Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2003 li tawtorizza lill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi tad-29 ta' Lulju 1960 dwar ir-responsabilità tal-Partijiet Terzi fil-Qasam ta' l-Enerġija Nukleari li jiffirmaw fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protrokoll li jemenda din il-Konvenzjoni
ĠU L 338, 23.12.2003, p. 30–31 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 11 Volume 46 P. 40 - 41
Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 11 Volume 33 P. 50 - 51
Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 11 Volume 33 P. 50 - 51
| BG | ES | CS | DA | DE | ET | EL | EN | FR | GA | IT | LV | LT | HU | MT | NL | PL | PT | RO | SK | SL | FI | SV |
| html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | html | |||
| Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tas-27 ta' Novembru 2003
li tawtorizza lill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi tad-29 ta' Lulju 1960 dwar ir-responsabilità tal-Partijiet Terzi fil-Qasam ta' l-Enerġija Nukleari li jiffirmaw fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protrokoll li jemenda din il-Konvenzjoni
(2003/882/KE)
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 61(ċ), u l-Artikolu 67(5) f'għaqda ma' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 300(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) Il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni tad-29 ta' Lulju 1960 dwar ir-responsabilità tal-Partijiet Terzi fil-Qasam ta' l-Enerġija Nukleari, emendat bil-Protokoll Addizzjonli tat-28 ta' Jannar 1964 u bil-Protokoll tas-16 ta' Novembru 1982 (minn issa 'l quddiem imsejħa "l-Konvenzjoni ta' Pariġi") kien innegozjat bil-ħsieb li jittejjeb il-kumpens għall-vittmi tal-ħsara kkawżata mill-inċidenti nukleari. Jipprovdi għall-ammonti jiżdiedu ir-responsabilità u jestendi s-sistema tar-responsabilità nukleari tal-partijiet terzi għall-ħsara ambjentali.
(2) Skond id-direttivi dwar in-negozjati tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2002, il-Kummissjoni nnegozjat il-Protokoll ta' emenda mal-Konvenzjoni ta' Pariġi dwar il-materji li jidħlu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Komunità Ewropea. Madankollu, id-direttivi dwar in-negozjati tal-Kunsill ma pprovdewx li tiġi nnegozjata klawsola li tippermetti l-adeżjoni tal-Komunità mal-Protokoll.
(3) Il-Protokoll kien adottat finalment mill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi. It-test tal-Protokoll jikkonforma mad-direttivi tan-negozjati tal-Kunsill.
(4) Il-Komunità għandha l-ġurisdizzjoni esklussiva rigward li jiġi emendat l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni ta' Pariġi meta din l-emenda tkun taffettwa r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u l-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi tal-qrati f'materji ċivili u kummerċjali [1]. L-Istati Membri għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni għal materji koperti bil-Protokoll li ma jaffettwawx il-liġijiet Komunitarji. Mogħti l-kontenut tas-suġġett u l-mira tal-Protokoll ta' emenda, l-aċċettazzjoni tad-disposizzjonijiet tal-Protokoll li jidħlu taħt il-ġurisdizzjoni Komunitarja ma jistgħux jiġu ddisassoċjati mid-disposizzjonijiet li jidħlu taħt il-ġuisdizzjoni ta' l-Istati Membri.
(5) Il-Protokoll ta' emenda mal-Konvenzjoni ta' Pariġi huwa importanti b'mod partikolari fid-dawl ta' l-interessi tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha, għaliex itejjeb il-kumpens għall-ħsara kkawżata minn inċidenti nukleari.
(6) Il-Konvenzjoni ta' Pariġi u l-Protokoll ta' magħha ta' emenda mhumiex miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet reġjonali. B'riżultat ta' dan, il-Komunità mhix f'posizzjoni li tiffirma jew tirratifika l-Protokoll, jew li taċċedi għalih. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, u fuq bażi eċċezzjonali ħafna biss, huwa ġġustifikat li l-Istati Membri jiffirmaw il-Protokoll fl-interess tal-Komunità.
(7) Madankollu, tliet Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, l-Irlanda u l-Lussemburgu, mhumiex Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Pariġi. Mogħti li l-Protokoll jemenda l-Konvenzjni ta' Pariġi, illi r-Regolament (KE) Nru 44/2001 jawtorizza lill-Istati Membri marbuta minn din il-Konvenzjoni li jissoktaw japplikaw ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-Konvenzjoni, huwa ġġustifikat b'mod oġġettiv illi din id-Deċiżjoni għandha tkun indirizzata biss lill dawk l-Istati Membri li huma Partijiet tal-Konvenzjoni ta' Pariġi. Għalhekk, l-Awstrija, l-Irlanda u l-Lussemburgu jridu jissoktaw jibbażaw lilhom infushom fuq ir-regoli Komunitarji li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 44/2201 u li japplikawhom fiż-żona koperta bil-Konvenzjoni ta' Pariġi li temenda din il-Konvenzjoni.
(8) L-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għandhom għalhekk jifirmaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea u bla ħsara għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni ta' Pariġi, bla ħsara għall-konklużjoni possibbli tagħha f'data iktar tard. Din il-firma hija mingħajr preġudizzju għall-posizzjoni ta' l-Awstrija, l-Irlanda u l-Lussemburgu.
(9) B'konsegwenza ta' dan, id-disposizzjonijiet tal-Protokoll, rigward il-Komunità Ewropea, iridu jiġu applikati minn dawk l-Istati Membri biss li huma bħalissa Partijet tal-Konvenzjoni ta' Pariġi u jridu jkunu mingħajr preġudizzju għall-posizzjoni ta' l-Awstrija, l-Irlanda u l-Lussemburgu.
(10) Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bir-Regolament (KE) Nru 44/2001 u huma għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
(11) Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha u lanqas bla ħsara għall-applikazzjoni tagħha.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Kummissjoni, l-Istati Membri li bħalissa huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għandhom jifirmaw, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni ta' Pariġi, bla ħsara għall-konklużjoni possibbli tagħha f'data iktar tard. Din il-firma hija mingħajr preġudizzju għall-posizzjoni ta' l-Awstrija, l-Irlanda u l-Lussemburgu.
2. It-test tal-Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni ta Pariġi huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
3. Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, it-terminu "Stati Membri" għandu jfisser l-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta' l-Awstrija, id-Danimarka, l-Irlanda u l-Lussemburgu.
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilthom li jiffirmaw il-Protokoll qabel il-31 ta' Diċembru 2003.
Artikolu 3
Meta jiffirmaw il-Protokoll ta' emenda għall-Konvenzjoni ta' Pariġi, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lis-Segretarju Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp bil-miktub illi saret il-firma skond din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Novembru 2003.
Għall-Kunsill
Il-President
R. Castelli
[1] ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1.
--------------------------------------------------
| Fuq |