32006D0702


Titolu u referenza

Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 6 ta’ Ottubru 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni

 ĠU L 291, 21.10.2006, p. 11–32 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 ĠU L 200M , 1.8.2007, p. 72–93 (MT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 14 Volume 02 P. 193 - 214
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 14 Volume 02 P. 193 - 214

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

20061006

Deċiżjoni tal-Kunsill

tas- 6 ta’ Ottubru 2006

dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni

(2006/702/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 [1], u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 158 tat-Trattat, sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha, il-Komunità timmira li tnaqqas id-disparitajiet bejn il-livelli ta' żvilupp tad-diversi reġjuni u l-arretratezza tar-reġjuni jew il-gżejjer l-anqas vantaġġati, inklużi ż-żoni rurali.

(2) Skond l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandhom jiġu stabbiliti linji gwida strateġiċi dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex jiddefinixxu qafas indikattiv għall-intervent tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Fondi"), b'kont meħud ta' linji politiċi Komunitarji relevanti oħra, bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp bilanċjat, armonjuż u sostenibbli tal-Komunità.

(3) Ir-riżultati tat-tkabbir f'estenzjoni sostanzjali tad-disparitajiet reġjonali fil-Komunità, għalkemm xi uħud mill-ifqar partijiet ta' l-Istati Membri l-ġodda għandhom uħud mill-għola rati ta' tkabbir. Għalhekk, it-tkabbir jippreżenta opportunità, li qatt ma ppreżentat ruħha qabel, għal tisħiħ fit-tkabbir u fil-kompetittività fil-Komunità b'mod ġenerali li għandha tiġi riflessa f'dawn il-linji gwida strateġiċi.

(4) Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2005 ikkonferma li l-Komunità għandha tħaddem ir-riżorsi nazzjonali u Komunitarji adatti kollha — kif ukoll il-politika ta' koeżjoni — sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona, li tikkonsisti minn linji gwida integrati, li jinkludu l-linji gwida ta' politika ekonomika wiesgħa u l-linji gwida għall-impjiegi adottati mill-Kunsill.

(5) Fil-kisba ta' l-għanijiet stipulati fit-Trattat, u b'mod partikolari dak tat-trawwim ta' konverġenza ekonomika reali, l-azzjonijiet sostnuti bir-riżorsi limitati disponibbli għall-politika ta' koeżjoni għandhom ikunu kkonċentrati fuq il-promozzjoni ta' tkabbir sostenibbli, tal-kompetittività u ta' l-impjiegi b'kont meħud ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona.

(6) L-għan ta' dawn il-linji gwida strateġiċi għalhekk għandhu jkun li jrawmu żieda fil-kontenut strateġiku tal-politika ta' koeżjoni bil-ħsieb li jsaħħu s-sinerġiji ma' l-għanijiet ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona u li jassistu fil-kisba ta' dawn l-għanijiet.

(7) Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2005 ikkonkluda li kienet meħtieġa żieda fir-responsabbiltà ta' l-għanijiet ta' l-aġenda l-ġdida ta' Liżbona fuq il-post, li tinvolvi atturi reġjonali u lokali u lill-imsieħba soċjali, b'mod partikolari, fiż-żoni fejn hija essenzjali qrubija akbar, bħall-innovazzjoni, l-ekonomija tal-konoxxenza u t-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-impjieg, il-kapital uman, l-intraprenditorija, is-sostenn għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-aċċess għall-finanzjament b'riskju tal-kapital. Dawn il-linji gwida strateġiċi jagħrfu l-importanza ta' dan l-involviment.

(8) Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jagħrfu wkoll li l-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni tiddipendi mill-istabbiltà makroekonomika u r-riformi strutturali fil-livell nazzjonali flimkien ma' medda ta' kundizzjonijiet oħra li jiffavorixxu l-investimenti, li jinkludu implimentazzjoni effettiva tas-suq intern, riformi amministrattivi, tmexxija tajba, ambjent li jiffavorixxi n-negozju, u d-disponibbiltà ta' ħaddiema b'ħiliet ta' livell għoli.

(9) L-Istati Membri żviluppaw programmi nazzjonali ta' riforma sabiex itejbu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir u għall-impjiegi b'kont meħud tal-linji gwida integrati. Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jagħtu prijorità, għall-Istati Membri u għar-reġjuni, lil dawk iż-żoni ta' investiment sabiex jgħinu jitwettqu l-programmi nazzjonali ta' riforma b'kont meħud tal-bżonnijiet u l-qagħdiet nazzjonali u reġjonali: l-investiment fl-innovazzjoni, l-ekonomija tal-konoxxenza, it-teknoloġiji l-ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, l-impjiegi, il-kapital uman, l-intraprenditorija, is-sostenn għall-SMEs jew l-aċċess għall-finanzjament b'riskju tal-kapital.

(10) Il-linji gwida strateġiċi għandhom jieħdu kont tar-rwol tal-politika ta' koeżjoni fit-twettiq ta' linji politiċi Komunitarji oħra konsistenti ma' l-aġenda mġedda ta' Liżbona.

(11) Fil-każ ta' reġjuni u ta' l-Istati Membri eliġibbli għas-sostenn taħt l-objettiv ta' Konverġenza, l-għan għandu jkun li jiġi stimulat il-potenzjal tat-tkabbir, sabiex jinkisbu u jinżammu rati għolja ta' tkabbir, anke t-trattament tad-defiċit fin-networks bażiċi ta' l-infrastruttura u t-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u amministrattiva.

(12) Id-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni hija importanti u ż-żoni kollha tal-Komunità għandhom ikollhom il-possibbiltà li jikkontribwixxu għat-tkabbir u għall-impjiegi. Għal dan il-għan, il-linji giwda strateġiċi għandhom jieħdu kont tal-ħtiġijiet ta' l-investiment kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali minħabba r-rwoli rispettivi tagħhom fl-iżvilupp reġjonali u sabiex jippromwovu żvilupp bilanċjat, komunitajiet sostenibbli u l-inklużjoni soċjali.

(13) L-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea għandu rwol importanti fil-garanzija ta' żvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-territorju tal-Komunità. Il-linji gwida strateġiċi għandhom jikkontribwixxu għas-suċċess ta' l-objettiv territorjali Ewropew li jiddipendi fuq strateġiji kondiviżi ta' żvilupp tat-territorji konċernati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali u fuq in-networking speċjalment sabiex ikun żgurat it-trasferiment ta' ideat lejn il-programmi prinċipali ta' koeżjoni nazzjonali u reġjonali.

(14) Sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, il-linji gwida strateġiċi għandhom jirriflettu l-bżonn li jittieħed kont tal-ħarsien u t-titjib ambjentali fit-tħejjija ta l-istrateġiji nazzjonali.

(15) L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi ta' sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali huma prinċipji bażiċi tal-politika ta' koeżjoni u għandhom ikunu integrati fil-livelli kollha ta' l-approċċ strateġiku għall-koeżjoni.

(16) It-tmexxija tajba hija essenzjali fil-livelli kollha għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-politika ta' koeżjoni. Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jieħdu kont tar-rwol ta' sħubija wiesgħa fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' l-istrateġiji ta' żvilupp li huwa meħtieġ sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jiġu amministrati b'suċċess strateġiji kumplessi ta' koeżjoni u tal-bżonn ta' kwalità u effiċjenza fis-settur pubbliku.

(17) Dawn il-linji gwida strateġiċi jirrappreżentaw qafas indikattiv uniku li l-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jużaw meta jiżviluppaw programmi nazzjonali u reġjonali, b'mod partikolari sabiex jivvalutaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Komunità relattivament għall-koeżjoni, għat-tkabbir u għall-impjiegi. B'kont meħud ta' dawn il-linji gwida strateġiċi, kull Stat Membru għandu jħejji l-qafas strateġiku nazzjonali ta' referenza u l-programmi operattivi li jirriżultaw,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-linji gwida strateġiċi") kif stipulati fl-Anness huma b'dan adottati bħala qafas indikattiv għall-Istati Membri fit-tħejjija ta' l-oqsfa ta' referenza strateġiċi nazzjonali u l-programmi operattivi għall-perjodu 2007 sa' l-2013.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, 6 ta’ Ottubru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

K. Rajamäki

[1] ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

--------------------------------------------------

20061006

ANNESS

Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, 2007-2013

1. DAĦLA: LINJI GWIDA GĦALL-POLITIKA TA' KOEŻJONI, 2007-2013

Skond il-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona, il-programmi sostnuti mill-politika ta' koeżjoni għandhom jippruvaw jimmiraw ir-riżorsi lejn it-tliet prijoritajiet li jmiss [1]:

- itejbu l-attrazzjoni ta' l-Istati Membri, tar-reġjuni u ta' l-ibliet billi jtejbu l-aċċessibbiltà, jiżguraw kwalità u livell ta' servizzi adegwati, u jħarsu l-ambjent;

- jinkoraġġixxu l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u t-tkabbir ta' l-ekonomija tal-konoxxenza permezz tal-kapaċitajiet tar-riċerka u ta' l-innovazzjoni, li jinkludu t-teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; u

- joħolqu iktar impjiegi, u impjiegi ta' kwalità aħjar, billi jattiraw iktar nies lejn ix-xogħol jew lejn l-attività intraprenditorjali, itejbu l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u jżidu l-investiment fil-kapital uman.

Fl-adozzjoni ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona fil-programmi l-ġodda, qed tinġibed l-attenzjoni fuq dawn il-prinċipji:

L-ewwel, skond il-varar mill-ġdid ta' l-aġenda stess ta' Liżbona, il-politika ta' koeżjoni għandha tiffoka b'mod iktar qawwi fuq il-konoxxenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u fuq il-kapital uman. Għalhekk, l-isforz finanzjarju totali li jsostni lil dawn l-oqsma ta' azzjoni għandu jiżdied b'mod sinifikanti, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet il-ġodda ta' l-allokazzjonijiet [2]. Barra minn hekk, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ikunu ispirati mill-aħjar prattika meta din tkun tat riżultati pożittivi li jidhru f'termini ta' tkabbir u impjiegi.

It-tieni, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom isegwu l-għan ta' żvilupp sostenibbli u jistimulaw s-sinerġiji bejn id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali. It-tiġdid ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-produzzjoni ta' programmi nazzjonali ta' riforma mill-Istati Membri enfasizzaw ir-rwol ta' l-ambjent fit-tkabbir, fil-kompetittività u fl-impjiegi. Il-ħarsien ambjentali jeħtieġ li jitqies fit-tħejjija tal-programmi u l-proġetti sabiex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.

It-tielet, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom ifittxu li jiksbu l-għan ta' l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-istadji kollha tal-preparazzjoni u ta' l-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti. Dan jista' jsir permezz ta' azzjonijiet speċifiċi li jinkoraġġixxu l-ugwaljanza, kif ukoll billi jittieħed kont bir-reqqa tal-mod kif proġetti oħra u l-amministrazzjoni tal-Fondi jistgħu jolqtu lill-irġiel u lin-nisa.

Ir-raba', l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jipprevjenu kwalunkwe diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza u oriġini etnika, regliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali tul l-istadji varji ta' implimentazzjoni tal-Fondi. B'mod partikolari, l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà hija waħda mill-kriterji li għandhom jiġu rispettati fid-definizzjoni ta' l-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fondi u li tagħha għandu jittieħed kont tul l-istadji varji ta' l-implimentazzjoni.

Fit-taqsimiet li ġejjin huma eżaminati l-aspetti ewlenin ta' kull wieħed minn dawn l-oqsma wesgħin permezz ta' linji gwida speċifiċi taħt kull intestatura. Dawn il-linji gwida aktar dettaljati mhumiex se jkunu kollha relevanti għar-reġjuni kollha. L-iktar taħlita adatta ta' investimenti fl-aħħar mill-aħħar tiddipendi fuq l-analiżi tal-punti qawwija u tal-punti dgħajfin ta' kull Stat Membru u reġjun u taċ-ċirkostanzi speċifiċi nazzjonali u reġjonali. Il-linji gwida pjuttost jirrappreżentaw qafas wieħed li l-Istati Membri u r-reġjuni huma mistiedna jużaw meta jiżviluppaw programmi nazzjonali, reġjonali u lokali, b'mod partikolari bil-ħsieb li jivvalutaw il-kontribuzzjoni tagħhom għall-għanijiet tal-Komunità f'termini ta' koeżjoni, tkabbir u impjiegi.

1.1 Linja ta' gwida: Sabiex l-Ewropa u r-reġjuni tagħha jsiru postijiet aktar attraenti għall-investiment u għax-xogħol

Waħda mill-prekondizzjonijiet għat-tkabbir u għall-impjiegi hija li jkun żgurat li l-infrastruttura neċessarja (eż. it-trasport, l-ambjent, l-enerġija) tkun disponibbli għall-impriżi. Infrastruttura moderna u sigura hija fattur importanti fir-rendiment ta' ħafna intrapriżi, li tinċidi fuq l-attrazzjoni ekonomika u soċjali tar-reġjuni. L-investiment fl-infrastruttura f'reġjuni arretrati, b'mod speċjali fl-Istati Membri l-ġodda, se jinkoraġġixxi t-tkabbir u għaldaqstant isaħħaħ il-konverġenza mal-bqija ta' l-Unjoni kif ukoll itejjeb il-kwalità tal-ħajja. Ir-riżorsi m'għandhomx jiġu biss minn għotjiet iżda anki, fejn possibbli, mis-settur privat u minn self, pereżempju mill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB). Għall-perjodu li jmiss, l-awtoritajiet tal-programm fl-Istati Membri se jkollhom l-opportunità li jagħmlu użu ikbar mill-kompetenza ta' l-EIB sabiex iħejju proġetti xierqa sabiex jingħataw fondi Ewropej taħt l-inizjattiva JASPERS.

1.1.1. L-espansjoni u t-titjib ta' l-infrastruttura tat-trasport

Li tkun provduta infrastruttura tat-trasport effiċjenti, flessibbli, mingħajr periklu u nadifa jista' jitqies bħala prerekwiżit neċessarju għall-iżvilupp ekonomiku billi din tinkoraġġixxi l-produttività u għaldaqstant, il-prospetti ta' żvilupp tar-reġjuni konċernati billi tiffaċilita l-moviment tan-nies u ta' l-oġġetti. In-networks tat-trasport jinkoraġġixxu l-opportunitajiet għall-kummerċ, waqt li jżidu l-effiċjenza. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' infrastrutturi tat-trasport fl-Ewropa kollha (b'mod partikolari l-partijiet relevanti tat-tletin proġett prijoritarju għan-Networks Trans-Ewropej tat-Trasport, "il-proġetti Ten-T"), b'attenzjoni partikolari fuq proġetti trans-konfinali, huwa essenzjali sabiex tinkiseb integrazzjoni akbar tas-swieq nazzjonali, b'mod speċjali fi ħdan il-kuntest ta' Unjoni wara t-tkabbir.

L-investiment fl-infrastruttura jeħtieġ li jkun adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi u għal-livell ta' żvilupp ekonomiku tar-reġjuni u tal-pajjiżi konċernati. Ġeneralment, dawn il-ħtiġijiet huma l-ogħla fir-reġjuni ta' Konverġenza u fil-pajjiżi koperti mill-Fond ta' Koeżjoni. Tipikament, l-investimenti fl-infrastruttura (kif jiġri f'investimenti oħra) juru li r-rati ta' qligħ qed jonqsu 'l fuq minn ċertu livell ta' għoti ta' fondi. Il-qligħ ekonomiku fuq tali investimenti jkun għoli meta l-infrastruttura tkun skarsa u n-networks bażiċi ma jkunux tlestew, iżda x'aktarx li jonqos ladarba jkun intlaħaq ċertu livell.

Għalhekk għandu jittieħed kont tal-livell ta' l-iżvilupp ekonomiku reġjonali u ta' l-eżistenza ta' finanzjamenti infrastrutturali kbar. Fir-reġjuni u fil-pajjiżi li huma l-inqas żviluppati, ir-rabtiet internazzjonali u interreġjonali jistgħu joffru qligħ ogħla tul perjodu itwal ta' żmien f'termini ta' żieda fil-kompetittività kummerċjali u wkoll billi jkun faċilitat il-moviment tal-ħaddiema. Min-naħa l-oħra, għal reġjuni b'bażi ekonomika mferrxa u ta' daqs żgħir, u b'mudell ta' urbanizzazzjoni bbażat fuq bliet żgħar, il-kostruzzjoni ta' infrastruttura ta' trasport reġjonali tista' tkun iktar xierqa. F'reġjuni b'networks ta' toroq inadegwati, il-fondi għandhom ikunu disponibbli wkoll sabiex jinbnew kollegamenti ta' toroq li jkunu ekonomikament essenzjali. L-isfidi tal-mobbiltà u ta' l-aċċessibbiltà fiż-żoni urbani għandhom jiġu indirizzati, billi jiġu sostnuti sistemi integrati ta' tmexxija u soluzzjonijiet nodfa tat-trasport.

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji li jirriżultaw mill-investimenti fit-trasport, l-assistenza mill-Fondi għandha tkun ibbażata fuq numru ta' prinċipji.

L-ewwelnett, għandhom jintużaw kriterji oġġettivi sabiex jiddeterminaw il-livell u n-natura ta' l-investiment infrastrutturali li jkun se jitwettaq. Pereżempju, ir-rati potenzjali ta' qligħ għandhom jiġu kkalkulati skond il-livell ta' żvilupp ekonomiku u n-natura ta' l-attivitajiet ekonomiċi tar-reġjuni konċernati, skond id-densità u l-kwalità prevalenti ta' l-infrastrutturi jew il-grad ta' konġestjoni. Meta jiġu ddeterminati r-rati soċjali tal-qligħ, għandhom jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet ambjentali u soċjali tal-proġetti infrastrutturali prospetttivi.

It-tieni, il-prinċipju ta' sostenibbiltà ambjentali għandu jkun rispettat kemm jista' jkun possibbli, skond il-White Paper [3] Għandhom jiġu promossi modi li mhumiex ta' ħsara għall-ambjent. Madankollu, ir-rendiment ambjentali u ġenerali ta' kull mezz ta' trasport għandu jkun perfezzjonat, b'mod partikolari rigward l-użu ta' l-infrastruttura fi ħdan il-modi differenti u bejn mod u ieħor [4].

It-tielet, fir-reġjuni ta' Konverġenza u fil-pajjiżi koperti mill-Fond ta' Koeżjoni għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-modernizzazzjoni tas-sistema tal-ferroviji billi jintgħażlu t-taqsimiet ta' prijorità, filwaqt li tkun żgurata l-interoperabbiltà tagħhom fi ħdan il-qafas tas-Sistema Ewropea ta' l-Amministrazzjoni tat-Trasport bil-Ferroviji (ERTMS).

Ir-raba', l-investimenti fl-infrastruttura tat-trasport għandhom ikunu akkumpanjati minn amministrazzjoni xierqa tat-traffiku, b'attenzjoni partikolari għas-sigurtà, skond l-istandards nazzjonali u tal-Komunità. L-istrateġiji nazzjonali u reġjonali għandhom iqisu l-ħtieġa li tinkiseb qasma modali bbilanċjata (u ċara) li tissodisfa l-ħtiġijiet kemm ekonomiċi kif ukoll ambjentali. L-istrateġiji għandhom jinkludu, pereżempju, sistemi intelliġenti tat-trasport, pjattaformi multi-modali u, b'mod partikolari, teknoloġiji li jkunu użati għall-ERTMS, u għall-Programm ta' Riċerka ATM ta' Spazju ta' l-Ajru Uniku Ewropew (SESAR- għal sistema ta' amministrazzjoni tat-traffiku ta' l-ajru iktar uniformi fl-Ewropa).

Ibbażati fuq il-prinċipji imsemmija hawn fuq, il-linji gwida għall-azzjoni huma kif ġej:

- L-Istati Membri u r-reġjuni eliġibbli għall-finanzjament taħt l-objettiv ta' Konverġenza [5] jew il-Fond ta' Koeżjoni għandhom jagħtu prijorità xierqa għal dawk it-30 proġett ta' interess Ewropew meta jaqgħu fi ħdan it-territorju tagħhom. Fi ħdan dan il-grupp ta' proġetti, ir-rabtiet trans-konfinali jixirqilhom attenzjoni speċjali. Proġetti T-TEN oħra, u rabtiet strateġiċi tat-trasport, għandhom jirċievu sostenn fejn tippreżenta ruħha ħtieġa qawwija f'termini ta' kontribuzzjoni minnhom għat-tkabbir u għall-kompetittività.

- Se jkun ukoll importanti l-investiment komplementari f'konnesjonijiet sekondarji fil-kuntest ta' strateġija reġjonali u integrata ta' trasport u komunikazzjoni li tkopri ż-żoni urbani u rurali, sabiex ikun żgurat li r-reġjuni jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa min-networks il-kbar.

- Is-sostenn għall-infrastruttura tal-ferroviji għandu jfittex li jiżgura iktar aċċess. Il-ħlasijiet marbuta mal-linji tal-ferrovija għandhom jiffaċilitaw l-aċċess għall-operaturi indipendenti. Għandhom ikabbru wkoll il-ħolqien ta' network interoperattiv fl-UE kollha. Il-konformità u l-applikazzjonijiet ta' l-interoperabbiltà u l-installazzjoni tas-SEATF fuq il-vaguni tal-ferrovija u fuq il-linji għandhom ikunu parti mill-proġetti kollha finanzjati.

- Tingħata spinta lin-networks tat-trasport li jkunu sostenibbli ambjentalment, b'mod partikolari fiż-żoni urbani. Din tinkludi faċilitajiet tat-trasport pubbliku (inklużi infrastrutturi tal-park-and-ride), pjanijiet dwar il-mobbiltà, toroq anulari, żieda fis-sigurtà tal-postijiet fejn jiltaqgħu it-toroq u fejn ikun ħafif it-traffiku (passaġġi għaċ-ċiklisti, mogħdijiet għan-nies li jmorru bil-mixi). Tinkludi wkoll azzjonijiet li jipprovdu aċċessibbiltà għas-servizzi komuni tat-trasport pubbliku għal ċertu gruppi partikolari (anzjani, persuni b'diżabbiltà) u li jipprovdu networks ta' distribuzzjoni għal karburanti alternattivi tal-vetturi. Ir-rotot ta' navigazzjoni interni għandhom jikkontribwixxu wkoll għas-sostenibbiltà tan-networks.

- Sabiex tkun garantita l-effiċjenza ottimali ta' l-infrastrutturi tat-trasport għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp reġjonali, għandha tingħata attenzjoni sabiex tittejjeb il-konnettività ta' territorji mdawra bl-art, insulari u l-aktar estremi mal-proġetti TEN-T. F'dan ir-rigward, l-iżvilupp ta' rabtiet sekondarji, b'attenzjoni partikolari għall-inter-modalità u għat-trasport sostenibbli, għandhom jgħinu. B'mod partikolari, il-portijiet u l-ajruporti għandhom ikunu kollegati ma' l-intern tal-pajjiż tagħhom.

- Għandha tingħata iktar attenzjoni lill-iżvilupp ta' "awtostradi tal-baħar" u lit-trasport bil-baħar tul distanzi qosra bħala alternattiva vijabbli għat-trasport tul distanzi twal fuq it-toroq jew bil-ferrovija.

Meta l-Istati Membri jirċievu sostenn simultanjament kemm mill-Fondi ta' Koeżjoni ki ukoll mill-Fondi Strutturali, fil-programmi għandha ssir distinzjoni bejn it-tipi ta' azzjonijiet finanzjati minn kull wieħed mill-Fondi, bil-Fond ta' Koeżjoni li jkollu ir-rwol ewlieni fis-sostenn għan-networks Trans-Ewropej tat-trasport.

Min-naħa tagħhom, il-Fondi Strutturali għandhom ġeneralment jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' infrastruttura marbuta ma' miżuri li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku (bħall-iżvilupp tat-turiżmu, it-titjib sabiex tiżdied l-attrazzjoni ta' siti industrijali). Fir-rigward ta' l-infrastruttura tat-toroq, l-investimenti għandhom ikunu konformi ukoll ma' l-għan ġenerali tas-sigurtà fuq it-toroq.

Il-ko-finanzjament mill-Fondi għandu jikkomplementa l-għotjiet mill-baġit għan-Networks Trans-Ewropej filwaqt li jevita duplikazzjoni f'termini ta' l-għajnuna Komunitarja. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu mill-ko-ordinaturi bħala mezz sabiex iqassru ż-żmien bejn l-għażla ta' l-ippjanar tan-network u l-kostruzzjoni fiżika. L-Istati Membri individwalment se jkollhom jiddeterminaw minn qabel l-istrument li huwa l-iktar adatt għall-proġetti ppjanati. Il-fondi tal-politika ta' koeżjoni jistgħu jingħaqdu mal-parti tal-garanzija għas-self ta' l-istrumenti tat-TEN-T.

1.1.2. It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir

L-investimenti ambjentali jistgħu jagħtu kontribut lill-ekonomija fi tliet modi: jistgħu jiżguraw is-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku fuq perjodu twil, inaqqsu l-ispejjeż ambjentali esterni għall-ekonomija (eż. spejjeż ta' saħħa, spejjeż ta' tindif jew ta' irkupru ta' danni) u jistimulaw l-innovazzjoni u l-ħolqien ta' l-impjiegi. Il-programmi ta' koeżjoni tal-ġejjieni għandhom ifittxu li jsaħħu s-sinerġiji potenzjali bejn il-ħarsien ambjentali u t-tkabbir. Għandhom ikollhom prijorità għolja f'dan il-kuntest il-provvista ta' servizzi ambjentali bħall-provvista ta' ilma nadif, l-infrastrutturi għat-trattament ta' l-iskart u ta' l-ilma tad-dranaġġ, l-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali, id-dekontaminazzzjoni ta' l-art sabiex titħejja għal attivitajiet ekonomiċi ġodda, u l-ħarsien minn ċerti riskji ambjentali (eż. deżertifikazzjoni, nixfiet, nirien u għargħar).

Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi u minimizzati l-ispejjeż, għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra t-tniġġis ambjentali fis-sorsi tiegħu. Fis-settur ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskart, dan jimplika attenzjoni ffokata fuq il-prevenzjoni ta' l-iskart, fuq ir-riċiklaġġ u l-bijodegradazzjoni ta' l-iskart li jkunu effettivi għall-ispejjeż magħmula u jgħinu joħolqu l-impjiegi.

L-istrateġiji ta' l-iżvilupp għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet u tal-kwistjonijiet speċifiċi ffaċċjati mir-reġjuni, fejn ikun possibbli billi jintużaw indikaturi xierqa. Għandhom isiru sforzi sabiex titħeġġeġ l-internalizzazzjoni ta' l-ispejjeż ambjentali esterni, b'sostenn għat-twaqqif u għall-iżvilupp ta' strumenti li jkunu bbażati fis-suq (ara, pereżempju, l-istrumenti proposti fil-Pjan ta' Azzjoni tat-Teknoloġiji Ambjentali). Ta' min jinnota f'dan il-kuntest l-inizjattiva Superviżjoni Globali għall-Ambjent u s-Sigurtà, li mill-2008 se tipprovdi tagħrif aġġornat ma' l-Ewropa kollha, dwar il-kopertura ta' l-art/l-użu ta' l-art u l-proprjetajiet ta' l-oċean kif ukoll il-mapep ta' l-inċidenti f'każ ta' diżastri u aċċidenti.

Għalhekk, il-linji gwida rakkomandati għall-azzjoni huma dawn li ġejjin:

- L-indirizz tal-ħtiġijiet sinifikanti għall-investiment fl-infrastruttura, b'mod partikolari fir-reġjuni ta' Konverġenza, partikolarment fl-Istati Membri l-ġodda, sabiex dawn ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali fl-oqsma ta' l-ilma, ta' l-iskart, u tal-ħarsien tan-natura u ta' l-ispeċi, u tal-bijo-diversità.

- Il-garanzija li jeżistu kondizzjonijiet attraenti għall-impriżi u għall-persunal ta' ħila tagħhom. Dan jista' jkun żgurat billi jitħeġġeġ l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art li jnaqqas it-tixrid urban, u billi jkun rijabilitat l-ambjent fiżiku, inkluż l-iżvilupp ta' l-assi naturali u kulturali. L-investimenti f'dan il-qasam għandhom ikunu marbuta direttament ma' l-iżvilupp ta' impriżi innovattivi u li joħolqu l-impjiegi fil-postijiet konċernati.

- Il-promozzjoni, flimkien ma' l-investimenti fl-enerġija u fit-trasport sostenibbli li huma koperti bnadi oħra, ta' investimenti li jikkontribwixxu għall-impenji ta' Kyoto assunti mill-UE.

- It-teħid ta' miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju permezz ta' titjib fl-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali, permezz ta' riċerka aktar immirata u użu aħjar ta' l-ICTs, u permezz ta' strateġiji politiċi iktar innovattivi dwar l-amministrazzjoni pubblika.

Fejn l-Istati Membri jirċievu sostenn kemm mill-Fondi ta' Koeżjoni kif ukoll mill-Fondi Strutturali, fil-programmi għandha ssir distinzjoni ċara bejn it-tipi ta' azzjonijiet finanzjati minn kull wieħed mill-Fondi, rispettivament.

1.1.3. Ikun indirizzat l-użu intensiv tas-sorsi tradizzjonali ta' l-enerġija fl-Ewropa

Prijorità relatata hija l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza mill-enerġija tradizzjonali permezz ta' titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija u fl-enerġiji rinnovabbli. L-investimenti f'dawn l-oqsma jikkontribwixxu għall-provvista ċerta ta' l-enerġija għal tkabbir ekonomiku tul perjodu twil ta' żmien, waqt li jaġixxu bħala sors ta' innovazzjoni u jipprovdu opportunitajiet għall-esportazzjoni, u li jkunu effettivi f'termini ta' nfiq jekk il-prezzijiet ta' l-enerġija jibqgħu għoljin.

L-investiment f'sorsi tradizzjonali ta' enerġija huwa meħtieġ ukoll, sabiex tkun żgurata provvista ċerta. B'mod partikolari, il-Fondi għandhom jikkonċentraw — fejn ikun hemm evidenza ta' falliment tas-suq u fejn dan ma jmurx kontra l-liberalizzazzjoni tas-suq — fuq it-tlestija tal-konnessjonijiet bejn post u ieħor, b'enfażi speċjali fuq in-networks Trans-Ewropej, fuq it-titjib tar-retikolati ta' l-elettriku u fuq it-tlestija u t-titjib tan-networks li jwasslu u jqassmu l-gass kif ukoll fejn xieraq fi-reġjuni insulari u estremi.

Il-linji gwida għall-azzjoni taħt dan it-titolu huma dawn li ġejjin:

- Is-sostenn ta' proġetti ta' titjib fl-effiċjenza ta' l-enerġija, pereżempju fil-bini u t-tixrid ta' mudelli ta' żvilupp ta' enerġija b'intensità baxxa.

- Is-sostenn ta' l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji rinnovabbli u alternattivi (bħar-riħ, l-enerġija tax-xemx, l-enerġija tal-bijomassa), anke għat-tisħin u t-tkessiħ, li jistgħu jagħtu vantaġġ lill-UE u għaldaqstant isaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħha. Investimenti bħal dawn jikkontribwixxu wkoll għall-għan ta' Liżbona li, sa l-2010, 21 % ta' l-elettriku ikun ġenerat minn sorsi rinnovabbli.

- Konċentrazzjoni ta' investiment fis-sorsi ta' enerġija tradizzjonali sabiex jiġu żviluppati networks fejn ikun hemm evidenza ta' falliment tas-suq. Dawn l-investimenti jikkonċernaw l-iktar ir-reġjuni ta' Konverġenza.

1.2. Linja Gwida: It-titjib tal-konoxxenza u ta' l-innovazzjoni għat-tkabbir

L-għanijiet ta' l-Unjoni fir-rigward tat-tkabbir u tal-ħolqien ta' l-impjiegi se jeħtieġu ċaqliq strutturali fl-ekonomija lejn attivitajiet ibbażati fuq il-konoxxenza. Dan jitlob azzjoni fuq numru ta' fronti: li jkunu indirizzati l-livelli baxxi tar-Riċerka u ta' l-Iżvilupp tat-Teknoloġija (RTD), b'mod speċjali fis-settur privat; li titħeġġeġ l-innovazzjoni permezz ta' prodotti, proċessi u servizzi ġodda jew imtejba li jistgħu jlaħħqu mal-kompetizzjoni internazzjonali; li jiżdiedu l-kapaċitàjiet reġjonali u lokali sabiex jiġu ġenerati u assorbiti teknoloġiji ġodda (b'mod partikolari l-ICTs); u li jkun provdut iktar sostenn għat-teħid tar-riskji.

L-infiq fl-RTD bħala persentaġġ tal-GDP qed jiżdied, imma biss b'mod marġinali u, b'1,9 % tal-GDP, għadu ferm lura mill-għan ta' Liżbona li huwa ta' 3 % [6]. Filwaqt li d-defiċit fl-investiment kummerċjali fl-RTD jibqa' sinifikanti, hemm sinjali li l-investiment pubbliku f'dan il-qasam qiegħed ikun ukoll taħt pressjoni. Id-distakk fl-RTD u fl-innovazzjoni fi ħdan u bejn il-pajjiżi, b'mod partikolari meta relatat ma' l-infiq kummerċjali fuq l-RTD, huwa ferm ikbar mid-distakk fid-dħul. Minkejja li twettqet taħlita ta' inizjattivi nazzjonali u Komunitarji, jeħtieġ iktar azzjoni sabiex il-ħtiġijiet kummerċjali jitqabblu mal-provvista ta' l-RTD mill-istituzzjonijiet pubbliċi u privati ta' l-RTD. Qiegħed dejjem jikber id-distakk, fl-innovazzjoni, bejn l-Ewropa u ekonomiji oħra li qegħdin fuq quddiem. Jippersisti wkoll distakk fl-innovazzjoni fl-istess Ewropa, billi l-istess Unjoni ġeneralment ma jirnexxiliex tittrasforma l-konoxxenza u l-iżvilupp teknoloġiku fi prodotti u proċessi kummerċjali. Il-politika ta' koeżjoni tista' tgħin sabiex tindirizza l-problemi ewlenin li qed iwasslu għan-nuqqas ta' rendiment ta' l-Ewropa fil-qasam ta' l-innovazzjoni, li jinkludi sistemi mhux effettivi ta' innovazzjoni, dinamiżmu intraprenditorjali mhux suffiċjenti jew dewmien fl-adozzjoni ta' l-ICT min-naħa ta' l-impriżi.

F'dan il-kuntest, huwa neċessarju li jikbru l-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali ta' l-RTD sabiex jappoġġaw l-investiment fl-infrastruttura ta' l-ICT, u jxerrdu t-teknoloġija u l-konoxxenza permezz ta' trasferiment teknoloġiku xieraq u ta' mekkaniżmi ta' skambju ta' konoxxenza. Tista' titħeġġeġ is-sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika sabiex ikun promoss l-użu aħjar tal-potenzjal eżistenti ta' l-RTD permezz ta' "previżjoni" min-naħa tar-reġjuni u permezz ta' metodi oħra ta' ippjanar strateġiku reġjonali, li jinvolvu djalogu regolari u sistematiku mal-partijiet interessati ewlenin. Huwa wkoll importanti li tikber il-kapaċità min-naħa ta' l-impriżi li jinkorporaw l-RTD, b'mod partikolari l-SMEs, permezz ta' azzjonijiet sabiex jiżivluppaw ħiliet u kompetenzi; sabiex jitħeġġeġ il-ħolqien u l-użu ta' sors akbar ta' talent ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka fl-Ewropa; sabiex jiżdied l-investiment pubbliku u privat fl-RTD u fl-innovazzjoni; u sabiex jitħeġġu s-sħubijiet ta' l-RTD fir-reġjuni differenti ta' l-Unjoni. Il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija, pereżempju, joffru l-potenzjal sabiex jadattaw aħjar il-programmi ta' riċerka għall-bżonnijiet tan-negozju; il-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti fis-sostenn ta' l-implimentazzjoni ta' l-Aġendi Strateġiċi ta' Riċerka tagħhom ma' l-Unjoni anke fir-reġjuni l-inqas żviluppati.

Filwaqt li l-għotjiet diretti jibqgħu importanti, b'mod speċjali fir-reġjuni ta' Konverġenza, hemm il-ħtieġa li l-attenzjoni tkun iffokata fuq il-provvista ta' servizzi kollettivi ta' kummerċ u teknoloġija lil gruppi ta' ditti, sabiex dawn ikunu assistiti sabiex itejbu l-attività innovattiva tagħhom. L-għotjiet diretti lil ditti individwali għandhom ikollhom l-għan li jtejbu l-kapaċità ta' l-RTD u l-innovazzjoni tad-ditta, iktar milli t-tnaqqis temporanju ta' l-ispejjeż tal-produzzjoni tagħha li jiġġeneraw effetti kbar ta' dejn mhux kopert mill-assi. Dan huwa partikolarment importanti fis-setturi tradizzjonali, b'mod partikolari dawk li jkunu esposti għall-kompetizzjoni globali li jeħtieġu sforzi addizzjonali sabiex jibqgħu kompetittivi, kif ukoll fl-SMEs li ta' spiss jirrappreżentaw l-aqwa sors ta' impjiegi fil-livell reġjonali. Fuq kollox, din il-politika jeħtieġ li tkun adattata għall-kondizzjonijiet partikolari ta' kull reġjun, u b'mod partikolari għall-ħtiġijiet ta' l-SMEs. L-istrateġiji nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom ikunu bbażati fuq analiżi komprensiva ta' l-opportunitajiet ta' investiment fl-RTD.

Il-konoxxenza u l-innovazzjoni huma fiċ-ċentru ta' l-isforzi ta' l-Unjoni għall-promozzjoni ta' tkabbir iktar mgħaġġel u għal iktar impjiegi. Żewġ programmi-kwadru relatati huma proposti fuq il-livell ta' l-Unjoni: is-Seba' Programm Kwadru għall-RTD u l-Programm Kwadru għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni (CIP). Is-sinerġija bejn il-politika ta' koeżjoni u dawn l-istrumenti hija essenzjali sabiex il-politika ta' riċerka u l-politika ta' koeżjoni jsaħħu lil xulxin fil-livell reġjonali bl-istrateġiji ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali li juru kif din tinkiseb. Il-politika ta' koeżjoni tista' tgħin lir-reġjuni kollha sabiex jibnu l-kapaċità tagħhom fir-riċerka u fl-innovazzjoni, u b'hekk tagħti kontribut għall-parteċipazzjoni effettiva ta' dawk ir-reġjuni fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka u fl-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni ta' l-Unjoni b'mod ġenerali. B'mod partikolari, il-politika ta' koeżjoni għandha żewġ rwoli importanti. L-ewwel wieħed huwa dak li tgħin lir-reġjuni jimplimentaw l-istrateġiji u l-pjanijiet ta' azzjoni ta' innovazzjoni reġjonali li potenzjalment jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetittività, kemm fil-livell reġjonali kif ukoll fl-Unjoni kollha; it-tieni rwol huwa dak li tikkontribwixxi sabiex tkabbar il-kapaċità ta' riċerka u innovazzjoni fir-reġjun sa livell fejn dan ikun jista' jieħu sehem fi proġetti ta' riċerka transnazzjonali.

Għalhekk, l-istrateġiji nazzjonali għandhom jikkonċentraw fuq l-investiment fl-RTD, fl-innovazzjoni, fil-kapital uman u fl-intraprenditorija; jiżguraw li dawn l-investimenti jwieġbu għall-ħtiġijiet ta' l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun u li tkun teżisti l-kapaċità li r-riċerka tinbidel fi prodott li jista' jitqiegħed fuq is-suq, f'innovazzjoni ta' proċessi u servizzi; ikabbru t-trasferiment tat-teknoloġija u l-iskambju tal-konoxxenza; jinkoraġġixxu l-iżvilupp, it-tixrid u l-użu ta' l-ICTs fi ħdan id-ditti, u jiżguraw li l-intrapriżi li lesti li jinvestu f'oġġetti u f'servizzi ta' valur miżjud għoli jkollhom l-aċċess għall-finanzjament. Tali strateġiji għandhom jieħdu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-isperimentazzjoni, sabiex iżidu l-kapaċità ta' intervent tal-politika u l-organizzazzjonijiet intermedji sabiex jistimulaw l-atturi reġjonali u lokali, b'mod partikolari l-SMEs, sabiex jinnovaw.

1.2.1. It-tkabbir u t-titjib fil-miri ta' l-investiment fl-RTD

Il-kompetittività ta' l-intrapriżi Ewropej tiddipendi b'mod kruċjali fuq il-kapaċità tagħhom li jġibu konoxxenza ġdida lis-suq kemm jista' jkun malajr. Is-sostenn pubbliku għall-RTD huwa ġustifikat għaliex jeżistu fallimenti tas-suq u jista' jkun ġustifikat ukoll bil-karattru pubbliku ta' ċerti investimenti ta' l-RTD. Barra minn hekk, kwistjonijiet marbuta mal-pussess tar-riżultati tar-riċerka u mal-ħtieġa li jintlaħaq l-livell meħtieġ f'ċertu setturi tar-riċerka jipprovdu ġustifikazzjoni għas-sostenn mill-gvern għall-RTD.

Meta tiġi implimentata l-politika reġjonali, għandha titqies in-natura speċifika ta' l-RTD. B'mod partikolari, l-RTD teħtieġ azzjoni reċiproka mill-qrib bejn dawk involuti sabiex tingħata spinta lill-formazzjoni ta' punti ta' eċċellenza li jkunu meħtieġa sabiex jintlaħqu l-livelli meħtieġa. Il-viċinanza ġeografika, ngħidu aħna permezz ta' gruppi ta' SMEs u ta' punti ta' innovazzjoni madwar l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka, jista' jkollha rwol ewlieni. B'riżultat ta' dan, l-attivitajiet ta' l-RTD bilfors iridu jkunu kkonċentrati fi spazju partikolari filwaqt li trid titrawwem il-kapaċità taż-żoni b'intensità baxxa ta' RTD li jinkorporawhom.

Fl-Istati Membri u fir-reġjuni l-inqas żviluppati, l-RTD għandha tkun żviluppata madwar punti eżistenti ta' eċċellenza u għandu jiġi evitat tixrid żejjed ta' riżorsi f'postijiet differenti. Hawnhekk ukoll, il-Pjattaformi Ewropej tat-Teknoloġija jistgħu jgħinu jiffokaw l-investimenti fuq l-oqsma ta' prijorità għar-riċerka. L-investimenti għandhom jikkomplementaw ukoll il-prijoritajiet stabbiliti fis-Seba' Programm Kwadru u jappoġġaw l-għanijiet ta' l-aġenda mġedda ta' Liżbona. Għandha tingħata prijorità lill-iżvilupp ta' prodotti, servizzi u ħiliet ġodda u kummerċabbli.

L-azzjonijiet fl-RTD għandhom jimxu mal-politika ta' l-RTD ta' l-UE u mal-ħtiġijiet tar-reġjuni konċernati. F'termini ta' metodu, jeħtieġ li jkunu bbażati fuq metodu analitiku sod, bħal pereżempju l-previżjoni; kif ukoll fuq l-użu ta' indikaturi, bħall-privattivi; fuq ir-riżorsi umani fl-RTD; fuq fejn jinsabu l-istituzzjonijiet privati u pubbliċi tar-riċerka; u fuq l-eżistenza ta' gruppi ta' impriżi innovattivi.

Il-linji gwida għall-azzjoni f'dan il-qasam ta' l-RTD jistgħu jkunu identifikati kif ġej:

- It-tisħiħ tal-koperazzjoni fost l-impriżi u bejn l-impriżi u l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-riċerka/ta' l-edukazzjoni terzjarja, pereżempju billi jkun appoġġat il-ħolqien ta' gruppi reġjonali u trans-reġjonali ta' eċċellenza.

- Is-sostenn ta' attivitajiet ta' l-RTD fl-SMEs u trasferiment teknoloġiku (sabiex tingħata l-opportunità li l-SMEs ikollhom aċċess għas-servizzi ta' l-RTD fl-istituzzjonijiet ta' riċerka finanzjati pubblikament).

- Is-sostenn ta' inizjattivi trans-konfinali u transnazzjonali mmirati sabiex isaħħu l-kollaborazzjoni fir-riċerka u t-trawwim tal-kapaċità f'oqsma prijoritarji tal-politika ta' riċerka ta' l-UE.

- It-tisħiħ tat-trawwim tal-kapaċità fir-Riċerka u fl-Iżvilupp (l-R&D), li jinkludi l-ICT, l-infrastruttura tar-riċerka u l-kapital uman f'oqsma b'potenzjal sinifikanti ta' tkabbir.

Il-programmi — b'mod partikolari għar-reġjuni eliġibbli taħt l-objettiv tal-Konverġenza — jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura ta' l-RTD (inklużi n-networks reġjonali għad-data ta' veloċità kbira bejn u fi ħdan l-istabbilimenti tar-riċerka), l-infrastruttura ta' l-edukazzjoni, ta' tagħmir u strumenti kemm fl-istituzzjonijiet ta' riċerka finanzjati b'mod pubbliku kif ukoll fl-impriżi, sakemm dawn l-investimenti jkunu marbuta direttament ma' l-għanijiet ta' żvilupp ekonomiku reġjonali. Dan jista' jinkludi infrastruttura ta' riċerka li l-istudji ta' probabbiltà għaliha jkunu ġew finanzjati minn Programmi Kwadru preċedenti. Is-sostenn għall-prijoritajiet tas-Seba' Programm Kwadru għandu jfittex li jiżviluppa l-potenzjal sħiħ taċ-ċentri ta' eċċellenza emerġenti u eżistenti u jkabbar l-investiment fil-kapital uman, b'mod partikolari billi jħarreġ riċerkaturi fil-livell nazzjonali u billi joħloq kondizzjonijiet sabiex jattira lil riċerkaturi li ġew imħarrġa barra mill-pajjiż.

1.2.2. Il-faċilitazzjoni ta' l-innovazzjoni u l-promozzjoni ta' l-imprenditorjat

L-innovazzjoni hija r-riżultat ta' proċessi komplessi u li jinteraġixxu, inkluża l-kapaċità ta' l-intrapriżi li jgħaqqdu l-konoxxenza komplementari minksuba mingħand persuni oħra involuti fis-suq, minn organizzazzjonijiet u minn istituzzjonijiet.

L-investimenti fl-innovazzjoni jirrappreżentaw prijorità ewlenija għall-politika ta' koeżjoni skond il-kompetittività u l-programmi ta' impjieg ta' Konverġenza u Reġjonali. Il-ko-finanzjament tagħhom għandu jkun il-prijorità prinċipali fir-reġjuni koperti minn dan ta' l-aħħar, fejn huwa meħtieġ li r-riżorsi finanzjarji limitati jkunu kkonċentrati sabiex jintlaħaq il-livell meħtieġ u jkun ġenerat effett stimulanti.

L-għan ewlieni għandu jkun li jitrawwem ambjent kummerċjali li jagħti spinta lill-produzzjoni, lit-tixrid u użu ta' konoxxenza ġdida min-naħa ta' l-impriżi. Sabiex jinħolqu sistemi ta' innovazzjoni reġjonali effiċjenti, huwa meħtieġ li l-atturi ekonomiċi, soċjali u politiċi jiġu f'kuntatt ma' l-aħjar teknoloġija u prattika tan-negozju fid-dinja, li tmur lilhinn mil-livell nazzjonali jew lokali. F'dan ir-rigward, irid ikun hemm tiftix għal koperazzjoni maċ-Ċentri tat-Trażmissjoni l-Innovazzjoni u ma' l-Euro-Info-Centres li huma finanzjati taħt il-programm CIP, b'mod speċjali fil-qasam tat-teknoloġija u t-tixrid ta' l-informazzjoni transnazzjonali.

Huwa meħtieġ li l-kumpanniji li jkunu għadhom fil-bidu, b'mod partikolari dawk marbuta ma' l-RTD ikunu appoġġati bil-għan li jiżviluppaw sħubijiet ma' istituzzjonijiet tar-riċerka bbażati fuq viżjoni tul perjodu twil ta' żmien u fuq direzzjoni ċara tas-suq. Il-politika ta' koeżjoni għandha tfittex li tikkumpensa għall-falliment tas-suq li jfixkel l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. L-azzjonijiet għandhom ifittxu li jibnu fuq il-punti eżistenti ta' attività sabiex ikun utilizzat il-potenzjal reġjonali għall-RTD u sabiex jitrawmu n-networking u l-koperazzjoni teknoloġika fi ħdan u bejn ir-reġjuni.

L-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet tar-riċerka, is-settur privat u s-settur pubbliku jutilizzaw b'mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali ta' bejniethom.

F'termini ta' metodu, l-istrateġiji ta' l-iżvilupp ekonomiku għandhom jittejbu permezz tal-ġbir ta' data dwar attivitajiet innovattivi eżistenti fir-reġjuni konċernati, pereżempju, dwar kif il-privat jikseb privattiva jew dwar in-natura, l-iskop u l-potenzjal ta' l-iżvilupp ta' gruppi eżistenti ta' attivitajiet innovattivi, inklużi dawk li jinvolvu kemm lill-istituzzjonijiet privati ta' riċerka kif ukoll lil dawk pubbliċi. F'dan ir-rigward, huma wkoll ta' għajnuna l-Istħarriġ dwar l-Innovazzjoni fil-Komunità u l-Iscoreboard Ewropew ta' l-Innovazzjoni.

Il-linji gwida għall-azzjoni relatati ma' dan it-titolu huma dawn li ġejjin:

- L-innovazzjoni u l-edukazzjoni reġjonali ta' l-RTD ikunu provduti b'mod iktar effiċjenti u aċċessibbli għad-ditti, b'mod partikolari għall-SMEs, pereżempju, billi jiġu stabbiliti punti ta' eċċellenza, li jġibu flimkien lill-SMEs b'teknoloġiji ta' livell għoli u l-istituzzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, jew billi jkunu żviluppati u jinħolqu gruppi reġjonali madwar kumpanniji kbar.

- Il-provvista ta' servizzi ta' sostenn għan-negozju sabiex jippermettu lill-intrapriżi, u b'mod speċjali lill-SMEs, iżidu l-kompetittività u jsiru internazzjonali, b'mod partikolari billi jaħtfu l-opportunitajiet maħluqa mis-Suq Intern. Is-servizzi tan-negozju għandhom jagħtu prijorità lill-utlizzazzjoni tas-sinerġiji (pereżempju it-trasferiment tat-teknoloġija, iż-żoni fejn issir ir-riċerka xjentifika, iċ-ċentri tal-komunikazzjoni ta' l-ICT, l-inkubaturi u servizzi relatati, il-koperazzjoni mal-gruppi) u jagħtu iktar sostenn tradizzjonali fl-oqsma ta' amministrazzjoni, bejgħ, għajnuna teknika, reklutaġġ, u servizzi oħra professjonali u kummerċjali.

- Il-garanzija ta' l-użu sħiħ tal-punti ta' forza Ewropej fil-qasam ta' l-eko-innovazzjonijiet. Flimkien mat-titjib tal-prattika ta' l-SMEs, l-eko-innovazzjonijiet għandhom jitħeġġu permezz ta' l-introduzzjoni ta' sistemi ta' amministrazzjoni ambjentali. Billi jinvestu issa f'dan il-qasam, l-impriżi ta' l-UE se jkunu f'pożizzjoni ta' saħħa fil-futur qarib meta reġjuni oħra jibdew japprezzaw il-ħtieġa ta' teknoloġiji bħal dawn. Dan huwa qasam b'rabta ċara mal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u għall-Innovazzjoni.

- Il-promozzjoni ta' l-intraprenditorija u l-faċilitazzjoni tal-ħolqien u l-iżvilupp ta' ditti ġodda. Għandha ssir ukoll enfażi fuq il-promozzjoni ta' kumpanniji tat-tip spin-out u kumpanniji tat-tip spin-off minn istituzzjonijiet ta' riċerka jew ditti li jużaw teknika differenti (pereżempju, is-sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika; il-ħolqien ta' prototipi; it-tagħlim privat u l-għoti ta' sostenn maniġerjali u teknoloġiku lil intraprendituri potenzjali).

Huwa importanti li jkun żgurat li l-kumpanniji, inklużi l-SMEs, jistgħu jagħmlu użu kummerċjali mir-riżultati tar-riċerka.

Is-servizzi tan-negozju għandhom preferibbilment jitwettqu mis-settur privat jew minn organizzazzjonijiet li jinkludu kemm lill-pubbliku kif ukoll lill-privat. Is-servizzi għandhom ikunu ta' l-ogħla livell, disponibbli minnufih, faċli sabiex wieħed ikollu aċċess għalihom u jwieġbu għall-ħtiġijiet ta' l-SMEs. Il-kwalità tas-servizzi għandha tkun definita u monitorjata u għandu jkun hemm koerenza bejn il-fornituri tas-servizz, eż. billi jiġu stabbiliti sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat u one-stop shops.

Il-proċeduri amministrattivi spiss huma wisq kumplessi. L-informazzjoni u s-sostenn inizjali għandhom ikunu disponibbli minn network ta' one-stop shops, li jistgħu jipprovdu kollegament bejn is-settur pubbliku u l-applikant għall-għotja; dan għandu jinkludi l-azzjonijiet differenti li huma ko-finanzjati mill-politika ta' koeżjoni. Dawn il-fornituri għandhom ikollhom kompetenza fil-firxa sħiħa ta' l-għajnuniet ta' l-Istat — b'mod indipendenti mir-responsabbiltajiet nazzjonali u reġjonali — u miri għall-effiċjenza tal-ħidma tagħhom li jkunu monitorjati regolarment.

Fejn iċ-ċirkostanzi jkunu adatti, għandu jkun disponibbli sostenn li jkun magħmul apposta għal kategoriji speċifiċi ta' negozju (eż. kumpanniji li għadhom jibdew jew li ġew trasferiti reċentement) jew għall-intraprendituri (eż. żgħażagħ, nisa, ħaddiema ikbar fl-età, jew dawk li jkunu ġejjin minn komunitajiet ta' minoranza etnika). L-edukazzjoni fl-intraprenditorija għandha tkun ukoll inkoraġġita fl-iskejjel.

1.2.3. Il-promozzjoni tas-soċjetà ta' l-informazzjoni għal kulħadd

It-tixrid ta' l-ICT fl-ekonomija ta' l-Unjoni kollha jirrappreżenta lieva ewlenija sabiex jittejbu l-livelli tal-produttività u l-kompetittività tar-reġjuni. It-tixrid ta' l-ICT jinkoraġġixxi wkoll l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-metodi ta' produzzjoni u l-ħolqien ta' negozji u servizzi privati ġodda. It-twettiq effiċjenti u effettiv tas-servizzi pubbliċi — b'mod partikolari l-gvern elettroniku ("gvern elettroniku") u s-servizzi ta' informazzjoni dwar is-saħħa b'mezzi elettroniċi ("saħħa elettronika") — għandu potenzjal sinifikanti għat-tkabbir ekonomiku u sabiex ikun hemm servizzi ġodda. It-tixrid tat-teknoloġija jista' jikkontribwixxi għal żvilupp reġjonali billi jiffavorixxi l-ħolqien u t-tkabbir ta' punti ta' eċċellenza fl-attivitajiet ta' l-ICT u billi jiżviluppa l-kapaċità ta' kollegament u networking fost l-intrapriżi u b'mod partikolari fost l-SMEs. Il-miżuri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi bil-għan li jiffaċilitaw u jistimulaw l-investiment privat fl-ICT filwaqt li tkun garantita l-kompetizzjoni fis-settur ta' l-ICT.

Il-miżuri tal-politika għandhom għalhekk jiffokaw fuq il-konnettività. Dan jinkludi t-titjib tas-servizzi ta' sostenn ta' l-innovazzjoni għall-SMEs bl-għan partikolari li jiġi inkoraġġit it-trasferiment tat-teknoloġija bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-intrapriżi. Teħtieġ ukoll l-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa fl-ekonomija tal-konoxxenza u sabiex tiżviluppa il-kontenut permezz tat-twettiq ta' applikazzjonijiet u servizzi (bħall-"gvern elettroniku", in-"negozju elettroniku", it-"tagħlim elettroniku" u s-"saħħa elettronika"), li jipprovdu alternattivi interessanti għal mudelli oħra li jwasslu servizz li spiss iġibu magħhom iktar spejjeż. Dan huwa partikolarment relevanti għal żoni remoti u li ftit li xejn ikunu ppopolati kif ukoll għar-reġjuni estremi, il-ġżejjer jew żoni li huma żvantaġġati naturalment. Ovvjament l-użu u l-iżvilupp ta' prodotti u servizzi li jkunu bbażati fuq il-kontenut jista' jaħdem biss jekk l-infrastruttura xierqa tkun disponibbli u tista' tiflaħ għas-servizzi tal-broadband. Huwa għalhekk importanti li min-naħa għall-oħra ta' l-Unjoni jkun hemm infrastruttura xierqa tal-komunikazzjoni broadband li tkun disponibbli bi prezz aċċessibbli.

Bħala regola ġenerali, l-investiment fl-infrastruttura ta' l-ICT għandu jqis l-iżvilupp teknoloġiku mgħaġġel, ir-rispett tal-prinċipji ta' newtralità teknoloġika u ta' l-aċċess miftuħ. Il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u ma' l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi hija essenzjali.

Huwa meħtieġ li l-azzjonijiet ikunu bbażati fuq indikaturi tal-kuntest relatati ma' l-istruttura ekonomika eżistenti (li tinkludi l-ispeċjalizzazzjoni industrijali; il-livell ta' l-iżvilupp ekonomiku; il-kwalità tal-kapaċità ta' kollegament ma' l-ICTs u s-sinerġiji potenzjali bejn il-punti reġjonali ta' l-attività ekonomika). L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet reġjonali għandha tqis l-inizjattivi eżistenti ta' l-Unjoni favur l-ICTs, b'mod partikolari l-2010 — Soċjetà Ewropea ta' l-Informazzjoni għat-tkabbir u għall-impjiegi [7].

Peress li l-ICTs huma mifruxa fis-setturi kollha ta' l-ekonomija u tas-soċjetà, huwa importanti ħafna li l-Istati Membri u r-reġjuni jiżviluppaw strateġiji kompatibbli ta' soċjetà ta' l-informazzjoni li jiżguraw koerenza u integrazzjoni fost is-setturi, billi jibbilanċjaw il-miżuri ta' provvista u domanda fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet lokali meħtieġa, tal-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati, u ta' sostenn qawwi pubbliku u politiku.

Il-linji gwida għall-azzjoni huma kif ġej:

- Il-garanzija ta' l-użu ta' l-ICTs min-naħa tad-ditti u tal-familji u jitħeġġeġ l-iżvilupp permezz ta' sostenn bilanċjat għall-provvista u għad-domanda ta' prodotti u servizzi kemm pubbliċi kif ukoll privati ta' l-ICT, kif ukoll permezz ta' żieda fl-investiment fil-kapital uman. Dawn l-azzjonijiet għandhom iżidu l-produttività, jagħtu spinta lil ekonomija diġitali miftuħa u l-kompetittiva u lil soċjetà inklussiva (pereżempju, it-titjib fl-aċċessibbiltà għal persuni b'diżabbiltà u għall-anzjani), u b'hekk jinkoraġġixxu t-tkabbir u l-impjiegi.

- Il-garanzija tad-disponibbiltà ta' l-infrastruttura ta' l-ICT u s-servizzi relatati f'sitwazzjonijiet fejn is-suq jonqos milli jipprovdiha bi prezz aċċessibbli u f'livell adegwat sabiex tappoġġa s-servizzi meħtieġa, b'mod speċjali f'żoni remoti u rurali u fl-Istati Membri l-ġodda.

1.2.4. It-titjib ta' l-aċċess għall-finanzjament

Ingredjent ieħor ewlieni għall-promozzjoni tal-konoxxenza u ta' l-innovazzjoni huwa li jkun faċilitat l-aċċess għall-finanzjament. Sabiex jitrawmu t-tkabbir u l-ħolqien ta' l-impjiegi, għandu jkun redditizzju biżżejjed għall-intraprendituri u għall-intrapriżi li jinvestu fl-iżvilupp u fil-produzzjoni ta' oġġetti u servizzi barra milli jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq, pereżempju, attivitajiet maħsuba għall-gwadann mill-kiri.

L-aċċess għall-finanzjament f'dan il-kuntest huwa spiss diffiċli, u għaldaqstant joħloq ostaklu għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' l-impjiegi. Huwa importanti li jittejjeb l-aċċess għall-kapital kemm għall-attivitajiet ta' l-RTD kif ukoll għall-intrapriżi li jkunu għadhom jibdew. Jeħtieġ li jkunu żviluppati swieq ta' kapital b'riskju relatati ma' l-attivitajiet ta' innovazzjoni flimkien mat-twaqqif ta' ambjent regolatorju aħjar li jagħmel l-intraprenditorija iktar faċli.

Dawn il-programmi għandhom jitwettqu f'koperazzjoni mill-qrib mal-Fond Ewropew ta' l-Investiment (EIF) taħt l-inizjattiva JEREMIE sabiex ikunu żviluppati r-riżorsi finanzjarji fiż-żoni fejn l-intraprenditorija tkun imfixkla min-nuqqasijiet tas-suq minħabba r-riskji kbar assoċjati ma' l-attivitajiet ta' l-RTD. Irid jitqies ukoll l-impatt tas-sostenn tal-gvern għall-ħolqien tan-negozju, sabiex tkun evitata l-preklużjoni ta' l-investiment privat u ta' miżuri li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni. Il-koordinazzjoni bejn il-fondi għandhom jittejbu.

Il-kapital azzjonarju tal-privat u ta' proġetti ta' riskju u l-fondi rotativi għall-kumpanniji li għadhom jibdew għandhom ikollhom rwol essenzjali bħala magna ta' l-intraprenditorija, ta' l-innovazzjoni u tal-ħolqien ta' l-impjiegi; l-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku mhux dejjem ikunu adattati sabiex jittieħed xi riskju. Il-prijorità għandha tkun dik li jinħolqu jew jiżdiedu l-fornituri tal-kapital li jitqiegħed f'riskju kbir u tal-garanziji tal-bank, fejn ikun hemm nuqqas tas-suq. Tipikament, dawn se jkunu iktar effettivi jekk jipprovdu pakkett integrat ta' sostenn, li jibda mit-taħriġ li jseħħ qabel il-bidu jew it-tkabbir ta' l-intrapriża.

Fuq il-bażi ta' dawn il-prinċipji, il-linji gwida għall-azzjoni:

- Is-sostenn ta' strumenti mingħajr għotjiet bħal self, finanzjament fis-sod ta' dejn għal dejn subordinat, strumenti konvertibbli (dejn mezzanin) u kapital ta' riskju (eż. kapital allokat għal xi proġett u kapital ta' riskju). L-għotjiet għandhom jintużaw sabiex jinbnew u jinżammu infrastrutturi li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament (eż. uffiċċji ta' trasferiment ta' teknoloġija, inkubaturi, networks ta' "business angels" (persuni li jinvestu kapital privat f'kumpannija li għadha kemm bdiet, speċjalment jekk jingħataw lura ishma fil-kumpannija), programmi ta' tħejjija ta' investiment). Għandhom ikunu sostnuti mekkaniżmi ta' garanzija u ta' garanzija reċiproka, b'mod partikolari sabiex ikun faċilitat l-aċċess għall-mikro-kreditu min-naħa ta' l-SMEs. L-EIB u l-EIF jistgħu jipprovdu dħul importanti f'dan ir-rigward.

- L-iżvilupp ta' approċċ integrat li simultanjament isostni l-innovazzjoni, it-trasferiment tiegħu fl-attività l-ġdida kummerċjali u d-disponibbiltà tal-kapital ta' riskju.

- Jintlaħqu ċerti gruppi speċifiċi, pereżempju intraprendituri żgħażagħ jew nisa jew dawk li jkunu ġejjin minn gruppi żvantaġġati.

Huwa partikolarment importanti li ssir ħidma mill-qrib ma' l-EIF fid-dawl tal-kompetenza li dan żviluppa matul numru ta' snin, sabiex l-SMEs jingħataw is-sostenn meħtieġ, filwaqt li simultanjament ikun żviluppat is-suq Ewropew ta' riskju ta' kapital. Dan jista' jinvolvi l-parteċipazzjoni fl-inizjattiva JEREMIE.

1.3. Linja ta' gwida: Atar impjiegi u impjiegi ta' kwalità aħjar

Fit-tnedija mill-ġdid ta' l-istrateġija ta' Liżbona, il-Kunsill Ewropew approva uffiċjalment sett wieħed ta' Linji Gwida li jiġbru flimkien il-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika u l-Linji Gwida ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi [8], sabiex b'hekk ġiet integrata l-politika makro-ekonomika, dik mikro-ekonomika flimkien mal-politika tax-xogħol għat-tkabbir u għall-impjiegi. Skond l-abbozz tar-regolamenti tal-Fond [9], fil-qasam ta' l-impjiegi u tar-riżorsi umani, il-prijoritajiet tal-Linji Gwida Strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni huma dawk ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi [10] supplimentati mir-Rakkomandazzjonijiet ta' l-UE dwar l-Impjiegi li jipprovdu prijoritajiet speċifiċi għall-pajjiżi differenti.

It-triq li twassal għal impjieg għal kulħadd u għal iktar produttività tiddipendi minn firxa wiesgħa ta' azzjonijiet, inklużi dawk li diġà ġew diskussi aktar 'il fuq. L-investiment fl-infrastruttura, l-iżvilupp tan-negozju u r-riċerka jtejbu l-opportunitajiet sabiex wieħed isib impjieg, kemm fuq perjodu qasir ta' żmien minħabba l-effett inizjali kif ukoll fuq perjodu itwal ta' żmien minħabba l-effett pożittiv tagħhom fuq il-produttività u l-kompetittività. Sabiex l-impjiegi li jirriżultaw minn dawn l-investimenti jkunu l-akbar numru possibbli u joħolqu impjiegi permanenti ta' kwalità għolja, l-kapital uman għandhu jkun aktar żviluppat u mtejjeb

F'termini ta' żvilupp ta' kapital uman, il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi jenfażizzaw tlitt azzjonijiet prijoritarji għall-istrateġiji politiċi ta' l-Istati Membri:

- jiġu attirati u miżmuma iktar nies fl-impjiegi u jiġu modernizzati s-sistemi ta' ħarsien soċjali;

- tittejjeb l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u l-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol;

- jiżdied l-investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni u snajja’ aħjar.

Barra min dawn il-prijoritajiet, għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-investimenti għal effiċjenza aħjar fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll lill-infrastrutturi ta' l-edukazzjoni, soċjali, tas-saħħa u kulturali.

Il-politika ta' koeżjoni għandha tkun iffokata sabiex tindirizza l-isfidi speċifiċi ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi f'kull Stat Membru, billi ssostni azzjonijiet li jaqgħu taħt l-objettivi ta' konverġenza u kompetittività reġjonali u ta' l-impjieg filwaqt li tqis l-ambitu ta' l-attivitajiet definiti fil-qafas leġiżlattiv. Il-firxa ta' azzjonijiet eliġibbli u ta' riżorsi finanzjarji hija ikbar għall-objettiv ta' l-ewwel. Għal ta' l-aħħar, ir-riżorsi ta' l-UE jeħtieġu li jkunu ferm iktar iffokati sabiex jinkiseb impatt sinifikanti.

Il-programmi ta' l-impjiegi u ta' żvilupp tar-riżorsi umani għandhom iqisu l-isfidi u l-prijoritajiet li huma speċifiċi għal kull pajjiż, kif inhu enfażizzat fir-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Impjiegi u fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma. Il-programmi, kemm jekk amministrati fil-livell nazzjonali kif ukoll jekk amministrati fil-livell reġjonali, għandhom jindirizzaw effikaċement id-differenzi territorjali u jkunu adatti għaż-żoni differenti.

Fl-aħħar, waħda mill-aspetti l-aktar viżibbli tal-valur Ewropew miżjud fil-perjodu ta' bejn l-2000-2006 tal-Fondi Strutturali kien is-sostenn lill-Istati Membri u lir-reġjuni sabiex jaqsmu l-esperjenzi, u jibnu networks, u b'hekk jippromwovu l-innovazzjoni. F'dan il-kuntest, l-esperjenza miksuba permezz ta' l-Inizjattiva Komunitarja EQUAL għandha tiġi kapitalizzata permezz ta' l-ugwaljanza tal-prinċipji li fuqhom inbniet — l-innovazzjoni; it-transnazzjonalità; l-isħubija; u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

1.3.1. L-attrazzjoni u ż-żamma ta' aktar nies fl-impjieg u l-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-ħarsien soċjali

Huma vitali t-twessigħ tal-bażi ta' l-attività ekonomika u t-tiżjid tal-livelli ta' l-impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad sabiex ikun sostnut it-tkabbir ekonomiku, jitħeġġu s-soċjetajiet inklussivi u jkun miġġieled il-faqar. Li tiżdied il-parteċipazzjoni fl-impjiegi huwa speċjalment neċessarju minħabba t-tnaqqis mistenni fil-popolazzjoni ta' l-età tax-xogħol. Fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, il-Linji Gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma li ġejjin:

- L-implimentazzjoni ta' strateġiji politiċi ta' l-impjieg maħsuba sabiex jinkiseb impjieg għal kulħadd, sabiex jittejbu l-kwalità u l-produttività fuq il-post tax-xogħol, u sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali u territorjali.

- Il-promozzjoni ta' l-approċċ taċ-"ċiklu tal-ħajja" lejn ix-xogħol.

- Il-garanzija ta' swieq tax-xogħol inklussivi, it-tiżjid ta' l-attrazzjoni tax-xogħol, u l-ħolqien ta' impjiegi li jrendu għal dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, inklużi n-nies żvantaġġati u dawk li mhumiex attivi.

- It-titjib tal-modi kif jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq identifikazzjoni preċedenti tal-ħtiġijiet permezz ta', pereżempju, l-użu ta' indikaturi nazzjonali u/jew reġjonali relevanti bħall-qgħad u r-rati ta' parteċipazzjoni, ir-rati ta' qgħad fuq perjodu twil ta' żmien, ir-rati tal-popolazzjoni li tkun mhedda mill-faqar u l-livell tad-dħul. Għandha tinġibed l-attenzjoni fuq il-livell lokali, fejn id-differenzi kbar jistgħu ma jiġux perċepiti mill-istatistika tal-livell reġjonali.

Il-preżenza ta' istituzzjonijiet effiċjenti u effettivi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari servizzi tax-xogħol li jkunu jistgħu jirrispondu għall-isfidi ta' ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali aċċelerata u tat-tixjiħ demografiku, hija essenzjali sabiex ikun sostnut il-forniment tas-servizzi lil dawk li jkunu qed ifittxu x-xogħol, lin-nies qiegħda u lil dawk żvantaġġati, u jistgħu jkunu sostnuti mill-Fondi Strutturali. Dawn l-istituzzjonijiet għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol u sabiex jipprovdu servizzi fuq bażi personalizzata bil-għan li jinkoraġġixxu l-mobbiltà fl-impjiegi u l-mobbiltà ġeografika u sabiex jitqabblu l-provvista u d-domanda fir-rigward tax-xogħol, anke fil-livell lokali. Għandhom jgħinu sabiex ikunu antiċipati n-nuqqasijiet u l-ostakli fis-suq tax-xogħol u l-ħtiġijiet fil-qasam ta' l-impjiegi u tas-snajja’. B'riżultat ta' dan l-amministrazzjoni pożittiva tal-migrazzjoni ekonomika tkun assistita wkoll. L-aċċess faċli, u t-trasparenza, tas-servizzi offruti huma kruċjali. In-network EURES għandu rwol ċentrali fiż-żieda tal-mobbiltà ġeografika u ta' l-impjiegi, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali [11].

Prijorità importanti għandha tkun dik li jissaħħu l-miżuri attivi u preventivi tas-suq tax-xogħol sabiex jingħelbu l-ostakli li wieħed jiffaċċja sabiex jidħol, jew jibqa', fis-suq tax-xogħol u sabiex titħeġġeġ l-mobbiltà ta' dawk li jfittxu x-xogħol, għan-nies qiegħda u għal dawk li mhumiex attivi, għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien kif ukoll għal dawk li jkunu mhedda mill-qgħad, b'attenzjoni partikolari għall-ħaddiema mingħajr sengħa. L-azzjoni għandha tiffoka fuq il-provvista ta' servizzi personalizzati, li jinkludu għajnuna fit-tiftix għax-xogħol, fit-taħriġ u sabiex wieħed isib l-aħjar impjieg għalih u fit-taħriġ sabiex jiġu rranġati l-ħiliet ta' min qiegħed ifittex x-xogħol u l-ħaddiema għall-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali. Għandu jitqies il-potenzjal kollu għall-ħolqien ta' xogħol indipendenti u ta' negozju, u anki tal-ħiliet ta' l-ICT u tal-konoxxenza tal-qasam diġitali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawn li ġejjin:

- l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew taż-Żgħażagħ, billi jkun faċilitat l-aċċess għax-xogħol għaż-żgħażagħ, billi titħaffef it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, anke permezz ta' gwida għall-għażla tal-karriera, ta' għajnuna fil-kisba sħiħa ta' l-edukazzjoni, ta' aċċess għal taħriġ apprendistati adatti;

- l-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew għall-ugwaljanza bejn is-sessi bl-integrazzjoni u b'azzjoni speċifika sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol, sabiex tonqos is-segregazzjoni ta' l-impjiegi u jkunu indirizzati d-differenzi fil-ħlas bejn in-nisa u l-irġiel u l-istereotipi marbuta mas-sess u sabiex jitħeġġu ambjenti tax-xogħol li jiffavorixxu iktar il-familja, u sabiex ma jkunx hemm kunflitti bejn il-ħajja professjonali u dik privata. Għal persuni dipendenti huwa kruċjali li jiġi faċilitat l-aċċess għal servizzi ta' kura għat-tfal u għal servizzi oħra ta' kura, flimkien mat-tfittxija ta' l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrateġiji politiċi u fil-miżuri, mas-sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika u d-djalogu fost il-partijiet interessati;

- azzjoni speċifika sabiex jissaħħaħ l-aċċess għall-migranti għas-suq tax-xogħol u sabiex tkun faċilitata l-integrazzjoni soċjali tagħhom, permezz tat-taħriġ u tat-tisħiħ tal-kompetenzi miksuba barra mill-pajjiż, ta' gwida personalizzata, ta' taħriġ fl-ilsna, ta' sostenn xieraq għall-intraprenditorija u għas-sensibilizzazzjoni fost min iħaddem u fost il-ħaddiema migranti dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom, u tat-tisħiħ ta' l-infurzar tar-regoli kontra d-diskriminazzjoni.

Prijorità importanti oħra għandha tkun dik li jkunu żgurati swieq tax-xogħol inklussivi għall-persuni żvantaġġati jew mhedda bl-esklużjoni soċjali, bħal pereżempju dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, minoranzi u persuni b'diżabbiltà. Dan jitlob firxa iktar wiesgħa ta' sostenn sabiex jinħolqu toroq li jwasslu għall-integrazzjoni u jiġġieldu d-diskriminazzjoni. L-għan għandu jkun li:

- tittejjeb il-possibbiltà tagħhom li jkunu impjegati billi tikber il-parteċipazzjni fl-edukazzjoni vokazzjonali u fit-taħriġ, fir-rijabilitazzjoni u fl-inċentivi xierqa u fl-arranġamenti tax-xogħol, kif ukoll fis-sostenn soċjali u s-servizzi ta' kura meħtieġa, anke permezz ta' l-iżvilupp ta' l-ekonomija soċjali;

- tkun miġġielda d-diskriminazzjoni u titħeġġeġ l-aċċettazzjoni tad-diversità fil-post tax-xogħol permezz ta' kampanji ta' taħriġ u ta' sensibilizzazzjoni tal-kuxjenza pubblika li fihom ikunu involuti b'mod sħiħ il-komunitajiet lokali u l-intrapriżi.

1.3.2. Titjib fl-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi u fil-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol

Fid-dawl tal-pressjoni li dejjem tikber mill-globalizzazzjoni, inklużi l-iskossi ħesrem lill-kummerċ, u minħabba l-introduzzjoni kontinwa ta' teknoloġiji ġodda, l-Ewropa għandha żżid il-kapaċità tagħha sabiex tantiċipa, tagħti bidu u tassorbi l-bidla ekonomika u soċjali. Fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, il-linji gwida għall-azzjoni tħat din l-intestatura huma li ġejjin:

- Il-promozzjoni tal-flessibbiltà flimkien mas-sigurtà ta' l-impjieg, u tnaqqis tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol, b'kont meħud tar-rwol tas-sħab soċjali.

- Il-garanzija ta' żviluppi dwar l-ispejjeż tax-xogħol li jiffavorixxu l-impjiegi u mekkaniżmi fl-iffissar tal-pagi.

L-attenzjoni ewlenija għandha tkun fuq l-azzjonijiet li jinkoraġġixxu l-investiment fir-riżorsi umani min-naħa ta' l-intrapriżi, b'mod speċjali l-SMEs, u min-naħa tal-ħaddiema permezz ta' strateġiji u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja li jipprovdu lill-impjegati, b'mod partikolari lill-ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa u dawk ikbar fl-età, bil-ħiliet neċessarji sabiex jadattaw irwieħhom għall-ekonomija tal-konoxxenza u sabiex itawlu l-ħajja tagħhom tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil:

- l-iżvilupp ta' strateġiji u sistemi ta' tagħlim tul il-ħajja inklużi mekkaniżmi bħal fondi reġjonali u settorali, bil-għan li jiżdied l-investiment mill-intrapriżi u tiżdied il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-taħriġ;

- l-implimentazzjoni ta' tali strateġiji permezz ta' kontribuzzjonijiet għall-finanzjament ta' l-iskemi u ta' l-attivitajiet ta' taħriġ. Għandha tingħata prijorità lill-intraprenditorija u lill-SMEs, anke lill-faċilitazzjoni ta' l-aċċess tagħhom għal sorsi esterni ta' kompetenza, inġinerija finanzjarja, bħall-istrument JEREMIE u soluzzjonijiet ta' taħriġ — bl-enfażi fuq il-ħiliet relatati ma' l-ICT u ma' l-amministrazzjoni. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għaż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema li ma jkunux tas-sengħa jew li jkunu ikbar fl-età fit-taħriġ u fit-taħriġ mill-ġdid.

Huma partikolarment importanti l-antiċipazzjoni aħjar u l-amministrazzjoni pożittiva tar-ristrutturazzjoni ekonomika, b'mod speċjali b'riżultat tal-bidliet marbuta mal-ftuħ tal-kummerċ. Għandha tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta' sistemi ta' monitoraġġ li jinvolvu lis-sħab soċjali, lill-intrapriżi u lill-komunitajiet lokali, sabiex ikunu osservati bir-reqqa l-bidliet soċjo-ekonomiċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u sabiex ikunu valutati t-tendenzi futuri ta' l-ekonomija u tas-swieq tax-xogħol. Għandu jkun hemm sostenn għall-programmi li għandhom l-għan li jimmodernizzaw is-swieq tax-xogħol u jantiċipaw il-bidliet gradwali fl-Unjoni kollha b'mod partikolari f'setturi bħall-agrikoltura, it-tessuti, il-karozzi u l-minjieri, flimkien ma' miżuri attivi sabiex jissaħħaħ il-benesseri ekonomiku tar-reġjuni. Hemm post ukoll għal servizzi speċifiċi għax-xogħol, għat-taħriġ u għas-sostenn tal-ħaddiema fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-kumpannija jew tas-settur, bħal pereżempju skemi ta' rispons rapidu fil-każ ta' sensji kollettivi.

Għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-iżvilupp u lit-tixrid tal-konoxxenza dwar forom innovattivi u adattabbli ta' l-organizzazzjoni tax-xogħol sabiex jinkiseb vantaġġ mit-teknoloġiji l-ġodda — inklużi t-teleworking, it-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol (pereżempju s-sigurtà industrijali), iż-żieda fil-produttività u l-promozzjoni ta' rikonċiljazzjoni aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja fi ħdan il-familja. Dan jista' jinkludi wkoll is-sensibilizzazzjoni dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva, l-iżvilupp ta' kuxjenza dwar id-drittijiet ta' l-impjieg, l-inizjattivi għall-ħarsien tal-kodiċi tax-xogħol, it-tnaqqis ta' l-ekonomija li ma tidhirx u modi kif xogħol mhux dikjarat jista' jinbidel f'impjieg regolari.

L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti fit-twaqqif ta' mekkaniżmi li jiżguraw il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol. Għalhekk l-Istati Membri għandhom iħeġġu s-sehem ta' l-imsieħba soċjali fl-attivitajiet taħt din il-prijorità. Barra minn hekk, taħt l-objettiv ta' Konverġenza, għandu jiġi allokat ammont xieraq tar-riżorsi tal-Fond Ewropew Soċjali (ESF) għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet, li għandu jinkludi taħriġ, miżuri tan-networking, it-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-attivitajiet meħudha b'mod konġunt mill-imsieħba soċjali.

1.3.3. It-tiżjid ta' investiment fil-kapital uman permezz ta' edukazzjoni aħjar u ta' ħiliet

L-Ewropa jeħtiġilha tinvesti iktar fil-kapital uman. Wisq nies ma jidħlux, jew ma jibqgħux, fis-suq tax-xogħol, minħabba nuqqas ta' ħiliet li jinkludu dawk alfabetiċi u numeriċi bażiċi, jew minħabba tlaqqigħ żbaljat bejn il-ħiliet u l-postijiet tax-xogħol. Sabiex jitjieb l-aċċess għall-impjiegi għall-ħaddiema ta' kull età u sabiex jiżdiedu l-livelli ta' produttività u l-kwalità fix-xogħol, hemm il-ħtieġa li jiżdied l-investiment fil-kapital uman u li jkunu żviluppati u implimentati strateġiji nazzjonali effettivi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-benefiċċju ta' l-individwi, l-intrapriżi, l-ekonomija u s-soċjetà. Fil-qafas tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, il-linji gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma li ġejjin:

- L-espansjoni u t-titijib ta' l-investiment fil-kapital uman.

- L-adozzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ sabiex ikunu sodisfatti rekwiżiti ta' kompetenzi ġodda.

Jeħtieġ li r-riformi fit-taħriġ tas-suq tax-xogħol sabiex ikunu attirati iktar persuni fid-dinja tax-xogħol u sabiex tiżdied l-adattabbiltà tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi jsiru flimkien mar-riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ. F'perjodi preċedenti ta' programmazzjoni, il-Fondi Strutturali investew b'mod sostanzjali fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ. Fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, l-investiment fil-kapital uman għandu jissaħħaħ billi tingħata attenzjoni partikolari għall-għanijiet ta' Liżbona skond il-linji gwida integrati għat-tkabbir u għall-impjiegi. Il-prijoritajiet ġenerali li ġejjin għandhom ikunu indirizzati:

- jitwessgħu u jittejbu l-investimenti fil-kapital uman inkluż l-iżvilupp ta' inċentivi xierqa u ta' mekkaniżmi li jqassmu l-ispejjeż għall-intrapriżi, għall-awtoritajiet pubbliċi u għall-individwi;

- ikunu sostnuti strateġiji koerenti u komprensivi ta' tagħlim tul il-ħajja, b'attenzjoni partikolari sabiex ikunu indirizzati l-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tal-konoxxenza, inkluż sostenn għall-koperazzjoni u t-twaqqif ta' sħubijiet bejn l-Istati Membri, reġjuni u bliet f'termini ta' edukazzjoni u taħriġ sabiex ikun faċilitat l-iskambju ta' esperjenzi u ta' prattika tajba, li jinkludu proġetti innovattivi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari sabiex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet tal-gruppi żvantaġġati;

- ikunu sostnuti t-tfassil u l-introduzzjoni ta' riformi fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ bl-użu, fejn ikun relevanti, ta' referenzi u prinċipji komuni Ewropej, b'mod partikolari sabiex tiżdied ir-relevanza tas-suq tax-xogħol ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ;

- jissaħħu r-rabtiet bejn l-universitajiet, iċ-ċentri tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-intrapriżi, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet ta' networking u ta' azzjonijiet konġunti.

Taħt l-objettiv ta' Konverġenza, ħafna Stati Membri u reġjuni jħabbtu wiċċhom ma' sfidi sinifikanti fl-edukazzjoni u fit-taħriġ. Ir-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu użati sabiex ikunu implimentati r-riformi, li għandhom jindirizzaw il-prijoritajiet speċifiċi li ġejjin:

- ikunu provduti adegwatament edukazzjoni u taħriġ li jkunu attraenti, aċċessibbli u ta' kwalità għolja fil-livelli kollha, inklużi t-titjib tal-kompetenzi u kwalifiki tal-persunal, il-promozzjoni ta' mezzi flessibli ta' tagħlim u għażliet ġodda li jibdew mill-istadju ta' l-iskola jew ta' qabel l-iskola, azzjonijiet sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti n-numru ta' studenti li jitilqu l-iskola kmieni u sabiex jinkisbu rati ogħla fin-numru ta' studenti li jlestu sa l-aħħar l-edukazzjoni sekondarja tagħhom u aċċess imtejjeb għall-edukazzjoni skolastika u pre-skolastika;

- sostenn għall-modernizzazzjoni ta' l-edukazzjoni terzjarja u l-iżvilupp tal-potenzjal uman fir-riċerka u fl-innovazzjoni, permezz ta' studji post-gradwazzjoni, b'taħriġ ulterjuri għar-riċerkaturi, u billi jkunu attirati iktar żgħażagħ fl-istudji xjentifiċi u tekniċi;

- il-promozzjoni tal-kwalità u l-attrazzjoni ta' l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, inklużi l-apprendistati u l-edukazzjoni ta' l-intraprenditorija;

- fejn meħtieġ, tkun żgurata iktar mobbiltà fil-livelli reġjonali, nazzjonali jew transnazzjonali, u li jkunu inkoraġġiti oqfsa u sistemi li jsostnu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-validazzjoni tat-tagħlim non-formali u dak informali;

- investiment fl-infrastruttura ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ inklużi fl-ICTs, fejn tali investimenti ikunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta' riforma u/jew fejn dawn jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti sabiex tiżdied il-kwalità u l-effikaċja tas-sistema edukattiva u tat-taħriġ.

1.3.4. Il-kapaċità amministrattiva

Fil-perjodi preċedenti ta' programmazzjoni, il-Fondi, permezz ta' l-assistenza teknika, saħħew il-kapaċità amministrattiva ta' l-Istati Membri u ta' l-awtoritajiet amministrattivi fl-implimentazzjoni tar-regolamenti. Dan se japplika wkoll għall-perjodu mill-2007 sa l-2013.

Aktar mill-amministrazzjoni tal-Fondi u lil hinn minnha, il-kapaċità amministrattiva effettiva ta' l-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-servizzi pubbliċi jiġifieri amministazzjoni intelliġenti, hija kondizzjoni meħtieġa fundamentali għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi. Għaldaqstant, fuq il-linja ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona li titlob leġiżlazzjoni, tfassil u twassil ta' politika aħjar sabiex jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta' l-impjiegi, il-Fondi se jsostnu l-investiment fil-kapital uman u fil-faċilitajiet ta' l-ICT relatati tas-servizzi amministrattivi u pubbliċi fil-livelli territorjali kollha.

Għall-pajjiżi u għar-reġjuni tal-Koeżjoni li jaqgħu taħt l-objettiv ta' Konverġenza, iż-żieda fil-produttività u fil-kwalità fuq il-post tax-xogħol fis-settur privat — b'mod speċjali fl-oqsma ekonomiċi, ta' l-impjiegi, soċjali, edukattivi, tas-saħħa, ambjentali u ġudizzjarji — hija essenzjali sabiex jintlaħqu u jkunu aċċelerati r-riformi, sabiex tiżdied il-produttività u t-tkabbir fl-ekonomija aktar wiesgħa u sabiex jitħeġġu l-koeżjoni soċjali u territorjali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-Fondi Strutturali jista' jkollhom rwol importanti fis-sostenn għat-tfassil u għall-implimentazzjoni ta' politika effettiva, li tinvolvi l-partijiet relevanti kollha, f'firxa wiesgħa ta' oqsma.

Għalhekk, il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Koeżjoni taħt l-objettiv ta' Konverġenza huma msejħa sabiex jibnu amministrazzjonijiet u servizzi pubbliċi fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. L-azzjonijiet f'dan il-qasam għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta' kull Stat Membru. Għaldaqstant, konformement mal-prinċipju ta' konċentrazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna sabiex iwettqu analiżi komprensiva sabiex jidentifikaw l-oqsma tal-politika li jeħtieġu l-iktar sostenn għall-kapaċità amministrattiva. L-investiment għandu jikkonċentra fuq dawk l-oqsma tal-politika fejn ikun hemm l-ikbar ostakli għall-iżvilupp soċjo-ekonomiku u fuq l-elementi ewlenin tar-riformi amministrattivi.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun indirizzata b'mod adegwat il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u li jkunu modernizzati s-servizzi pubbliċi. Il-linji gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma dawn li ġejjin:

- Is-sostenn tat-tfassil tajjeb tal-politika u tal-programmi, ta' monitoraġġ, ta' valutazzjoni u ta' stimi ta' l-impatt, permezz ta' studji, statistika, perizja, u previżjoni, sostenn għall-koordinament inter-dipartimentali u djalogu bejn il-korpi pubbliċi u privati relevanti;

- It-tisħiħ ta' l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fit-twettiq ta' strateġiji politiċi u ta' programmi, anke fir-rigward tal-ħarsien mill-kriminalità u ta' l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, b'mod speċjali permezz tad-determinazzjoni ta' ħtiġijiet ta' taħriġ, reviżjoni ta' l-iżvilupp tal-karriera, valutazzjoni, proċeduri ta' verifika soċjali, implimentazzjoni ta' prinċipji marbuta ma' gvern miftuħ, taħriġ għal diretturi u persunal u sostenn speċifiku lil servizzi ewlenin, ispettorati u atturi soċjo-ekonomiċi.

1.3.5. Għajnuna sabiex tinżamm forza tax-xogħol b'saħħitha

Fid-dawl ta' l-istruttura demografika ta' l-UE, tal-popolazzjoni li qed tixjiħ u tat-tnaqqis probabbli fil-forza tax-xogħol fis-snin li ġejjin, huwa essenzjali li l-Unjoni tieħu passi sabiex iżżid in-numru tas- snin produttivi ta' xogħol għall-membri tal-forza tax-xogħol tagħha. L-investiment fil-promozzjoni tas-saħħa u tal-prevenzjoni tal-mard se jgħin sabiex tinżamm parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà għall-ikbar numru ta' ħaddiema possibbli, u b'dan il-mod tinżamm il-kontribuzzjoni ekonomika tagħhom u jitnaqqsu l-livelli ta' dipendenza. Dan għandu effett dirett fuq il-produttività u l-kompetittività, u għandu wkoll benefiċċji inċidentali importanti għall-kwalità tal-ħajja b'mod ġenerali.

Bejn ir-reġjuni Ewropej hemm differenzi kbar fl-istat tas-saħħa u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa. Huwa għalhekk importanti għall-politika ta' koeżjoni li tikkontribwixxi għall-faċilitajiet ta' kura tas-saħħa, sabiex b'hekk tgħin ħalli jiżdied n-numru ta' snin produttivi ta' xogħol b'mod partikolari fl-Istati Membri u r-reġjuni l-anqas żviluppati. It-titjib fis-saħħa tal-Komunità u l-azzjoni preventiva għandhom rwol importanti fit-tnaqqis ta' l-inugwaljanzi marbuta mas-saħħa. Kura tajba tas-saħħa tirriżulta f'parteċipazzjoni ikbar fis-suq tax-xogħol, ħajja itwal ta' xogħol, iktar produttività u inqas spejjeż soċjali u għall-kura tas-saħħa.

Għall-politika ta' koeżjoni huwa importanti li, b'mod speċjali fir-reġjuni arretrati, ikun hemm kontribut għat-titjib tal-faċilitajiet ta' kura fuq perjodu twil ta' żmien u jkun hemm investiment fit-titjib ta' l-infrastruttura tas-saħħa, b'mod partikolari meta n-nuqqas ta' dawn l-infrastrutturi jew l-iżvilupp mhux suffiċjenti tagħhom jirrappreżenta ostaklu ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tkun indirizzata l-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fis-sistemi tal-kura tas-saħħa permezz ta' investimenti fl-ICT, fil-konoxxenza u fl-innovazzjoni. Il-linji gwida għall-azzjoni taħt din l-intestatura huma dawn li ġejjin:

- Il-prevenzjoni tar-riskji marbuta mas-saħħa sabiex jiżdiedu l-livelli tal-produttività permezz ta' kampanji ġeneriċi ta' informazzjoni dwar is-saħħa u billi jkun żgurat trasferiment ta' konoxxenza u ta' teknoloġija u l-garanzija ta' servizzi tas-saħħa li jkollhom il-ħiliet, il-prodotti u t-tagħmir meħtieġ sabiex jipprevjenu r-riskji u jimminimizzaw il-ħsara potenzjali.

- It-trattament tad-defiċjenzi fl-infrastruttura tas-saħħa u l-promozzjoni ta' provvista effiċjenti ta' servizzi fejn ikun qed jiġi milqut l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni u l-Istati Membri inqas prosperużi. Din l-azzjoni trid tkun ibbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-livell ottimali tal-forniment tas-servizzi u tat-teknoloġija adatta, bħal pereżempju t-telemedicine u l-potenzjal ta' effiċjenza ekonomika ta' servizzi ta' informazzjoni dwar is-saħħa b'mezzi elettroniċi.

2. ID-DIMENSJONI TERRITORJALI TAL-POLITIKA TA' KOEŻJONI

Waħda mill-karatteristiċi tal-politika ta' koeżjoni — f'kuntrast ma' linji politiċi settorali — tinsab fil-kapaċità tagħha li tadatta ruħha għall-ħtiġijiet u għall-karatteristiċi partikolari ta' l-isfidi u l-opportunitajiet ġeografiċi speċifiċi. Skond il-politika ta' Koeżjoni, il-ġeografija tgħodd. Għalhekk, meta jkunu qed jiżviluppaw il-programmi tagħhom u jikkonċentraw ir-riżorsi fuq il-prijoritajiet ewlenin, l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil dawn iċ-ċirkostanzi ġeografiċi.

L-inklużjoni tad-dimensjoni territorjali se tgħin tiżviluppa komunitajiet sostenibbli u tipprevjeni l-iżvilupp mhux kostanti fir-reġjuni milli jnaqqas il-potenzjal globali tat-tkabbir. Tali approċċ jeħtieġ ukoll li l-problemi speċifiċi u l-opportunitajiet ta-żoni urbani u rurali jkunu jistgħu jiġu ttrattati kif ukoll dawk tat-territorji partikolari bħaż-żoni trans-konfinali u żoni transnazzjonali usa', jew reġjuni li għandhom żvantaġġi oħra minħabba l-insularità tagħhom, minħabba n-natura remota tagħhom (bħar-reġjuni estremi jew ir-reġjuni ta' l-Artiku), minħabba popolazzjoni skarsa jew minħabba li huma reġjuni muntanjużi. Jista' jkun li jkollhom jiġu indirizzati wkoll ir-restrizzjonijiet ambjentali u demografiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żoni tal-kosti. L-implimentazzjoni b'suċċess ta' l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali teħtieġ l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi li jistgħu jgħinu jiggarantixxu trattament ġust għat-territorji kollha abbażi tal-kapaċitajiet individwali tagħhom bħala fattur ta' kompetittività. B'hekk, it-tmexxija tajba hija importanti sabiex id-dimensjoni territorjali tiġi indirizzata b'suċċess.

Tabilħaqq, għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi, il-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali għandha tagħmel parti mill-isforzi sabiex it-territorju Ewropew jkollu l-opportunità jikkontribwixxi għall-aġenda tat-tkabbir u l-impjiegi. B'mod aktar speċifiku, dan ifisser li għandha tingħata tifsira differenti lill-koezjoni territorjali, marbuta ma' l-istorja, il-kultura jew il-qagħda istituzzjonali ta' kull Stat Membru.

L-iżvilupp ta' l-isħubiji ta' kwalità għolja huwa essenzjali wkoll, billi jintegra l-atturi tal-livelli kollha, dawk nazzjonali, reġjonali, urbani, rurali u lokali. Is-suċċess fil-qasam tal-koeżjoni territorjali għalhekk jiddipendi fuq strateġija komprensiva li tistabbilixxi l-qafas li fih ikunu segwiti l-għanijiet u l-azzjonijiet speċifiċi.

Fil-qafas tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jiddelegaw lill-ibliet il-fondi li jindirizzaw il-kwisjonijiet urbani fi ħdan il-programmi l-ġodda. Sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha tas-sħubija, l-ibliet għandhom ikunu involuti tul il-proċess kollu. Dan jista' jinkludi r-responsabbiltà għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-parti sub-delegata tal-programm.

Il-qafas ġdid leġiżlattiv jipprovdi wkoll għal għajnuna speċjali għar-reġjuni estremi sabiex jiġu trattati l-ispejjeż għoljin tad-distanza li jaffaċċjaw. Sfida partikolari se tkun li jiġi żgurat li din l-għajnuna tikkontribwixxi għat-twettiq ta' l-istrateġija tal-programm sħiħ f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għajnuna għall-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u impjiegi.

2.1. Il-kontribuzzjoni ta' l-ibliet għat-tkabbir u għall-impjiegi

Kif spjegat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika ta' koeżjoni u l-ibliet, aktar minn 60 % tal-popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea tgħix f'żoni urbani ta' aktar minn 50000 abitant [12]. Fl-ibliet, u ġeneralment fiż-żoni urbani, jinsabu l-iżjed l-impjiegi, negozji u istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla u huma ewlenin fil-kisba tal-koeżjoni soċjali. L-ibliet Ewropej jiġbdu lil dawk b'ħiliet ta' livell għoli, u b'hekk sikwit jinħoloq ċiklu virtwuż li jistimula l-innovazzjoni u l-kummerċ u jżid l-attrazzjoni tagħhom għal talenti ġodda.

L-ibliet u-żoni urbani jikkonċentraw mhux biss l-opportunitajiet iżda wkoll l-isfidi u għandhom jitqiesu l-problemi speċifiki li ż-żoni urbani jħabbtu wiċċhom magħhom, bħall-qgħad u l-esklużjoni soċjali (inkluża l-problema tal-"fqar li jaħdmu"), ir-rati għoljin, u li jiżdedu, tal-kriminalità, iżjed konġestjoni u l-eżistenza ta' nħawi ta' deprivazzjoni fi ħdan il-limiti tal-belt.

Il-programmi li jiffokaw fuq iż-żoni urbani jistgħu jieħdu bosta suri differenti. L-ewwel nett, hemm azzjonijiet sabiex jippromwovu l-ibliet bħala muturi ta' l-iżvilupp reġjonali. Tali azzjonijiet għandhom jimmiraw it-titjib fil-kompetittività, pereżempju permezz ta' gruppi. L-azzjonijiet sostnuti jinkludu miżuri li jinkoraġġixxu l-intraprenditorija, l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' servizzi li jinkludu s-servizzi tal-manifattur. Huwa wkoll importanti li jkun attirat u jinżamm persunal li jkollu ħiliet ta' l-ogħla livell (b'miżuri relatati ma' l-aċċessibbiltà, mal-forniment ta' servizzi kulturali eċċ).

It-tieni, hemm azzjonijiet li jippromwovu l-koeżjoni interna ġewwa ż-żoni urbani li jippruvaw itejbu l-qagħda tad-distretti fi kriżi. Dan mhux talli jġib benefiċċji diretti għad-distretti nfushom, iżda jgħinhom ibattlu ftit mill-pressjoni bejn it-tifrix eċċessiv ta' subborgi bl-għan ta' kwalità ta' ħajja aħjar.

F'dan il-kuntest, u speċjalment fl-ibliet industrijali l-qodma, huma importanti dawk il-miżuri li jippruvaw jirrijabilitaw l-ambjent fiżiku, jiżviluppaw mill-ġdid is-siti brownfield speċjalment fl-ibliet industrijali l-qodma, u jżommu u jiżviluppaw il-wirt storiku u kulturali b'benefiċċji inċidentali potenzjali għall-iżvilupp tat-turiżmu sabiex jinħolqu bliet aktar attraenti fejn in-nies ikunu jridu jgħixu. Ir-riġenerazzjoni ta' l-ispazji pubbliċi eżistenti u tas-siti industrijali jista' jkollha rwol importanti fil-prevenzjoni tal-proċess ta' ħolqien ta' subborgi u tifrix ta' l-ibliet, bh'ekk tgħin fil-ħolqien ta' l-infrastrutturi neċessarji għal żvilupp ekonomiku sostenibbli. B'mod aktar ġenerali, bit-titjib fl-ippjanar, fit-tfassil u fil-manutenzjoni taż-żoni pubbliċi, l-ibliet jistgħu "jippjanaw l-eliminazzjoni" tal-kriminalità, jgħinu sabiex joħolqu toroq attraenti, ġonna u spazji miftuħa li jkunu protetti jew li jinħassu protetti. Fl-inħawi urbani hemm rabta qawwija bejn id-dimensjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Ambjent urban ta' kwalità għolja jikkontribwixxi wkoll għall-prijorità ta' l-Istrateġija mġedda ta' Liżbona li l-Ewropa ssir post aktar attraenti sabiex tgħix u tinvesti fih [13].

It-tielet, hemm azzjonijiet li jippromwovu żvilupp bilanċjat, poliċentriku permezz ta' l-iżvilupp tan-network urban fil-livelli nazzjonali u Komunitarji li jinkludi r-rabtiet bejn l-ibliet l-aktar b'saħħithom ekonomikament u żoni urbani oħra li jinkludu l-ibliet iż-żgħar u ta' daqs medju. Dan ser jeħtieġ it-teħid ta' għażliet strateġiċi fl-identifikazzjoni u t-tisħiħ ta' ċentri tat-tkabbir u, ta' l-istess importanza, it-twaqqif tan-networks li jorbtuhom kemm f'termini fiżiċi (l-infrastruttura, it-teknoloġiji ta' l-informazzjoni, eċċ) kif ukoll f'dawk umani (azzjonijiet li jippromwovu l-koperazzjoni eċċ). Billi dawn iċ-ċentri jservu territorji usa', li jinkludu l-hinterland rurali immedjat, huma jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli u bilanċjat ta' l-Istati Membri u l-Komunità b'mod ġenerali. Bl-istess mod, iż-żoni rurali jipprovdu servizzi lis-soċjetà aktar mifruxa, pereżempju, fis-sura ta' opportunitajiet rikreattivi u pajsaġġi apprezzati ħafna. Għalhekk għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-interface urban-rurali.

Ibbażati fuq esperjenzi preċedenti, hemm numru ta' prinċipji ewlenin fl-azzjonijiet urbani. L-ewwel nett, l-isħab prinċipali fl-ibliet u fl-awtoritajiet lokali għandhom rwol importanti fil-kisba ta' dawn l-għanijiet. Kif imsemmi hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw ir-responsabbiltà lill-ibliet għall-iżvilupp urban. Dan hu partikolarment importanti fejn il-prossimità tgħodd, pereżempju, sabiex tirrispondi għall-isfidi ta' natura l-aktar lokali bħall-esklużjoni soċjali jew nuqqas ta' aċċess għal servizzi ewlenin.

It-tieni, it-tħejjija ta' pjan ta' żvilupp għar-riġenerazzjoni ta' l-ibliet mifrux fuq perjodu medju jew perjodu twil ta' żmien huwa ġeneralment prerekwiżit għas-suċċess għax jiżgura l-koerenza ta' l-investimenti u tal-kwalità ambjentali tagħhom. Dan se jgħin ukoll sabiex ikunu żgurati l-impenn u l-parteċipazzjoni tas-settur privat fit-tiġdid urban. B'mod ġenerali, huwa meħtieġ approċċ multi-dixxiplinarju jew integrat. Għal azzjonijiet ibbażati fuq iż-żona, pereżempju, sabiex titħeġġeġ l-inklużjoni soċjali, dan jeħtieġ azzjonijiet li jippruvaw itejbu l-kwalità tal-ħajja (li tinkludi l-ambjent u d-djar) jew il-livell ta' servizzi għaċ-ċittadini jkunu konġunti ma' azzjonijiet li jippromwovu l-iżvilupp ta' attivitajiet ġodda u ħolqien ta' impjieg sabiex jiżguraw il-ġejjieni fuq medda ta' żmien twila taż-żoni konċernati. L-inizjattiva l-ġdida JESSICA hi mfassla sabiex tippromwovi u tiffaċilita l-iżvilupp tal-prodotti ta' l-inġinerija finanzjarja sabiex isostnu l-proġetti inklużi fil-pjanijiet ubani ta' l-iżvilupp.

B'mod ġenerali, is-servizzi u l-programmi integrati ta' sostenn għandhom jiffokaw fuq dawk il-gruppi li l-aktar għandhom bżonn, bħall-immigranti, iż-żgħażagħ u n-nisa. Iċ-ċittadini kollha għandhom jitħeġġu jieħdu sehem kemm fl-ippjanar kif ukoll il-forniment ta' servizzi.

2.2. Sostenn għad-diversifikazzjoni ekonomika taż-żoni rurali, żoni tas-sajd u żoni bi żvantaġġ naturali

Il-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti wkoll fis-sostenn tar-riġenerazzjoni ekonomika taż-żoni rurali, billi jkunu komplementati l-azzjonijiet sostnuti mill-fond il-ġdid ta' l-iżvilupp rurali (il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali- FAEŻR) [14]. Dan l-approċċ komplementari għandu jipprova jsostni r-ristrutturazzjoni u d-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija fiż-żoni rurali Ewropej.

Hemm il-ħtieġa li titħeġġeġ is-sinerġija bejn l-istrateġiji politiċi ta' l-iżvilupp rurali, strutturali u ta' l-impjiegi. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sinerġija u l-konsistenza bejn l-azzjonijiet li għandhom ikunu finanzjati mill-ERDF, mill-Fond ta' Koeżjoni, mill-FSE, mill-Fond Ewropew għas-Sajd (FES) u mill- FAEŻR fuq territorju partikolari u f'qasam partikolari ta' attività. Il-prinċipji ta' gwida ewlenin fir-rigward tal-linja ta' demarkazzjoni u tal-mekkaniżmi ta' koordinament bejn l-azzjonijiet sostnuti mill-Fondi differenti għandhom ikunu definiti fil-livell ta' qafas nazzjonali ta' referenza strateġika/pjan strateġiku nazzjonali.

Għall-politika ta' koeżjoni, l-azzjoni favur iż-żoni rurali jew għaż-żoni b'diżabbiltajiet naturali, li jinkludu r-reġjuni tal-gżejjer, għandha tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda permezz tad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali. Dan jinkludi l-isforzi għas-sostenn tal-fornitment ta' livell minimu ta' aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali sabiex ikunu attirati ditti u persunal kwalifikat u sabiex tkun limitata l-emigrazzjoni. F'dan il-kuntest, huwa meħtieġ il-kollegament man-networks ewlenin nazzjonali u Ewropej. Barra minn hekk, il-politika ta' koeżjoni għandha tappoġġa l-kapaċità endoġenika tat-territorji rurali bil-promozzjoni, pereżempju, tal-bejgħ ta' prodotti fil-livelli nazzjonali u globali, u bil-promozzjoni ta' l-innovazzjoni tal-proċessi u tal-prodott fl-attivitajiet ekonomiċi eżistenti.

Il-kisba ta' massa kiritika meħtieġa għall-forniment ta' servizzi b'mod effiċjenti — li jinkludu servizzi għal ħaddiema b'saħħithom msemmija hawn fuq — hi sfida partikolari. Il-garanzija ta' aċċess universali għas-servizzi kollha, b'mod partikolari f'żoni b'popolazzjoni skarsa, tista' jinkiseb permezz ta' investiment fiċ-ċentri ta' l-iżvilupp f'żoni rurali (pereżempju f'ibliet żgħar jew ta' daqs medju) u bl-iżvilupp ta' gruppi ekonomiċi msejsa fuq assi lokali flimkien ma' l-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' l-informazzjoni.

Bosta reġjuni rurali jiddipendu b'mod esterm fuq it-turiżmu. Dawn ir-reġjuni jeħtieġu metodu integrat imfassal apposta għall-kwalità, li jiffoka fuq is-sodisfazzjon tal-konsumatur u li jkun ibbażat fuq id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta' l-iżvilupp sostenibbli. L-azzjonijiet għandhom jieħdu vantaġġ minn, u jfittxu li jżommu, il-kwalitajiet naturali u kulturali li jista' jkollhom benefiċċji inċidentali importanti billi jħarsu u jiżviluppaw l-ambjenti naturali u jsostnu l-investiment fil-bijodiversità. Il-metodu integrat għandu jfittex li jkollu impatt pożittiv fuq is-settur tat-turiżmu, fuq l-ekonomija lokali, fuq il-persuni li jaħdmu fis-settur tat-turiżmu, fuq il-viżitaturi u fuq il-popolazzjoni lokali, kif ukoll fuq il-wirt naturali u kulturali.

Għal dak li jirrigwarda t-taqsima tas-sajd, ir-ristrutturazzjoni ekonomika taż-żoni mal-kosti li jiddipendu mis-sajd u l-ġżejjer iż-żgħar tkun ta' sikwiet sfida partikolari minħabba raġunijiet ġeografiċi, u l-politika ta' koeżjoni jista' jkollha rwol importanti sabiex tikkomplimenta l-azzjonijiet sostnuti mill-EFF.

2.3. Koperazzjoni

Il-miżuri li jinkoraġġixxu l-koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u interreġjonali, li jinkludu l-koperazzjoni marittima fejn xieraq, għandhom jikkomplementaw it-tliet prijoritajiet indikati aktar 'il fuq. Għaldaqstant, il-koperazzjoni aktar mill-qrib fir-reġjuni ta' l-UE għandha tgħin sabiex tħaffef aktar l-iżvilupp ekonomiku u l-kisba ta' livell ogħla fit-tkabbir. Il-fruntieri nazzjonali spiss huma ostaklu għall-iżvilupp tat-territorju Ewropew kollu, u jistgħu jillimitaw il-potenzjal tiegħu għal kompetittività sħiħa. Fil-kuntest tal-koperazzjoni trans-konfinali u tal-koperazzjoni transnazzjonali, it-trasport, l-amministrazzjoni ta' l-ilma u l-ħarsien ta' l-ambjent huma eżempji ċari ta' l-isfidi li jeħtieġu metodu ffokat u integrat li jmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-implimentazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jeżaminaw li-possibbiltà li joħolqu Raggruppament Ewropew għall-Koperazzjoni Territorjali sabiex jieħdu rwol ta' l-awtorità li tmexxi għal ċerti programmi ta' koperazzjoni.

2.4. Il-koperazzjoni trans-konfinali

Il-mira tal-koperazzjoni trans-konfinali fl-Ewropa hija dik li jkunu integrati żoni diviżi mill-fruntieri nazzjonali li jħabbtu wiċċhom ma' problemi komuni li jeħtieġu soluzzjonijiet komuni. Sfidi bħal dawn huma ffaċċjati mir-reġjuni kollha ta' l-Unjoni bħala riżultat tal-frammentazzjoni tas-swieq għax-xogħol u l-kapital, in-networks ta' l-infrastruttura, il-kapaċità fiskali, u l-istituzzjonijiet.

Għalkemm, il-programmi ta' koperazzjoni għandhom ikunu magħmula apposta skond is-sitwazzjoni partikolari ffaċċjata minn kull wieħed mir-reġjuni li jinsab fuq fruntiera, huwa importanti li jsir sforz sabiex l-għajnuna tkun ikkonċentrata fuq il-prijoritajiet ewlenin bħala sostenn għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' l-impjiegi.

Ġeneralment, ir-rakkomandazzjonijiet li japplikaw għall-koperazzjoni trans-konfinali futura mhux dejjem ikunu relevanti minħabba d-diversità kbira tas-sitwazzjonijiet. Fl-istess ħin, fid-dawl ta' l-ostakoli li jinħolqu minħabba l-fruntieri, punt tat-tluq utli huwa t-titjib ta' l-infrastruttura eżistenti tat-trasport u tal-komunikazzjoni u l-iżvilupp, fejn meħtieġ, ta' kollegamenti ġodda. Dawn huma prerekwiżiti sabiex ikunu stabbiliti jew żviluppati kuntatti trans-konfinali.

Il-koperazzjoni trans-konfinali għandha tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kompetittività tar-reġjuni li jinsabu fuq fruntiera. Barra minn hekk, għandha tikkontribwixxi għall-integrazzjoni ekonomika u soċjali, b'mod speċjali fejn hemm differenzi ekonomiċi kbar fuq kull naħa. L-azzjonijiet jinkludu l-inkoraġġiment tat-trasferiment tal-konoxxenza u ta' know-how, l-iżvilupp ta' attivitajiet trans-konfinali ta' negozju, il-potenzjal għall-edukazzjoni/għat-taħriġ u għall-kura tas-saħħa trans-konfinali u l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol trans-konfinali; u l-amministrazzjoni konġunta tat-theddid għall-ambjent u dak komuni għat-tnejn. Meta diġà jkun hemm il-kondizzjonijiet bażiċi għall-koperazzjoni trans-konfinali, il-politika ta' koeżjoni għandha tiffoka l-għajnuna fuq azzjonijiet li jipprovdu valur miżjud għall-attivitajiet ta' trans-konfinali: pereżempju, li tiżdied il-kompetittività trans-konfinali permezz ta' l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp; li jkun hemm kollegament bejn in-networks intanġibbli (is-servizzi) jew in-networks fiżiċi (it-trasport) sabiex tkun imsaħħa l-identità trans-konfinali bħala karatteristika ewlenija taċ-ċittadinanza Ewropea; li titħeġġeġ l-integrazzjoni trans-konfinali tas-suq tax-xogħol; l-amministrazzjoni trans-konfinali ta' l-ilmijiet u l-kontroll ta' l-għargħar; tmexxija konġunta ta' riskji naturali u teknoloġiċi.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-isfidi u opportunitajiet li jirriżultaw mill-bidliet fil-fruntieri esterni ta' l-Unjoni wara t-tkabbir. Hawnhekk, hawn il-bżonn li jippromwovu l-azzjonijiet trans-konfinali koerenti li jħeġġu l-attività ekonomika miż-żewġ naħat, u li jneħħu l-ostakoli għall-iżvilupp. Għal dan il-għan, il-politika ta' koeżjoni u l-Istrument il-ġdid għall-Viċinat Ewropew u s-Sħubija u, fejn xieraq, l-Istrument il-ġdid għal qabel l-Adeżjoni, jeħtieġu joħolqu qafas koerenti għal tali azzjonijiet.

2.5. Koperazzjoni transnazzjonali

Fiż-żoni transnazzjonali hemm il-ħtieġa li tiżdied l-integrazzjoni u l-koeżjoni ekonomika u soċjali. Il-programmi ta' koperazzjoni transnazzjonali jfittxu li jżidu l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta' importanza strateġika.

Is-sostenn għandu għalhekk jingħata lill-azzjonijiet li jfittxu li jtejbu l-kollegament fiżiku bejn it-territorji (eż. l-investimenti fi trasport sostenibbli) kif ukoll il-kollegamenti intanġibbli (networks, skambji bejn ir-reġjuni u bejn il-partijiet involuti).

L-azzjonijiet kunsidrati jinkludu l-ħolqien ta' rotot Ewropej tat-trasport (b'mod partikolari taqsimiet trans-konfinali) u azzjonijiet sabiex ikunu evitati riskji naturali (p.e. nirien, nixfiet u għargħar), l-amministrazzjoni ta' l-ilma fil-livell tal-baċini tax-xmajjar, il-koperazzjoni marittima integrata, il-promozzjoni ta' żvilupp urban sostenibbli u n-networks ta' l-R&D/innovazzjoni.

Il-mappa preżenti taż-żoni għall-koperazzjoni transnazzjonali ġiet emendata sabiex tiżgura li dawn joħolqu l-kondizzjonijiet sabiex ikunu implimentati azzjonijiet strutturali bażiċi. Ġew imfassla b'tali mod li jieħdu kont tal-koerenza territorjali u l-kriterji funzjonali ta' natura ġeografika, pereżempju, baċin ta' xmara jew żona tal-kosta komuni, żona muntanjuża komuni maqsuma minn rotta ewlenija ta' trasport. Kriterji oħra, bħal strutturi storiċi jew istituzzjonali, jew koperazzjoni jew Konvenzjonijiet eżistenti, huma relevanti wkoll.

2.6. Il-koperazzjoni interreġjonali

Il-programmi ta' koperazzjoni interreġjonali għandhom jiffokaw fuq l-istrateġija mġedda ta' Lisbona: it-tisħiħ ta' l-innovazzjoni, ta' l-SMEs u ta' l-intraprenditorija, ta' l-ambjent u l-prevenzjoni tar-riskji. Barra minn hekk, se jitħeġġeġ ukoll l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' l-aħjar prattika fir-rigward ta' l-iżvilupp urban, il-modernizzazzjoni tas-servizzi tas-settur pubbliku (bħas-saħħa u l-iggvernar bl-użu ta' l-ICT) u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' koperazzjoni kif ukoll l-istudji u l-ġbir ta' informazzjoni. Il-koperazzjoni interreġjonali tista' tkun appoġġata wkoll fi ħdan il-programmi għall-konverġenza u għall-kompetittività reġjonali u għall-impjiegi. Barra minn hekk, se jitħeġġeġ ukoll l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' l-aħjar prattika fir-rigward ta' l-iżvilupp urban, ta' l-inklużjoni soċjali, tar-relazzjonijiet bejn l-ibliet u ż-żoni rurali, u ta' l-implimentazzjoni ta' programmi ta' koperazzjoni.

[1] Komunikazzjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa — "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u għall-impjiegi — bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona" COM(2005) 24, 2.2.2005.

[2] L-Artikolu 9 tar-Regolament Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999. (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).

[3] "Politika Ewropea tat-trasport għall-2010: Żmien ta' deċiżjoni" COM(2001) 370.

[4] "Żomm l-Ewropa mobbli. Mobbiltà sostenibbli għall-kontinent Ewropew" — COM(2006) 314, 22.6.2006.

[5] ĠU L 167, 30. 04.2004, p. 1.

[6] "Investiment fir-riċerka; pjan ta' azzjoni għall-Ewropa". COM(2003) 226, 30.4.2003.

[7] COM(2005) 229.

[8] ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

[9] L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament KE Nru 1784/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12).

[10] COM(2005) 141, 12.4.2005.

[11] Stabbilit fl-1993, l-EURES huwa network ta' koperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u s-Servizzi ta' Impjieg Pubbliċi ta' l-Istati Membri taż-ŻEE (l-Istati Membri ta' l-UE kif ukoll in-Norveġja, l-Islanda u L-Liechtenstein) u organizzazzjonijiet sħab oħra.

[12] Komunikazzjoni lill-Kunsill u lill-Parlament "Politika ta' Koeżjoni u l-ibliet: il-kontribuzzjoni urbana għat-tkabbir u l-impjiegi fir-reġjuni". COM(2006) 385 finali, 12.7.2006.

[13] L-Istrateġija Tematika dwar l-Ambjent Urban COM(2005) 718 finali.

[14] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1685/2005. ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet