Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/134/PESK ta' l- 20 ta’ Diċembru 2004 dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi
ĠU L 46, 17.2.2005, p. 49–49 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 159M , 13.6.2006, p. 126–126 (MT)
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |||
| Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV |
Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/134/PESK
ta' l- 20 ta’ Diċembru 2004
dwar il-konklużjoni ta' ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 24 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,
Billi:
(1) Il-kondizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni ta' stati terzi f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibli fil-ġejjieni, iktar milli wieħed jiddefenixxi dawn il-kondizzjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ għal kull operazzjoni konċernata.
(2) Wara l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill fit- 23 ta' Frar 2004, il-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli, innegozjat Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi.
(3) Il-Ftehim għandu jiġi approvat,
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Bulgarija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi huwa hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna/persuni li għandhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmula fi Brussel, nhar il- 20 ta’ Diċembru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
P. van Geel
--------------------------------------------------
Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u Repubblika tal-Bulgarija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarijafl-operazzjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-immaniġġjar ta' kriżi
L-UNJONI EWROPEA,
min-naħa l-waħda, u
IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,
min-naħa l-oħra,
minn hawn 'l quddiem imsejjħa "l-Partijiet",
Billi:
(1) L-Unjoni Ewropea (UE) tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam ta' maniġġjar ta' kriżi.
(2) L-Unjoni Ewropea tiddeċiedi jekk stati terzi jkunux mistiedna biex jipparteċipaw f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tista' taċċetta l-istedina mill-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F'tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost tar-Repubblika tal-Bulgarija.
(3) Jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tieħu r-responsabbiltà għal operazzjoni militari ta' maniġġjar ta' kriżi b'rikors għall-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO, ir-Repubblika tal-Bulgarija tista' tesprimi l-intenzjoni tagħha fil-prinċipju li tipparteċipa fl-operazzjoni.
(4) Il-Kunsill Ewropew fi Brussel fl- 24 u l- 25 ta' Ottubru 2002 qabel fuq il-modalitajiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis- 7- 9 ta' Diċembru 2000 dwar l-involviment tal-membri Ewropej tan-NATO li mhumiex membri ta' l-UE fil-manaġġar ta' kriżijiet immexxija mill-UE.
(5) Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija f'operazzjonijiet ta' maniġġjar ta' kriżi ta' l-UE għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-ġejjieni, iktar milli jiġu definiti dawn il-kondizzjonijiet fuq bażi ta' każ b'każ għal kull operazzjoni konċernata;
(6) Tali Ftehim għandu jkun mingħajr ħsara għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, u ma għandux jiġġudika minn qabel in-natura każ b'każ tad-deċiżjonijiet tar-Repubblika tal-Bulgarija li tipparteċipa f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
(7) Tali Ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet ta' maniġġjar ta' kriżi ta' l-UE fil-ġejjieni u għandu jkun mingħajr ħsara għal ftehim li forsi diġà jeżistu li jirregolaw il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tar-Repubblika tal-Bulgarija f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi li diġà nbdiet,
QABLU KIF ĠEJ:
SEZZJONI I
DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni
1. Wara d-deċiżjoni ta' l-Unjoni Ewropea li tistieden lir-Repubblika tal-Bulgarija biex tipparteċipa f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, u ladarba r-Repubblika tal-Bulgarija tkun iddeċidiet li tipparteċipa, ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.
2. Fejn l-Unjoni Ewropea tkun iddeċidiet li tieħu r-responsabbiltà għal operazzjoni militari ta' maniġġjar ta' kriżi b'rikors għall-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO, ir-Repubblika tal-Bulgarija tinforma lill-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe intenzjoni tagħha li tipparteċipa fl-operazzjoni, u sussegwentement tipprovdi informazzjoni dwar kwalunkwe kontribut propost.
3. Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut tar-Repubblika tal-Bulgarija għandha ssir b'konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija.
4. L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Repubblika tal-Bulgarija b'indikazzjoni bikrija ta' kontribut probabbli għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lir-Repubblika tal-Bulgarija fil-formulazzjoni ta' l-offerta tagħha.
5. L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika r-riżultat tal-valutazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija permezz ta' ittra bil-ħsieb li tassigura l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 2
Qafas
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tassoċja ruħha ma' l-Azzjoni Konġunta li biha l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE ser twettaq l-operazzjoni ta' maniġġjar ta' kriżi, u ma' kwalunkwe Azzjoni Konġunta jew Deċiżjoni li biha l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġamenti implimentattivi meħtieġa.
2. Il-kontribut tar-Repubblika tal-Bulgarija għal operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi huwa bla ħsara għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Status ta' persunal u forzi
1. L-istatus ta' persunal issekondat għal operazzjoni ċivili ta' l-UE ta' maniġġjar ta' kriżi u/jew il-forzi kontribwiti għal operazzjoni militari ta' l-UE ta' maniġġjar ta' kriżi mir-Repubblika tal-Bulgarija għandhom jiġu regolati mill-Ftehim dwar l-istatus ta' forzi/missjoni, jekk jeżistu, konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni.
2. L-istatus tal-persunal kontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinstabu barra l-Istat(i) li fih(om) isseħħ l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, għandu jiġi regolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand konċernati u r-Repubblika tal-Bulgarija.
3. Bla ħsara għall-ftehim dwar l-istatus ta' forzi/missjoni msemmija fil-paragrafu 1, ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
4. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tkun responsabbli biex twieġeb kwalunkwe pretensjonijiet marbuta ma' parteċipazzjoni f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, minn jew dwar kwalunkwe mill-persunal tagħha. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari legali jew dixxiplinarji, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha.
5. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi li fiha tipparteċipa r-Repubblika tal-Bulgarija, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa anness ma' dan il-Ftehim.
6. L-Unjoni Ewropea tintrabat li tassigura li l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni fil-ġejjieni tar-Repubblika tal-Bulgarija f'operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, u li jagħmlu dan mal-firma ta' dan il-Ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa anness ma' dan il-Ftehim.
Artikolu 4
Informazzjoni klassifikata
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li informazzjoni klassifikata ta' l-UE hija mħarsa skond ir-regolamenti tas-sigurtà tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, u skond gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE dwar operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jew mill-Kap tal-Missjoni ta' l-UE dwar operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
2. Fejn l-UE u r-Repubblika tal-Bulgarija jkunu kkonkludew ftehim fuq proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta' tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta' operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
SEZZJONI II
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠJAR TA' KRIŻI
Artikolu 5
Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tiżgura li l-persunal tagħha issekondat lil operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom b'mod konformi ma':
- l-Azzjoni Konġunta u emendi sussegwenti kif msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim;
- il-Pjan ta' l-Operazzjoni;
- miżuri implimentattivi.
2. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tinforma fi żmien xieraq lill-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha fl-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
3. Persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandu jagħmel eżami mediku, tilqim u għandu jkun ċertifikat b'mod mediku li hu b'saħħtu għax-xogħol minn awtorità kompetenti mir-Repubblika tal-Bulgarija. Persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandu jipproduċi kopja ta' din iċ-ċertifikazzjoni.
Artikolu 6
Linja ta' kmand
1. Persunal issekondat mir-Repubblika tal-Bulgarija għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħhu bl-interessi ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi biss f'moħħu.
2. Il-persunal kollu għandu jibqa' taħt il-kmand totali ta' l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.
3. Awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu kontroll operazzjonali lill-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, li għandu jeżerċita dak il-kmand permezz ta' struttura ġerarkika ta' kmand u kontroll.
4. Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum.
5. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skond l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim.
6. Il-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi. Meta jkun meħtieġ, azzjoni dixxiplinarja għandha tittieħed mill-awtoritá nazzjonali konċernata.
7. Għandu jiġi maħtur Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (NPC) mir-Repubblika tal-Bulgarija biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirraporta lill-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina tal-kontinġenti ta' kuljum.
8. Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Bulgarija, sakemm ir-Repubblika tal-Bulgarija tkun għadha qed tikkontribwixxi fl-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi fid-data tat-tmiem ta' l-operazzjoni.
Artikolu 7
Aspetti finanzjarji
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż, li huma suġġetti għal finanzjament komuni, kif stabbilit fil-budget tal-ħidma ta' l-operazzjoni. Dan għandu jkun mingħajr ħsara għall-Artikolu 8.
2. F'każ ta' mewt, dannu, telf jew ħsara lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skond il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni, jekk jeżistu, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 8
Kontribut għal baġit operazzjonali
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-budget tal-ħidma ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
2. Il-kontribut finanzjarju tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-budget tal-ħidma għandu jkun l-iktar ammont baxx minn dawn iż-żewġ alternattivi li ġejjin:
(a) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza li huwa fi proporzjon mar-rata tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNI) tagħha għat-total tad-Dħul Gross Nazzjonali (GNIs) ta' l-Istati kollha li jkunu qed jikkontribwixxu fil-budget operazzjonali ta' l-operazzjoni; jew
(b) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza fil-budget operazzjonali li huwa fi proporzjon mar-rata tan-numru tal-persunal tagħha parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal ta' l-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma għandha tagħmel l-ebda kontribut għall-finanzjament ta' għotjiet per diem mħallsa lill-persunal ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.
4. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Istati terzi minn kontributi finanzjarji għal xi operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi partikolari meta:
(a) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Istat terz parteċipanti fl-operazzjoni jipprovdi kontribut sinifikanti li huwa essenzjali għal din l-operazzjoni; jew
(b) l-Istat terz parteċipant fl-operazzjoni għandu GNI per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.
5. Arranġament dwar il-modalitajiet prattiċi tal-ħlas għandu jiġi iffirmat bejn il-Kap tal-Missjoni ta' l-operazzjoni ċivili ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi u s-servizzi amministrattivi rilevanti tar-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-kontributi tar-Repubblika tal-Bulgarija għall-budget tal-ħidma ta' l-operazzjoni ċivili ta' maniġġjar ta' kriżi ta' l-UE. Dan l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-ammont konċernat;
(b) l-arranġamenti għal ħlas tal-kontribut finanzjarju;
(ċ) il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.
SEZZJONI III
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI TA' MANIĠĠJAR TA' KRIŻI
Artikolu 9
Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tiżgura li l-forzi tagħha u l-persunal parteċipanti fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jidħlu għall-missjoni tagħhom b'mod konformi ma':
- l-Azzjoni Konġunta u emendi sussegwenti kif msemmija fl-Artikolu 2 (1) ta' dan il-Ftehim;
- il-Pjan ta' l-Operazzjoni;
- miżuri implimentattivi.
2. Persunal issekondat mir-Repubblika tal-Bulgarija għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħhu bl-interessi ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi biss f'moħħu.
3. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tinforma lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.
Artikolu 10
Linja ta' kmand
1. Il-forzi u l-persunal kollu parteċipanti fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.
2. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operazzjonali u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.
3. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' tmexxija ta' kuljum ta' l-operazzjoni bħal Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea parteċipanti.
4. Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni ta' l-UE jista', wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Bulgarija, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tar-Repubblika tal-Bulgarija.
5. Rappreżentant Militari Superjuri (SMR) għandu jiġi maħtur mir-Repubblika tal-Bulgarija biex jirrapreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza ta' l-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina kontinġenti ta' kuljum.
Artikolu 11
Aspetti finanzjarji
1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 12, ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż mhumiex suġġett ta' finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat- 23 ta' Frar 2004 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' spejjeż komuni ta' operazzjonijiet ta' l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża [1].
2. F'każ ta' mewt, dannu, telf jew ħsara lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skond il-kondizzjonijiet maħsuba fil-ftehim dwar l-istatus ta' forzi, jekk jeżistu, kif msemmi fl-Artikolu 3(1) ta' dan il-Ftehim.
Artikolu 12
Kontribut għall-ispejjeż komuni
1. Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi.
2. Il-kontribut finanzjarju tar-Repubblika tal-Bulgarija fl-ispejjeż komuni għandu jkun l-iktar ammont baxx minn dawn iż-żewġ alternattivi li ġejjin:
(a) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni li huwa fi proporzjon mar-rata tal-GNI tagħha għat-total tal-GNIs ta' l-Istati kollha li jkunu qed jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni ta' l-operazzjoni; jew
(b) dak is-sehem ta' l-ammont ta' referenza għall-ispejjeż komuni li huwa fi proporzjon mar-rata tan-numru tal-persunal tagħha parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal ta' l-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.
Fil-kalkolazzjoni ta' 2(b), fejn ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkontribwixxi persunal għall-Operazzjoni jew il-Kwartieri Ġenerali ta' Forza biss, ir-rata użata għandha tkun dik tal-persunal tagħha ma' dik tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. Inkella, ir-rata għandha tkun dik tal-persunal kollha kontribwit mir-Repubblika tal-Bulgarija ma' dik tal-persunal totali ta' l-operazzjoni.
3. Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Istati terzi minn kontributi finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi partikolari meta:
(a) l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li l-Istat terz parteċipant fl-operazzjoni jipprovdi kontribut sinifikattiv għal assi u/jew kapaċitajiet li huma essenzjali għal din l-operazzjoni; jew
(b) l-Istat terz parteċipant fl-operazzjoni għandu GNI per capita li ma jaqbiżx dak ta' kwalunkwe Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea.
4. Arranġament għandu jiġi konkluż bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/197/PESK tat- 23 ta' Frar 2004 li tistabbilixxi mekkaniżmu għall-amministrazzjoni tal-finanzjament ta' l-ispejjeż komuni ta' operazzjonijiet ta' l-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tar-Repubblika tal-Bulgarija. Dan l-arranġament għandu jinkludi dispożizzjonijiet inter alia dwar:
(a) l-ammont konċernat;
(b) l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribut finanzjarju;
(ċ) il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.
SEZZJONI IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 13
Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim
Mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġamenti tekniċi u amministrattivi meħtieġa skond l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu konklużi bejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, u l-awtoritajiet xierqa tar-Repubblika tal-Bulgarija.
Artikolu 14
Nuqqas ta' konformitá
Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma ma' l-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikoli preċedenti, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta' xahar.
Artikolu 15
Riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet
Kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu innotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.
2. Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat provvisorjament mid-data tal-firma.
3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.
4. Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn Parti waħda b'avviż ta' denunzja bil-miktub mogħti lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha tibda sseħħ sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.
Magħmul fi Brussel, nhar il- 24 ta' Jannar 2005, fil-lingwa Ingliża f'erba' kopji.
Għall-Unjoni Ewropea
+++++ TIFF +++++
Għar-Repubblika tal-Bulgarija
+++++ TIFF +++++
[1] ĠU. L 63, 28.2.2004, p. 68
--------------------------------------------------
ANNESS
TEST GĦAL DIKJARAZZJONIJIET
Dikjarazzjoni mill-Istati Membri ta' l-UE:
L-Istati Membri ta' l-UE li japplikaw Azzjoni Konġunta ta' l-UE dwar operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, li tipparteċipa fiha r-Repubblika tal-Bulgarija, sejrin jippruvaw, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, jirrinunzjaw safejn ikun possibbli l-pretensjonijiet kontra r-Repubblika tal-Bulgarija għal dannu, mewt ta' persunal, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u wżati mill-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jekk tali dannu, mewt, ħsara jew telf:
- kien ikkawżat minn persunal mir-Repubblika tal-Bulgarija fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja, jew
- seħħew bl-użu ta' kwalunkwe assi fil-propjetà tar-Repubblika tal-Bulgarija, sakemm l-assi ġew użati b'konnessjoni ma' l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja tal-persunal ta' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi mir-Repubblika tal-Bulgarija li kien qed juża dawk l-assi.
Dikjarazzjoni mir-Repubblika tal-Bulgarija:
Ir-Repubblika tal-Bulgarija waqt li tapplika Azzjoni Konġunta ta' l-UE dwar operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għandha tipprova, safejn is-sistemi legali interni tagħha hekk jippermettu, tirrinunzja safejn possibbli għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li qed jipparteċipa fl-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi għal dannu, mewt ta' persunal tagħha, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħha u wżati mill-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi jekk tali dannu, mewt, ħsara jew telf:
- kien ikkawżat minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja, jew
- irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni ma' l-operazzjoni u ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġieba ħażina volontarja ta' persunal ta' l-operazzjoni ta' l-UE għall-immaniġġjar ta' kriżi li jkun qed juża' dawk l-assi.
--------------------------------------------------
| Fuq |