32005D0387


Titolu u referenza

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal- 10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda

 ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32–37 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
 ĠU L 164M , 16.6.2006, p. 30–35 (MT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 19 Volume 07 P. 170 - 175
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 19 Volume 07 P. 170 - 175

 CS  DA  DE  EL  EN  ES  ET  FI  FR  HU  IT  LT  LV  NL  PL  PT  SK  SL  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Proċedura

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI

tal- 10 ta' Mejju 2005

dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 29, 31(1)(e) u 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-perikli partikolari inerenti fl-iżvilupp ta’ sustanzi psikoattivi jeħtieġu azzjoni rapida mill-Istati Membri.

(2) Meta sustanzi psikoattivi ġodda ma jiddaħħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kriminali fl-Istati Membri kollha, jistgħu jinqalgħu problemi fil-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji ta’ l-infurzar tal-liġi ta’ l-Istati Membri minħabba l-fatt li l-offiża jew offiżi in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkastigati taħt il-liġijiet kemm ta’ l-Istat li jirrikjedi kif ukoll ta’ dak li qed jiġi rikjest.

(3) Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-Drogi 2000-2004 jipprevedi li l-Kummissjoni torganizza valutazzjoni adegwata ta’ l-Azzjoni Konġunta tas- 16 ta’ Ġunju 1997 li tikkonċerna l-iskambju ta’ informazzjoni, valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll ta’ drogi sintetiċi ġodda [2] (minn hawn ’il quddiem, "l-Azzjoni Konġunta") b’kont meħud tal-valutazzjoni esterna kkummissjonata miċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ fuq id-Drogi u l-Vizzju tad-Drogi (minn hawn ’il quddiem, "l-EMCDDA") tas-sistema ta’ avviż minn kmieni. Il-valutazzjoni wriet li l-Azzjoni Konġunta laħqet l-aspettattivi tagħha. Madankollu, ir-riżultat tal-valutazzjoni għamilha ċara li l-Azzjoni Konġunta teħtieġ li tissaħħaħ u tingħata orjentament ġdid. B’mod partikolari, l-għan ewlieni tagħha, il-kjarezza tal-proċeduri u d-definizzjonijiet tagħha, it-trasparenza ta’ l-operat tagħha, u r-relevanza tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kellom jiġu definiti mill-ġdid. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni f’nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ l-UE dwar id-Drogi (2000-2004) indikat li ser jiddaħħlu bidliet fil-leġislazzjoni sabiex tissaħħaħ l-azzjoni kontra d-drogi sintetiċi. Il-mekkaniżmu kif stabbilit bl-Azzjoni Konġunta għandu għalhekk jiġi adattat.

(4) Sustanzi psikoattivi ġodda jistgħu ikunu ta’ dannu għas-saħħa.

(5) Is-sustanzi psikoattivi ġodda koperti b’din id-deċiżjoni jistgħu jinkludu prodotti mediċinali kif definiti fid-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Novembru 2001 dwar Kodiċi Komunitarju dwar prodotti mediċinali veterinarji [3] u fid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 6 ta' Novembru 2001 dwar Kodiċi Komunitarju ta' prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem [4].

(6) L-iskambju ta’ informazzjoni taħt is-sistema ta’ avviż minn kmieni, stabbilit taħt l-Azzjoni Konġunta, irriżulta li kien ta’ siwi kbir għall-Istati Membri.

(7) Xejn minn din id-Deċiżjoni m’għandu jwaqqaf lill-Istati Membri milli jiskambjaw informazzjoni, fi ħdan in-network Ewropew ta’ Informazzjoni dwar id-Droga u l-Vizzji tad-Droga (min hawn 'il quddiem "in-network Reito"', dwar tendenzi emerġenti f’użi ġodda ta’ sustanzi psikoattivi eżistenti li jistgħu jippreżentaw riskju potenzjali għas-saħħa pubblika, kif ukoll informazzjoni dwar miżuri possibbli relatati mas-saħħa pubblika, skond il-mandat u l-proċeduri ta’ l-EMCDDA.

(8) Ma hu ser ikun permess l-ebda tnaqqis fil-kwalità tal-kura tas-saħħa tal-bniedem kif ukoll ta’ dik veterinarja b' riżultat ta’ din id-Deċiżjoni. Sustanzi b’valur mediku stabbilit u rikonoxxut huma għalhekk esklużi minn miżuri ta’ kontroll ibbażati fuq din id-Deċiżjoni. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa regolatorji u relatati mas-saħħa pubblika għal sustanzi b’valur mediku stabbilit u rikonoxxut li qed jintużaw ħażin.

(9) Flimkien ma’ dak li hemm previst taħt is-sistemi ta’ farmakoviġilanza kif definit fid-Direttiva 2001/82/KE u fid-Direttiva 2001/83/KE, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar sustanzi psikoattivi abbużati jew użati ħażin jeħtieġ li jiġi msaħħaħ u li tiġi żgurata koperazzjoni xierqa ma’ l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (minn hawn ’il quddiem l-EMEA). Ir-riżoluzzjoni 46/7 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkotiċi (min hawn 'il quddiem is "CND") "Miżuri li jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar tendenzi ġodda ta’ użu ta’ drogi u dwar sustanzi psikoattivi kkunsmati", tipprovdi qafas utli għal azzjoni mill-Istati Membri.

(10) L-introduzzjoni ta’ termini perentorji f’kull fażi tal-proċedura stabbilita b’din id-Deċiżjoni għandha tiggarantixxi li l-istrument jireaġixxi b' ħeffa u jaġevola l-abilta' tiegħu li jipprovdi mekkaniżmu ta’ risposta ta’ malajr.

(11) Il-Kumitat Xjentifiku ta’ l-EMCDDA għandu rwol ċentrali fil-valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ sustanza psikoattiva ġdida, għall-iskop ta’ din id-Deċiżjoni ser jiġi estiż biex jinkludi esperti mill-Kummissjoni, l-Europol u l-EMEA, u esperti mill-oqsma xjentifiċi mhux rappreżentati, jew mhux rappreżentati biżżejjed, fil-Kumitat Xjentifiku ta’ l-EMCDDA.

(12) Il-Kumitat Xjentifiku estiż li jivvaluta r-riskji assoċjati ma’ sustanzi psikoattivi ġodda għandu jibqa’ korp tekniku konċiż ta’ esperti, kapaċi li jivvaluta b’mod effettiv ir-riskji kollha assoċjati ma’ sustanza psikoattiva ġdida. Għalhekk il-Kumitat Xjentifiku estiż għandu jinżamm f' daqs maniġġabbli.

(13) Billi l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri li ġġib skambju ta’ informazzjoni, valutazzjoni tar-riskju minn kumitat xjentifiku u proċedura f’livell ta’ l-UE biex jinġiebu taħt kontroll is-sustanzi notifikati, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-effetti ta’ l-azzjoni maħsuba, jintlaħqu aħjar fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tista' tadotta l-miżuri, skond il-prinċipji ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f' dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(14) F’konformità ma’ l-Artikolu 34(2) (ċ) tat-Trattat, miżuri bbażati fuq din id-Deċiżjoni jistgħu jittieħdu b’maġġoranza kwalifikata billi dawn il-miżuri huma meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(15) Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi mekkaniżmu għal skambju rapidu ta’ informazzjoni dwar sustanzi psikoattivi ġodda. Biha tittieħed nota ta’ informazzjoni dwar reazzjonijiet negattivi suspettati li ser jiġu rapportati taħt is-sistema ta’ farmakoviġilanza kif stabbilita bit-Titolu IX tad-Direttiva 2001/83/KE.

Din id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll għal valutazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ dawn is-sustanzi psikoattivi ġodda sabiex tippermetti li l-miżuri applikabbli fl-Istati Membri għall-kontroll ta' sustanzi narkotiċi u psikotropiċi japplikaw bl-istess mod għal sustanzi psikoattivi ġodda.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tapplika għal sustanzi li mhumiex attwalment elenkati f’xi waħda mill-iskedi:

(a) tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi ta’ l-1961, li jistgħu jippreżentaw theddida għas-saħħa pubblika komparabbli mas-sustanzi elenkati fl-Iskeda I jew II jew IV tagħha, u

(b) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi ta’ l-1971, li jistgħu jippreżentaw theddida għas-saħħa pubblika komparabbli mas-sustanzi elenkat fl-Iskeda I jew II jew III jew IV tagħha.

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda prodotti finali, distintament minn prekursuri li fir-rigward tagħhom ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat- 13 ta’ Diċembru 1990 li jistabilixxi miżuri li għandhom jittieħdu sabiex jiskoraġġixxu d-diverżjoni ta’ ċerti sustanzi lejn il-manifattura illegali ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi [5], u r-Regolament 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Frar 2004 dwar il-prekursuri tad-drogi [6] jipprovdu għal sistema Komunitarja.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "sustanza psikoattiva ġdida": tfisser droga narkotika ġdida jew droga psikotropika ġdida fis-sura pura jew fi preparazzjoni;

(b) "droga narkotika ġdida": tfisser sustanza fis-sura pura jew fi preparazzjoni, li ma ġietx skedata taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi ta’ l-1961, u li tista’ tippreżenta theddida għas-saħħa pubblika komparabbli mas-sustanzi elenkati fl-Iskeda I, II jew IV;

(ċ) "droga psikotropika ġdida": tfisser sustanza fis-sura pura jew fi preparazzjoni li ma ġietx skedata taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi ta’ l-1971, u li tista’ tippreżenta theddida għas-saħħa pubblika komparabbli mas-sustanzi elenkati fl-Iskeda I, II, III jew IV;

(d) "awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni" tfisser permess biex prodott mediċinali jitqiegħed fis-suq, mogħti mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kif meħtieġ skond it-Titolu III tad-Direttiva 2001/83/KE (fil-każ ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-bniedem) jew it-Titolu III tad-Direttiva 2001/82/KE (fil-każ ta’ prodotti mediċinali veterinarji) jew awtorizzazzjoni għall-kummerċ mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 726/2004 tal- 31 ta’ marzu 2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini [7];

(e) "sistema tan-Nazzjonijiet Uniti": tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-Kummissjoni dwar Drogi Narkotiċi (CND) u/jew il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jaġixxu skond ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom kif deskritt fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi ta’ l-1961 jew fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi ta’ l-1971;

(f) "preparazzjoni": tfisser taħlita li jkun hemm fiha sustanza psikoattiva ġdida;

(g) "Formola ta’ Rapportar": tfisser formola strutturata għan-notifikazzjoni ta’ sustanza psikoattiva ġdida u/jew ta’ preparazzjoni li jkun hemm fiha sustanza psikoattiva ġdida maqbula bejn l-EMCDDA/Europol u n-networks rispettivi tagħhom fl-Istati Membri – Reitox u l-Unitajiet Nazzjonali ta’ l-Europol.

Artikolu 4

Skambju ta’ informazzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-Unità Nazzjonali ta’ l-Europol tiegħu u r-rappreżentant tagħha fin-network Reitox jipprovdu informazzjoni dwar il-manifattura, it-traffiku u l-użu, inkluża informazzjoni supplementari dwar użu mediku possibbli, ta’ sustanzi psikoattivi ġodda u ta’ preparazzjonijiet li jkun fihom sustanzi psikoattivi ġodda, lill-Europol u lill-EMCDDA, b’kont meħud tal-mandati rispettivi ta’ dawn iż-żewġ korpi.

L-Europol u l-EMCDDA għandhom jiġbru l-informazzjoni li jirċievu mill-Istati Membri permezz ta’ Formola ta’ Rapportar u jikkomunikaw din l-informazzjoni minnufih lil xulxin u lill-Unitajiet Nazzjonali ta’ l-Europol u r-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri tan-network Reitox, il-Kummissjoni, u lill- EMEA.

2. Jekk l-Europol u l-EMCDDA iqisu li l-informazzjoni pprovduta minn Stat Membru dwar sustanza psikoattiva ġdida ma timmeritax il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kif deskritta fil-paragrafu 1, huma għandhom jinformaw lill-Istat Membru li jinnotifika minnufih dwar dan. L-Europol u l-EMCDDA għandhom jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom lill-Kunsill fi żmien sitt ġimgħat.

Artikolu 5

Rapport Konġunt

1. Fejn l-Europol u l-EMCDDA, jew il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu, iqisu li l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru dwar sustanza psikoattiva ġdida timmerita ġbir ta’ aktar informazzjoni, din l-informazzjoni għandha tinġabar flimkien u tiġi preżentata mill-Europol u l-EMCDDA fil-forma ta’ Rapport Konġunt (minn hawn ’il quddiem ir-"Rapport Konġunt"). Ir-Rapport Konġunt għandu jiġi preżentat lill-Kunsill, l-EMEA u l-Kummissjoni.

2. Ir-Rapport Konġunt għandu jkun fih:

(a) deskrizzjoni kimika u fiżika, inkluż l-isem li bih hija magħrufa s-sustanza psikoattiva ġdida, inkluż, jekk hu disponibbli, l-isem xjentifiku kodiċi ta' Isem Mhux-Proprjetarju Inter-nazzjoni;

(b) informazzjoni dwar il-frekwenza, iċ-ċirkostanzi u/jew il-kwantitajiet li wieħed jiltaqa’ ma’ xi sustanza psikoattiva ġdida, u informazzjoni dwar il-mezzi u l-metodi ta’ manifattura tas-sustanza psikoattiva ġdida;

(ċ) informazzjoni dwar l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura jew it-traffikar tas-sustanza psikoattiva ġdida;

(d) l-ewwel indikazzjoni tar-riskji assoċjati mas-sustanza psikoattiva ġdida, inklużi r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali, u dwar il-karatteristiċi ta’ min jużaha;

(e) informazzjoni dwar jekk is-sustanza ġdida hix attwalment taħt valutazzjoni jew le, jew jekk kinitx taħt valutazzjoni bis-sistema tan-NU;

(f) id-data ta’ notifika fuq il-Formola ta’ Rapportar tas-sustanza psikoattiva ġdida lill-EMCDDA jew lill-Europol;

(g) informazzjoni dwar jekk is-sustanza psikoattiva ġdida hix diġà soġġetta għal miżuri ta’ kontroll f’livell nazzjonali f’xi Stat Membru jew le;

(h) kemm jista’ jkun, ser issir disponibbli informazzjoni dwar:

(i) il-prekursuri kimiċi, li huma magħrufa li ntużaw għall-manifattura tas-sustanza,

(ii) il-mod u l-firxa ta’ l-użu stabbilit jew mistenni tas-sustanza ġdida,

(iii) kwalunkwe użu ieħor tas-sustanza psikoattiva ġdida u kemm hu estiż dan l-użu, ir-riskji assoċjati ma’ dan l-użu tas-sustanza psikoattiva ġdida, inklużi r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali.

3. L-EMEA għandha tippreżenta lill-Europol u l-EMCDDA, l-informazzjoni li ġejja dwar jekk fl-Unjoni Ewropea jew f’xi Stat Membru:

(a) is-sustanza psikoattiva ġdida akkwistatx awtorizzazzjoni għall-kummerċ;

(b) is-sustanza psikoattiva ġdida hix is-suġġett ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kummerċ;

(ċ) ġietx sospiża awtorizzazzjoni għall-kummerċ li kienet ingħatat fir-rigward tas-sustanza psikoattiva ġdida.

Fejn din l-informazzjoni tirrelata għal awtorizzazzjonijiet għall-kummerċ mogħtija mill-Istati Membri, dawn l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-EMEA din l-informazzjoni jekk hekk mitlub minnha.

4. L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dettalji msemmija taħt il-paragrafu 2 fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika fuq il-Formola ta’ Rapportar kif stabbilit fl-Artikolu 4(1).

5. Ir-Rapport Konġunt għandu jiġi preżentat mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara d-data li tiġi rċevuta l-informazzjoni mill-Istati Membri, u l-EMEA. Ir-Rapport g]andu jiġi preżentat mill-Europol jew mill-EMCDDA, skond il-każ, skond l-Artikolu 5(1) u (2).

Artikolu 6

Valutazzjoni tar-riskji

1. Il-Kunsill, b’kont meħud tal-parir ta’ l-Europol u l-EMCDDA, u jaġixxi b’maġġoranza tal-membri tiegħu, jista’ jitlob li r-riskji, inklużi r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali, ikkawżati mill-użu, il-manifattura, u t-traffiku ta’ sustanza psikoattiva ġdida, l-involviment tal-kriminalità organizzata u l-konsegwenzi possibbli ta’ miżuri ta’ kontroll jiġu valutati skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4, bil-kondizzjoni li mill-inqas kwart tal-membri tiegħu jew il-Kummissjoni jkunu informaw lill-Kunsill bil-miktub li huma favur tali valutazzjoni. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni għandhom jinformaw lill-Kunsill b' dan mill-aktar fis, iżda fi kwalunkwe każ sa żmien erba’ ġimgħat wara li jirċievu r-Rapport Konġunt. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika din l-informazzjoni lill-EMCDDA mingħajr dewmien.

2. Sabiex titwettaq il-valutazzjoni, l-EMCDDA għandha ssejjaħ laqgħa speċjali taħt l-awspiċji tal-Kumitat Xjentifiku tagħha. Barra minn dan, għall-fini ta’ din il-laqgħa l-Kumitat Xjentifiku jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn ħames esperti, li jiġu magħżula mid-Direttur ta’ l-EMCDDA, li jaġixxi fuq il-parir tal-President tal-Kumitat Xjentifiku, magħżul minn grupp ta’ esperti propost mill-Istati Membri u approvat kull tliet snin mill-Bord ta’ Amministrazzjoni ta’ l-EMCDDA. Dawn l-esperti sejrin jkunu minn oqsma xjentifiċi li ma jkunux rappreżentati, jew mhux rappreżentati biżżejjed, fil-Kumitat Xjentifiku, iżda li l-kontribut tagħhom huwa meħtieġ għal valutazzjoni bilanċjata u adegwata tar-riskji possibbli, inklużi r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali. Barra dan, il-Kummissjoni, l-Europol u l-EMEA għandhom jiġu lkoll mistiedna jibagħtu mhux aktar minn żewġ esperti.

3. Il-valutazzjoni tar-riskji għandha titwettaq abbażi ta’ informazzjoni li tkun provduta lill-Kumitat Xjentifiku mill-Istati Membri, l-EMCDDA, l-Europol, l-EMEA, b’kont meħud tal-fatturi kollha li, skond il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi ta’ l-1961 jew il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi ta’ l-1971, ikunu jiġġustifikaw it-tqegħid ta’ sustanza taħt kontroll internazzjonali.

4. Meta titlesta l-valutazzjoni tar-riskji, jitħejja rapport (minn hawn ’il quddiem ir-"Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji") mill-Kumitat Xjentifiku. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji għandu jikkonsisti minn analiżi ta’ l-informazzjoni xjentifika u dik dwar l-infurzar tal-liġi li tkun disponibbli, u għandu jirrifletti l-opinjonijiet kollha tal-membri tal-Kumitat. Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji għandu jiġi sottomess lill-Kummissjoni u l-Kunsill mill-president tal-Kumitat, f’isem il-Kumitat, fi żmien perijodu ta’ tnax-il ġimgħa, mid-data tan-notifika mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill lill-EMCDDA imsemmija fil-paragrafu 1.

Ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji għandu jinkludi:

(a) id-deskrizzjoni fiżika u kimika tas-sustanza psikoattiva ġdida u l-mekkaniżmi ta’ azzjoni tagħha, inkluż il-valur mediku tagħha;

(b) ir-riskji għas-saħħa assoċjati mas-sustanza psikoattiva ġdida;

(ċ) ir-riskji soċjali assoċjati mas-sustanza psikoattiva ġdida;

(d) informazzjoni dwar il-livell ta’ involviment tal-kriminalità organizzata u informazzjoni dwar qabdiet u/jew rilevamenti mill-awtoritajiet, u l-manifattura tas-sustanza psikoattiva ġdida;

(e) informazzjoni dwar kwalunkwe valutazzjoni tas-sustanza psikoattiva ġdida fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;

(f) meta jkun il-każ, deskrizzjoni tal-miżuri ta’ kontroll li huma applikabbli għas-sustanza psikoattiva ġdida fl-Istati Membri;

(g) għażliet possibbli għall-kontroll u l-konsegwenzi possibbli tal-miżuri ta’ kontroll, u

(h) il-prekursuri kimiċi li jintużaw għall-manifattura tas-sustanza.

Artikolu 7

Ċirkostanzi fejn ma titwettaq l-ebda valutazzjoni tar-riskji

1. Ebda valutazzjoni tar-riskji m' għandha titwettaq f’każijiet fejn ma jkunx hemm Rapport Konġunt ta' l-Europol u l-EMCDDA. Lanqas m’għandha titwettaq valutazzjoni tar-riskji fejn is-sustanza psikoattiva ġdida konċernata tkun fi stadju avanzat ta’ valutazzjoni fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri ladarba l-kumitat ta’ esperti tal-WHO dwar id-dipendenza fuq id-drogi jkun ippubblika reviżjoni kritika flimkien ma’ rakkomandazzjoni bil-miktub, ħlief meta jkun hemm informazzjoni ġdida sinifikattiva li tkun rilevanti fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni.

2. Fejn is-sustanza psikoattiva ġdida kienet valutata fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, iżda ġie deċiż li s-sustanza psikoattiva ġdida ma tiġix skedata taħt il-Konvenzjoni Unika dwar Drogi Narkotiċi ta’ l-1961 jew il-Konvenzjoni dwar Sustanzi Psikotropiċi ta’ l-1971, valutazzjoni tar-riskji għandha titwettaq biss meta jkun hemm informazzjoni ġdida sinifikattiva li tkun rilevanti fil-qafas ta’ din id-Deċiżjoni.

3. Ebda valutazzjoni tar-riskji m’għandha titwettaq fuq sustanza psikoattiva ġdida jekk:

(a) Is-sustanza psikoattiva ġdida tintuża biex jiġi manifatturat prodott mediċinali li ingħata awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni; jew,

(b) Is-sustanza psikoattiva ġdida tintuża biex jiġi manifatturat prodott mediċinali li għalih saret applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni jew,

(ċ) Is-sustanza psikoattiva ġdida tintuża biex jiġi manifatturat prodott mediċinali li għalih ġiet sospiża l-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni minn awtorità kompetenti.

Fejn is-sustanza psikoattiva ġdida taqa’ f’waħda mill-kategoriji elenkati taħt l-ewwel paragrafu, il-Kummissjoni, abbażi ta’ data miġbura mill-EMCDDA u l-Europol, għandha tivvaluta ma’ l-EMEA il-ħtieġa għal aktar azzjoni, f’koperazzjoni mill-qrib ma’ l-EMCDDA u skond il-mandat u l-proċeduri ta’ l-EMEA.

Il-Kummissjoni għandha tirraporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat.

Artikolu 8

Proċedura biex sustanzi psikoattivi speċifiċi ġodda jinġiebu taħt kontroll

1. Fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta’ riċevuta tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill inizjattiva biex is-sustanza psikoattiva ġdida tiġi soġġetta għal miżuri ta’ kontroll. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha li ma jinħtieġx li tippreżenta inizjattiva biex is-sustanza psikoattiva ġdida tkun sottomessa għal miżuri ta’ kontroll, hija għandha fi żmien sitt ġimgħat mid-data ta’ riċevuta tar-Rapport dwar il-Valutazzjoni tar-Riskji, tippreżenta rapport lill-Kunsill li jispjega l-ħsibijiet tagħha.

2. Fil-każ li l-Kummissjoni jidhrilha li ma jinħtieġx li tippreżenta inizjattiva biex is-sustanza psikoattiva ġdida tkun sottomessa għal miżuri ta’ kontroll, tali inizjattiva tista’ tiġi ppreżentata lill-Kunsill minn Stat Membru wieħed jew aktar, preferibbilment mhux aktar tard minn sitt ġimgħat mid-data meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kunsill.

3. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata u fuq l-inizjattiva ppreżentata bis-saħħa tal-paragrafu 1 jew 2, abbażi ta’ l-Artikolu 34(2) (ċ) tat-Trattat, jekk għandux jissottometti s-sustanza psikoattiva għal miżuri ta’ kontroll.

Artikolu 9

Miżuri ta’ kontroll meħuda minn Stati Membri

1. Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jissottometti sustanza psikoattiva ġdida għal miżuri ta’ kontroll, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex, mill-aktar fis iżda mhux aktar tard minn sena mid-data ta’ dik id-deċiżjoni, jieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-liġi nazzjonali tagħhom biex jissottomettu:

(a) id-droga psikotropika ġdida għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali kif previst fil-leġislazzjoni tagħhom bis-saħħa ta’ l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi ta’ l-1971.

(b) id-droga psikotropika ġdida għal miżuri ta’ kontroll u pieni kriminali kif previst fil-leġislazzjoni tagħhom bis-saħħa ta’ l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi ta’ l-1961.

2. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar il-miżuri meħuda, kemm lill-Kunsill kif ukoll lill-Kummissjoni, mill-aktar fis wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni rilevanti. Wara dan din l-informazzjoni g]andha tiġi komunikata lill-EMCDDA, l-Europol, l-EMEA, u l-Parlament Ewropew.

3. Xejn minn din id-Deċiżjoni m’għandu jwaqqaf lil xi Stat Membru milli jibqa’ jżomm jew idaħħal fit-territorju tiegħu kwalunkwe miżura nazzjonali ta’ kontroll li jidhirlu hija xierqa darba tiġi identifikata sustanza psikoattiva ġdida minn xi Stat Membru.

Artikolu 10

Rapport annwali

L-EMCDDA u l-Europol għandhom jirrapportaw kull sena lill- Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-rapport jieħu kont ta’ l-aspetti kollha meħtieġa għal valutazzjoni ta’ l-effikaċja u l-kisbiet tas-sistema maħluqa b’din id-Deċiżjoni. Ir-Rapport għandu, b’mod partikolari, jinkludi esperjenzi relatati mal-kordinazzjoni bejn is-sistema stabbilita f’din id-Deċiżjoni u s-sistema ta’ farmakoviġilanza.

Artikolu 11

Sistema ta’ farmakoviġilanza

L-Istati Membri u l-EMEA għandhom jiżguraw skambju xieraq ta’ informazzjoni bejn il-mekkaniżmu stabbilit permezz ta’ din id-Deċiżjoni u s-sistemi ta’ farmakoviġilanza kif definiti u stabbiliti taħt it-Titolu VII tad-Direttiva 2001/82/KE u t-Titolu IX tad-Direttiva 2001/83/KE.

Artikolu 12

Revoka

L-Azzjoni Konġunta dwar Drogi Sintetiċi Ġodda tas- 16 ta’ Ġunju 1997 hija b’dan imħassra. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill ibbażati fuq l-Artikolu 5 ta’ dik l-Azzjoni Konġunta għandhom ikomplu jkunu legalment validi.

Artikolu 13

Pubblikazzjoni u dħul b'effett

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, 10 ta' Mejju 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Krecké

[1] Opinjoni Mogħtija fit- 13 ta' Jannar 2004 (għada mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 167, 25.6.1997, p. 1.

[3] ĠU L 311, 28,11,2001, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/28/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 58).

[4] ĠU L 311, 28,11,2001, p. 67. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/27/KE (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 34).

[5] ĠU L 357, 20.12.1990, p 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1232/2002 (ĠU L 180, 10.7.2002, p. 5).

[6] ĠU L 047, 18.2.2004, p. 1.

[7] ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1.

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet