Direttiva tal-Kunsill 2005/19/KE tas- 17 ta' Frar 2005 li temenda d-Direttiva 90/434/KEE dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers , diviżjonijiet, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti
Official Journal L 058 , 04/03/2005 P. 0019 - 0027
Official Journal L 159 , 13/06/2006 P. 0164 - 0172
Direttiva tal-Kunsill 2005/19/KE tas- 17 ta' Frar 2005 li temenda d-Direttiva 90/434/KEE dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2], Billi: (1) Id-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE [3] introduċiet regoli komuni applikabbli għar-ristrutturar ta' negozji li huma newtrali mill-aspett tal-kompetizzjoni. (2) L-għan tad-Direttiva 90/434/KEE hu li t-tassazzjoni tad-dħul, il-profitti u l-qligħ kapitali minn riorganizzazzjonijiet ta' negozji għandhom jiġu differiti u d-drittijiet għall-intaxxar ta' l-Istati Membri jiġu salvagwardati. (3) Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 90/434/KEE hu l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern, bħal ma hi t-tassazzjoni doppja. Sakemm dan ma jintlaħaqx għal kollox bid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan. (4) L-esperjenza miksuba wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva 90/434/KEE f'Jannar 1992 uriet modi differenti ta' kif id-Direttiva tista' tiġi mtejba u kif l-effetti vantaġġużi tar-regoli komuni kif adottati fl-1990 ikunu jistgħu jiġu estiżi. (5) Fit- 8 ta' Ottubru 2001 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2157/2001 [4] dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) u d-Direttiva 2001/86/KE [5] li tissupplementa l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati. B'mod simili, fit- 22 ta' Lulju 2003 l-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru. 1435/2003 [6] dwar l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea (SCE) u d-Direttiva 2003/72/KE [7] li tissupplementa l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati. Waħda mill-aktar karatteristiċi importanti ta' dawn l-istrumenti hija li kemm l-SE kif ukoll l-SCE se jkunu jistgħu jittrasferixxu l-uffiċċji reġistrati rispettivi tagħhom bejn l-Istati Membri mingħajr ma jiġu xolti u jmorru f'likwidazzjoni. (6) It-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat huwa mezz kif tiġi eżerċitata l-libertà ta' stabbiliment kif previst fl-Artikoli 43 u 48 tat-Trattat. L-ebda assi ma jiġu trasferiti u l-kumpannija u l-azzjonisti tagħha ma jieħdu l-ebda dħul, profitt, jew qligħ kapitali minnu. Id-deċiżjoni tal-kumpannija li tirriorganizza l-attività tagħha billi tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha m'għandux jixxekkel minn regoli diskriminatorji ta' taxxa jew minn restrizzjonijiet, żvantaġġi jew distorsjonijiet ikkawżati minn leġislazzjoni nazzjonali tat-taxxa li tmur kontra l-Liġi Komunitarja. It-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE minn Stat Membru għal ieħor jista' mhux dejjem iwassal għall-SE jew l-SCE li ma tibqax residenti fl-ewwel Stat Membru. Ir-residenza fiskali ta' l-SE jew l-SCE tibqa' tiġi determinata b'leġislazzjoni nazzjonali u trattati ta' taxxa. (7) It-trasferiment ta' uffiċċju reġistrat ta' kumpannija, jew avveniment konness ma' dak it-trasferiment, li jġib miegħu bidla fir-residenza fiskali, jista' jirriżulta f'xi forma ta' tassazzjoni fl-Istat Membru li minnu jiġi trasferit l-uffiċċju. Jista' jkun hemm tassazzjoni wkoll f'każ fejn it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat, jew avveniment konness ma' dak it-trasferiment, ma' jwassalx għal bidla fir-residenza fiskali. Sabiex tiġi ttrattata dik l-eventwalità safejn l-SE jew l-SCE huma kkonċernati, ġew introdotti fid-Direttiva 90/434/KEE numru ta' regoli ġodda. F'każ fejn, wara t-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat, l-assi ta' l-SE jew ta' l-SCE jibqgħu effettivament konnessi ma' stabbiliment permanenti tal-proprjetà ta' l-SE jew l-SCE u li jinsab fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit, dak l-istabbiliment permanenti għandu jgawdi benefiċċji simili għal dawk previsti fl-Artikoli 4, 5 u 6 tad-Direttiva 90/434/KEE. Dawk l-Artikoli jikkonċernaw provvisti u riżervi eżentati mit-taxxa, u l-assunzjoni ta' telf. Barra minn dan, skond il-prinċipji tat-Trattat, it-tassazzjoni ta' l-azzjonisti fl-okkażjoni tat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat għandu jiġi eskluż. B'kont meħud ta' l-obbligu fuq l-Istati Membri taħt it-Trattat li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiġi abolita t-tassazzjoni doppja, mhuwiex meħtieġ f'dan l-istadju li jiġu stabbiliti regoli komuni ġodda dwar ir-residenza fiskali ta' l-SE jew l-SCE. (8) Id-Direttiva 90/434/KEE ma tittrattax it-telf ta' stabbiliment permanenti fi Stat Membru ieħor rikonoxxut fl-Istat Membru tar-residenza ta' SE jew SCE. B'mod partikolari, fejn l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE jiġi trasferit fi Stat Membru ieħor, dak it-trasferiment ma jżommx lill-Istat Membru tar-residenza ta' qabel milli jerġa' jintegra t-telf ta' l-istabbiliment permanenti fiż-żmien debitu. (9) Id-Direttiva 90/434/KEE ma tkoprix tip ta' diviżjoni fejn il-kumpannija li tittrasferixxi fergħat ta' attività ma tiġix xolta. L-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva għandu għalhekk jiġi estiż biex ikopri tali każi. (10) L-Artikolu 3 tad-Direttiva 90/434/KEE jiddefinixxi l-kumpanniji li jaqgħu taħt il-firxa ta' applikazzjoni tagħha u l-Anness tagħha jelenka l-forom ta' kumpannija li għalihom tapplika d-Direttiva. Madankollu, ċerti forom ta' kumpannija mhumiex elenkati f'dak l-Anness minkejja li huma residenti għall-finijiet ta' taxxa fi Stat Membru u huma soġġetti għal taxxa korporattiva hemmhekk. Fid-dawl ta' l-esperjenza, din tidher li hija lakuna inġustifikabbli u l-firxa ta' applikazzjoni tad-Direttiva għandha għalhekk tiġi estiża biex tkopri l-entitajiet li jistgħu jiżvolġu attivitajiet trans-konfini fil-Komunità u li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha rilevanti. (11) Billi l-SE hija kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata u billi l-SCE hija soċjetà koperattiva, it-tnejn simili fin-natura għal forom oħra ta' kumpannija diġà koperti bid-Direttiva 90/434/KEE, l-SE u l-SCE għandhom jiżdiedu mal-lista stabbilita fl-Anness għad-Direttiva 90/434/KEE. (12) Il-kumpanniji ġodda l-oħra inklużi fil-lista ta' l-Anness għal din id-Direttiva huma kontribwenti korporattivi fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom iżda xi wħud minnhom huma meqjusa bħala fiskalment trasparenti minn Stati Membri oħra. Sabiex il-benefiċċji tad-Direttiva 90/434/KEE jkunu effettivi, l-Istati Membri li jittrattaw kontribwenti korporattivi mhux residenti bħala fiskalment trasparenti għandhom japplikaw il-benefiċċji tad-Direttiva lilhom. Madankollu, minħabba d-differenza fit-trattament fiskali mill-Istati Membri ta' dawn il-kontribwenti korporattivi partikolari, l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva meta jintaxxaw lil azzjonist dirett jew indirett ta' dawk il-kontribwenti. (13) Meta azzjonisti ta' kumpanniji li jidħlu fi transazzjonijiet regolati mid-Direttiva 90/434/KEE jiġu ttrattati bħala fiskalment trasparenti, persuni li jkollhom interess fl-azzjonist m'għandhomx jiġu intaxxati fl-okkażjoni ta' transazzjonijiet ta' ristrutturazzjoni. (14) Jeżistu xi dubji dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 90/434/KEE għall-konverżjoni ta' fergħat f'sussidjarji. F'dawn l-operazzjonijiet, l-assi konnessi ma' stabbiliment permanenti u li jikkostitwixxu "fergħa ta' attività", kif definita fl-Artikolu 2 (i) tad-Direttiva 90/434/KEE, jiġu trasferiti f'kumpannija ġdida li tkun sussidjarju tal-kumpannija li qed tittrasferixxi u għandu jkun magħmul ċar li din it-transazzjoni, billi hijaa trasferiment ta' assi minn kumpannija ta' Stat Membru ta' stabbiliment permanenti li jinsab fi Stat Membru differenti għal kumpannija ta' l-Istat Membru ta' l-aħħar, hija koperta minn din id-Direttiva. (15) Id-definizzjoni attwali ta' "skambju ta' ishma" fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 90/434/KEE ma tistipulax jekk it-terminu jinkludix akkwisti ulterjuri lil hinn mill-konċessjoni ta' maġġoranza sempliċi ta' drittijiet ta' vot. Mhix xi ħaġa rari li statuti u regoli ta' votazzjoni ta' kumpannija jkunu mfassla b'tali mod li jkunu meħtieġa akkwisti ulterjuri qabel ma l-akkwirent ikun jista' jikseb kontroll totali fuq il-kumpannija destinatarja. Id-definizzjoni ta' "skambju ta' ishma" għandha għalhekk tiġi emendata biex tistipula li dak it-terminu jkopri kull tali akkwist ulterjuri. (16) Fil-każ ta' mergers u diviżjonijiet, il-kumpannija li qed tirċievi tista' tikseb qligħ mid-differenza fil-valur bejn l-assi u d-debiti li tkun irċeviet u l-ishma li setgħet kienet qed iżżomm fil-kumpannija li qed tittrasferixxi li jiġu mħassra wara dawn l-operazzjonijiet. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 90/434/KEE jipprevedi għall-eżenzjoni ta' dan il-qligħ kapitali billi dawn il-profitti jistgħu daqstant faċilment jiġu akkwistati fil-forma ta' profitti distribwiti mill-kumpannija li qed tittrasferixxi li jkunu ġew eżentati taħt id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat- 23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli fil-każ ta' kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti [8]. L-għanijiet kemm tad-Direttiva 90/434/KEE kif ukoll tad-Direttiva 90/435/KEE jikkoinċidu fir-rigward ta' din il-kwistjoni partikolari iżda l-kondizzjonijiet meħtieġa mhumiex l-istess. Id-Direttiva 90/434/KEE għandha għalhekk tiġi emendata biex tassimila r-rekwiżiti tagħha għal dawk tad-Direttiva 90/435/KEE u biex tieħu kont tal-limitu iktar baxx ta' parteċipazzjoni ta' azzjonist inkluż f'dik id-Direttiva. (17) Minħabba l-estensjoni tad-Direttiva 90/434/KEE biex tinkludi diviżjonijiet parzjali u t-trasferiment ta' uffiċċju reġistrat ta' SE jew ta' SCE, il-firxa ta' applikazzjoni tad-dispożizzjoni li tirrigwarda l-ġlieda kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa għandha tiġi emendata f'dan is-sens. (18) Id-Direttiva 90/434/KEE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens. ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 90/434/KEE hija b'dan emendata kif ġej: (1) It-titolu għandu jinbidel b'dan li ġej: "Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE tat- 23 ta' Lulju 1990 dwar is-sistema komuni ta' tassazzjoni applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta' Stati Membri differenti u għat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat, ta' SE jew SCE, bejn Stati Membri." (2) L-Artikolu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 1 Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva għal dan li ġej: (a) mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta' assi u skambji ta' ishma li jinvolvu kumpanniji minn żewġ Stati Membri jew aktar, (b) trasferimenti ta' l-uffiċċju reġistrat minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor ta' kumpanniji Ewropej (Societas Europaea jew SE), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat- 8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) [], u Soċjetajiet Koperattivi Ewropej (SCE), kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat- 22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea (SCE) []. (3) L-Artikolu 2 għandu jkun emendat kif ġej: (a) Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: "(b)(a) "diviżjoni parzjali" għandha tfisser operazzjoni li biha kumpannija tittrasferixxi, mingħajr ma tiġi xolta, fergħa waħda jew aktar ta' attività, lil kumpannija waħda jew aktar eżistenti jew ġodda, u tħalli mill-inqas fergħa waħda ta' attività fil-kumpannija li qed tittrasferixxi, bi skambju mal-ħruġ pro-rata lill-azzjonisti tagħha ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpanniji li qed jirċievu l-assi u d-debiti, u, jekk hu applikabbli, ħlas f'kontanti ta' mhux aktar minn 10 % tal-valur nominali jew, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-parità kontabbli ta' dawk it-titoli ta' sigurtà;" (b) Il-paragrafu (d) għandu jinbidel kif ġej: "(d) "skambju ta' ishma" għandha tfisser operazzjoni li biha kumpannija takkwista sehem fil-kapital ta' kumpannija oħra tali li tikseb maġġoranza tad-drittijiet ta' vot f'dik il-kumpannija, jew, jekk tiddetjeni tali maġġoranza, takkwista sehem ulterjuri, bi skambju mal-ħruġ lill-azzjonisti tal-kumpannija ta' l-aħħar, bi skambju mat-titoli ta' sigurtà tagħhom, ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta' l-ewwel, u, jekk hu applikabbli, pagament kontanti ta' mhux aktar minn 10 % tal-valur nominali, fin-nuqqas ta' valur nominali, tal-parità kontanti tas-sigurtajiet maħruġa bi skambju;" (ċ) Għandu jiżdied il-paragrafu (j) li ġej: "(j) "trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat" għandha tfisser operazzjoni li biha SE jew SCE, mingħajr ma xxolji jew toħloq persuna ġuridika ġdida, tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor" . (4) L-Artikolu 3 il-paragrafu (ċ) it-8 inċiż fir-rigward ta' l-Italja għandu jinbidel kif ġej: - "— imposta sul reddito delle società fl-Italja," (5) L-intestatura tat-Titolu II għandha tinbidel b'dan li ġej: "TITOLU II Regoli applikabbli għal mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, u skambji ta' ishma." (6) L-Artikolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 4 1. Merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali m'għandhomx jirriżultaw fi kwalunkwe tassazzjoni ta' qligħ kapitali kkalkulat b'referenza għad-differenza bejn il-valuri reali ta' l-assi u d-debiti trasferiti u l-valuri tagħhom għal finijiet ta' taxxa. Għall-fini ta' dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw: (a) "valur għall-finijiet ta' taxxa": il-valur abbażi ta' liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ġie kkalkulat għall-finijiet ta' taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali tal-kumpannija li qed tittrasferixxi jekk tali assi jew debiti kienu ġew mibjugħa fiż-żmien tal-merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali iżda indipendentement minnhom; (b) "assi u debiti trasferiti": dawk l-assi u debiti tal-kumpannija li qed tittrasferixxi li, b'konsegwenza tal-merger, diviżjoni jew diviżjoni parzjali, huma effettivament konnessi ma' stabbiliment permanenti tal-kumpannija li qed tirċievi fl-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi u għandhom parti fil-ġenerazzjoni tal-profitti jew it-telf meħuda fil-kont għall-finijiet ta' taxxa. 2. Meta japplika l-paragrafu 1 u meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li qed tittrasferixxi, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita u għalhekk jintaxxa lill-azzjonisti fuq is-sehem tagħhom tal-profitti tal-kumpannija li qed tittrasferixxi kif u meta jirriżultaw dawk il-profitti, dak l-Istat m'għandux jintaxxa kwalunkwe dħul, profitti jew qligħ kapitali kkalkulati b'referenza għad-differenza bejn il-valuri reali ta' l-assi u d-debiti trasferiti u l-valuri tagħhom għal finijiet ta' taxxa. 3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw biss jekk il-kumpannija li qed tirċievi tikkalkula kwalunkwe deprezzament ġdid u kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti trasferiti skond ir-regoli li kienu japplikaw għall-kumpannija jew kumpanniji li qed jittrasferixxu kieku l-merger, id-diviżjoni jew id-diviżjoni parzjali ma kinitx seħħet. 4. Meta, taħt il-liġijiet ta' Stat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, il-kumpannija li qed tirċievi hija intitolata li jkollha kwalunkwe deprezzament ġdid jew kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti trasferiti kkalkulati fuq bażi differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 3, il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-assi u d-debiti fir-rigward ta' liema dik l-għażla tiġi eżerċitata." (7) L-Artikolu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 6 Sakemm, jekk l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1, paragrafu a, twettqu bejn kumpanniji mill-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, l-Istat Membru kien japplika dispożizzjonijiet li jippermettu lill-kumpannija li qed tirċievi biex tassumi għaliha t-telf tal-kumpannija li qed tittrasferixxi li kien għadu ma ġiex eżawrit għal finijiet ta' taxxa, huwa għandu jestendi dawk id-dispożizzjonijiet biex ikopru l-assunzjoni ta' tali telf mill-istabbilimenti permanenti tal-kumpannija li qed tirċievi li jinsabu fit-territorju tiegħu." (8) Fl-Artikolu 7, il-paragrafu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej: "2. L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1 meta l-kumpannija li qed tirċievi għandha sehem ta' inqas minn 20 % fil-kapital tal-kumpannija li qed tittrasferixxi. Mill- 1 ta' Jannar 2007 il-perċentwali minima tas-sehem għandha tkun 15 %. Mill- 1 ta' Jannar 2009 il-perċentwali minima tas-sehem għandha tkun 10 %." (9) L-Artikolu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 8 1. Waqt merger, diviżjoni jew skambju ta' ishma, it-tqassim ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija akkwirenti jew li qed tirċievi lil azzjonist tal-kumpannija akkwistata jew li qed tittrasferixxi, bi skambju ma' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija ta' l-aħħar m'għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' dak l-azzjonist. 2. Waqt diviżjoni parzjali, it-tqassim lil azzjonist tal-kumpannija li qed tittrasferixxi ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija li qed tirċievi m'għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni tad-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' dak l-azzjonist. 3. Meta Stat Membru jikkunsidra azzjonist bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dak l-azzjonist li jirriżultaw mil-liġi li taħtha huwa kostitwit u għalhekk jintaxxa lil dawk il-persuni li għandhom interess fl-azzjonisti fuq is-sehem tagħhom tal-profitti ta' l-azzjonist kif u meta dawk il-profitti jirriżultaw, l-Istat m'għandux jintaxxa lil dawk il-persuni fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali mit-tqassim lill-azzjonist ta' titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital tal-kumpannija akkwirenti jew li qed tirċievi. 4. Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jattribwix lit-titoli ta' sigurtà riċevuti valur għal finijiet ta' taxxa ogħla mill-valur li t-titoli ta' sigurtà skambjati kellhom immedjatament qabel il-merger, diviżjoni jew skambju ta' ishma. 5. Il-paragrafu 2 u 3 għandhom japplikaw biss jekk l-azzjonist ma jattribwix lis-somma tat-titoli ta' sigurtà riċevuti u lil dawk miżmuma fil-kumpannija li qed tittrasferixxi, valur għal finijiet ta' taxxa ogħla mill-valur li t-titoli ta' sigurtà miżmuma fil-kumpannija li qed tittrasferixxi kellhom immedjatament qabel id-diviżjoni parzjali. 6. L-applikazzjoni tal-paragrafi 1, 2 u 3 m'għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti ta' titoli ta' sigurtà riċevuti, bl-istess mod bħall-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment ta' titoli ta' sigurtà li kienu jeżistu qabel l-akkwist. 7. F'dan l-Artikolu l-espressjoni "valur għal finijiet ta' taxxa" tfisser il-valur abbażi ta' liema kwalunkwe qligħ jew telf ikun ikkalkulat għall-finijiet ta' taxxa fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' azzjonist tal-kumpannija. 8. Meta, taħt il-liġi ta' l-Istat Membru fejn huwa residenti, azzjonist jista' jagħżel trattament fiskali differenti minn dak stabbilit fil-paragrafi 4 u 5, il-paragrafi 1, 2 u 3 m'għandhomx japplikaw għat-titoli ta' sigurtà fir-rigward ta' liema tali għażla tkun ġiet eżerċitata. 9. Il-paragrafi 1, 2 u 3 m'għandhomx jipprevjenu lil Stat Membru milli jieħu kont, meta jintaxxa lil azzjonisti, ta' kwalunkwe ħlas f'kontanti li jista' jsir waqt il-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali jew l-iskambju ta' ishma." (10) L-Artikolu 10 għandu jinbidel b'dan li ġej: "Artikolu 10 1. Meta l-assi trasferiti f'merger, diviżjoni, diviżjoni parzjali jew trasferiment ta' assi jinkludu stabbiliment permanenti tal-kumpannija li qed tittrasferixxi li jinsab fi Stat Membru ieħor minn dak tal-kumpannija li qed tittrasferixxi, l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi għandu jirrinunzja kwalunkwe dritt li jintaxxa lil dak l-istabbiliment permanenti. L-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi jista' jdaħħal lura fil-profitti taxxabbli ta' dik il-kumpannija tali telf ta' l-istabbiliment permanenti li qabel seta' ġie kompensat mal-profitti taxxabbli tal-kumpannija f'dak l-Istat u li ma ġiex irkuprat. L-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti u l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tirċievi għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għal tali trasferiment daqs li kieku l-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment permanenti kien l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll fil-każ fejn l-istabbiliment permanenti jinsab fl-istess Stat Membru bħal dak fejn hija residenti l-kumpannija li qed tirċievi. 2. B'deroga mill-paragrafu 1, meta l-Istat Membru tal-kumpannija li qed tittrasferixxi tapplika sistema li tintaxxa l-profitti fuq livell dinji, dak l-Istat Membru għandu jkollu d-dritt li jintaxxa kwalunkwe profitt jew qligħ kapitali ta' l-istabbiliment permanenti li jirriżulta mill-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali jew it-trasferiment ta' assi, bil-kondizzjoni li jagħti eżenzjoni għat-taxxa li, ħlief għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, kienet tiġi imposta fuq dawk il-profitti jew qligħ kapitali fl-Istat Membru fejn jinsab dak l-istabbiliment permanenti, bl-istess mod u fl-istess ammont li kien jagħmel kieku dik it-taxxa kienet fil-fatt ġiet imposta u mħallsa." (11) Għandu jiddaħħal it-Titolu li ġej: "TITOLU IVa Każ Speċjali ta' Entitajiet Trasparenti Artikolu 10a 1. Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija mhux residenti li qed tittrasferixxi jew akkwistata bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, huwa għandu jkollu d-dritt li ma japplikax id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva meta jintaxxa azzjonist dirett jew indirett ta' dik il-kumpannija fir-rigward tad-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali ta' dik il-kumpannija 2. Stat Membru li jeżerċita d-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jagħti eżenzjoni għat-taxxa li, ħlief għad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, kienet tiġi imposta fuq il-kumpannija fiskalment trasparenti fuq id-dħul, il-profitti jew il-qligħ kapitali tagħha, bl-istess mod u bl-istess ammont li dak l-Istat kien jagħmel kieku dik it-taxxa ġiet fil-fatt imposta u mħallsa. 3. Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li qed tirċievi jew akkwirenti, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, huwa għandu jkollu d-dritt li ma japplikax l-Artikolu 8 il-paragrafi 1, 2 u 3. 4. Meta Stat Membru jikkunsidra kumpannija li qed tirċievi, mhux residenti, bħala fiskalment trasparenti abbażi tal-valutazzjoni ta' dak l-Istat tal-karatteristiċi legali ta' dik il-kumpannija li jirriżultaw mil-liġi li taħtha hija kostitwita, dak l-Istat Membru jista' japplika għal kwalunkwe azzjonist dirett jew indirett l-istess trattament għal finijiet ta' taxxa li kien japplika kieku l-kumpannija li qed tirċievi kienet residenti f'dak l-Istat Membru." (12) Għandu jiddaħħal it-Titolu li ġej. "TITOLU IVb Regoli applikabbli għat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE Artikolu 10b 1. Meta, (a) SE jew SCE tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, jew (b) f'konnessjoni mat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, SE jew SCE, li hija residenti fl-ewwel Stat Membru, ma tibqax residenti f'dak l-Istat Membru u ssir residenti fi Stat Membru ieħor, dak it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat jew it-tmiem ta' residenza m'għandux jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni ta' qligħ kapitali, ikkalkulat skond l-Artikolu 4(1), fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit, miksub minn dawk l-assi u d-debiti ta' l-SE jew l-SCE li, b'konsegwenza, jibqgħu effettivament konnessi ma' stabbiliment permanenti ta' l-SE jew ta' l-SCE fl-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit u li għandhom rwol fil-ġenerazzjoni tal-profitti jew tat-telf meħuda fil-kont għal finijiet ta' taxxa. 2. Il-paragrafu 1 għandu japplika biss jekk l-SE jew l-SCE tikkalkula kwalunkwe deprezzament u kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti li jibqgħu effettivament konnessi ma' dak l-istabbiliment permanenti, daqs li kieku t-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ma kienx seħħ jew l-SE jew l-SCE ma kinitx temmet ir-residenza fiskali tagħha. 3. Meta, taħt il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru, l-SE jew l-SCE hija intitolata li jkollha kwalunkwe deprezzament ġdid jew kwalunkwe qligħ jew telf fir-rigward ta' l-assi u d-debiti li jibqgħu f'dak l-Istat Membru kkalkulati fuq bażi differenti minn dik stabbilita fil-paragrafu 2, il-paragrafu 1 m'għandux japplika għall-assi u d-debiti fir-rigward ta' liema dik l-għażla tiġi eżerċitata. Artikolu 10ċ 1. Meta, (a) SE jew SCE tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, jew (b) f'konnessjoni mat-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat tagħha minn Stat Membru wieħed għal Stat Membru ieħor, SE jew SCE, li hija residenti fl-ewwel Stat Membru, ma tibqax residenti f'dak l-Istat Membru u ssir residenti fi Stat Membru ieħor, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta provvisti jew riżervi kostitwiti kif suppost mill-SE jew l-SCE qabel it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat huma parzjalment jew interament eżenti mit-taxxa u mhumiex akkwistati minn stabbilimenti permanenti barra l-pajjiż, tali provvisti jew riżervi jistgħu jittieħdu, bl-istess eżenzjoni ta' taxxa, minn stabbiliment permanenti ta' l-SE jew l-SCE li jinsab fit-territorju ta' l-Istat Membru li minnu l-uffiċċju reġistrat ġie trasferit. 2. Sakemm kumpannija li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha fit-territorju ta' Stat Membru titħalla tmexxi 'l quddiem jew tieħu lura telf li ma ġiex eżawrit għal finijiet ta' taxxa, dak l-Istat Membru għandu jippermetti lill-istabbiliment permanenti, li jinsab fit-territorju tiegħu, ta' l-SE jew l-SCE li qed tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha, li jassumi għalih dak it-telf ta' l-SE jew l-SCE li ma ġiex eżawrit għal finijiet ta' taxxa, bil-kondizzjoni li t-tmexxija 'l quddiem jew it-teħid lura tat-telf kien ikun disponibbli f'ċirkostanzi komparabbli għal kumpannija li baqgħet iżżomm l-uffiċċju reġistrat tagħha jew baqgħet resident fiskali f'dak l-Istat Membru. Artikolu 10d 1. It-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew ta' SCE m'għandux, minnu nnifsu, jirriżulta fi kwalunkwe tassazzjoni fuq id-dħul, il-profitt jew il-qligħ kapitali ta' l-azzjonisti. 2. L-applikazzjoni tal-paragrafu 1 m'għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintaxxaw il-qligħ li jirriżulta mit-trasferiment sussegwenti tat-titoli ta' sigurtà li jirrappreżentaw il-kapital ta' l-SE jew ta' l-SCE li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha." (13) Fl-Artikolu 11, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej: "1. Stat Membru jista' jirrifjuta li japplika jew jirtira l-benefiċċju ta' kull waħda jew kwalunkwe parti mid-dispożizzjonijiet tat-Titoli II, III, IV, u IVb meta jkun jidher li l-merger, id-diviżjoni, id-diviżjoni parzjali, it-trasferiment ta' assi, l-iskambju ta' ishma jew it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew SCE: (a) għandu bħala l-għan prinċipali jew bħala wieħed mill-għanijiet prinċipali tiegħu l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi fiskali; il-fatt li waħda mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ma titwettaqx għal raġunijiet kummerċjali validi bħar-ristrutturar jew ir-razzjonalizzazzjoni ta' l-attivitajiet tal-kumpanniji li qed jipparteċipaw fl-operazzjoni jista' jikkostitwixxi preżunzjoni li l-operazzjoni għandha l-evażjoni tat-taxxa jew il-frodi fiskali bħala l-għan prinċipali jew wieħed mill-għanijiet prinċipali tagħha; (b) jirriżulta f'kumpannija, sew jekk qed tipparteċipa fl-operazzjoni jew le, li ma tibqax tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rappreżentazzjoni ta' l-impjegati f'organi tal-kumpannija skond l-arranġamenti li kienu fis-seħħ qabel dik l-operazzjoni." (14) L-Anness għandu jinbidel bit-test fl-Anness għal din id-Direttiva. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw kemm mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar it-trasferiment ta' l-uffiċċju reġistrat ta' SE jew ta' SCE, u ma' l-ittra (a) fl-Anness għal din id-Direttiva sa l- 1 ta' Jannar 2006. L-Istati Membri għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. 2. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1, sa l- 1 ta' Jannar 2007. L-Istati Membri għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-metodi għall-għamla ta' tali referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Artikolu 3 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, nhar is- 17 ta' Frar 2005. Għall-Kunsill Il-President J.-C. Juncker [1] Opinjoni mogħtija fl- 10.3.2004 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] ĠU C 110, 30.4.2004, p. 30. [3] ĠU L 225, 20.8.1990, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003. [4] ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament Nru. 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1.) [5] ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22. [6] ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1. Regolament kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru. 15/2004 (ĠU L 116, 22.4.2004, p. 68. [7] ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25. [8] ĠU L 225, 20.8.1990, p. 6. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/123/KE (ĠU L 7, 13.1.2004, p. 41). [] ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru. 885/2004 (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 1). [] ĠU L 207, 18.8.2003, p. 1. Regolament kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru. 15/2004 (ĠU L 116, 22.4.2004, p. 68)." -------------------------------------------------- ANNESS "ANNESS LISTA TA' KUMPANNIJI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 3(a) (a) kumpanniji inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat- 8 ta' Ottubru 2001 dwar l-Istatut għal Kumpannija Ewropea (SE) u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat- 8 ta' Ottubru 2001 li tissupplementa l-Istatut għal kumpannija Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati, u soċjetajiet koperattivi inkorporati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 tat- 22 ta' Lulju 2003 dwar l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea (SCE) u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/72/KE tat- 22 ta' Lulju 2003 li tissupplementa l-Istatut għal Soċjetà Koperattiva Ewropea fir-rigward ta' l-involviment ta' l-impjegati; (b) kumpanniji taħt il-liġi Belġjana magħrufa bħala "société anonyme"/"naamloze vennootschap","société en commandite par actions"/"commanditaire vennootschap op aandelen", "société privée à responsabilité limitée"/"besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid""société coopérative à responsabilité limitée"/"coöperatieve vennootschap met beperkte aansprakelijkheid", "société coopérative à responsabilité illimitée"/"coöperatieve vennootschap met onbeperkte aansprakelijkheid", "société en nom collectif" / "vennootschap onder firma", "société en commandite simple" / "gewone commanditaire vennootschap", impriżi pubbliċi li adottaw waħda mill-forom legali msemmija hawn fuq, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Belġjana soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Belġjana; (ċ) kumpanniji taħt il-liġi Ċeka magħrufa bħala: "akciová společnost", "společnost s ručením omezeným"; (d) kumpanniji taħt il-liġi Daniża magħrufa bħala "aktieselskab" u "anpartsselskab". Kumpanniji oħra soġġetti għat-taxxa taħt l-Att dwar Taxxa Korporattiva, safejn id-dħul taxxabbli tagħhom jiġi kkalkulat u intaxxat skond ir-regoli tal-leġislazzjoni tat-taxxa ġenerali applikabbli għal "aktieselskaber"; (e) kumpanniji taħt il-liġi Ġermaniża magħrufa bħala "Aktiengesellschaft", "Kommanditgesellschaft auf Aktien", "Gesellschaft mit beschränkter Haftung", "Versicherungsverein auf Gegenseitigkeit", "Erwerbs- und Wirtschaftsgenossenschaft", "Betriebe gewerblicher Art von juristischen Personen des öffentlichen Rechts", u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Ġermaniża soġġetti għat-taxxa korporattiva Ġermaniża; (f) kumpanniji taħt il-liġi Estonjana magħrufa bħala: "täisühing", "usaldusühing", "osaühing","aktsiaselts", "tulundusühistu"; (g) kumpanniji taħt il-liġi Griega magħrufa bħala "αvώvυμη εταιρεία", "εταιρεία περισρισμέvης ευθύvης (Ε.Π.Ε.)"; (h) kumpanniji taħt il-liġi Spanjola magħrufa bħala "sociedad anónima", "sociedad comanditaria por acciones", "sociedad de responsabilidad limitada", u dawk il-korpi ta' liġi pubblika li joperaw taħt il-liġi privata; (i) kumpanniji taħt il-liġi Franċiża magħrufa bħala "société anonyme", "société en commandite par actions", "société à responsabilité limitée", "sociétés par actions simplifiées", "sociétés d'assurances mutuelles", "caisses d'épargne et de prévoyance","sociétés civiles"li huma awtomatikament soġġetti għat-taxxa korporattiva,"coopératives","unions de coopératives", stabbilimenti u impriżi pubbliċi industrijali u kummerċjali, u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Franċiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Franċiża; (j) kumpanniji inkorporati jew eżistenti taħt il-liġijiet Irlandiżi, korpi reġistrati taħt l-"Industrial and Provident Societies Act", "building societies" inkorporati taħt il-"Building Societies Acts" u "trustee savings banks" fi ħdan it-tifsira tat-"Trustee Savings Banks Act", 1989; (k) kumpanniji taħt il-liġi Taljana magħrufa bħala "società per azioni", "società in accomandita per azioni", "società a responsibilità limitata", "società cooperative", "società di mutua assicurazione", u entitajiet privati u pubbliċi li l-attività tagħhom hija interament jew prinċipalment kummerċjali; (l) il-liġi Ċiprijotta: "εταιρείες" kif definit fil-liġijiet dwar it-Taxxa fuq id-Dħul; (m) kumpanniji taħt il-liġi Latvjana magħrufa bħala: "akciju sabiedrība", "sabiedrība ar ierobežotu atbildību"; (n) kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tal-Litwanja; (o) kumpanniji taħt il-liġi tal-Lussemburgu magħrufa bħala "société anonyme", "société en commandite par actions", "société à responsabilité limitée", "société coopérative", "société coopérative organisée comme une société anonyme", "association d'assurances mutuelles", "association d'épargne-pension","entreprise de nature commerciale, industrielle ou minière de l'Etat, des communes, des syndicats de communes, des établissements publics et des autres personnes morales de droit public", u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi tal-Lussemburgu soġġetti għat-Taxxa Korporattiva tal-Lussemburgu; (p) kumpanniji taħt il-liġi Ungeriża magħrufa bħala: "közkereseti társaság", "betéti társaság","közös vállalat", "korlátolt felelősségű társaság", "részvénytársaság", "egyesülés","közhasznú társaság","szövetkezet"; (q) kumpanniji taħt il-liġi Maltija magħrufa bħala: "Kumpanniji ta' Responsabilità Limitata", "Soċjetajiet en commandite li l-kapital tagħhom maqsum f'azzjonijiet"; (r) kumpanniji taħt il-liġi Olandiża magħrufa bħala "naamloze vennnootschap", "besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid", "Open commanditaire vennootschap", "Coöperatie", "onderlinge waarborgmaatschappij", "Fonds voor gemene rekening", "vereniging op coöperatieve grondslag" u "vereniging welke op onderlinge grondslag als verzekeraar of kredietinstelling optreedt", u kumpanniji oħra kostitwiti taħt il-liġi Olandiża soġġetti għat-Taxxa Korporattiva Olandiża; (s) kumpanniji taħt il-liġi Awstrijaka magħrufa bħala "Aktiengesellschaft", "Gesellschaft mit beschränkter Haftung", "Erwerbs-und Wirtschaftsgenossenschaften"; (t) kumpanniji taħt il-liġi Pollakka magħrufa bħala: "spółka akcyjna", "spółka z ograniczoną odpowiedzialnością"; (u) kumpanniji kummerċjali jew kumpanniji ta' liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali kif ukoll persuni ġuridiċi oħra li qed jiżvolġu attivitajiet kummerċjali jew industrijali, li huma inkorporati taħt il-liġi Portugiża; (v) kumpanniji taħt il-liġi Slovena magħrufa bħala: "delniška družba", "komanditna družba","družba z omejeno odgovornostjo" (w) kumpanniji taħt il-liġi Slovakka magħrufa bħala: "Akciová spoločnosť", "Spoločnosť s ručením obmedzeným", "Komanditná spoločnosť". (x) kumpanniji taħt il-liġi Finlandiża magħrufa bħala "osakeyhtiö"/"aktiebolag", "osuuskunta"/"andelslag", "säästöpankki"/"sparbank" u "vakuutusyhtiö"/"försäkringsbolag"; (y) kumpanniji taħt il-liġi Svediża magħrufa bħala "aktiebolag", "försäkringsaktiebolag", "ekonomiska föreningar", "sparbanker", "ömsesidiga försäkringsbolag"; (z) kumpanniji inkorporati taħt il-liġi tar-Renju Unit;" --------------------------------------------------