32005L0033

Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2005 li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu

Official Journal L 191 , 22/07/2005 P. 0059 - 0069


Id-Direttiva 2005/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas- 6 ta' Lulju 2005

li temenda d-Direttiva 1999/32/KE dwar il-kontenut ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-politika ambjentali tal-Komunità, kif stabbilita fil-programmi ta' azzjoni dwar l-ambjent u, b'mod partikolari, fis-Sitt Programm Komunitarju ta' Azzjoni Ambjentali adottata bid-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4], fuq il-bażi ta' l-Artikolu 174 tat-Trattat, hija intiża biex tikseb livelli ta' kwalità ta' l-arja li ma jagħtux lok għal impatti inaċċettabbli fuq is-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, u riskji għalihom.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas- 26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit f'ċerti karburanti likwidi [5] tistabbilixxi l-kontenut massimu ta' kubrit permess fiż-żejt karburant tqil, fil-gas oil, u fil-gas oil għal użu marittimu wżati fil-Komunità.

(3) Id-Direttiva 1999/32/KE tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex titnaqqas il-kontribuzzjoni għall-aċidifikazzjoni mill-ħruq ta' karburanti għal użu marittimu minbarra l-gas oils u, jekk ikun xieraq, tagħmel proposta.

(4) L-emissjonijiet mit-trasport marittimu minħabba l-ħruq ta' karburanti għal użu marittimu li jkun fihom kontenut għoli ta' kubrit jikkontribwixxu għat-tniġġis ta' l-arja fil-forma ta' diossidju tal-kubrit u partikulati, li jagħmlu ħsara għas-saħħa tal-bniedem, huma ta' dannu għall-ambjent, il-proprjetà pubblika u privata u l-wirt kulturali u jikkontribwixxu għall-aċidifikazzjoni.

(5) In-nies u l-ambjent naturali f'żoni tal-kosta u qrib il-portijiet huma partikularment milquta mit-tniġġis minn bastimenti li jużaw karburanti li fihom livelli għolja ta' kubrit. Għalhekk jinħtieġu miżuri speċifiċi f'dan ir-rigward.

(6) Il-miżuri f'din id-Direttiva jikkomplementaw il-miżuri nazzjonali ta' l-Istati Membri biex jikkonformaw mal-limiti massimi ta' emissjonijiet ta' sostanzi li jniġġsu l-atmosfera stabbiliti fid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [6].

(7) It-tnaqqis tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għandu ċerti vantaġġi għall-bastimenti, f'termini ta' effiċjenza operazzjonali u spejjeż ta' manutenzjoni, u jiffaċilita l-użu effikaċi ta' ċerti teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet bħat-tnaqqis katalitiku selettiv.

(8) It-Trattat jeħtieġ li tingħata konsiderazzjoni lill-karatteristiċi speċjali tar-reġjuni l-aktar estremi tal-Komunità, ċioé d-dipartimenti Franċiżi barranin, il-gżejjer ta' l-Ażores, Madeira u Gżejjer Kanari.

(9) Fl-1997, ġie adottat Protokoll minn konferenza diplomatika biex jemenda l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut ma' l-istess Konvenzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa "MARPOL"). Dan il-Protokoll iżid l-Anness VI ġdid mal-MARPOL, li fih regolamenti għall-prevenzjoni tat-tniġġis ta' l-arja mill-bastimenti. Il-Protokoll ta' l-1997, u konsegwentement l-Anness VI mal-MARPOL, daħlu fis-seħħ fid- 19 ta' Mejju 2005.

(10) L-Anness VI mal-MARPOL jagħmel provvediment sabiex ċerti żoni jkunu maħtura bħala Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet ta' l-Ossidju tal-Kubrit (minn hawn 'il quddiem imsejħa "Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx"). Huwa diġà jaħtar il-Baħar Baltiku bħala żona ta' dan it-tip. Xi diskussjonijiet fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) wasslu għal ftehim dwar il-prinċipju li l-Baħar tat-Tramuntana, inkluż il-Kanal Ingliż jiġi maħtur bħala Żona ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx wara d-dħul fis-seħħ ta' l-Anness VI.

(11) Minħabba n-natura globali tat-tbaħħir marittimu, għandu jsir kull sforz sabiex jinstabu soluzzjonijiet internazzjonali. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex fi ħdan l-IMO jiżguraw tnaqqis globali fil-kontenut massimu awtorizzat ta' kubrit f'karburanti għal użu marittimu, anki billi jeżaminaw il-vantaġġi li jiġu magħżula żoni ta' baħar ġodda bħala Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx skond l-Anness VI għall-MARPOL.

(12) L-infurzar ta' l-obbligi fir-rigward tal-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet ta' din id-Direttiva. It-teħid effettiv ta' kampjuni u penali dissważivi tul il-Komunità huma meħtieġa biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni kredibbli ta' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom. Huwa l-każ ukoll li l-Istati Membri jikkoperaw mill-qrib sabiex tittieħed azzjoni ulterjuri ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

(13) Bil-għan li l-industrija marittima jkollha biżżejjed żmien biex tagħmel l-addattazzjoni teknika għal limitu massimu ta' 0.1 % kubrit bil-piż għall-karburanti għal użu marittimu wżati minn bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità, id-data li fiha jibda japplika dan ir-rekwiżit għandha tkun l- 1 ta' Jannar 2010. Peress li din id-data tista' tkun teknikament problematika għall-Greċja, huwa l-każ li tingħata deroga temporanja lil ċerti bastimenti speċifiċi li joperaw fit-territorju tar-Repubblika Ellenika.

(14) Din id-Direttiva għandha tiġi meqjusa bħala l-ewwel pass fi proċess kontinwu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet marittimi, li joffri prospettivi għal aktar tnaqqis ta' emissjonijiet permezz ta' limiti aktar baxxi ta' kubrit fil-karburanti u ta' teknoloġiji għat-tnaqqis, u għal strumenti ekonomiċi li għandhom jiġu żviluppati bħala inċentiv biex jinkiseb tnaqqis sinifikanti.

(15) Huwa essenzjali li l-posizzjonijiet ta' l-Istati Membri fin-negozjati ta' l-IMO jkunu rinforzati, speċjalment biex, fil-fażi tar-reviżjoni ta' l-Anness VI mal-MARPOL, jiġu promossi miżuri aktar ambizzjużi dwar limiti aktar stretti fuq il-kubrit fiż-żejt karburant tqil li jintuża mill-bastimenti u l-użu ta' miżuri ekwivalenti alternattivi għat-tnaqqis.

(16) Fir-riżoluzzjoni tagħha A.926(22), l-Assemblea ta' l-IMO stiednet lill-Gvernijiet, b'mod partikolari lil dawk f'reġjuni fejn ġew maħtura xi Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx, sabiex jiżguraw id-disponibbiltà ta' żejt karburant b'kontenut ta' kubrit baxx tal-bunkers f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom u biex isejħu lill-industriji taż-żejt u tat-tbaħħir biex jiffaċilitaw id-disponibbiltà u l-użu ta' żejt għal karburant tal-bunkers b'kontenut baxx ta' kubrit. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni skond il-każ biex jiżguraw li l-fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu jagħmlu disponibbli karburant konformi, fi kwantitajiet li jkunu biżżejjed biex tintlaħaq it-talba.

(17) L-IMO adottat linji gwida għat-teħid ta' kampjuni taż-żejt karburant sabiex tiġi stabbilita l-osservanza ta' l-Anness VI mal-MARPOL, u sejra tiżviluppa linji gwida dwar is-sistemi tat-tnaddif tal-gassijiet ta' l-exhaust u metodi teknoloġiċi oħra intiżi biex jillimitaw l-emissjonijiet SOx f'Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx.

(18) Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet fl-arja ta' ċerti sostanzi li jniġġsu li joħorġu minn impjanti kbar tal-kombustjoni [7] tfassal mill-ġdid id-Direttiva 88/609/KEE tal-Kunsill [8]. Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi riveduta, skond kif previst fl-Artikolu 3(4) tagħha.

(19) Huwa xieraq li l-Kumitat attwali għall-Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [9] jassisti lill-Kummissjoni fil-kuntest ta' l-approvazzjoni ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet.

(20) It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet, dejjem jekk dawn ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-ekosistemi u dejjem jekk huma jkunu żviluppati taħt sorveljanza ta' mekkaniżmi adegwati ta' approvazzjoni u kontroll, jistgħu jwasslu għal, ta' l-inqas, l-istess jew iktar riduzzjonijiet fl-emissjonijiet milli kieku jintuża karburant b'kontenut ta' kubrit baxx. Jeħtieġ li jkunu jeżistu l-kundizzjonijiet korretti sabiex jippromwovu l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda għat-tnaqqis.

(21) L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha tassisti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skond il-każ, fis-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

(22) Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat- 28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [10].

(23) Id-Direttiva 1999/32/KE għandha għaldaqstant tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/32/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1) L-Artikolu 1(2) jinbidel bis-segwenti:

"2. It-tnaqqis fl-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni ta' ċerti karburanti likwidi derivanti miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu imposti limiti fuq il-kontenut ta' kubrit f'tali karburanti bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju, l-ibħra territorjali u ż-żoni ekonomiċi esklussivi jew żoni ta' kontroll tat-tniġġis ta' l-Istati Membri.

(a) karburanti maħsuba għal skopijiet ta' riċerka u ittestjar;

(b) karburanti maħsuba għall-ipproċessar qabel il-kombustjoni finali;

(ċ) karburanti li għandhom jiġu proċessati fl-industrija tar-raffinazzjoni;

(d) karburanti wżati u mqiegħda fis-suq fir-reġjuni l-iktar estremi tal-Komunità biss jekk l-Istati Membri relevanti jiżguraw li f'dawk ir-reġjuni:

- l-istandards tal-kwalità ta' l-arja huma osservati;

- żjut karburanti tqal ma jkunux użati f'każ li l-kontenut tagħhom ta' kubrit jeċċedi t-3 % fil-massa;

(e) karburanti wżati minn bastimenti tal-gwerra u bastimenti oħra f'servizz militari. Madankollu, kull Stat Membru għandu jagħmel ħiltu sabiex jiżgura, billi jadotta l-miżuri adegwati li ma jxekklux l-operazzjonijiet jew il-kapaċità operazzjonali ta' tali bastimenti, li dawn il-bastimenti joperaw b'mod konsistenti, safejn dan ikun raġonevoli u prattiku, ma' din id-Direttiva;

(f) kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment meħtieġ għall-iskop speċifiku tal-protezzjoni tas-sigurtà ta' bastiment jew biex tiġi salvata l-ħajja fuq il-baħar;

(g) kwalunkwe użu ta' karburant f'bastiment li jsir meħtieġ minħabba xi danni li jkun sofra l-bastiment jew it-tagħmir tiegħu, biss jekk il-miżuri raġonevoli kollha jittieħdu wara l-okkorrenza tad-dannu sabiex jipprevjenu jew jimminimizzaw emissjonijiet eċċessivi u jekk jittieħdu miżuri kemm jista' jkun malajr għat-tiswija tad-dannu. Dan ma għandux japplika jekk is-sid jew il-kaptan ikun aġixxa bil-ħsieb li jikkawża d-dannu, jew bi traskuraġni;

(h) karburant użat abbord bastimenti li jimpjegaw teknoloġiji approvati li jnaqqsu l-emissjonijiet skond l-Artikolu 4ċ.";

2) L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) l-ewwel inċiż fil-punt 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"— kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 2710 19 51 sa 2710 19 69, jew";

(b) l-ewwel subparagrafu fil-punt 2 jinbidel b'dan li ġej:

"gas oil tfisser:

- kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li jaqa' taħt il-kodiċi NM 2710 19 25, 2710 19 29, 2710 19 45 jew 2710 19 49; jew

- kull karburant likwidu derivanti miż-żejt, eskluż il-karburant għal użu marittimu, li minnu anqas minn 65 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mal-250 oC u li minnu ta' l-anqas 85 % fil-volum (inkluż it-telf) jiddistilla mat-350 oC bil-metodu ASTM D86.";

(ċ) il-punt 3 jinbidel b'dan li ġej:

"3. karburant għal użu marittimu tfisser kull karburant likwidu derivanti miż-żejt maħsub għal użu jew użat abbord xi bastiment, inklużi dawk il-karburanti definiti fl-ISO 8217;";

(d) għandhom jiddaħħlu l-punti li gejjin:

"3a. żejt diesel għal użu marittimu tfisser kull karburant għal użu marittimu li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMB u DMC fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3b. gas oil għal użu marittimu tfisser kull karburant għal użu marittimu li għandu viskożità jew densità li taqa' fil-parametri tal-viskożità jew densità definiti għall-gradi DMX u DMA fit-Tabella I ta' l-ISO 8217;

3ċ. MARPOL tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, 1973, kif modifikata bil-Protokoll ta' l-1978 marbut magħha;

3d. L-Anness VI għall-MARPOL tfisser l-Anness, intitolat "Regolamenti għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis ta' l-Arja mill-Bastimenti", li l-Protokoll ta' l-1997 iżid mal-MARPOL;

3e. Żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx tfisser żoni ta' baħar definiti bħala tali mill-IMO fl-Anness VI għall-MARPOL;

3f. Bastimenti tal-passiġġieri tfisser bastimenti li jġorru aktar minn tnax-il passiġġier, fejn passiġġier huwa kull persuna li mhijiex:

(i) il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ jew xi persuna oħra impjegata jew ingaġġata fi kwalunkwe kapaċità abbord bastiment fix-xogħol ta' dak il-bastiment, u

(ii) tarbija taħt l-età ta' sena;

3g. servizzi regolari tfisser serje ta' vjaġġi ta' bastiment tal-passiġġieri magħmula sabiex jaqdu l-bżonnijiet tat-traffiku bejn l-istess zewġ portijiet jew aktar, jew serje ta' vjaġġi minn u sa l-istess port mingħajr waqfien intermedji:

(i) skond itinerarju ppubblikat, jew

(ii) bi traversati tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu skeda rikonoxxibbli;

3h. bastiment tal-gwerra tfisser bastiment li huwa parti mill-forzi armati ta' xi Stat li jkollu marki esterni li jiddistingwu lil bastimenti bin-nazzjonalità tiegħu, taħt il-kmand ta' uffiċjal li jkun debitament imqabbad mill-Gvern ta' l-Istat u li ismu jkun jidher fil-lista adatta tas-servizz jew fl-ekwivalenti tagħha, u li jkun ekwipaġġat b'persunal taħt id-dixxiplina tal-forzi armati regolari;

3i. bastimenti irmiġġati tfisser bastimenti li jkunu sorġuti jew ankrati sewwa f'port fil-Komunità filwaqt li jgħabbu, jħottu jew jkunu stazzjonarji (hotelling), inkluż il-ħin li fih ma jkunux involuti fl-operazzjonijiet ta' tagħbija;

3j. bastiment tal-passaġġi ta' l-ilma interni tfisser bastiment maħsub b'mod partikolari għall-użu f'passaġġi ta' l-ilma interni kif definit fid-Direttiva 82/714/KEE tal-Kunsill ta' l- 4 ta' Ottubru 1982 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni [11], inkluż kull bastiment li jġorr:

(i) ċertifikat Komunitarju għan-navigazzjoni interna, kif stabbilit fid-Direttiva 82/714/KEE,

(ii) ċertifikat maħruġ skond l-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Rhine;

3k. tqegħid fis-suq tfisser il-forniment jew il-prokura ta' karburanti għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord, lil terzi persuni, bi ħlas jew b'xejn, fi kwalunkwe parti fil-ġurisdizzjonijiet ta' l-Istati Membri. Din teskludi il-forniment jew il-prokura ta' karburanti għal użu marittimu għall-esportazzjoni f'tankijiet tat-tagħbija tal-bastimenti;

3l. reġjuni l-aktar estremi tfisser id-dipartimenti Franċiżi barranin, l-Ażores, Madeira u l-Gżejjer Kanari, kif stabbiliti fl-Artikolu 299 tat-Trattat;

3m. teknoloġija li tnaqqas l-emissjonijiet tfisser xi sistema li tnaddaf il-gass ta' l-exhaust, jew kull metodu teknoloġiku ieħor li huwa verifikabbli u inforzabbli."

(e) Il-punt 6 għandu jitħassar;

3) L-Artikolu 3 għandu jinbidel b'li ġej:

"L-Artikolu 3

Kontenut massimu ta' kubrit fiż-żejt karburant tqil

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li, mill- 1 ta' Jannar 2003, żjut karburanti tqal ma jintużawx ġewwa t-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit tagħhom jeċċedi l-1 % fil-massa.

(i) Soġġett għas-sorveljanza adegwata ta' l-emissjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti, dan ir-rekwiżit ma għandux japplika għal żjut karburanti tqal użati:

(a) f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni [12], li huma kkunsidrati impjanti ġodda skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(9) ta' l-istess Direttiva u li jikkonformaw mal-limiti ta' emissjoni ta' diossidju tal-kubrit stabbiliti għal tali impjanti stipulati fl-Anness IV ta' dik id-Direttiva u applikati skond l-Artikolu 4 tagħha;

(b) f'impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttiva 2001/80/KE, li huma kkunsidrati impjanti eżistenti skond id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(10) tagħha, fejn l-emissjonijiet tad-diossidju tal-kubrit minn dawn l-impjanti huma ugwali għal, jew anqas minn, 1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta, u fejn, mill- 1 ta' Jannar 2008, l-emissjonijiet ta' diossidju tal-kubrit mill-impjanti ta' kombustjoni li huma soġġetti għall-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2001/80/KE huma ugwali, jew anqas, minn dawk li jirriżultaw mill-osservanza tal-valuri ta' limiti ta' l-emissjonijiet imposti għal impjanti ġodda msemmija fil-Parti A ta' l-Anness IV ma' dik id-Direttiva, u fejn ikun il-każ, bl-applikazzjoni ta' l-Artikoli 5, 7 u 8 ta' l-istess;

(ċ) f'impjanti ta' kombustjoni oħra, li ma jaqgħux fl-ambitu ta' (a) jew (b), fejn l-emissjonijiet ta' diossidu tal-kubrit minn dawk l-impjanti ma jeċċedux l-1700 mg/Nm3 f'kontenut ta' ossiġenu fil-flue gas ta' 3 % bil-volum fuq bażi xotta;

(d) għall-kombustjoni f'raffineriji, fejn il-medji ta' emissjonijiet kull xahar ta' diossidu tal-kubrit meta mkejla mal-medja ta' l-impjanti kollha fir-raffinerija, irrispettivament mit-tip ta' karburant jew kombinazzjoni ta' karburanti wżati, taqa' f'limitu li għandu jiġi stabbilit minn kull Stat Membru, li ma għandux jeċċedi l-1700 mg/Nm3. Dan ma għandux japplika għall-impjanti ta' kombustjoni li jaqgħu taħt (a) jew, mill- 1 ta' Jannar 2008, għal dawk li jaqgħu taħt (b).

(ii) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull impjant ta' kombustjoni li juża żejt karburant tqil b'konċentrazzjoni ta' kubrit ogħla minn dik imsemmija fil-paragrafu 1 mhuwiex operat mingħajr permess mogħti minn awtorità kompetenti, jispeċifika l-limiti ta' l-emissjonijiet.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 għandhom jiġu riveduti u, jekk xieraq, emendati fid-dawl ta' kwalunkwe reviżjoni futura tad-Direttiva 2001/80/KE.

4) L-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) B'effett mill- 1 ta' Jannar 2010:

(i) fil-paragrafu 1, il-kliem "inkluż il-gas oil għal użu marittimu" għandhom jitħassru;

(ii) il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(b) B'effett minn 11 ta' Awwissu 2005, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jitħassru;

(5) Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

"L-Artikolu 4a

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati f'żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx u minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn portijiet fil-Komunità Ewropea

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fiż-żoni ta' l-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u f'żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom li jaqgħu f'żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. Dan għandu japplika għall-bastimenti kollha li jtajru kwalunkwe bandiera, inklużi l-bastimenti li jibdew il-vjaġġ tagħhom minn barra l-Komunità.

2. Id-dati tal-bidu ta' l-applikazzjoni għall-paragrafu 1 għandhom ikunu kif ġej:

(a) għaż-żona tal-Baħar Baltiku msemmija fir-regolament 14(3)(a) ta' l-Anness VI mal-MARPOL, 11 ta' Awwissu 2006;

(b) għall-Baħar tat-Tramuntana:

- 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' l-indikazzjoni ta' l-IMO, skond proċeduri stabbiliti, jew

- 11 ta' Awwissu 2007,

liema minnhom tiġi l-ewwel;

(ċ) għal kwalunkwe żona oħra tal-baħar, inklużi l-portijiet, li l-IMO sussegwentement tindika bħala Żona ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx skond ir-regolament 14(3)(b) ta' l-Anness VI mal-MARPOL, 12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik l-għażla.

3. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar tal-paragrafu 1 ta' l-inqas fir-rigward ta':

- bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom; u

- fil-każ ta' Stati Membri li jikkonfinaw ma' xi żoni ta' Kontroll ta' l-Emissjonijiet SOx, il-bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jieħdu wkoll azzjoni addizzjonali ta' infurzar fir-rigward ta' bastimenti oħra skond il-liġi marittima internazzjonali.

4. Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-karburanti għal użu marittimu ma jintużawx fl-ibħra territorjali, fiż-żoni ekonomiċi esklussivi u fiż-żoni ta' kontroll tat-tniġġis tagħhom minn bastimenti tal-passiġġieri li joperaw b'servizzi regolari sa u minn kwalunkwe port Komunitarju jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk il-karburanti jeċċedi l-1.5 % fil-massa. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli mill-infurzar ta' dan ir-rekwiżit ta' l-inqas fir-rigward ta' bastimenti li jtajru l-bandieri tagħhom u ta' bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera waqt li jkunu fil-portijiet tagħhom.

5. Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu l-ikkompletar korrett tal-ġurnal uffiċjali ta' abbord, inklużi d-dettalji ta' l-operazzjonijiet tal-bdil tal-karburant, bħala kundizzjoni għad-dħul tal-bastiment fil-portijiet tal-Komunità.

6. Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), u bi qbil mar-regolament 18 ta' l-Anness VI mal-MARPOL, l-Istati Membri għandhom:

- iżommu reġistru ta' fornituri lokali ta' karburant għal użu marittimu,

- jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu kollha mibjugħin fit-territorju tagħhom jiġi dokumentat mill-fornitur fuq nota ta' kunsinna tal-bunker, akkumpanjata minn kampjun issiġillat iffirmat mir-rappreżentant tal-vapur li rċieva l-kunsinna,

- jieħdu azzjoni skond il-każ kontra fornituri ta' karburant għal użu marittimu li jinstabu li jkunu fornew karburant li ma jikkonformax ma' l-ispeċifikazzjoni ddikjarata fin-nota ta' kunsinna tal-bunker,

- jiżguraw li tittieħed azzjoni ta' rimedju xierqa sabiex kwalunkwe karburant għal użu marittimu mhux konformi li jiġi skopert isir konformi.

7. Mid-data msemmija fil-paragrafu 2(a), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żjut diesel għal użu marittimu ma jiġux imqiegħda fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit ta' dawk iż-żjut diesel għal użu marittimu jeċċedi l-1.5 % fil-massa.

8. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri bid-dati ta' applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2(a) u għandha tippubblikahom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4b

Kontenut massimu ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati minn bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma interni u bastimenti irmiġġati f'portijiet tal-Komunità

1. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-bastimenti li ġejjin ma jagħmlux użu minn karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta' kubrit li jeċċedi l-0.1 % fil-massa:

(a) bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni; u

(b) bastimenti irmiġġati f'portijiet Komunitarji, wara li jingħata żmien suffiċjenti sabiex l-ekwipaġġ iwettaq kwalunkwe operazzjoni tal-bdil ta' karburant li tkun neċessarja kemm jista' jkun malajr wara l-wasla fl-irmiġġ u l-aktar tard possibbli qabel it-tluq.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-ħin ta' l-operazzjoni tal-bdil tal-karburant jitniżżel fil-ġurnal uffiċjali ta' abbord.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika:

(a) meta, skond l-itinerarji ppubblikati, il-bastimenti jkunu se jdumu irmiġġati għal inqas minn sagħtejn;

(b) għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni li jkollhom ċertifikat li juri l-konformità mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, 1974, kif emendata, waqt li dawk il-bastimenti jkunu fuq il-baħar;

(ċ) sa l- 1 ta' Jannar 2012 għall-bastimenti elenkati fl-Anness u li joperaw esklussivament fit-territorju tar-Repubblika Ellenika;

(d) għal vapuri li, waqt li jkunu fl-irmiġġ fil-portijiet, jitfu l-magni kollha u jużaw elettriku mix-xatt.

3. B'effett mill- 1 ta' Jannar 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-gas oils għal użu marittimu ma jitqegħdux fis-suq fit-territorju tagħhom jekk il-kontenut ta' kubrit f'dawk l-istess gas oils għal użu marittimu jeċċedi l-0.1 % fil-massa.

Artikolu 4ċ

Provi u użu ta' teknoloġiji ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet

1. L-Istati Membri jistgħu, b'koperazzjoni ma' Stati Membri oħra, skond kif xieraq, japprovaw l-użu bi prova ta' teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet ta' bastimenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, jew f'żoni ta' baħar taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom. Matul dawn il-provi l-użu ta' karburanti għal użu marittimu li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b ma għandux ikun obbligatorju, bil-kundizzjoni li:

- il-Kummissjoni u kwalunkwe Stat portwali konċernat jiġu notifikati bil-miktub ta' l-inqas 6 xhur qabel ma jibdew il-provi;

- il-permessi għall-provi ma jeċċedux 18-il xahar fit-tul;

- il-bastimenti kollha involuti jiġu mgħammra b'tagħmir protett mit-tbagħbis għas-sorveljanza kontinwa ta' emissjonijiet ta' gass miċ-ċumnija u jużawh matul il-perjodu ta' prova kollu;

- il-bastimenti kollha involuti jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun ta' l-inqas ekwivalenti għal dak li jkun jintlaħaq bl-imposizzjoni tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

- matul il-perjodu tal-prova kollu jkun hemm sistemi tajbin għall-immaniġġjar ta' l-iskart għal kwalunkwe skart ġenerat mit-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet;

- matul il-perjodu tal-prova kollu issir stima ta' l-impatti fuq l-ambjent għal użu marittimu, b'mod partikolari fuq l-ekosistemi f'portijiet u estwarji magħluqa; u

- fis-sitt xhur wara t-tmiem tal-provi, ir-riżultati kompleti jingħataw lill-Kummissjoni u jingħata aċċess għalihom lill-pubbliku.

2. It-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru għandhom jiġu approvati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' Novembru ta' l-2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) [13], b'kont meħud:

- ta' linji gwida li għandhom jiġu żviluppati mill-IMO;

- ta' riżultati ta' kwalunkwe provi magħmulin skond il-paragrafu 1;

- ta' l-effetti fuq l-ambjent, inkluż it-tnaqqis ta' l-emissjonijiet li jista' jintlaħaq, u l-impatti fuq l-ekosistemi f'portijiet u estwarji magħluqa;

- tal-vijabbiltà tas-sorveljanza u tal-verifiki.

3. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-użu tat-teknoloġiji li jnaqqsu l-emissjonijiet minn bastimenti li jtajru kwalunkwe bandiera f'portijiet u estwarji magħluqa fil-Komunità skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn il-kriterji lill-IMO.

4. Bħala alternattiva għall-użu ta' karburanti għal użu marittimu b'kontenut ta' kubrit baxx li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta' l-Artikoli 4a u 4b, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li bastimenti jużaw xi teknoloġija approvata għat-tnaqqis ta' emissjonijiet, kemm-il darba dawn il-bastimenti:

- kontinwament jiksbu tnaqqis fl-emissjonijiet li jkun mill-inqas ekwivalenti għal dak li jkun inkiseb permezz tal-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva;

- ikollhom apparat installat li jikkontrolla kontinwament l-emissjonijiet; u

- jiddokumentaw b'mod rigoruż li kwalunkwe flussi ta' skart rilaxxjati f'portijiet u estwarji magħluqa ma jkollhom l-ebda impatt fuq l-ekosistemi, u dan fuq il-bażi ta' kriterji komunikati mill-awtoritajiet ta' l-Istati portwali lill-IMO.

6) L-Artikolu 6 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"1a. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 4a u 4b.

Kull wieħed minn dawn il-mezzi ta' teħid ta' kampjuni, ta' analiżi u ta' ispezzjoni għandu jintuża skond kif xieraq:

- teħid ta' kampjuni tal-karburant għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord meta jiġi kunsinnat lill-bastimenti, skond il-linji gwida ta' l-IMO, u l-analiżi tal-kontenut tiegħu ta' kubrit;

- it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-kontenut ta' kubrit fil-karburant għal użu marittimu għall-kombustjoni abbord li jkun qiegħed f'tankijiet, fejn ikun possibbli, u f'kampjuni siġillati tal-bunker abbord;

- l-ispezzjoni tal-ġurnali uffiċjali ta' abbord u tan-noti ta' kunsinna tal-bunker.

It-teħid ta' kampjuni għandu jibda mad-data li fiha jidħol fis-seħħ il-limitu relevanti għall-kontenut massimu ta' kubrit fil-karburant. Dan għandu jsir bi frekwenza suffiċjenti, fi kwantitajiet suffiċjenti, u b'tali mod li l-kampjuni ikunu rappreżentattivi tal-karburant eżaminat, u tal-karburant li jkun qiegħed jintuża mill-bastimenti meta dawn ikunu fiż-żoni ta' ibħra, fil-portijiet u fil-passaġġi ta' l-ilma interni relevanti.

L-Istati Membri għandhom jieħdu wkoll il-miżuri raġonevoli, skond ir-rekwiżiti tal-każ, sabiex jissorveljaw il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu barra minn dawk li għalihom japplikaw l-Artikoli 4a u 4b.";

(b) Fil-paragrafu 2, il-punt (a) għandu jinbidel b'li ġej:

"(a) Il-metodu ISO 8754 (1992) u PrEN ISO 14596 għaż-żejt karburant tqil u karburanti għal użu marittimu;";

7) L-Artikolu 7 għandu jinbidel b'li ġej:

"L-Artikolu 7

Rapportar u reviżjoni

1. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-kampjuni, ta' l-analiżi u ta' l-ispezzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport qasir dwar il-kontenut ta' kubrit fil-karburanti likwidi li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva u wżati fit-territorju tagħhom matul is-sena kalendarja preċedenti. Dak ir-rapport għandu jinkludi reġistrazzjoni tan-numru totali ta' kampjuni eżaminati skond it-tip ta' karburant u għandu jindika l-kwantità korrispondenti ta' karburant użat, u l-kontenut medju ta' kubrit kalkulat. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll dwar in-numru ta' ispezzjonijiet magħmula abbord, u għandhom jirreġistraw il-kontenut medju ta' kubrit fil-karburanti għal użu marittimu wżati fit-territorju tagħhom li ma jaqgħux fl-ambitu ta' din id-Direttiva fi 11 ta' Awwissu 2005.

2. Fuq il-bażi, inter alia:

(a) ta' rapporti annwali sottomessi skond il-paragrafu 1;

(b) tat-tendenzi osservati fil-kwalità ta' l-arja, fl-aċidifikazzjoni, fl-ispejjeż tal-karburant u fil-bdil modali;

(ċ) tal-progress fit-tnaqqis ta' l-emissjonijiet ta' l-ossidju tal-kubrit minn bastimenti permezz ta' mekkaniżmi ta' l-IMO fuq inizjattivi Komunitarji f'dan ir-rigward;

(d) ta' analiżi ġdida ta' l-effettività fl-infiq, inklużi benefiċċji ambjentali diretti u indiretti, tal-miżuri elenkati fl-Artikolu 4a(4), u ta' miżuri oħrajn possibbli għat-tnaqqis ta' l-emissjonijiet; u

(e) ta' l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4ċ,

il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-2008.

- stadju ieħor ta' valuri ta' limiti fuq il-kubrit stabbiliti għal kull kategorija ta' karburant u,

- b'kont meħud tax-xogħol fl-IMO, taż-żoni tal-baħar fejn għandhom jiġu wżati karburanti għal użu marittimu b'kontenut baxx ta' kubrit.

(a) biex jiġu indikati aktar żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet SOx;

(b) biex jiġu mnaqqsa l-limiti tal-kubrit fil-karburant għal użu marittimu wżat fiż-żoni ta' kontroll ta' l-emissjonijiet SOx, possibilment sa 0.5 %;

(ċ) għal miżuri alternattivi jew kumplimentari.

3. Sa l- 31 ta' Diċembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu possibbli ta' strumenti ekonomiċi, inklużi mekkaniżmi bħal taxxi differenzjati u imposti fuq il-kilometri, permessi negozzjabli ta' l-emissjoni u tpaċija.

Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li tippreżenta proposti dwar strumenti ekonomiċi bħala miżuri alternattivi jew kumplimentari fil-kuntest tar-reviżjoni ta' l-2008, kemm-il darba l-benefiċċji għall-ambjent u għas-saħħa jistgħu jintwerew b'mod ċar.

4. Kwalunkwe emendi li jkunu meħtieġa biex isiru adattamenti tekniċi fl-Artikolu 2, il-punti 1, 2, 3 a), 3 b), 3 ċ) u (4), jew fl-Artikolu 6(2) fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 9(2). Tali adattamenti ma għandhomx jirriżultaw f'bidliet diretti ta' l-ambitu ta' din id-Direttiva jew fil-limiti fuq il-kubrit fil-karburant speċifikati f'din id-Direttiva.";

8) L-Artikolu 9 għandu jinbidel b'li ġej:

"L-Artikolu 9

Il-Proċedura ta' Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2. Fejn isir riferiment għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE [14], b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu."

9) It-test li jinsab fl-Anness għandu jiżdied ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa 11 ta' Awwissu 2006. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva, jew jiġu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-modalitajiet ta' dan ir-riferiment.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, nhar is- 6 ta' Lulju 2005.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

J. Straw

[1] ĠU C 45 E, tal-25.2.2003, p. 277.

[2] ĠU C 208, tat-3.9.2003, p. 27.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 4 ta' Ġunju 2003 (ĠU C 68 E, tat-18.3.2004, p. 311), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad- 9 ta' Diċembru 2004 (ĠU C 63 E tal-15.3.2005, p. 26) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat- 13 ta' April 2005 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta' Mejju 2005.

[4] ĠU L 242, ta' l-10.9.2002, p. 1.

[5] ĠU L 121, tal-11.5.1999, p. 13. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

[6] ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 22. Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adezjoni ta' l-2003.

[7] ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif ġiet emendata fl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

[8] ĠU L 336, tas-7.12.1988, p. 1.

[9] ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10).

[10] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[11] ĠU L 301, tat-28.10.1982, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

[12] ĠU L 309, tas-27.11.2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003."

[13] ĠU L 324, tad-29.11.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, tas-6.3.2004, p. 10)."

[14] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"L-Anness

BASTIMENTI GRIEGI

ISEM TAL-BASTIMENT | SENA TAL-KUNSINNA | NUMRU TA' L-IMO |

ARIADNE PALACE | 2002 | 9221310 |

IKARUS PALACE | 1997 | 9144811 |

KNOSSOS PALACE | 2001 | 9204063 |

OLYMPIA PALACE | 2001 | 9220330 |

PASIPHAE PALACE | 1997 | 9161948 |

FESTOS PALACE | 2001 | 9204568 |

EUROPA PALACE | 2002 | 9220342 |

BLUE STAR I | 2000 | 9197105 |

BLUE STAR II | 2000 | 9207584 |

BLUE STAR ITHAKI | 1999 | 9203916 |

BLUE STAR NAXOS | 2002 | 9241786 |

BLUE STAR PAROS | 2002 | 9241774 |

HELLENIC SPIRIT | 2001 | 9216030 |

OLYMPIC CHAMPION | 2000 | 9216028 |

LEFKA ORI | 1991 | 9035876 |

SOPHOKLIS VENIZELOS | 1990 | 8916607" |

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet