komunità ser ittejjeb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament tad-dejn permezz ta' "Faċilità Finanzjarja għat-Tqassim tar-Riskju" billi tipprovdi kontribuzzjoni lill-BEI. Il-BEI għandu juża l-kontribut tal-Komunità, li ser ikun sħab fil-kondiviżjoni tar-riskju, għall-kontribuzzjoni tal-forniment u l-allokazzjoni kapitali tal-finanzjament ta' self u garanzija mir-riżorsi tiegħu stess. Mhux ser ikun hemm responsabbiltà ulterjuri għall-baġit tal-Komunità. Suġġett għal u skond il-modalitajiet li jridu jiġu stabbiliti mir-regolament adottat skond l-Artikolu 167 tat-Trattat u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jadottaw il-programmi speċifiċi, dan il-mekkaniżmu ser jippermetti lill-BEI iżid l-ammont ta' finanzjament għall-azzjonijiet RTD Ewropej (bħalma huma inizjattivi konġunti fit-teknoloġija, proġetti kbar -inklużi l-proġetti Eureka, u infrastrutturi ġodda tar-riċerka u proġetti mmexxija mill-SMEs ) sabiex jgħin sabiex jingħelbu defiċjenzi tas-suq.

Fil-każ ta' parteċipanti f'azzjoni indiretta stabbilita f'reġjun li jkun baqa' lura fl-iżvilupp (ir-reġjuni ta' konverġenza u dawk l-iktar imbiegħda [1]), finanzjament addizzjonali mill-fondi strutturali ser ikun mmobilizzat kulfejn dan ikun possibbli u xieraq. Fil-każ tal-parteċipazzjoni ta' entitajiet mill-pajjiżi kandidati, taħt kondizzjonijiet simili tista' tingħata kontribuzzjoni addizzjonali mill-istrumenti finanzjarji ta' qabel l-adeżjoni. Rigward azzjonijiet fil-parti ta' "infrastrutturi tar-riċerka" tal-programm "kapaċitajiet" fis-Seba' Programm Kwadru, l-arranġamenti dettaljati għall-finanzjament għal dawn ser jiġi ddefinit bil-ħsieb li tiġi żgurata l-komplementarità effettiva bejn il-finanzjament Komunitarju tar-riċerka u strumenti oħra nazzjonali u Komunitarji, b'mod speċjali l-fondi strutturali.

Azzjonijiet diretti

Il-Komunità ser tniedi attivitajiet li jiġu implimentati miċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka, li jissejħu azzjonijiet diretti.

[1] Ir-reġjuni ta' konverġenza huma dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006. Dan jinkludi r-reġjuni ta' l-objettiv ta' "konverġenza", ir-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament mill-fond ta' Koeżjoni, u r-reġjuni l-iktar imbiegħda.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

Rigward l-Artikolu 6

Għas-Seba' Programm Kwadru, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li tissokta bl-istess qafas etiku tas-Sitt Programm Kwadru biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-finanzjament ta' l-UE għar-riċerka fuq ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-issuktar ta' dan il-qafas etiku minħabba li dan żviluppa, abbażi ta' l-esperjenza, approċċ responsabbli għal qasam promettenti ħafna tax-xjenza u wera li jaħdem b'mod sodisfaċenti fil-kuntest ta' programm tar-riċerka li fih riċerkaturi jipparteċipaw minn bosta pajjiżi b'sitwazzjonijiet regolatorji differenti ħafna.

(1) Id-deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru espliċitament teskludi tliet oqsma tar-riċerka mill-finanzjament Komunitarju:

- attivitajiet ta' riċerka li jimmiraw għall-klonazzjoni tal-bniedem għal finijiet ta' riproduzzjoni;

- attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji;

- attivitajiet ta' riċerka maħsuba biex joħolqu embrijoni tal-bniedem esklussivament għall-fini ta' riċerka jew għall-fini tal-kisba ta' ċelloli staminali, inkluż permezz ta' trasferiment ta' nuklei ta' ċelloli somatiċi.

(2) L-ebda attività pprojbita fl-Istati Membri kollha m'hi ser tiġi ffinanzjata. Fejn attività tkun ipprojbita fi Stat Membru, din mhix ser tiġi ffinanzjata f'dak l-Istat Membru.

(3) Id-deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru u d-dispożizzjoniiet għall-qafas etiku li jirregola l-finanzjament Komunitarju tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem bl-ebda mod ma tinvolvi ġudizzju ta' valur dwar il-qafas regolatorju jew etiku li jirregola din ir-riċerka fl-Istati Membri.

(4) Meta l-Kummissjoni Ewropea tagħmel sejħa għal proposti, hija ma tissolleċitax b'mod espliċitu l-użu ta' ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem. L-użu possibbli ta' ċelloli staminali tal-bniedem, sew jekk ikunu dderivati minn adulti jew minn embrijoni, jiddependi mill-ġudizzju tax-xjenzati, fid-dawl ta' l-objettivi li jkunu jridu jilħqu. Fil-prattika, il-parti l-kbiranett tal-fondi Komunitarji għar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali tmur għall-użu ta' ċelloli staminali adulti. Ma hemm l-ebda raġuni għaliex dan għandu jinbidel sostanzjalment fis-Seba' Programm Kwadru.

(5) Kull proġett li jipproponi li juża ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem għandu jgħaddi b'suċċess minn evalwazzjoni xjentifika li matulha esperti xjentifiċi indipendenti jivvalutaw il-ħtieġa li jintużaw tali ċelloli staminali biex jintlaħqu l-objettivi xjentifiċi.

(6) Il-proposti li jgħaddu b'suċċess mill-evalwazzjoni xjentifika mbagħad ikunu soġġetti għal reviżjoni etika stretta organizzata mill-Kummissjoni Ewropea. F'din ir-reviżjoni etika, jitqiesu l-prinċipji riflessi fil-Karta ta' l-UE tad-Drittijiet Fundamentali u l-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, bħall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina, iffirmata f'Oviedo fl- 4 ta' April 1997, u l-protokolli addizzjonali tagħha, kif ukoll id-Dikjarazzjoni Universali dwar il-Ġenoma tal-Bniedem u d-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-UNESCO. Ir-reviżjoni etika sservi wkoll biex tikkontrolla li l-proposti jirrispettaw ir-regoli tal-pajjiżi fejn tkun ser titwettaq ir-riċerka.

(7) F'każijiet partikolari, reviżjoni etika tista' titwettaq matul il-perjodu tal-proġett.

(8) Qabel ma jibda, kull proġett li jipproponi l-użu ta' ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem għandu jikseb l-approvazzjoni tal-kumitat ta' l-etika nazzjonali jew lokali rilevanti. Ir-regoli u l-proċeduri nazzjonali kollha għandhom jiġu osservati, inkluż f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet bħall-kunsens tal-ġenituri, l-assenza ta' tħajjir finanzjarju, eċċ. Ser isiru kontrolli dwar jekk il-proġett jinkludix referenzi għal miżuri ta' liċenzjar u kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn ser titwettaq ir-riċerka.

(9) Proposta li tgħaddi b'suċċess l-evalwazzjoni xjentifika, ir-reviżjonijiet etiċi nazzjonali jew lokali u r-reviżjoni etika Ewropea, ser jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni, fuq bażi ta' każ b'każ, lill-Istati Membri, mlaqqgħin bħala Kumitat Regolatorju. L-ebda proġett li jinvolvi l-użu ta' ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem u li ma jiksibx l-approvazzjoni mill-Istati Membri m'hu ser jiġi ffinanzjat.

(10) Il-Kummissjoni Ewropea ser tkompli taħdem biex ir-riżultati tar-riċerka dwar ċelloli staminali, li tkun ġiet iffinanzjata mill-Komunità, ikunu ġeneralment aċċessibbli għar-riċerkaturi kollha, għall-benefiċċju aħħari tal-pazjenti fil-pajjiżi kollha.

(11) Il-Kummissjoni Ewropea ser tappoġġa azzjonijiet u inizjattivi li jikkontribwixxu għal koordinazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni, f'approċċ etiku responsabbli, tar-riċerka dwar iċ-ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem. B'mod partikolari, il-Kummissjoni ser tappoġġa reġistru Ewropew ta' linji ta' ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-biedem. Appoġġ għal tali reġistru ser jippermetti monitoraġġ taċ-ċelloli staminali eżistenti ta' l-embrijoni tal-bniedem fl-Ewropa, ser jikkontribwixxi għall-massimizzazzjoni ta' l-użu tagħhom mix-xjenzjati u jista' jgħin biex jiġu evitati derivazzjonijiet mhux meħtieġa ta' linji ġodda ta' ċelloli staminali.

(12) Il-Kummissjoni Ewropea ser tissokta l-prattika attwali u mhix ser tressaq quddiem il-Kumitat Regolatorju proposti għal proġetti li jinkludu attivitajiet ta' riċerka li jeqirdu l-embrijoni tal-bniedem, inklużi dawk għall-ksib ta' ċelloli staminali. L-esklużjoni mill-finanzjament ta' dan il-pass ta' riċerka mhux ser jimpedixxi l-finanzjament Komunitarju ta' passi sussegwenti li jinvolvu ċ-ċelloli staminali ta' l-embrijoni tal-bniedem.

Dwar: it-tema Enerġija

L-għaxar temi tal-Programm ta' Kooperazzjoni jinkludu r-riċerka meħtieġa biex tirfed il-formulazzjoni, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tal-linji politiċi Komunitarji li lilhom il-Kummissjoni tattribwixxi rwol ċentrali. Din tapprezza l-importanza li l-Parlament Ewropew jagħti lill-politika ta' l-enerġija b'mod ġenerali u lill-promozzjoni ta' effiċjenza ta' l-enerġija u ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli b'mod partikolari. Sabiex il-Parlament ikun jista' jsegwi l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni bi ħsiebha tkompli l-politika ta' trasparenza u għoti ta' informazzjoni. Informazzjoni xierqa dwar proġetti ffinanzjati mill-PK ser tkun disponibbli b'mod sħiħ għall-pubbliku permezz ta' l-internet. Ser tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li, mill-inqas kull sentejn, issir preżentazzjoni komprensiva ta' proġetti relatati ma' l-użu razjonali u effiċjenti ta' l-enerġija u r-rwol ta' sorsi ta' l-enerġija rinnovabbli.

Dwar: Ideat

Fil-kuntest tar-rapport dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 7(2) u li jippreċedi l-evalwazzjoni interim, il-Kummissjoni ser tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa nofs l-2008 Komunikazzjoni dwar il-metodoloġija u t-termini ta' referenza li għandhom jintużaw għar-reviżjoni li għandha titwettaq minn esperti indipendenti rigward l-istrutturi u l-mekkaniżmi ta' l-ERC. Jekk ikun meħtieġ il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta għall-adattament tal-Programm Kwadru.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet