EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0144

Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 20 ta' Frar 2006 dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (Perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)

OJ L 55, 25.2.2006, p. 20–29 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 270M, 29.9.2006, p. 258–267 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 070 P. 41 - 50
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 070 P. 41 - 50
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 019 P. 35 - 44

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 19/01/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/144(1)/oj

29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

258


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta' Frar 2006

dwar il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (Perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)

(2006/144/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta' l-20 ta' Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali (EAFARD) (1), u b'mod partikolari l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprovdi li l-linji gwida strateġiċi għall-iżvilupp rurali għall-perjodu ta' programmazzjoni mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013 għandhom jiġu adottati fuq livell Komunitarju sabiex jiġu jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-iżvilupp rurali.

(2)

Dawn il-linji gwida strateġiċi għandhom jirriflettu r-rwol multifunzjonali li l-biedja għandha fir-rikkezza u d-diversità tal-pajsaġġi, tal-prodotti ta' l-ikel u tal-patrimonju kulturali u naturali fil-Komunità kollha.

(3)

Dawn il-linji gwida għandhom jidentifikaw is-setturi importanti għar-realizzazzjoni tal-prijoritajiet Komunitarji, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-għanijiet ta' Göteborg ta' sostenibbiltà u ta' l-istrateġija mġedda ta' Lisbona għat-tkabbir u għall-impjiegi stabbiliti mill-Kunsilli Ewropej ta' Göteborg (fil-15 u 16 ta' Ġunju 2001) u Tessalonika (fl-20 u 21 ta' Ġunju 2003) rispettivament.

(4)

Abbażi ta' dawn il-linji gwida strateġiċi, kull Stat Membru għandu jipprepara l-pjan strateġiku nazzjonali tiegħu bħala l-qafas ta' riferiment għall-preparazzjoni tal-programmi ta' l-iżvilupp rurali,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 għall-iżvilupp rurali, kif esposti fl-Anness, huma b'dan adottati.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Frar 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PRÖLL


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(2)  Għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.


ANNEX

Linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali (Perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013)

1.   INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jiddefinixxi l-għan u l-ambitu ta' l-assistenza mill-EAFRD. Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji jidentifikaw f'dan il-qafas is-setturi importanti għar-realizzazzjoni tal-prijoritajiet Komunitarji, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-għanijiet ta' Göteborg ta' sostenibbiltà u ta' l-istrateġija mġedda ta' Lisbona għat-tkabbir u għall-impjiegi.

Il-linji gwida strateġiċi Komunitarji għall-iżvilupp rurali jgħinu sabiex:

jiġu identifikati u jkun hemm qbil dwar is-setturi fejn is-sostenn mill-UE għall-iżvilupp rurali joħloq l-aktar valur miżjud fuq il-livell ta' l-UE;

issir ir-rabta mal-prijoritajiet prinċipali ta' l-UE (Lisbona, Göteborg) u dawn jiġu tradotti f'politika għall-iżvilupp rurali;

tiġi żgurata l-konsistenza ma' linji politiċi oħrajn ta' l-UE, b'mod partikolari fil-qasam tal-koeżjoni u ta' l-ambjent;

tiġi gwidata l-implementazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni (CAP) l-ġdida, orjentata lejn is-suq u fir-ristrutturazzjoni meħtieġa li din iġġib magħha fl-Istati Membri l-qodma u l-ġodda.

2.   L-IŻVILUPP RURALI U L-GĦANIJIET GLOBALI TAL-KOMUNITÀ

2.1.   Il-CAP u l-iżvilupp rurali

L-agrikoltura tibqa' tkun is-settur li juża l-aktar l-art rurali, kif ukoll settur ċentrali li jiddetermina l-kwalità tal-kampanja u ta' l-ambjent. L-importanza u r-relevanza tal-CAP u ta' l-iżvilupp rurali żdiedu bit-tkabbir reċenti ta' l-Unjoni Ewropea.

Mingħajr iż-żewġ pilastri tal-CAP, il-politika tas-suq u l-politika ta' l-iżvilupp rurali, ħafna żoni rurali ta' l-Ewropa jħabbtu wiċċhom ma' problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jiżdiedu. Il-mudell agrikolu Ewropew jirrifletti r-rwol multifunzjonali li l-biedja għandha fir-rikkezza u d-diversità tal-pajsaġġi, tal-prodotti ta' l-ikel u tal-patrimonju kulturali u naturali (1).

Il-prinċipji gwida għall-CAP, għall-politika tas-suq u għall-politika ta' l-iżvilupp rurali, ġew stabbiliti mill-Kunsill Ewropew ta' Göteborg (fil-15 u 16 ta' Ġunju 2001). Skond il-konklużjonijiet tiegħu, il-prestazzjoni ekonomika b'saħħitha trid timxi id f'id ma' l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u mal-livelli ta' skart, maż-żamma tal-bijodiversità, mal-preżervazzjoni ta' l-ekosistemi u mal-ħarsien mid-deżertifikazzjoni. Sabiex nilqgħu għal dawn l-isfidi, il-CAP u l-iżvilupp futur tagħha għandhom, fost l-objettivi tagħha, jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-iżvilupp sostenibbli billi hija żżid l-enfasi tagħha fuq l-inkoraġġiment ta' prodotti sani, ta' kwalità għolja, ta' metodi ta' produzzjoni li jkunu ambjentalment sostenibbli, inkluża l-produzzjoni organika, il-materji primi rinnovabbli u l-protezzjoni tal-bijodiversità.

Dawk il-prinċipji gwida ġew konfermati fil-konklużjonijiet dwar l-istrateġija ta' Lisbona, tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika (fl-20 u 21 ta' Ġunju 2003. Il-CAP kif ġiet riformata u l-iżvilupp rurali jistgħu jagħtu kontribut essenzjali għall-kompetittività u għall-iżvilupp sostenibbli fis-snin li ġejjin.

2.2.   Lejn agrikoltura sostenibbli: ir-riformi fil-CAP ta' l-2003 u l-2004

Ir-riformi fil-CAP ta' l-2003 u l-2004 jirrappreżentaw pass maġġur 'il quddiem sabiex jitjiebu l-kompetittività u l-iżvilupp sostenibbli ta' l-attività tal-biedja fl-UE u jiġi stabbilit il-qafas għal riformi futuri. Riformi suċċessivi kkontribwixxew għall-kompetittività ta' l-agrikoltura Ewropea bit-tnaqqis tal-garanziji ta' sostenn għall-prezzijiet u bl-inkoraġġiment ta' l-aġġustament strutturali. L-introduzzjoni tal-ħlasijiet diretti sseparati tinkoraġġixxi l-bdiewa jirrispondu għas-sinjali tas-suq ġenerati pjuttost mid-domanda tal-konsumatur milli minn inċentivi ta' politika ibbażata fuq il-kwantità. L-inklużjoni ta' standards dwar l-ambjent, dwar is-sigurtà ta' l-ikel u dwar is-saħħa u l-kondizzjoni tajba ta' l-annimali f'konformità reċiproka ssaħħaħ il-kunfidenza tal-konsumatur u żżid is-sostenibbiltà ambjentali tal-biedja.

2.3.   L-iżvilupp rurali 2007-2013

Il-politika futura għall-iżvilupp rurali tiffoka fuq tliet setturi ċentrali: is-settur ta' l-ekonomija ta' l-ikel agrikolu, is-settur ta' l-ambjent u s-settur usa' ta' l-ekonomija u l-popolazzjoni rurali. Il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' l-istrateġiji u l-programmi ta' żvilupp rurali sejra tinbena madwar erba' assi, jiġifieri: 1. fuq -titjib tal-kompetittività tas-settur ta' l-agrikoltura u tal-forestrija; 2. fuq it-titjib ta' l-ambjent u tal-kampanja; 3. fuq il-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali u d-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali; u 4. fuq il-Leader.

Taħt l-assi Nru 1, hemm medda ta' miżuri li sejrin jimmiraw lejn il-kapital uman u fiżiku fis-setturi ta' l-agrikoltura, ta' l-ikel u tal-forestrija (permezz tal-promozzjoni tat-trasferiment tal-konoxxenza u l-innovazzjoni) u l-produzzjoni ta' kwalità. L-assi Nru 2 jipprovdi miżuri li jipproteġu u jtejbu r-riżorsi naturali, kif ukoll jippreżervaw il-biedja ta' valur naturali għoli u s-sistemi ta' forestrija u pajsaġġi kulturali fiż-żoni rurali ta' l-Ewropa. L-assi Nru 3 jgħin sabiex jiġu żviluppati l-infrastruttura lokali u l-kapital uman f'żoni rurali sabiex jitjiebu l-kondizzjonijiet għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' l-impjiegi fis-setturi kollha u d-diversifikazzjoni ta' l-attivitajiet ekonomiċi. L-assi Nru 4, ibbażat fuq l-esperjenza tal-Leader jintroduċi possibbiltajiet għal tmexxija innovattiva permezz ta' approċċi ibbażati lokalment, indirizzati minn isfel għal fuq, għall-iżvilupp rurali.

2.4.   Nilqgħu għall-isfidi

Iż-żoni rurali huma karatterizzati minn diversità kbira ta' sitwazzjonijiet, li jmorru minn żoni rurali remoti li jbatu min-nuqqas ta' popolazzjonijiet u mid-deklin għal żoni peri-urbani taħt pressjoni miċ-ċentri urbani li dejjem tiżdied.

Skond id-definizzjoni ta' l-OECD, li hija bbażata fuq id-densità tal-popolazzjoni, ir-reġjuni rurali (2) jirrappreżentaw 92 % tat-territorju ta' l-UE. Barra minn hekk, 19 % tal-popolazzjonijiet jgħixu f'reġjuni prevalentement rurali u 37 % f'reġjuni sinifikattivament rurali. Dawn ir-reġjuni jiġġeneraw 45 % ta' Valur Miżjud Gross (VMG) fl-UE u jipprovdu 53 % ta' l-impjiegi, iżda għandhom it-tendenza li jibqgħu wara ż-żoni mhux rurali fir-rigward ta' numru ta' indikaturi soċjo-ekonomiċi, inklużi indikaturi strutturali. F'żoni rurali, id-dħul per capita huwa madwar terz inqas (3), ir-rati ta' attività għan-nisa huma inqas, is-settur tas-servizzi huwa żviluppat inqas, il-livelli ta' l-edukazzjoni superjuri huma ġeneralment aktar baxxi, u l-perċentwali ta' djar li għandhom aċċess għall-'broadband' internet hija aktar baxxa. F'ċerti reġjuni rurali, id-distanza u l-periferiċità huma problemi prinċipali. Dawn l-iżvantaġġi għandhom tendenza jkunu aktar sinifikattivi f'reġjuni prevalentement rurali, għalkemm l-istampa ġenerali fuq il-livell ta' l-UE tista' tvarja b'mod sostanzjali bejn l-Istati Membri. In-nuqqas ta' opportunitajiet, ta' kuntatti u ta' l-infrastruttura neċessarja għat-taħriġ huma problema partikolari għan-nisa u għaż-żgħażagħ f'żoni rurali remoti.

It-tkabbir ta' l-UE biddel il-mappa agrikola. Fl-Istati Membri l-qodma l-agrikoltura tirrappreżenta 2 % tal-PGD, fl-Istat Membri l-ġodda 3 % u aktar minn 10 % fir-Rumanija u l-Bulgarija. Fl-Istati Membri l-ġodda s-sehem fl-impjieg ta' l-agrikoltura huwa tliet darbiet ogħla (12 %) minn dak fl-Istati Membri l-qodma (4 %). Fil-Bulgarija u r-Rumanija l-livelli ta' impjieg fl-agrikoltura huma ogħla sew.

Is-settur ta' l-agrikoltura u ta' l-ikel flimkien jikkostitwixxi parti importanti mill-ekonomija ta' l-UE, bi 15-il miljun impjieg (8,3 % ta' l-impjiegi totali) u 4,4 % tal-PGD. L-UE hija l-akbar produttur ta' ikel u xorb fid-dinja, bi produzzjoni globali stmata għal EUR 675 biljun. Madankollu, is-settur jibqa' ferm polarizzat u frammentat f'termini ta' daqs, b'opportunitajiet u perikli sinifikattivi għad-ditti. Il-forestrija u l-industriji marbutin magħha jimpjegaw madwar 3,4 miljun persuna b'bejgħ gross ta' EUR 350 biljun, iżda 60 % biss tat-tkabbir forestali annwali huwa attwalment sfruttat.

L-agrikoltura u l-forestrija jirrappreżentaw 77 % ta' l-użu ta' l-art fl-UE. Il-prestazzjoni ambjentali ta' l-agrikoltura fil-preżervazzjoni u t-titjib tar-riżorsi naturali fi snin reċenti kienet waħda mħallta. Fir-rigward tal-kwalità ta' l-ilma, l-eċċess totali ta' nitroġenu naqas bi ftit mill-1990 'l hawn fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, għalkemm xi pajjiżi u reġjuni għadhom taħt pressjoni sinifikattiva marbuta ma' lissija ta' nutrijenti. Għadhom jippersistu f'ħafna żoni problemi ta' emissjonijiet ta' ammonja, ta' ewtrofikazzjoni, ta' degrad tal-ħamrija u ta' deklin tal-bijodiversità. Madankollu, parti, li qiegħda tiżdied, miż-żona agrikola hija dedikata għall-produzzjoni organika (5,4 miljun ettaru fl-UE) u għar-riżorsi rinnovabbli (ġie stmat li 1,4 miljun ettaru intużaw għall-produzzjoni tal-bijoenerġija fl-2004 - 0,3 miljun ettaru taħt il-premium taż-żrieragħ enerġetiċi u 0,6 miljun ettaru fuq art imwarrba). It-tendenzi fit-tul fil-bidla tal-klima sejrin ikomplu jsawru l-biedja u l-forestrija. Saru avvanzi fil-protezzjoni tal-bijodiversità bl-implementazzjoni ta' Natura 2000 - ġiet indikata parti ta' madwar 12-13 % ta' żoni agrikoli u forestrija. Is-sistemi ta' biedja b'valur naturali għoli għandhom rwol importanti fil-preżervazzjoni tal-bijodiversità u ta' l-abitats, kif ukoll fil-ħarsien tal-pajsaġġ u tal-kwalità tal-ħamrija. Fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri, dawn is-sistemi ta' biedja jirrappreżentaw bejn 10 % u 30 % taż-żona agrikola. F'xi żoni l-abbandun tal-biedja jista' jwassal għal riskji ambjentali serji.

Għalhekk iż-żoni rurali jħabbtu wiċċhom ma' sfidi partikolari fir-rigward tat-tkabbir, ta' l-impjiegi u tas-sostenibbiltà fis-snin li ġejjin. Iżda joffru opportunitajiet veri fis-sens tal-potenzjal tagħhom li jikbru f'setturi ġodda, fil-provvediment ta' faċilitajiet rurali u fit-turiżmu, fl-attrazzjoni tagħhom bħala postijiet fejn tgħix u taħdem, u fir-rwol tagħhom bħala riżerva ta' riżorsi naturali u pajsaġġi ta' preġju għoli.

Is-setturi ta' l-agrikoltura u ta' l-ikel għandhom jaħtfu l-opportunitajiet offruti minn approċċi, teknoloġiji u innovazzjoni ġodda sabiex jilqgħu għad-domanda tas-suq li qiegħda tevolvi kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment. Fuq kollox, l-investiment fir-riżorsa ċentrali tal-kapital uman tippermetti li ż-żoni rurali u s-settur ta' l-ikel agrikolu jħarsu 'l quddiem b'kunfidenza.

Fl-okkażjoni tar-rilanċ ta' l-istrateġija ta' Lisbona, il-Kunsill Ewropew reġa' afferma li l-istrateġija ta' Lisbona għandha tiġi kunsidrata fil-kuntest usa' tar-rekwiżit ta' l-iżvilupp sostenibbli li l-ħtiġijiet attwali jridu jintlaħqu mingħajr ma' tiġi kompromessa l-kapaċità ta' ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom (4). Il-perjodu l-ġdid ta' programmazzjoni jipprovdi opportunità unika sabiex is-sostenn mill-EAFRD jerġa' jiġi ffukat fuq it-tkabbir, l-impjiegi u s-sostenibbiltà. F'dan is-sens, huwa jikkonforma bis-sħiħ mad-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji Gwida għall-Iżvilupp Sostenibbli (5) u mal-Programm imġedded ta' l-Azzjoni ta' Lisbona li jimmira lejn dawk ir-riżorsi li jagħmlu lill-Ewropa aktar attraenti bħala post ta' investiment u ta' xogħol, bil-promozzjoni tal-konoxxenza u ta' l-innovazzjoni għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' aktar impjiegi u ta' impjiegi itjeb.

Il-politika għall-iżvilupp rurali għandha tgħin iż-żoni rurali jilħqu dawn l-objettivi fil-perjodu 2007-2013. Dan jirrikjedi approċċ aktar strateġiku lejn il-kompetittività, il-ħolqien ta' l-impjiegi u l-innovazzjoni f'żoni rurali u lejn it-titjib fit-tmexxija ta' l-attwazzjoni tal-programmi. Għandu jkun hemm aktar attenzjoni fuq investimenti progressisti fin-nies, fil-kapaċitajiet u fil-kapital fis-setturi tal-biedja u tal-forestrija, fuq modi ġodda kif jiġu attwati servizzi abjentali li permezz tagħhom jirbaħ kulħadd u fuq il-ħolqien ta' aktar impjiegi u ta' impjiegi itjeb permezz tad-diversifikazzjoni, b'mod partikolari għan-nisa u għaż-żgħażagħ. Billi tgħin liż-żoni rurali ta' l-UE sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom bħal postijiet attraenti fejn tinvesti, taħdem u tgħix, il-politika għall-iżvilupp rurali tista' tagħti sehemha fl-iżvilupp sostenibbli tat-territorju Ewropew.

3.   ID-DETERMINAZZJONI TAL-PRIJORITAJIET TAL-KOMUNITÀ GĦALL-PERJODU TA' PROGRAMMAZZJONI 2007-2013 GĦALL-IŻVILUPP RURALI

Fil-qafas ta' l-objettivi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, il-linji gwida strateġiċi esposti hawn taħt jidentifikaw prijoritajiet għall-Komunità skond l-Artikolu 9 tiegħu. Il-linji gwida jimmiraw għall-integrazzjoni tal-prijoritajiet ta' politika prinċipali kif affermati fil-konklużjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta' Lisbona u ta' Göteborg. Għal kull sett ta' prijoritajiet huma preżentati l-azzjonijiet prinċipali illustrattivi. Abbażi ta' dawn il-linji gwida strateġiċi, kull Stat Membru għandu jipprepara l-pjan ta' l-istrateġija nazzjonali tiegħu, bħala l-qafas ta' riferiment għall-preparazzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali.

Ir-riżorsi dedikati għall-prijoritajiet ta' l-iżvilupp rurali tal-Komunità (fi ħdan il-limiti minimi regolatorji ta' finanzjament għal kull assi) jiddependu fuq is-sitwazzjoni, is-saħħa, id-dgħjufija u l-opportunitajiet speċifiċi ta' kull settur tal-programm. Kull waħda mill-prijoritajiet tal-Komunità, u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-objettivi ta' Lisbona u ta' Göteborg, ikunu jeħtieġu li jiġu riflessi fil-livell ta' l-Istat Membru fil-pjan ta' strateġija nazzjonali u fil-programmi ta' żvilupp rurali. F'ħafna każijiet, ser ikun hemm prijoritajiet nazzjonali jew reġjonali għal problemi speċifiċi relatati mal-katina agro-alimentari jew mas-sitwazzjoni ambjentali, klimatika u ġeografika ta' l-agrikoltura u l-forestrija. Jista' jkun il-każ li ż-żoni rurali jkollhom jittrattaw kwistjonijiet oħra speċifiċi bħall-pressjoni peri-urbana, il-qgħad, id-distanza jew id-densità baxxa tal-popolazzjoni.

3.1.   Titjib fil-kompetittività tas-setturi ta' l-agrikoltura u tal-forestrija

Linja gwida strateġika Komunitarja
Is-settur agrikolu, forestali u ta' l-ipproċessar ta' l-ikel ta' l-Ewropa għandhom potenzjal kbir sabiex jiżviluppaw aktar il-prodotti ta' kwalità għolja u ta' valur miżjud li jissodisfaw id-domanda diversifikata u li qiegħda tikber tal-konsumaturi Ewropej u tas-swieq mondjali.
Ir-riżorsi dedikati għall-assi 1 għandhom jikkontribwixxu għal settur agro-alimentari Ewropew b'saħħtu u dinamiku billi jiffukaw fuq il-prijoritajiet tat-trasferiment tal-konoxxenza, il-modernizzazzjoni, l-innovazzjoni u l-kwalità fil-katina ta' l-ikel, u fuq is-setturi ta' prijorità għall-investiment fil-kapital fiżiku u uman.

Sabiex jilħqu dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw is-sostenn fuq azzjonijiet ċentrali. Tali azzjonijiet ċentrali jistgħu jinkludu:

(i)

ir-ristrutturazzjoni u l-modernizzazzjoni tas-settur ta' l-agrikoltura, li jibqgħu jkollhom sehem importanti fl-iżvilupp ta' ħafna żoni rurali, b'mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda. Is-suċċess fl-adattament agrikolu jista' jkun iċ-ċavetta għall-iżvilupp tal-kompetittività u tas-sostenibbiltà ambjentali tas-settur agrikolu u għal żieda fl-impjiegi u għat-tkabbir f'setturi relatati ta' l-ekonomija. Dan jinkludi l-promozzjoni ta' l-antiċipazzjoni tal-bidla fis-settur agrikolu fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni u ta' l-immodernizzazzjoni u ta' l-iżvilupp ta' approċċ pro-attiv għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid tal-bdiewa, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħiliet trasferibbli;

(ii)

titjib fl-integrazzjoni fil-katina agro-alimentari. L-industrija ta' l-ikel ta' l-Ewropa hija waħda mill-aktar kompetittivi u innovattivi fid-dinja, iżda qiegħda tħabbat wiċċha ma' kompetizzjoni dinjija li qed tikber. Hemm skop konsiderevoli fl-ekonomija rurali sabiex jinħolqu u jitqegħdu fis-suq prodotti ġodda, sabiex jinżamm aktar valur f'żoni rurali permezz ta' skemi ta' kwalità u sabiex jiġi elevat il-profil tal-prodotti Ewropej lil hinn minn xtutna. L-użu ta' servizzi ta' konsulenza u s-sostenn sabiex jintlaħqu l-istandards Komunitarji jikkontribwixxi għal dan il-proċess ta' inegrazzjoni. Settur agrikolu orjentat lejn is-suq jgħin sabiex jikkonsolida ulterjorment il-pożizzjoni s-settur agro-alimentari Ewropew bħala sors maġġur ta' impjieg u sors ta' tkabbir ekonomiku;

(iii)

il-faċilitazzjoni ta' l-innovazzjoni u ta' l-aċċess għar-riċerka u għall-iżvilupp (R&D). L-innovazzjoni qiegħda dejjem issir iżjed importanti għas-setturi Ewropej tal-biedja, ta' l-ikel mill-agrikoltura u tal-forestrija. Waqt li l-kumpanniji agro-alimentari kbar Ewropej huma ta' spiss il-pijunieri ta' tendenzi ġodda, l-introduzzjoni ta' prodotti u proċessi ġodda tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikattiv għall-prestazzjoni ta' proċessuri iżgħar u ta' azjendi agrikoli. B'mod partikolari, forom ġodda ta' koperazzjoni jistgħu jiffaċilitaw aċċess għal R&D, innovazzjoni u azzjonijiet meħuda taħt is-Seba' Programm Kwadru (6);

(iv)

l-inkoraġġiment tal-varar u tad-diffużjoni ta' teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). Is-settur agro-alimentari in ġenerali ġie identifikat bħala wieħed li għadu lura fil-varar ta' teknoloġiji ta' l-ICT. Dan hu partikolarment il-każ għal negozji iżgħar. L-adozzjoni ta' applikazzjonijiet ta' kummerċ elettroniku għadha f'livell baxx barra mill-kumpanniji multinazzjonali kbar u mill-fornituri ikbar tagħhom. Il-fondi għall-iżvilupp rurali għandhom jikkomplementaw l-inizjattivi futuri tal-Kummissjoni bħall-i2010 fl-oqsma tal-kummerċ elettroniku (b'mod partikolari fir-rigward ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju), ħiliet elettroniċi u tagħlim elettroniku;

(v)

it-trawwim ta' intraprenditorija dinamika Ir-riformi reċenti ħolqu għall-biedja Ewropea ambjent orjentat lejn is-suq. Dan iġib opportunitajiet ġodda għall-azjendi agrikoli. Iżda r-realizzazzjoni ta' dan il-potenzjal ekonomiku sejra tiddependi fuq l-iżvilupp ta' ħiliet strateġiċi u organizzattivi. L-inkoraġġiment tad-dħul ta' bdiewa żgħażagħ fil-professjoni jista' jkollu rwol importanti f'dan ir-rigward;

(vi)

l-iżvilupp ta' opportunitajiet kummerċjali ġodda għal prodotti agrikoli u ta' forestrija. L-opportunitajiet kummerċjali ġodda jistgħu joffru valur miżjud ogħla, b'mod partikolari għal prodotti ta' kwalità. Is-sostenn għal investiment u għal taħriġ fil-qasam tal-produzzjoni li mhijiex relatata ma' l-ikel taħt żvilupp rurali jista' jikkomplementa miżuri meħuda taħt l-ewwel pilastru billi jinħolqu opportunitajiet kummerċjali innovattivi ġodda għall-produzzjoni jew billi jgħinu l-iżvilupp ta' materji rinnovabbli ta' enerġija, ta' biofuels u tal-kapaċità ta' proċessar;

(vii)

it-titjib tal-prestazzjoni ambjentali ta' azjendi agrikoli u tal-forestrija. Is-sostenibbiltà fit-tul tiddependi fuq l-abbiltà li jiġu prodotti l-prodotti li l-konsumaturi jixtiequ jixtru, waqt li jintlaħqu standards ambjentali għolja. L-investiment f'żieda ta' prestazzjoni ambjentali jista' jwassal ukoll għal vantaġġi ta' effiċjenza fil-produzzjoni, u tinħoloq sitwazzjoni fejn jirbaħ kulħadd;

Sabiex tissaħħaħ ir-rinnovazzjoni ġenerazzjonali fl-agrikoltura jistgħu jiġu kunsidrati kombinazzjonijiet ta' miżuri disponibbli taħt l-assi Nru 1, proġettati għall-bżonnijiet ta' bdiewa żgħażagħ.

3.2.   It-titjib ta' l-ambjent u tal-kampanja

Linja gwida strateġika Komunitarja
Sabiex jipproteġu u jtejbu r-riżorsi naturali u l-pajsaġġi f'żoni rurali, ir-riżorsi dedikati għall-assi Nru 2 għandhom jikkontribwixxu għal tliet żoni ta' prijorità ta' l-UE: Il-bijodiversità u l-preżervazzjoni u l-żvilupp ta' biedja ta' valur naturali għoli u ta' sistemi ta' forestrija u ta' pajsaġġi agrikoli tradizzjonali; l-ilma; u l-bidla fil-klima.
Il-miżuri disponibbli taħt l-assi Nru 2 għandhom jiġu użati sabiex jintegraw dawn l-objettivi ambjentali u jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tan-network tan-Natura 2000 ta' l-agrikoltura u l-forestrija, għall-impenn ta' Göteborg għal proċess li jneħħi l-effetti tad-deklin fil-bijodiversità sa l-2010, għall-objettivi stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta' l-ilma (7), u għall-miri tal-Protokoll ta' Kyoto għall-mitigazzjoni tal-bidla fil-klima.

Sabiex jilħqu dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw is-sostenn fuq azzjonijiet ewlenin. Tali azzjonijiet ewlenin jinkludu:

(i)

il-promozzjoni ta' servizzi ambjentali u ta' prattiċi ta' biedja li ma jagħmlux ħsara lill-annimali. Iċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-bdiewa jirrispettaw standards obbligatorji. Iżda ħafna jaqblu wkoll li l-bdiewa għandhom jiġu rimunerati jekk jidħlu għal impenji li jmorru lil hinn, meta jagħtu servizzi li s-suq waħdu ma jipprovdix, b'mod partikolari meta l-emfażi tkun fuq riżorsi speċifiċi ta' importanza partikolari fil-kuntest ta' l-agrikoltura u tal-forestrija bħall-ilma u l-ħamrija;

(ii)

il-preżervazzjoni tal-pajsaġġ u l-foresti maħduma. Fl-Ewropa, ħafna mill-ambjent rurali preġjat huwa r-riżultat ta' l-agrikoltua. Il-prattiċi tal-ġestjoni sostenibbli ta' l-art jistgħu jgħinu jnaqqsu r-riskji marbuta ma' l-abbandun, mad-deżertifikazzjoni u man-nirien fil-foresti, b'mod partikolari f'żoni anqas favorevoli. Sistemi xierqa ta' biedja jgħinu jippreżervaw pajsaġġi u abitats mifruxa minn artijiet imxarrba sa mergħat niexfa u muntanjużi. F'ħafna żoni, din tkun parti importanti mill-wirt kulturali u naturali u mill-attrazzjoni ġenerali ta' żoni rurali bħala postijiet fejn tgħix u taħdem;

(iii)

il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. L-agrikoltura u l-forestrija huma fuq quddiem nett ta' l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija u ta' sorsi ta' materjali għal stallazzjonijiet ta' bijo-enerġija. Il-prattiċi xierqa ta' agrikoltura u forestrija jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet bl-effett ta' serra u għall-preżervazzjoni ta' l-effett ta' tal-carbon sink u tas-sustanzi organiċi fil-ħamrija, u jistgħu jgħinu wkoll fl-adattament għall-impatti ta' bidla fil-klima;

(iv)

il-konsolidament tal-kontribuzzjoni tal-biedja organika. Il-biedja organika tirrappreżenta approċċ olistiku għall-agrikoltura sostenibbli. F'dan ir-rigward, tista' tiġi rafforzata iżjed il-kontribuzzjoni tagħha għall-objettivi ambjentali u tal-benesseri ta' l-annimali;

(v)

l-inkoraġġiment ta' inizjattivi ambjentali jew ekonomiċi li bihom jirbaħ kulħadd. Il-provvista ta' prodotti ambjentali, b'mod partikolari permezz ta' miżuri agro-ambjentali, tista' tikkontribwixxi għall-identità ta' żoni rurali u tal-prodotti ta' l-ikel tagħhom. Huma jistgħu jiffurmaw bażi għat-tkabbir u għal impjiegi permezz ta' turiżmu u l-fornitura ta' faċilitajiet rurali, b'mod partikolari meta marbuta mad-diversifikazzjoni fit-turiżmu, fis-snajja', fit-taħriġ jew fis-settur mhux relatat ma' l-ikel;

(vi)

il-promozzjoni ta' bilanċ territorjali. Il-programmi ta' żvilupp rurali jistgħu jagħmlu kontribut vitali għall-attrazzjoni ta' żoni rurali. Jistgħu wkoll jgħinu sabiex jiżguraw li f'ekonomija kompetittiva, ibbażata fuq il-konoxxenza, jinżamm bilanċ sostenibbli bejn żoni urbani u rurali. Flimkien ma' assi ta' programmi oħra, il-miżuri tal-ġestjoni ta' l-art jistgħu jagħmlu kontribut pożittiv għad-distribuzzjoni spazjali ta' l-attività ekonomika u tal-koeżjoni territorjali.

3.3.   It-titjib tal-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali u l-inkoraġġiment tad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali

Linja gwida strateġika Komunitarja
Ir-riżorsi dedikati għall-oqsma tad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali u tal-kwalità tal-ħajja f'żoni rurali taħt l-assi Nru 3 għandhom jikkontribwixxu għall-prijorità prevalenti tal-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol u ta' kondizzjonijiet għat-tkabbir. Il-firxa ta' miżuri disponibbli taħt l-assi Nru 3 għandha b'mod partikolari tintuża sabiex tippromwovi l-bini tal-kapaċitajiet, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-organizzazzjoni għall-iżvilupp ta' strateġiji lokali u wkoll tgħin sabiex tiżgura li ż-żoni rurali jibqgħu attraenti għal ġenerazzjonijiet futuri. Fil-promozzjoni ta' taħriġ, ta' l-informazzjoni u ta' l-intraprenditorija, għandhom jiġu kunsidrati l-ħtiġijiet partikolari ta' ħaddiema nisa, ħaddiema żgħażagħ u ta' ħaddiema li jkunu akbar fl-età.

Sabiex jilħqu dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw is-sostenn fuq azzjonijiet ċentrali. Tali azzjonijiet ċentrali jistgħu jinkludu:

(i)

it-tiżjid ta' l-attività ekonomika u tar-rati ta' impjiegi fl-ekonomija rurali usa'. Id-diversifikazzjoni hija meħtieġa għat-tkabbir, għall-impjiegi u għall-iżvilupp sostenibbli f'żoni rurali, u għalhekk tikkontribwixxi għall-bilanċ territorjali aħjar, kemm f'termini ekonomiċi kif ukoll f'dawk soċjali. It-turiżmu, is-snajja' u l-provvista ta' faċilitajiet rurali huma setturi ta' tkabbir f'ħafna reġjuni u joffru opportunitajiet kemm għal diversifikazzjoni on-farm barra l-agrikoltura kif ukoll għall-iżvilupp ta' mikro-negozji fl-ekonomija rurali usa';

(ii)

l-inkoraġġiment tad-dħul tan-nisa fis-suq tax-xogħol. F'ħafna żoni rurali in-nuqqas ta' servizz adegwat ta' kura tat-tfal joħloq ostakoli speċifiċi. L-inizjattivi lokali sabiex jiġu żviluppati faċilitajiet ta' kura tat-tfal jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol. Dan jista' jinkludi l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' kura tat-tfal, potenzjalment flimkien ma' inizjattivi sabiex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' negozji żgħar relatati ma' attivitajiet rurali u servizzi lokali;

(iii)

l-għoti tal-ħajja mill-ġdid lill-villaġġi. L-inizjattivi integrati flimkien mad-diversifikazzjoni, il-ħolqien ta' kummerċ, l-investiment fil-wirt kulturali, l-infrastruttura għal servizzi lokali u r-rinnovazzjoni jistgħu jikkontribwixxu għal titjib kemm ta' prospetti ekonomiċi kif ukoll tal-kwalità tal-ħajja;

(iv)

l-iżvilupp tal-mikro-kummerċ u tas-snajja', li jista' jibni fuq il-ħiliet tradizzjonali jew jintroduċi kompetenzi ġodda, b'mod partikolari meta jsir flimkien max-xiri ta' tagħmir, mat-taħriġ u mat-tagħlim, u li jgħin sabiex tiġi promossa l-intraprenditorija u l-iżvilupp tat-tessut ekonomiku;

(v)

it-taħriġ taż-żgħażagħ f'ħiliet meħtieġa għad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija lokali, li jista' jtejjeb id-domanda għat-turiżmu, għar-rikreazzjoni, għas-servizzi ambjentali, għall-prattiċi rurali tradizzjonali u għall-prodotti ta' kwalità;

(vi)

l-inkoraġġiment għall-użu u għad-diffużjoni ta' l-ICT. L-użu u d-diffużjoni ta' l-ICT huwa essenzjali f'żoni rurali għad-diversifikazzjoni, kif ukoll għall-iżvilupp lokali, għall-provvista ta' servizzi lokali u għall-promozzjoni ta' l-inklużjoni elettronika. Jistgħu jinkiseb benefiċċju ekonomiku mit-tkabbir tal-produzzjoni permezz ta' l-inizjattivi ICT fil-villaġġi li jikkombinaw tagħmir ta' l-IT, networking u taħriġ f'eSkills permezz ta' strutturi Komunitarji. Tali inizjattivi jistgħu jiffaċilitaw ħafna l-użu ta' l-IT minn impriżi agrikoli lokali u negozji rurali u l-adozzjoni ta' n-negozju elettroniku u l-kummerċ elettroniku. Jeħtieġ li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet li jagħti l-internet u l-komunikazzjoni broadband, per eżempju bl-għajnuna ta' programmi reġjonali taħt il-Fondi Strutturali, sabiex jingħelbu l-iżvantaġġi tal-post;

(vii)

l-iżvilupp tal-provvista u ta' l-użu innovattiv ta' sorsi rinnovabbli ta' enerġija jista' jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda għal prodotti agrikoli u ta' forestrija, għall-provvista ta' servizzi lokali u għad-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali;

(viii)

l-inkoraġġiment ta' l-iżvilupp tat-turiżmu. It-turiżmu huwa settur maġġuri ta' tkabbir f'ħafna żoni rurali u jista' jibni fuq il-wirt kulturali u naturali. Iż-żieda fl-ICT fit-turiżmu għall-prenotazzjonijiet, promozzjoni, marketing, proġettazzjoni ta' servizz u attivitajiet rikreattivi tista' tgħin sabiex jiżdiedu n-numru ta' viżitaturi u tat-tul tal-waqfiet tagħhom, b'mod partikolari fejn dan l-użu jipprovdi kollegamenti ma' faċilitajiet iżgħar u jinkoraġġixi l-agro-turiżmu;

(ix)

it-titjib ta' infrastruttura lokali, b'mod partikolari fl-Istati Membri l-ġodda. Sejjer isir investiment sinifikattiv fl-infrastruttura maġġura ta' telekomunikazzjoni, trasport, enerġija u ilma tul is-snin li ġejjin. Sejjer ikun disponibbli sostenn konsiderevoli mill-Fondi Strutturali li jinteressa medda minn networks trans-Ewropej sa l-iżvilupp ta' kollegamenti ma' parks kummerċjali jew xjentifiċi. Sabiex jiġi realizzat bi sħiħ il-multiplier effect f'termini ta' mpjiegi u ta' tkabbir, l-infrastruttura lokali ta' skala żgħira, sostnuta fil-kuntest ta' programmi ta' żvilupp rurali, tista' tassumi rwol vitali bħala mezz ta' kollegament bejn dawn l-investimenti maġġuri u strateġiji lokali għad-diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-potenzjal agrikolu u tas-settur ta' l-ikel.

3.4.   Il-bini tal-kapaċità lokali għall-impjiegi u għad-diversifikazzjoni

Linja gwida strateġika Komunitarja
Ir-riżorsi dedikati għall-assi Nru 4 (Leader) għandhom jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ta' l-assi Nru 1 u Nru 2 u b'mod partikolari għall-assi Nru 3, iżda jkollhom ukoll rwol importanti fil-prijorità orizzontali ta' titjib fit-tmexxija u l-mobilizzazzjoni ta' potenzjal ta' żvilupp endoġenu ta' żoni rurali.

Is-sostenn taħt l-assi Nru 4 joffri, fil-kuntest tal-bini ta' strateġija ta' żvilupp lokali, immexxija mill-Komunità, li tkompli tibni fuq bżonnijiet u forzi lokali, il-possibbiltà li jiġu kombinati t-tlett objettivi - il-kompetittività, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja/diversifikazzjoni. L-approċċi integrati li jinvolvu bdiewa, ħaddiema fil-forestrija u atturi rurali oħra jistgħu jissalvagwardaw u jtejbu l-wirt naturali u kulturali lokali, ikabbru l-kuxjenza ambjentali u jinvestu fi prodotti ta' speċjalità, fit-turiżmu u fir-riżorsi rinnovabbli ta' l-enerġija, u jippromwovuhom.

Sabiex jilħqu dawn il-prijoritajiet, l-Istati Membri huma mħeġġa jiffukaw is-sostenn fuq azzjonijiet ċentrali. Tali azzjonijiet ċentrali jistgħu jinkludu:

(i)

il-bini ta' kapaċità ta' sħubija lokali, l-animazzjoni u l-promozzjoni ta' l-iżvilupp ta' ħiliet, li jistgħu jgħinu sabiex jagħtu spinta lill-potenzjal lokali;

(ii)

il-promozzjoni ta' sħubija bejn is-settur privat u s-settur pubbliku. B'mod partikolari, il-Leader sejjerr jibqa' jkollu rwol importanti fl-inkoraġġiment ta' approċċi innovattivi għall-iżvilupp rurali u fit-tressiq lejn xulxin tas-settur privat u s-settur pubbliku;

(iii)

il-promozzjoni tal-koperazzjoni u l-innovazzjoni. L-inizjattivi lokali bħal-Leader u s-sostenn tad-diversifikazzjoni jistgħu jassumu rwol essenzjali fil-kollegament bejn nies u ideat u approċċi ġodda, billi jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, u jistgħu jippromwovu l-inklussività u l-provvista ta' servizzi lokali. Il-komunitajiet on-line jistgħu jgħinu fit-tixtrid tal-konoxxenza, fl-iskambju ta' prattiċi tajba u fl-innovazzjoni fi prodotti u servizzi rurali;

(iv)

it-titjib fit-tmexxija lokali. Il-Leader jista' jgħin irawwem approċċi innovattivi li jgħaqdu flimkien l-agrikoltura, il-forestrija u l-ekonomija lokali, u b'hekk jgħin jiddiversifika l-bażi ekonomika u jsaħħaħ it-tessut soċjo-ekonomiku taż-żoni rurali.

3.5.   L-assigurazzjoni tal-konsistenza fil-programmazzjoni

Linja gwida strateġika Komunitarja
Fit-tfassil ta' l-istrateġiji nazzjonali tagħhom, l-Istati membri għandhom jiżguraw li sinerġiji bejn u fi ħdan l-assi ikunu massimizzati u li jiġu evitati l-kontradizzjonijiet potenzjali. Fejn xieraq, huma jistgħu jiżviluppaw approċċi integrati. Ikunu jixtiequ jirriflettu dwar kif għandhom jieħdu kont ta' strateġiji oħra fil-livell ta' l-UE, bħall-Pjan ta' Azzjoni għall-Ikel u l-Biedja Organiċi, l-impenn għal użu mkabbar ta' riżorsi rinnovabbli ta' enerġija (8), il-bżonn li tiġi żviluppata strateġija ta' l-UE fuq terminu medju u fuq terminu twil kontra l-bidla fil-klima (9) u l-bżonn li jiġu antiċipati l-effetti probabbli fuq il-biedja u l-forestrija, l-Istrateġija ta' Forestrija ta' l-UE u l-Pjan ta' Azzjoni (li jistgħu jgħinu fil-kisba ta' l-objettivi ta' tkabbir, ta' impjieg u ta' sostenibbiltà) u l-prijoritajiet stabbiliti fis-Sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali Komunitarju stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2002 (10), b'mod partikolari dawk il-prijoritajiet identifikati bħal tali li jeħtieġu strateġiji ambjentali tematiċi (il-protezzjoni tal-ħamrija, il-protezzjoni u l-konservazzjoni ta' l-ambjent tal-baħar, l-użu sostenibbli ta' pestiċidi, it-tniġġis fl-arja, l-ambjent urban, l-użu sostenibbli ta' riżorsi, u r-riċiklaġġ ta' l-iskart).

Diversi mezzi huma disponibbli fil-livell ta' l-UE u ta' l-Istati Membri sabiex titjieb it-tmexxija u titwettaq il-politika. L-assistenza teknika tista' tintuża sabiex jinbnew networks Ewropej u nazzjonali għall-iżvilupp rurali, bħala pjattaforma għall-iskambju ta' l-aqwa prattika u kompetenza mill-aspetti kollha tat-tfassil ta' politika, ta' ġestjoni u implementazzjoni bejn dawk kollha involuti. Ikun hemm bżonn li jittieħed kont ta' l-informazzjoni u l-pubbliċità sabiex jiġi żgurat involviment bikri ta' l-atturi differenti fit-tħejjija ta' l-istrateġiji nazzjonali u jkun hemm bżonn li l-użu ta' dawn jiġi determinat għall-istadji sussegwenti ta' l-implementazzjoni.

3.6.   Il-komplementarjetà bejn strumenti Komunitarji

Linja gwida strateġika Komunitarja
Hemm bżonn li tiġi mħeġġa s-sinerġija bejn il-politika strutturali, il-politika ta' l-impjiegi u l-politika ta' l-iżvilupp rurali. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-komplementarjetà u l-koerenza bejn l-azzjonijiet li jridu jiġu finanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, mill-Fond ta' Koeżjoni, mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond Ewropew għas-Sajd u mill-EAFRD fuq territorju partikolari u f'qasam partikolari ta' attività. Il-prinċipji ewlenin ta' gwida għal dak li jirrigwarda l-linja ta' demarkazzjoni u l-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet sostnuti mill-Fondi differenti għandhom jiġu definiti fil-qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali u fil-pjan strateġiku nazzjonali.

Għal investimenti infrastrutturali, l-iskala ta' l-intervent tista' tkun prinċipju ta' gwida. Per eżempju, għal investimenti fit-trasport u f'infrastruttura oħra fil-livell ta' l-Istati Membri jew fil-livell reġjonali jew fil-livell subreġjonali jiġu użati strumenti ta' politika ta' koeżjoni, filwaqt li fil-livell lokali tista' tiġi użata l-miżura ta' servizzi bażiċi taħt l-assi Nru 3, u b'hekk jiġi żgurat il-kollegament bejn il-livelli lokali u reġjonali.

Fir-rigward ta' l-iżvilupp tal-kapital uman, is-sostenn taħt l-iżvilupp rurali jkun immirat lejn il-bdiewa u l-atturi ekonomiċi involuti fid-diversifikazzjoni ta' l-ekonomija rurali. Il-popolazzjoni ta' żoni rurali tista' tirċievi sostenn bħala parti minn approċċ integrat, minn isfel għal fuq. L-azzjonijiet f'dawn l-oqsma għandhom jiġu implementati f'konformità sħiħa ma' l-objettivi ta' l-Istrateġija Ewropea ta' l-Impjiegi, kif esposta fil-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u għall-Impjiegi, u għandhom ikunu koerenti ma' l-azzjonijiet meħuda taħt il-programmi ta' riforma nazzjonali fil-qafas tal-proċess ta' Lisbona. Il-programm ta' xogħol “Edukazzjoni u Taħriġ 2010” jimmira li jikseb il-partijiet ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-miri ta' Lisbona. It-tagħlim tul il-ħajja jinsab fil-qalba ta' dan il-programm u japplika għal-livelli u t-tipi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ, inklużi s-settur agrikolu, is-settur tal-forestrija u s-settur agro-alimentari.

4.   IS-SISTEMA TA' RAPPURTAR

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprevedi l-monitoraġġ strateġiku ta' l-istrateġiji Komunitarji u nazzjonali. Il-bażi għar-rappurtar dwar il-progress sejra tkun il-qafas komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni, li jrid jiġi stabbilit f'koperazzjoni ma' l-Istati Membri.

Il-qafas sejjer jipprovdi numru limitat ta' indikaturi komuni u metodoloġija komuni. Sejjer ikun supplementat b'indikaturi speċifiċi ta' programmi sabiex jirrifletti l-karattru ta' kull qasam tal-programm.

Sett komuni ta' indikaturi jippermetti l-aggregazzjoni ta' produzzjoni, riżultati u impatti fil- livell ta' l-UE u jgħin fil-valutazzjoni tal-progress fil-kisba ta' prijoritajiet Komunitarji. Indikaturi bażilari definiti fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni jippermettu l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni tal-bidu u jiffurmaw il-bażi għall-iżvilupp ta' l-istrateġija tal-programm.

L-attivitajiet ta' valutazzjoni sejrin isiru fuq bażi kontinwa, u jkunu jikkonsistu f'valutazzjonijiet fil-livelli ex-ante, mid-term, u ex-post kif ukoll f'attività oħra ta' valutazzjoni kunsidrata utili għat-titjib fil-ġestjoni u fl-impatt tal-programm. Dawn ikunu akkumpanjati minn studji tematiċi u minn valutazzjonijiet-sinteżi fil-livell Komunitarju, kif ukoll minn attivitajiet tan-network Ewropew għall-iżvilupp rurali bħala pjattaforma għall-iskambju u l-bini ta' kapaċitajiet għall-valutazzjoni fl-Istati Membri. L-iskambju ta' prattiċi tajba u l-kondiviżjoni tar-riżultati ta' valutazzjoni jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-effikaċja ta' l-iżvilupp rurali. F'dan ir-rigward, in-network Ewropew għandu jkollu rwol ċentrali fil-faċilitazzjoni tal-kuntatti.


(1)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsilli Ewropej tal-Lussemburgu (fit-12 u 13 ta' Diċembru 1997), Berlin (fl-24 u 25 ta' Marzu 1999) u ta' Brussell (fl-24 u 25 ta' Ottubru 2002).

(2)  Id-definizzjoni ta' l-OECD hija bbażata fuq il-parti tal-popolazzjoni li tgħix f'unitajiet amministrattivi rurali (jiġifieri b'inqas minn 150 abitant kull km2) f'reġjun NUTS III li jkun. Ara Valutazzjoni Estiża ta' l-Impatt - SEC(2004) 931. Din hija l-unika definizzjoni ta' żoni rurali li hija rikonoxxuta internazzjonalment. Madankollu, f'xi każi, ma tieħux kont sħiħ tal-popolazzjoni li tgħix f'żoni rurali b'popolazzjoni aktar densa, b'mod partikolari f'żoni peri-urbani. Fil-kuntest ta' dawn il-linji gwida, qiegħda tiġi użata biss għal skopijiet statistiċi u deskrittivi.

(3)  Kif imkejjel mill-PGD f'parità ta' saħħa ta' akkwist.

(4)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (22 u 23 ta' Marzu 2005).

(5)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell (16 u 17 ta' Ġunju 2005).

(6)  F'dan il-kuntest għandu jittieħed ukoll kont tax-xogħol tal-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola.

(7)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva Nru 2455/2001/KE (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(8)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, ta' Brussell (25 u 26 ta' Marzu 2004).

(9)  Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew, ta' Brussell (22 u 23 ta' Marzu 2005).

(10)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.


Top