32005L0020

Id-Direttiva 2005/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2005 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

Official Journal L 070 , 16/03/2005 P. 0017 - 0018


Id-Direttiva 2005/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tad- 9 ta' Marzu 2005

li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [1],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [2],

Billi:

(1) Fid-dawl tat-tkabbir riċenti ta' l-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li tingħata l-attenzjoni dovuta għas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri l-ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-kisba tal-miri tar-riċiklaġġ u l-irkuprar stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 94/62/KE [3].

(2) L-Istati Membri li aderew ma' l-Unjoni Ewropea bis-saħħa tat-Trattat ta' Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 jeħtieġu żmien addizzjonali biex jadattaw is-sistemi tagħhom ta' riċiklaġġ u rkuprar għall-miri tad-Direttiva 94/62/KE.

(3) Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu armonizzati l-miri nazzjonali għar-riċiklaġġ u l-irkuprar ta' skart mill-imballaġġ, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għaldaqstant, minħabba d-daqs ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(4) Fid-dawl tat-tkabbir ieħor ta' l-Unjoni Ewropea, jeħtieġ li tingħata l-attenzjoni dovuta wkoll għas-sitwazzjoni speċifika f'pajjiżi li l-adeżjoni tagħhom hija ppjanata fi stadju aktar tard.

(5) Id-Direttiva 94/62/KE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied ma' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 94/62/KE:

"11. L-Istati Membri li aderew ma' l-Unjoni Ewropea bis-saħħa tat-Trattat ta' Adeżjoni tas- 16 ta' April 2003 jistgħu jipposponu il-kisba tal-miri msemmija fil-paragrafu 1 il-punti (b), (d) u (e) sa data ta' l-għażla tagħhom li m'għandhiex tkun aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2012 għar-Repubblika ċeka, l-Estonja, ċipru, il-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovenja u s-Slovakkja; il- 31 ta' Diċembru 2013 għal Malta; il- 31 ta' Diċembru 2014 għal-Polonja; u l- 31 ta' Diċembru 2015 għal-Latvja."

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-9 ta' Settembru 2006. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-disposizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-disposizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi għall-għamla ta' tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 9 ta' Marzu 2005

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. P. Borrell Fontelles

Għall-Kunsill

Il-President

N. Schmit

[1] ĠU C 241, 28.9.2004, p. 20.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas- 17 ta' Novembru 2004 (għadha mhix ippubblikata fil-ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- 21 ta' Frar 2005.

[3] ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2004/12/KE (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 26).

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet