Official Journal L 042 , 15/02/2003 P. 0045 - 0046
Direttiva 2003/11/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Frar 2003 li temenda għar-raba' u għoxrin darba d-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu ta' ċerti sustanzi u preparazzjonijiet perikolużi (etere pentabromodiphenyl, etere octabromodiphenyl) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA Wara li kkonsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu, Wara li kkonsidraw il-proposti mill-Kummissjoni [1], Wara li kkonsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Fil-waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fit-8 ta' Novembru 2002, Billi: (1) Skond l-Artikolu 14 tat-Trattat, għandha tiġi stabbilita żona mingħajr fruntieri interni, li fiha jkun assigurat il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital. (2) Ir-riskji għall-ambjent ikkawżati mill-etere pentabromodiphenyl (pentaBDE) u mill-etere octabromodiphenyl (octaBDE) ġew stmati taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1993 dwar il-valutazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti [4]. L-istimi dwar ir-riskji tal-pentaBDE u l-octaBDE identifikaw il-bżonn li jitnaqqsu r-riskji ikkawżati minn dawn is-sustanzi għall-ambjent. Fl-opinjonijiet tiegħu ta' l-4 ta' Frar 2000 u l-31 ta' Ottubru 2002, il-Kumitat Xjentifiku dwar it-tossiċità, l-ekotossiċità u l-ambjent (CSTEE) ikkonferma l-konklużjonijiet ta' dawn l-istimi tal-pentaBDE u l-octaBDE dwar il-bżonn li jitnaqqsu r-riskji sabiex jiġi mħares l-ambjent. Barra minn hekk, l-CSTEE, fl-opinjoni tiegħu tat-19 ta' Ġunju 2000, ikkonferma l-biża li tfal mreddgħa ikunu esposti għall-pentaBDE u li ż-żieda fil-livelli ta' pentaBDE fil-ħalib ta' l-omm jista' jkun ir-riżultat ta' użu li għadu ma ġiex identifikat. (3) Il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjonijiet fil-kwadru tar-Regolament (KEE) Nru 793/93 dwar strateġija sabiex jitnaqqas ir-riskju rigward il-pentaBDE [5] u l-octaBDE [6]. li jipprovdu restrizzjonijiet fuq il-marketing u l-użu sabiex jiġu ikkontrollati r-riskji lill-ambjent. Dawn jirrikmandaw ukoll illi kull miżuri għandhom jieħdu kont tal-biża illi tfal żgħar ikunu esposti permezz tal-ħalib. (4) Sabiex ikunu protetti s-saħħa u l-ambjent, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-pentaBDE u l-octaBDE u t-tqegħid fis-suq ta' oġġetti li fihom waħda minn dawn is-sustanzi jew iż-żewġ sustanzi għandu jkun projbit. (5) Il-preżenza ta' pentaBDE u octaBDE f'konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 % jistgħu jkunu identifikati permezz ta' metodi ta' teknika analitika standard bħal per eżempju l-GC-MS (gas chromatography-mass spectrometry). (6) L-istima dwar ir-riskji tad-decaBDE kienet iffinalizzata f'Awissu ta' l-2002 u rrivelat numru ta' inċertezzi dwar l-effetti possibbli ta' din is-sustanza fuq l-ambjent. Għaldaqstant, il-Komunità għandha, mingħajr dewmien, tieħu miżuri sabiex tnaqqas ir-riskju u għandha tigi stabbilita, immedjatament, strateġija ta' kif jitnaqqas ir-riskju. Il-Kummissjoni tistenna r-riżultati ta' din l-istrateġija sabiex jitnaqqas ir-riskju sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2003. Hija imbagħad għandha, immedjatament, teżamina dawn ir-riżultati u tipproponi miżuri severi u approprjati sabiex jindirizzaw ir-riskji identifikati. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jikkonsidraw din il-proposta mingħajr dewmien. Restrizzjonijiet approvati mill-Komunità dwar il-marketing u l-użu tad-decaBDE għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr aktar dewmien, sakemm l-ittestjar ieħor previst mill-istima dwar ir-riskju imsemmija aktar 'il fuq, ma jsolvix l-inċertezzi ta' bħalissa billi jkkonkludi illi d-decaBDE ma hux kawza għall-biża. (7) Din id-Direttiva ma taffetwax il-leġislazzjoni Komunitarja li tistabbilixxi ħtiġiet minimi għall-protezzjoni tal-ħaddiema, li jinsabu fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol [7], u f'direttivi individwali ibbażati fuq din id-Direttiva, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma' l-esposizzjoni għall-karċinoġeni fuq ix-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [8] u d-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta' April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji marbuta ma' aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (l-14-il Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [9] ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-Anness 1 tad-Direttiva 76/769/KEE qiegħed hawnhekk jiġi emendat skond kif inhu stipulat fl-Anness ta' din id-Direttiva. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom, sa mhux aktar tard mill-15 ta' Frar 2004, jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom, minnufih, jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni. Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-15 ta' Awissu 2004. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati b'referenża bħal din id-Direttiva fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Frar 2003. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President P. Efthymiou [1] ĠU C 154 E, tad-29.5.2001, p. 112 u ĠU C 25, tad-29.1.2002, p. 472. [2] ĠU C 193, ta' l-10.7.2001, p. 27. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Settembru 2001 (ĠU C 72 E, tal-21.3.2002, p. 235), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-6 ta' Diċembru 2001 (ĠU C 110 E, tas-7.5.2002, p. 23) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' April 2002 (għadha ma ġietx pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali [4] ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1. [5] ĠU L 69, ta' l-10.3.2001, p. 30. [6] ĠU L 249, tas-17.9.2002, p. 27. [7] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1. [8] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/38/EC (ĠU L 138, ta' l-1.6.1999, p. 66). [9] ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 11. -------------------------------------------------- ANNESS Il-punt 44 li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE: "44.diphenylether, pentabromo derivative C12H5Br5O | 1.Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jiġi użat bħala sustanza jew bħala kostitwenti ta' sustanzi jew preparazzjonijiet f'konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 % bil-massa.2.Oġġetti ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jekk huma, jew partijiet minnhom li huma retardanti tan-nar, ikollhom din is-sustanza f'konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 % bil-massa." | Il-punt 45 li ġej għandu jiġi miżjud ma' l-Anness I tad-Direttiva 76/769/KEE: "45.diphenylether, octabromo derivative C12H2Br8O | 1.Ma jistax jitqiegħed fis-suq jew jiġi użat bħala sustanza jew bħala kostitwenti ta' sustanzi jew preparazzjonijiet f'konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 % bil-massa.2.Oġġetti ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq jekk huma, jew partijiet minnhom li huma ritardanti tan-nar, ikollhom din is-sustanza f'konċentrazzjonijiet ogħla minn 0,1 % bil-massa." | --------------------------------------------------