32005L0059

Id-Direttiva 2005/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 26 ta' Ottubru 2005 li temenda għat-28 darba d-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispozizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet fuq il- marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi ( toluene u trichlorobenzene ) Test b’rilevanza għaż-ŻEE

Official Journal L 309 , 25/11/2005 P. 0013 - 0014


Id-Direttiva 2005/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 26 ta' Ottubru 2005

li temenda għat-28 darba d-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispozizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mar-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (toluene u trichlorobenzene)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Ir-riskji għall-bniedem u għall-ambjent li jirriżultaw mit-toluene u trichlorobenzene (TCB) ġew evalwati skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat- 23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti [3]. L-valutazzjoni tar-riskji identifikat il-ħtieġa li dawk ir-riskji jiġu limitati, u l-Kumitat Xjentifiku dwar it-Tossiċità, l-Ekotossiċità u l-Ambjent (CSTEE) ikkonferma dik il-konklużjoni.

(2) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2004/394/KE tad- 29 ta' April 2004 dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju u ta' l-istrateġiji ta' tnaqqis tar-riskju għas-sustanzi: Acetonitrile; Acrylamide; Acrylonitrile; Aċidu Akriliku; Butadiene; Fluworidu ta' l-Idroġenu; Perossidu ta' l-Idroġenu; Aċidu metakriliku; Methyl methacrylate; Toluene; Trichlorobenzene [4], adottata fi ħdan il-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 793/93, fiha strateġija għal-limitazzjoni tar-riskji ta' toluene u ta' TCB, filwaqt li tirrakkomanda li jsiru restrizzjonijiet sabiex jiġu limitati r-riskji li jirriżultaw minn ċerti użi ta' dawn is-sustanzi.

(3) Għalhekk, sabiex jitħarsu s-saħħa u l-ambjent, jidher li hu meħtieġ li t-tqegħid fis-suq u l-użu ta' toluene u ta' TCB jiġu ristretti.

(4) L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jiddaħħlu miżuri ta' armonizzazzjoni fir-rigward ta' toluene u ta' trichlorobenzene (TCB), TCB, li jkollhom bħala l-mira tagħhom il-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta' l-ambjent, kif inhu meħtieġ mill-Artikolu 95 tat-Trattat.

(5) Din id-Direttiva tapplika bla ħsara għal-leġislazzjoni Komunitarja li tistipula l-ħtiġiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema, li tinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat- 12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol [5] u direttivi individwali bbażati fuqha, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas- 7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom relatati ma' aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-erbatax-il Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [6] u, d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 29 ta' April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutoġeni fuq ix-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE) [7],

(6) Id-Direttiva 76/769/KEE [8] għandha tiġi emendata f'dan is-sens.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE għandu jiġi emendat kif stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel 15 ta' Diċembru 2006 Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni ta' dan.

Dawn il-miżuri minn għandhom japplikaw mill- 15 ta' Ġunju 2005.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza ta' dan it-tip fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif isiru dawn ir-riferenzi għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, flimkien ma' tabella li turi kif id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu għad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha torbot fl-intier tagħha u tapplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Strasburgu, nhar is- 26 ta' Ottubru 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

D. Alexander

[1] ĠU C 120, tal-20.5.2005, p. 6.

[2] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' April 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta' Settembru 2005.

[3] ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[4] ĠU L 144, tat-30.4.2004, p. 72. Verżjoni kkorreġuta fil-ĠU L 199, tas-7.6.2004, p. 41.

[5] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

[6] ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11.

[7] ĠU L 158, tat-30.4.2004, p. 50. Verżjoni kkorreġuta fil-ĠU L 229, tad-29.6.2004, p. 23.

[8] ĠU L 262, tas-27.9.1976, p. 201. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/98/KE (ĠU L 305, l-1.10.2004, p. 63).

--------------------------------------------------

ANNESS

Il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE:

48. Toluene CAS Nru. 108-88-3 | Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża bħala sustanza jew kostitwent ta' preparazzjonijiet f'konċentrazzjoni ekwivalenti għal 0,1 % jew ogħla tal-massa f'kolol u sprejs taż-żebgħa maħsuba għall-bejgħ lill-pubbliku. |

49. Trichlorobenzene CAS Nru. 120-82-1 | Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jintuża bħala sustanza jew kostitwent ta' preparazzjonijiet f'konċentrazzjoni ekwivalenti għal 0,1 % jew ogħla tal-massa għal kull użu ħlief : bħala prodott intermedju ta' sintesi, jew bħala solvent ta' proċess f'applikazzjonijiet kimiċi magħluqa għal reazzjonijiet ta' klorinazzjoni; jew fil-produzzjoni ta' 1,3,5 - trinitro - 2,4,6 - triaminobenzene (TATB) |

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet