32005R2111


Titolu u referenza

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

 ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15–22 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 07 Volume 15 P. 92 - 99
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 07 Volume 15 P. 92 - 99

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  MT  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta’ l- 14 ta’ Diċembru 2005

dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Azzjoni mill-Komunità fil-qasam tat-trasport ta’ l-ajru għandha timmira, bħala prijorità, li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri minn riskji ta’ sigurtà. Barra minn hekk, għandu jingħata rendikont sħiħ tar-rekwiżiti ta’ ħarsien tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2) Għandha tinġieb għall-attenzjoni tal-passiġġieri lista Komunitarja ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ sigurtà rilevanti sabiex tiġi żgurata l-akbar trasparenza possibbli. Din il-lista Komunitarja għandha tkun ibbażata fuq kriterji komuni mfassla fuq livell Komunitarju.

(3) Kumpanniji ta’ l-ajru inklużi fil-lista Komunitarja għandhom ikunu suġġetti għal projbizzjoni. Il-projbizzjonijiet mill-operar inklużi fil-lista Komunitarja għandhom japplikaw għat-territorju kollu ta’ l-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat.

(4) Kumpanniji ta’ l-ajru li ma jgawdux drittijiet tat-traffiku fi Stat Membru jew iżjed jistgħu xorta waħda jtiru lejn u mill-Komunità meta l-ajruplani tagħhom, bl-ekwipaġġ jew mingħajru, jkunu mikrija minn kumpanniji li jgawdu minn drittijiet bħal dawn. Għandu jkun hemm disposizzjoni sabiex projbizzjoni ta’ operar inkluża fil-lista Komunitarja tapplika bl-istess mod għal kumpanniji ta’ l-ajru bħal dawn, billi jekk ikun xort’oħra dawn il-kumpanniji ta’ l-ajru jkunu jistgħu joperaw fil-Komunità mingħajr ma jikkonformaw ma’ l-istandards ta’ sigurtà relevanti.

(5) Kumpannija ta’ l-ajru li hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ operar tista’ tingħata l-permess li teżerċita drittijiet tat-traffiku billi tuża ajruplani mikrija bl-ekwipaġġ (wet-lease) ta’ kumpannija ta’ l-ajru li mhijiex suġġetta għal projbizzjoni mill-operar, sakemm din tkun konformi ma’ l-istandards tas-siġurtà relevanti.

(6) Il-proċedura għall-aġġornament tal-lista Komunitarja għandha tgħin biex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr, sabiex tiġi provduta informazzjoni adegwata u aġġornata dwar is-sigurtà lil passiġġieri ta’ l-ajru u biex jiġi ggarantit li l-kumpanniji ta’ l-ajru li rranġaw in-nuqqasijiet fis-sigurtà jitneħħew mil-lista kemm jista’ jkun malajr. Fl-istess ħin, il-proċeduri għandhom jirrispettaw id-drittijiet ta’ difiża tal-kumpanniji ta’ l-ajru u m’għandhomx ikunu ta’ ħsara għal ftehim u konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom l-Istati Membri jew il-Komunità huma parti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni ta’ Chicago ta’ l-1944 dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Il-miżuri ta’ implimentazzjoni għal affarijiet ta’ proċedura, li jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni, għandhom jieħdu ħsieb b’mod partikolari ta’ dawn ir-rekwiżiti.

(7) Meta projbizzjoni ta’ operar tiġi imposta fuq kumpannija ta’ l-ajru, għandha tittieħed azzjoni xierqa bil-għan li tgħin lil dik il-kumpannija ta’ l-ajru biex ittejjeb in-nuqqasijiet li wasslu għall-projbizzjoni ta’ operar.

(8) F’każi eċċezzjonali, l-Istati Membri għandhom jitħallew jieħdu miżuri unilaterali. F’każijiet ta’ urġenza u meta jkollhom problema ta’ sigurtà mhux mistennija, l-Istati Membri għandhom jkollhom il-possibiltà li jimponu immedjatament projbizzjoni ta’ operar fir-rigward tat-territorju tagħhom. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tkun iddeċidiet li ma tinkludix kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu kapaċi li jimponu jew iżommu projbizzjoni ta’ operar minħabba xi problema ta’ sigurtà li ma teżistix fl-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu restrittiv ta’ dawn il-possibilitajiet, iqisu l-interess tal-Komunità u bil-għan li jippreżentaw approċċ komuni fir-rigward tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni. Dan għandu jkun bla ħsara għall-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 1991 dwar l-armonizzazzjoni ta’ rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili [3] u għall-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1592/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Lulju 2002 dwar regoli komuni fil-qasam ta’ l-avjazzjoni ċivili u l-istabbiliment ta’ Aġenzija tas-Sigurtà fl-Avjazzjoni Ewropea [4].

(9) Informazzjoni dwar is-sigurtà ta’ kumpanniji ta’ l-ajru għandha tiġi ppubblikata b’mod effettiv, bħal ma hu l-użu ta’ l-Internet.

(10) Sabiex il-qafas ta’ kompetittività fit-trasport ta’ l-ajru jagħti l-akbar benefiċċji possibbli lill-kumpanniji u lill-passiġġieri, huwa importanti li l-konsumaturi jirċievu l-informazzjoni meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

(11) L-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li fil-fatt ikunu qegħdin joperaw it-titjira hija biċċa informazzjoni essenzjali. Madankollu, konsumaturi li jikkonkludu kuntratt ta’ trasport, li jista’ jkun fih kemm titjira ‘l barra kif ukoll ta’ ritorn, mhumiex dejjem infurmati dwar l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li jkunu fil-fatt qed joperaw it-titjira jew it-titjiriet ikkonċernati.

(12) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat- 13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vakanzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż [5] titlob li ċertu informazzjoni tkun disponibbli għal konsumaturi, iżda dik l-informazzjoni ma tinkludix l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera.

(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 ta’ l- 24 ta’ Lulju 1989 dwar kodiċi ta’ kondotta għas-Sistemi ta’ Riservazzjoni Kompjuterizzata (CRS) [6] jintitola lill-konsumaturi li jirriservaw titjira permezz ta’ sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata li jkunu infurmati dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera. Minkejja dan, anki fit-trasport ta’ l-ajru skedat, jeżistu prassi ta’ l-industrija, bħall-kiri ta’ ajruplani bl-ekwipaġġ, jew code-sharing jekk ir-riservazzjoni ssir mingħajr CRS, fejn il-kumpannija ta’ l-ajru li biegħet it-titjira taħt isimha fil-fatt ma toperahiex u fejn bħalissa ma hemm l-ebda dritt legali tal-passiġġier li jkun informat dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li fil-fatt qiegħda topera s-servizz.

(14) Dawn il-prattiċi jżidu l-flessibilità u jippermettu l-forniment aħjar ta’ servizzi għall-passiġġieri. Barra minn dan, ċertu numru ta’ tibdil fl-aħħar minuta, b’mod partikolari għal raġunijiet tekniċi, ma jistax jiġi evitat u jikkontribwixxi għas-sigurtà tat-trasport ta’ l-ajru. Din il-flessibilità għandha, madankollu, tkun ibbilanċjata permezz ta’ verifika li l-kumpanniji li fil-fatt qegħdin joperaw it-titjiriet jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ sigurtà u permezz ta’ trasparenza għall-konsumaturi sabiex id-dritt tagħhom li jagħmlu għażla infurmata jkun garantit. Għandu jitfittex li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-vijabilità kummerċjali tal-kumpanniji ta’ l-ajru u l-aċċess għall-informazzjoni min-naħa tal-passiġġieri.

(15) Il-kumpanniji ta’ l-ajru għandhom isegwu politika ta’ trasparenza fil-konfront ta’ passiġġieri fir-rigward ta’ l-informazzjoni relatata mas-sigurtà. L-ippubblikar ta’ informazzjoni bħal din għandha tikkontribwixxi għall-għarfien mill-passiġġieri dwar l-affidabilità tal-kumpanniji ta’ l-ajru f’dik li hi sigurtà.

(16) Il-kumpanniji ta’ l-ajru huma responsabbli biex jirrapportaw nuqqasijiet fis-sigurtà lill-awtoritajiet nazzjonali għas-sigurtà ta’ l-ajru kif ukoll biex jindirizzaw nuqqasijiet bħal dawn bla dewmien. L-ekwipaġġ ta’ l-ajru u ta’ l-art huma mistennija li jieħdu azzjoni xierqa meta jidrilhom li hemm nuqqasijiet fis-sigurtà, Jekk l-istaff jiġi penalizzat talli jagħmel hekk, dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni kif isegwi mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-rapportar ta’ ġrajjiet fl-avjazzjoni ċivili [7].

(17) B’żieda mas-sitwazzjonijiet koperti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni għal kumpens u għajnuna lill-passiġġieri fil-każ ta’ rifjut ta’ l-imbarkazzjoni u fil-każ ta’ tħassir jew dewmien twil ta’ titjiriet [8], il-passiġġieri għandhom jiġu offruti d-dritt għal rimbors jew għal għotja ta’ rotta ġdida f’ċertu sitwazzjonijiet speċifiċi oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjon ta’ dan ir-Regolament, jekk hemm rabta biżżejjed mill-qrib mal-Komunità.

(18) Flimkien mar-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-implikazzjonijiet ta’ tibdil fl-identità tal-kumpannija li topera għat-twettiq tal-kuntratt tat-trasport għandhom jiġu rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri applikabbli għall-kuntratti u mil-liġi Komunitarja relevanti, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 90/314/KEE u 93/13/KEE tal- 5 ta’ April 1993 dwar termini mhux ġusti kuntratti tal-konsumatur [9].

(19) Dan ir-Regolament huwa parti minn proċess leġislattiv li jfittex approċċ effiċjenti u koerenti għar-rinfurzar tas-sigurtà ta’ l-ajru fil-Komunità, li fih tilgħab rwol importanti l-Aġenzija għas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea. B’estensjoni tal-kompetenzi ta’ din l-Aġenzija, bħal fir-rigward ta’ ajruplani ta’ pajjiżi terzi, ir-rwol tagħha taħt dan ir-Regolament jista’ jikber iżjed. Attenzjoni speċjali għandha tingħata biex titjieb iżjed il-kwalità u l-kwantità ta’ spezzjonijiet tas-sigurtà ta’ l-ajruplani u għall-armonizzazzjoni ta’ dawn l-ispezzjonijiet.

(20) Fejn hemm riskju għas-sigurtà li ma ssolviex b’mod adegwat mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), il-Kummissjoni għandha jkollha l-possibilità li tadotta miżuri immedjati fuq bażi proviżorja. F’każijiet bħal dawn, il-kumitat li jgħin lill-Kummissjoni f’xogħolha taħt dan ir-Regolament għandu jaġixxi skond il-proċedura konsultattiva li jipprovdi għaliha l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat- 28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [10].

(21) Fil-każijiet l-oħra kollha, il-kumitat li jgħin lill-Kummissjoni f’xogħolha taħt dan ir-Regolament għandu jaġixxi skond il-proċedura regolatorja li jipprovdi għaliha l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(22) Billi jekk ikun xort’oħra r-relazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ April 2004 dwar is-sigurtà ta’ ajruplani ta’ pajjiżi terzi li jużaw ajruporti Komunitarji [11] ma tkunx ċara, dak l-Artikolu għandu jitħassar bil-għan li tiġi provduta ċertezza legali.

(23) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-disposizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn il-penali jiġu applikati. Il-penali, li jistgħu jkunu ta’ natura ċivili jew amministrattiva, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(24) Il-Kummissjoni għandha tanalizza l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, wara perijodu suffiċjenti, għandha tirrapporta dwar l-effiċjenza tad-disposizzjonijiet tiegħu.

(25) Kwalunkwe awtorità kompetenti ta’ l-avjazzjoni ċivili fil-Komunità tista’ tiddeċiedi li kumpanniji ta’ l-ajru, inklużi dawk li ma joperawx fit-territorju ta’ l-Istati Membri li għalih japplika t-Trattat, jistgħu jressqu talba lil dik l-awtorità biex tgħaddi l-kumpannija ta’ ajru li titlob dan minn kontrolli sistematiċi sabiex tiġi ivverifikata l-possibiltà għandha li hi tikkonforma ma’ l-istandards relevanti ta’ sigurtà.

(26) Dan ir-Regolament m’għandux iċaħħad lill-Istati Membri milli jintroduċu sistema ta’ ttikkettar skond il-kwalità għal kumpanniji ta’ l-ajru fuq livell nazzjonali, li tirrikjedi kriterji li jistgħu jinkludu kunsiderazzjonijiet oħra minbarra r-rekwiżiti minimi għas-sigurtà, skond il-liġi Komunitarja.

(27) Arranġamenti għal koperazzjoni ikbar għall-użu ta’ l-ajruport ta’ Ġibiltà ġew miftiehma f’Londra fit- 2 ta’ Diċembru 1987 mir-Renju ta’ Spanja u r-Renju Unit f’dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi. Dawn l-arranġamenti għad iridu jibdew jitħaddmu;

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli:

(a) dwar l-istabbiliment u l-pubblikazzjoni ta’ lista Komunitarja, ibbażata fuq kriterji komuni, ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li, għal raġunijiet ta’ sigurtà, huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità,

u

(b) li jinfurmaw lil passiġġieri ta’ l-ajru dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera t-titjiriet li fuqhom huma jivvjaġġaw.

2. L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà titqies li hija bla ħsara għall-posizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

3. L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà għandha tiġi sospiża sakemm l-arranġamenti inklużi fid-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula mill-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit fit- 2 ta’ Diċembru 1987 jibdew jitħaddmu. Il-Gvernijiet ta’ Spanja u tar-Renju Unit jinfurmaw lill-Kunsill b’din id-data ta’ bidu ta’ tħaddim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "kumpannija ta’ l-ajru" tfisser impriża tat-trasport bl-ajru li għandha liċenzja valida sabiex topera jew ekwivalenti;

(b) "kuntratt ta’ trasport" tfisser kuntratt għal servizzi ta’ trasport bl-ajru jew li jinkludihom, inkluż meta t-trasport huwa magħmul minn żewġ titjiriet jew iżjed operati mill-istess kumpannija ta’ l-ajru jew minn kumpanniji ta’ l-ajru differenti;

(ċ) "kuntrattur ta’ trasport bl-ajru" tfisser il-kumpannija li tikkonkludi kuntratt ta’ trasport ma’ passiġġier jew fejn il-kuntratt jinkludi pakkett, l-organizzatur ta’ ġiti. Kwalunkwe bejjiegħ tal-biljetti għandu wkoll jitqies bħala kuntrattur ta’ trasport bl-ajru;

(d) "bejjiegħ ta’ biljetti" tfisser il-bejjiegħ ta’ biljett ta’ l-ajru li jirranġa kuntratt ta’ trasport bl-ajru ma’ passiġġier, sew jekk ikun għal titjira biss kif ukoll jekk ikun parti minn pakkett, minbarra kumpannija ta’ l-ajru jew organizzatur ta’ ġiti;

(e) "kumpannija ta’ l-ajru li topera" tfisser kumpannija ta’ l-ajru li qiegħda twettaq jew biħsiebha twettaq titjira taħt kuntratt ta’ trasport ma’ passiġġier, jew f’isem persuna oħra, ġuridika jew naturali, li għandha kuntratt ta’ trasport ma’ dak il-passiġġier;

(f) "awtorizzazzjoni għall-operar jew permess tekniku" tfisser kwalunkwe att leġislattiv jew amministrattiv minn Stat Membru, li jistipula jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ topera servizzi ta’ l-ajru minn u lejn l-ajruporti tagħha jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ topera fl-ispazju ta’ l-ajru tiegħu jew li kumpannija ta’ l-ajru tista’ teżerċita drittijiet tat-traffiku;

(g) "projbizzjoni ta’ l-operar" tfisser ir-rifjut, is-sospensjoni, ir-revoka jew ir-restrizzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ l-operar jew permess tekniku ta’ kumpannija ta’ l-ajru għal raġunijiet ta’ sigurtà, jew kwalunkwe miżura ta’ sigurtà ekwivalenti fir-rigward ta’ kumpannija ta’ l-ajru li m’għandha l-ebda drittijiet ta’ traffiku fil-Komunità imma li l-ajruplani tagħha jistgħu joperaw fil-Komunità taħt ftehim ta’ kiri;

(h) "pakkett" tfisser dawk is-servizzi definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 90/314/KEE;

(i) "riservazzjoni" tfisser il-fatt li passiġġier għandu biljett jew prova oħra, li jindika li r-riservazzjoni ġiet aċċettata u reġistrata mill-kuntrattur ta’ trasport ta’ l-ajru;

(j) "standards ta’ sigurtà relevanti" tfisser l-istandards ta’ sigurtà internazzjonali li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-Annessi tagħha kif ukoll, fejn hu applikabbli, dawk fil-liġi Komunitarja relevanti.

KAPITOLU II

LISTA KOMUNITARJA

Artikolu 3

L-istabbiliment tal-Lista Komunitarja

1. Bil-għan li tissaħħaħ is-sigurtà ta’ l-ajru, għandha tiġi stabbilita lista ta’ kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ l-operar fil-Komunità (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "l-lista Komunitarja"). Kull Stat Membru għandu jinforza, fit-territorju tiegħu, il-projbizzjonijiet ta’ l-operar inklużi fil-lista Komunitarja fir-rigward tal-kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal dawk il-projbizzjonijiet.

2. Il-kriterji komuni biex tiġi imposta projbizzjoni ta’ l-operar għal kumpannija ta’ l-ajru, li għandhom ikunu bbażati fuq l-istandards tas-sigurtà relevanti, huma stabbiliti fl-Anness (u huma minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-kriterji komuni"). Il-Kummissjoni tista’ timmodifika l-Anness, b’mod partikolari sabiex tqis l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3).

3. Sabiex tiġi stabbilita l-lista Komunitarja għall-ewwel darba, kull Stat Membru għandu, sa 16 ta’ Frar 2006, jikkomunika lill-Kummissjoni l-identità tal-kumpanniji ta’ l-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ l-operar fit-territorju tiegħu, flimkien mar-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ tali projbizzjonijiet u kwalunkwe informazzjoni relevanti oħra. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dawn il-projbizzjonijiet ta’ l-operar.

4. Fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni kkomunikata mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-kriterji komuni, tiddeċiedi dwar l-imposizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ l-operar għall-kumpanniji ta’ l-ajru kkonċernati u għandha tistabbilixxi l-lista Komunitarja tal-kumpanniji ta’ l-ajru li fuqhom tkun ġiet imposta projbizzjoni ta’ l-operar, skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 4

Aġġornament tal-lista Komunitarja

1. Il-lista Komunitarja għandha tkun aġġornata:

(a) biex timponi projbizzjoni ta’ l-operar fuq kumpannija ta’ l-ajru u tinkludi din il-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja, fuq il-bażi tal-kriterji komuni;

(b) biex tneħħi kumpannija ta’ l-ajru mil-lista Komunitarja, jekk in-nuqqas jew nuqqasijiet tas-sigurtà li wasslu għall-inklużjoni tal-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja ikunu ġew rimedjati u ma jkun hemm l-ebda raġuni oħra, fuq il-bażi tal-kriterji komuni, għaż-żamma tal-kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja;

(ċ) biex jiġu modifikati l-kondizzjonijiet ta’ projbizzjoni ta’ l-operar imposti fuq kumpannija ta’ l-ajru li hija inkluża fil-lista Komunitarja.

2. Il-Kummissjoni, li taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, għandha tiddeċiedi li taġġorna l-lista Komunitarja malli dan ikun meħtieġ taħt il-paragrafu 1, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3) u fuq il-bażi tal-kriterji komuni. Il-Kummissjoni għandha tivverifika, mill-inqas kull tliet xhur, jekk ikunx xieraq li tiġi aġġornata l-lista Komunitarja.

3. Kull Stat Membru u l-Aġenzija għas-Sigurtà ta’ l-Avjazzjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li tista’ tkun relevanti fil-kuntest ta’ l-aġġornar tal-lista Komunitarja. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi l-informazzjoni relevanti kollha lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 5

Miżuri proviżorji għall-aġġornar tal-lista Komunitarja

1. Fejn ikun evidenti li t-tkomplija ta’ l-operar ta’ kumpannija ta’ l-ajru fil-Komunità x’aktarx toħloq riskju serju għas-sigurtà, u li dan ir-riskju ma jkunx issolva b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri urġenti meħuda mill-Istat(i) Membru/i kkonċernati skond l-Artikolu 6(1), il-Kummissjoni tista’ tadotta, b’mod proviżorju, il-miżuri msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) jew 4(1)ċ, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(2).

2. Kemm jista’ jkun malajr, u fi żmien mhux aktar minn għaxart ijiem tax-xogħol, il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-kwistjoni lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 15(1) u għandha tiddeċiedi li tikkonferma, temenda, tirrevoka jew testendi l-miżura li hi tkun adottat taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3).

Artikolu 6

Miżuri eċċezzjonali

1. F’każ ta’ urġenza, dan ir-Regolament m’għandux jipprekludi lil Stat Membru milli jirreaġixxi għal xi problema ta’ sigurtà mhux mistennija billi jimponi projbizzjoni ta’ l-operar immedjata fir-rigward tat-territorju tiegħu stess, b’kont meħud tal-kriterji komuni.

2. Deċiżjoni mill-Kummissjoni biex ma tinkludix kumpannija ta’ l-ajru fil-lista Komunitarja skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(4) jew 4(2) m’għandhiex tipprekludi Stat Membru milli jimponi jew iżomm projbizzjoni ta’ l-operar fuq il-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata minħabba problema ta’ sigurtà li taffettwa speċifikament lil dak l-Istat Membru.

3. Fi kwalunkwe mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta mingħajr dewmien talba lill-Kummissjoni biex taġġorna l-lista Komunitarja, skond l-Artikolu 4(2).

Artikolu 7

Drittijiet ta’ difiża

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta tadotta deċiżjonijiet kif imsemmi fl-Artikoli 3(4), 4(2) u 5, il-kumpannija ta’ l-ajru kkonċernata tingħata l-opportunità li tinstema’, b’kont meħud tal-bżonn, f’ċerti każijiet, għal proċedura ta’ urġenza.

Artikolu 8

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni, li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 15(3) għandha, fejn hu xieraq, tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-proċeduri msemmija f’dan il-Kapitolu.

2. Meta tiddeċiedi dwar dawn il-miżuri, il-Kummissjoni għandha tqis sew il-bżonn li deċiżjonijiet dwar l-aġġornar tal-lista Komunitarja jittieħdu malajr u għandha, fejn ikun xieraq, tipprovdi l-possibiltà ta’ proċedura ta’ urġenza.

Artikolu 9

Pubblikazzjoni

1. Il-lista Komunitarja u kwalunkwe modifika li ssir għaliha għandhom jiġu ppubblikati immedjatament fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex iħaffu l-aċċess pubbliku għal-lista Komunitarja, kif aġġornata l-aħħar, b’mod partikolari permezz ta’ l-użu ta’ l-Internet.

3. Il-kuntratturi tal-kumpanniji ta’ l-ajru, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ l-avjazzjoni ċivili, l- Aġenzija ta’ l-Avjazzjoni tas-Sigurtà Ewropea u l-ajruporti fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandhom iġibu l-lista Komunitarja għall-attenzjoni tal-passiġġieri, kemm permezz tal-websites tagħhom, kif ukoll, fejn hu relevanti, fuq il-postijiet tagħhom.

KAPITOLU III

INFORMAZZJONI GĦALL-PASSIĠĠIERI

Artikolu 10

Kamp ta’ applikazzjoni

1. Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw fir-rigward tat-trasport ta’ passiġġieri bl-ajru, meta t-titjira tkun parti minn kuntratt ta’ trasport u dak it-trasport ikun beda fil-Komunità, u

(a) it-titjira titlaq minn ajruport fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat;

jew

(b) it-titjira titlaq minn ajruport f’pajjiż terz u tasal f’ajruport fit-territorju ta’ Stat li għalih japplika t-Trattat;

jew

(ċ) it-titjira titlaq minn ajruport li jinsab f’pajjiż terz u tasal f’ajruport ieħor bħal dan.

2. Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom japplikaw kemm jekk it-titjira hija skedata kif ukoll jekk mhijiex skedata, u kemm jekk it-titjira tagħmel parti minn pakkett kif ukoll jekk le.

3. Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu m’għandhomx jaffettwaw id-drittijiet tal-passiġġieri taħt id-Direttiva 90/314/KEE u r-Regolament (KEE) Nru 2299/89.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera

1. Meta ssir riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jinforma lill-passiġġier dwar l-identità tal-kumpannija jew kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw, ikun xi jkun il-mezz użat għar-riservazzjoni.

2. Fejn l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw ma jkunux magħrufa fiż-żmien tar-riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport tal-ajru għandu jiżgura li l-passiġġier jiġi infurmat bl-isem jew l-ismijiet tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li x’aktarx se tkun jew ikunu l-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw għat-titjira jew titjiriet ikkonċernati. F’każ bħal dan, il-kuntrattur tat-trasport bl-ajru għandu jiżgura li l-passiġġier huwa infurmat bl-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw malli din l-identità tkun magħrufa.

3. Kull fejn il-kumpannija jew il-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw tinbidel jew jinbidlu wara r-riservazzjoni, il-kuntrattur tat-trasport ta’ l-ajru, irrispettivament mir-raġuni għall-bidla, għandu jieħu immedjatament il-passi xierqa kollha biex jiżgura li l-passiġġier jiġi infurmat dwar il-bidla kemm jista’ jkun malajr. Fil-każi kollha, il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati fiċ-check-in, jew mat-tlugħ fuq l-ajruplan fejn m’hemmx bżonn ta’ check-in għal titjira ta’ konnessjoni.

4. Il-kumpannija ta’ l-ajru jew l-organizzatur ta’ ġiti, skond il-każ, għandu jiżgura li l-kuntrattur relevanti tat-trasport ta’ l-ajru jiġi infurmat dwar l-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw hekk kif dan ikun magħruf, b’mod partikolari f’każ ta’ bdil ta’ tali identità.

5. Jekk bejjiegħ tal-biljetti ma jkunx ġie infurmat dwar l-identità tal-kumpannija ta’ l-ajru li topera, m’għandux ikun responsabbli għan-nuqqas ta’ konformità ma’ l-obbligazzjonijiet provduti f’dan l-Artikolu.

6. L-obligazzjoni tal-kuntrattur tat-trasport bl-ajru li jinforma lill-passiġġieri bl-identità tal-kumpannija jew tal-kumpanniji ta’ l-ajru li joperaw għandha tiġi speċifikata fil-kondizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ li japplikaw għall-kuntratt tat-trasport.

Artikolu 12

Dritt għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida

1. Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa d-dritt għal rimbors jew l-għoti ta’ rotta ġdida kif inhu provdut fir-Regolament (KE) Nru 261/2004.

2. F’każijiet fejn ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma japplikax, u

(a) il-kumpannija ta’ l-ajru li topera u li ġiet notifikata lill-passiġġier tniżżlet fil-lista Komunitarja u hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ l-operar li wasslet għat-tħassir tat-titjira kkonċernata, jew li kienet twassal għal tħassir bħal dan jkieku it-titjira kkonċernata tkun ġiet operata fil-Komunità;

jew

(b) il-kumpannija ta’ l-ajru li topera u li ġiet notifikata lill-passiġġier inbidlet b’kumpannija ta’ l-ajru li topera oħra u li tniżżlet fil-lista Komunitarja u hija suġġetta għal projbizzjoni ta’ l-operar li wasslet għat-tħassir tat-titjira kkonċernata, jew li kienet twassal għal tħassir bħal dan kieku t-titjira kkonċernata kienet ġiet operata fil-Komunità;

il-kuntrattur tat-trasport ta’ l-ajru li huwa parti mill-kuntratt tat-trasport għandu joffri lill-passiġġier id-dritt għal rimbors jew l-għotji ta’ rotta ġdida stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, kemm-il darba, meta t-titjira ma tkunx ġiet ikkanċellata, il-passiġġier ikun għażel li ma jieħux dik it-titjira.

3. Il-paragrafu 2 għandu japplika bla ħsara għall-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004.

Artikolu 13

Penali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu rrispettati r-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu u għandhom jistabbilixxu penali għall-ksur ta’ dawn ir-regoli. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Informazzjoni u emendar

Sa 16 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, minn proposti għall-emendar ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 15

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE) Nru 3922/91 ("il-Kumitat").

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, wara li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

4. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta lill-Kumitat dwar kwalunkwe kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 16

Tħassir

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE huwa hawnhekk imħassar.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom japplikaw minn 16 ta’ Lulju 2006 u l-Artikolu 13 għandu japplika minn 16 ta’ Jannar 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, nhar l- 14 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

C. Clarke

[1] Opinjoni tat- 28 ta’ Settembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta’ Novembru 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 5 ta’ Diċembru 2005.

[3] ĠU L 373, tal-31.12.1991, p. 4. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2871/2000 (ĠU L 333, tad-29.12.2000, p. 47).

[4] ĠU L 240, tas-7.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1701/2003 (ĠU L 243, tas-27.9.2003, p. 5).

[5] ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 59.

[6] ĠU L 220, tad-29.7.1989, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 323/1999 (ĠU L 40, tat-13.2.1999, p. 1).

[7] ĠU L 167, ta’ l-4.7.2003, p. 23.

[8] ĠU L 46, tas-17.2.2004, p. 1.

[9] ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

[10] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[11] ĠU L 143, tat-30.4.2004, p. 76.

--------------------------------------------------

ANNESS

Kriterji komuni għall-kunsiderazzjoni ta’ projbizzjoni ta’ l-operar għal raġunijiet ta’ sigurtà fuq livell Komunitarju

Deċiżjonijiet għal azzjoni fuq livell Komunitarju għandhom jittieħdu skond il-merti ta’ kull każ individwali. Skond il-merti ta’ kull każ, kumpannija jew il-kumpanniji kollha ċċertifikati fl-istess stat jistgħu jkunu eliġibbli għal azzjoni fuq livell Komunitarju.

Fil-kunsiderazzjoni ta’ jekk kumpannija ta’ l-ajru għandhiex tiġi totalment jew parzjalment projbita, għandu jiġi evalwat jekk il-kumpannija ta’ l-ajru hijiex qed tissodisfa l-istandards relevanti tas-sigurtà billi jitqiesu dawn li ġejjin:

1. Evidenza vverifikata dwar nuqqasijiet serji tas-sigurtà min-naħa tal-kumpannija ta’ l-ajru:

- Rapporti li juru nuqqasijiet serji tas-sigurtà, jew nuqqas persistenti min-naħa tal-kumpannija biex tirranġa n-nuqqasijiet identifikati bi spezzjonijiet fuq l-art magħmula taħt il-programm SAFA li ġew mgħarrfa lill-kumpannija minn qabel.

- Nuqqasijiet serji tas-sigurtà identifikati fi ħdan il-qafas tad-disposizzjonijiet għall-ġbir ta’ informazzjoni fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/36/KE dwar is-sigurtà fuq ajruplani ta’ pajjiżi terzi.

- Projbizzjoni ta’ l-operar imposta fuq kumpannija ta’ l-ajru minn pajjiż terz minħabba nuqqasijiet sustanzjati fir-rigward ta’ l-istandards internazzjonali tas-sigurtà.

- Informazzjoni sostanzjata li għandha x’taqsam ma aċċidenti jew informazzjoni serja li għandha x’taqsam ma’ inċidenti li tindika nuqqasijiet ta’ sigurtà moħbija sistematiċi.

2. Nuqqas ta’ kapaċità u/jew volontà ta’ kumpannija ta’ l-ajru biex tindirizza nuqqasijiet ta’ sigurtà kif jidhru minn:

- Nuqqas ta’ trasparenza jew komunikazzjoni adegwata u fil-ħin min-naħa ta’ kumpannija bħala tweġiba għal inkjesta mill-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ l-aspett tas-sigurtà ta’ l-operazzjonijiet tiegħu.

- Pjan ta’ azzjoni korrettiv mhux xieraq jew insuffiċjenti ppreżentat bħala tweġiba għal xi nuqqas ta’ sigurtà serju identifikat.

3. Nuqqas ta’ kapaċità u/jew volontà ta’ l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza ta’ kumpannija ta’ l-ajru biex jiġu ndirizzati nuqqasijiet ta’ sigurtà kif jidher minn:

- Nuqqas ta’ koperazzjoni ma’ l-awtorità ta’ l-avjazzjoni ċivili ta’ Stat Membru mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat ieħor, meta jkun hemm jitqajjem tħassib dwar is-sigurtà ta’ l-operazzjoni ta’ kumpannija liċenzjata jew iċċertifikata f’dak l-istat.

- Nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu sorveljanza regolatorja tal-kumpannija biex jiġu implimentati u infurzati l-istandards relevanti tas-sigurtà. Għandhom jitqiesu b’mod partikolari dawn li ġejjin:

(a) verifiki u pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva relatati stabbiliti taħt il-Programm Universali għall-Verifika tas-Sorveljanza tas-Sigurtà ta’ l-ICAO jew taħt kwalunkwe liġi Komunitarja applikabbli;

(b) jekk l-awtorizzazzjoni li topera jew il-permess tekniku ta’ kwalunkwe kumpannija taħt is-sorveljanza ta’ dak l-Istat kienux ġew rifjutati jew revokati qabel minn xi Stat ieħor;

(ċ) iċ-ċertifikat ta’ l-operatur ta’ l-ajru ma nħariġx mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat fejn il-kumpannija għandha l-post prinċipali tan-negozju.

- Nuqqas ta’ kapaċità suffiċjenti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat li fih l-ajruplan użat mill-kumpannija ta’ l-ajru huwa rreġistrat biex jissorveljaw l-ajruplan użat mill-kumpannija skond l-obbligi taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet