Official Journal L 328 , 17/12/2003 P. 0026 - 0031
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2003 li tikkonċerna l-kondizzjonijiet tas-saħħa ta’ l-annimali u taċ-ċertifikazzjoni għall-importazzjoni tan-naħal (Apis mellifera u Bombus spp.) minn ċerti pajjiżi terżi u tħassar id-Deċiżjoni 2000/462/KE (notifikata permezz ta’ dokument numru K(2003) 4623) (Test b’rilevanza ŻEE) (2003/881/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ l-annimali, s-semen, l-ova u l-embrijoni li ma humiex suġġetti għall-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali kif stabbiliti fir-regoli tal-Komunità referuti fl-Anness A (I) tad-Direttiva 90/425/KEE [1], u partikolarment l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 19(b) tagħha, Billi: (1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/462/KE tat-12 ta’ Lulju 2000 li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa għall-importazzjoni ta’ naħal/ġarar, irġejjen u l-attendenti tagħhom minn pajjiżi terzi [2] tistabbilixxi l-kondizzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa għal tali importazzjoni minn pajjiżi terzi, kif meħtieġ bid-Direttiva 92/65/KEE. (2) Il-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs (Aethina tumida) hija pesta eżotika li taffettwa n-naħal ta’ l-għasel li xterdet minn diversi pajjiżi Afrikani lejn numru ta’ pajjiżi terzi oħrajn, b’hekk ħolqot problem serji għall-industria ta’ l-apikultura. Trattament effettiv u mingħajr perikolu kontra din il-pesta ma hux preżentament disponibbli. Jekk introdotta, il-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs tippreżenta riskju dwar is-sosstenabbilità tal-industria ta’ l-apikultura fil-Komunità, u għalhekk għall-agrikoltura u għall-ambjent, minħabba t-tfixkil riżultanti tal-pollinazzjoni. (3) Il-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs għadha ma hix elenkata fil-lista tal-mard kif miżmuma mill-Uffiċċju Internazzjonali tal-Mard Epiżootiku (OIE/UIE). Għal din ir-raġuni il-medda ta’ l-infestazzjoni f’pajjiżi terzi m’hix magħrufa. (4) Id-dudu Tropilaelaps (Tropilaelaps spp.) hija pesta eżotika tan-naħal ta’ l-għasel li qiegħda tinxtered f’diversi pajjiżi terzi, b’hekk toħloq problemi serji għall-industria ta’ l-apikultura. Jekk introdotta, din tista wkoll ikollha konsegwenzi serji simili dwar is-sostennabbilità tal-industria ta’ l-apikultura fil-Komunità. (5) B’segwiment tar-Regolament (KE) Nru 1398/2003, il-preżenza tal-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs u d-dutu Tropilaelaps fil-Komunità huma suġġetti għal notifika obligatorja minħabba li dawn huma elenkati fid-Direttiva 92/65/KEE. Preżentament ma kien hemm l-ebda rapporti li xi waħda minn dawn kienet instabet fil-Komunità. (6) Apparti milli tinsisti li l-preżenza ta’ dawn il-pesti tkun notifikabbli fi ħdan il-Komunità, huwa għalhekk meħtieġ li jkunu stabbiliti ħtiġiet addizzjonali għall-importazzjoni ta’ naħal minn ċerti pajjiżi terzi sabiex ikun illimitat ir-riskju ta’ l-introduzzjoni tal-ħanfusa ż-żgħira tad-doqajs u tad-dudu Tropilaelaps fil-Komunità, fl-interess tal-protezzjoni tal-istatus tal-Komunità f’dak li jirrigwardja s-saħħa ta’ l-apikultura. (7) Naħal irġejjen biss li jkunu akkumpanjati b’numru żgħr ta’ attendenti f’gaġġeg b’naħla reġina waħda jistgħu faċilment ikunu vverifikati għall-infestazzjoni mill-ħanfusa ż-żgħira u mid-dudu Tropilaelaps, u għalhekk l-importazzjoni tan-naħal għandu, bħala prinċipju, jkun illimitat għal dawn il-konsenji. (8) B’dana kollu, ma hemm l-ebda evidenza li d-dudu Tropilaelaps jista jinfesta l-kolonji tan-naħla bagħlija (Bombus spp.). B’żieda, il-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs kienet biss mhurija bħala li tinfesta l-kolonji tan-naħla bagħlija taħt kondizzjonijiet esperimentali, u għalhekk ma hemm l-ebda evidenza dokumentata li l-ħanfusa ż-żgħura tad-doqqajs hija kapaċi li tinfesta l-kolonji tan-naħla bagħlija fl-ambjent naturali. L-istess, kolonji żgħar tan-naħla bagħlija imnissla u mkabbra taħt kondizzjonijiet ambjentali kkontrollati jistgħu jkunu innegozjati partikolarment għall-industria tal-oltikoltura, waqt li l-importzzjoni tar-reġina tan-naħla bagħlija mis-selvaġġ jista wkoll li jibqa meħtieġ għall-iskopijiet tat-tnissil. In vista ta’ dan, l-importazzjoni tan-naħla bagħlija (Bombus spp.) għandha tkun awtorizzata wkoll għal konsenji żgħar li huma mkabbra u mrobbija solament permezz tal-kondizzjonijiet ambjentali kkontrollati ġewwa stabbelimenti rikonoxxuti u li jistgħu ikunu assigurati bħala li huma ħielsa mil-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs. (9) Fl-interess taċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-Komunità, u sabiex tkun assigurata aktar armonizzazzjoni tal-Komunità dwar il-ħtiġiet tas-saħħa ta’ l-annimali ma l-importazzjoni, id-Deċiżjoni 2000/462/KE għandha għalhekk tkun imħassra u mibdula bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċizjoni li tagħmel restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni ta’ naħal irġejjen (Apis mellifera) u l-irġejjen tan-naħla bagħlija (Bombus spp.) b’numru żgħir ta’ attendenti, jew kolonji żgħar tan-naħla bagħlija (Bombus spp.) imrobbija taħt il-kondizzjonijiet ambjentalment ikkontrollati ġewwa stabbelimenti rikonoxxuti. (10) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/93/KE tas-17 ta’ Diċembru 1996 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-annimali u l-prodotti ta’ l-annimali [3] tistabbilixxi n-normi taċ-ċertifikazzjoni li huma meħtieġa għal ċertifikazzjoni valida u sabiex tipprevjeni kontra l-frodi; huwa xieraq li jkun assigurat li r-regoli u l-prinċipji applikati mill-uffiċjali taċ-ċertifikazzjoni ta’ pajjiż terz jipprovdu garanziji li huma mill-anqas ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva u għalhekk dawk il-pajjiżi biss li huma elenkati fil-Parti I ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 79/542/KEE [4] għandhom ikunu awtorizzati għall-importazzjoni tan-naħal fil-Komunità. (11) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: L- Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ naħal (Apis mellifera u Bombus spp.) kif previst bid-Direttiva 92/65/KEE basta li dawn il-ħtiġiet li ġejjin ikun hemm konformità magħhom: - ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi jew minn inħawi tagħhom elenkati fil-parti 1 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 79/542/KEE, u, - ikunu akkumpanjati b’ċertifikat tas-saħħa b’konformità mal-mudell muri fl-Anness I u jkun konformi mal-garanziji stabbiliti f’dan il-mudell, - il-konsenji huma limitati għal massimu ta’ 20 attendenti li jakkumpanjaw naħla reġina waħda f’garra waħda ta’ reġina naħla. 2. Id-destinazzjoni ntiża, ta’ fejn id-doqqajs għandhom ikunu mqiegħda taħt kontroll uffiċjali, in-naħal irġejjen għandhom ikunu trasferiti lejn ġarar ġodda qabel ma jkunu ntrodotti f’kolonni lokali. 3. Il-ġarar, l-attendenti, u l-materjal l-ieħor li jakkumpanja lill-irġejjen mill-pajjiż terz ta’ l-oriġini għandhom jintbagħtu lejn laboratorju għal-eżaminazzjoni dwar il-preżenza tal-ħanfusa ż-żgħira tad-doqqajs, tal-bajd tagħha jew tad-dud li jkun faqqas u tas-sinjali għad-dudu Tropilaelaps. Wara l-eżaminazzjoni fil-laboratorju, il-materjal kollu għandu jkun meqrud. L- Artikolu 2 B’deroga mill-Artikolu 1(1), it-tieni u t-tielet inċiżi, l-Istati Membri għandhom ukoll jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ konsennji tan-naħla bagħlija (Bombus spp.) limitati għal kolonja singola li jkun fiha massimu ta’ 200 naħla bagħlija adulta kull kontenitur, li huma akkumpanjati b’ċertifikat tas-saħħa konformi mal-mudell stabilit fl-Anness II u akkumpanjat bil-garanziji stabbiliti f’dak il-mudell. F’dan il-każ, u b’deroga mill-Artikolu 1(2) u (3), għandu jkun suffiċjenti li l-kontenitur u l-materjal kollu li jakkumpanja n-naħla bagħlija mill-pajjiż terz ta’ l-oriġini jkunu meqruda jew matul inkella immedjetament fit-tmiem tal-medda tal-ħajja tal-kolonja. L- Artikolu 3 Id-Deċiżjoni 2000/462/EC hija imħassra. L- Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mis-27 ta’ Diċembru 2003. L- Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fil-11 ta’ Diċembru 2003. Ghall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1993, p. 1. kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1398/2003 (ĠU L 98, tas-6.8.2003, p. 3). [2] ĠU L 183, tat-12.7.2000, p. 18. [3] ĠU L 13, tas-16.1.1997, p. 28. [4] ĠU L 146, ta’ l-14.6.1979, p. 15. -------------------------------------------------- L-ANNESS I +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- L-ANNESS II +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------