Direttiva tal-Kunsill 2005/24/KE ta' l- 14 ta’ Marzu 2005 li temenda d-Direttiva 87/328/KEE fir-rigward taċ-ċentri ta' ħażna tas-semen u l-użu ta’ ovuli u embrijoni mill-bhejjem ta’ l-ifrat tar-refgħa ta’ razza pura Test b’relevanza għaż-ŻEE.
Official Journal L 078 , 24/03/2005 P. 0043 - 0044
Official Journal L 159 , 13/06/2006 P. 0277 - 0278
Direttiva tal-Kunsill 2005/24/KE ta' l- 14 ta’ Marzu 2005 li temenda d-Direttiva 87/328/KEE fir-rigward taċ-ċentri ta' ħażna tas-semen u l-użu ta’ ovuli u embrijoni mill-bhejjem ta’ l-ifrat tar-refgħa ta’ razza pura (Test b'relevanza għaż-ŻEE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2], Billi: (1) L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 87/328/KEE tat- 18 ta' Ġunju 1987 dwar l-aċċettazzjoni għall-iskopijiet ta’ tgħammir ta’ bhejjem ta’ l-ifrat tar-refgħa ta’ razza pura [3] jistipula li s-semen għall-kummerċ intra-Komunitarju għandu jinġabar, jiġi ttrattat u jinħażen f'ċentru ta' l-inseminazzjoni artifiċjali uffiċjalment approvat. (2) Id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE ta' l- 14 ta' Ġunju 1988 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta' deep frozen semen ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi tal-bovini [4], tippermetti li s-semen jinħażen mhux biss f'ċentri ta' ġbir tas-semen iżda wkoll f'ċentri ta' ħażna tas-semen. (3) Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-leġislazzjoni Komunitarja, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 87/328/KEE għandu jiġi adattat għall-ambitu ta’ applikazzjoni estiż u għad-definizzjonijiet ġodda introdotti fid-Direttiva 88/407/KEE. Għalhekk, huwa meħtieġ li d-Direttiva 87/328/KEE tiġi allinjata mal-bqija tal-leġislazzjoni dwar bhejjem ta’ l-ifrat tar-refgħa ta’ razza pura fir-rigward ta’ l-ovuli u l-embrijoni, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 87/328/KEE għandha tiġi emendata kif ġej: 1) L-Artikolu 1 jiġi sostitwit bit-test li ġej: "Artikolu 1 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-saħħa ta' l-annimali, ma jiġux ipprojbiti, ristretti jew ostakolati: - l-aċċettazzjoni għal skopijiet ta’ tgħammir ta’ bhejjem bovini femminili ta’ razza pura; - l-aċċettazzjoni għall-fekondazzjoni naturali ta’ barrin ta’ razza pura, u - l-użu ta’ l-ovuli jew l-embrijoni provenjenti minn bhejjem bovini femminili ta’ razza pura." 2) L-Artikolu 4 jiġi sostitwit bit-test li ġej: "Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-kummerċ intra-Komunitarju, is-semen imsemmi fl-Artikolu 2 jiġi miġbur, proċessat, u maħżun f'ċentru ta' ġbir jew, jekk ikun hemm bżonn, maħżun f’ċentru tal-ħażna, approvat skond id-Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE ta' l- 14 ta' Ġunju 1988 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa ta' l-annimali applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju u għal importazzjonijiet ta' semen ta' annimali domestiċi ta' l-ispeċi tal-bovini [*****]. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa 24 ta' Marzu 2007, filwaqt li għandhom mingħajr dewmien jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jikkontienu riferiment għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modalitajiet ta' dan ir-riferiment għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet essenzjali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lejn l-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, nhar il- 14 ta’ Marzu 2005. Għall-Kunsill Il-President F. Boden [1] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l- 14 ta' Diċembru 2004 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] Opinjoni tal- 15 ta' Diċembru 2004 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [3] ĠU L 167, 26.6.1987, p. 54. [4] ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/101/KE (ĠU L 30, 4.2.2004, p. 15). [*****] ĠU L 194, 22.7.1988, p. 10. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/101/KE (ĠU L 30, 4.2.2004, p.15)." --------------------------------------------------