32003D0490



Official Journal L 168 , 05/07/2003 P. 0019 - 0022


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-30 ta’ Ġunju 2003

bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni adekwata tad-data personali fl-Arġentina

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2003/490/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment ħieles ta’ data bħal din [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tagħha,

Billi:

(1) Bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE, Stati Membri huma meħtieġa jipprovdu li t-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz ikun jista’jseħħ biss jekk il-pajjiż terz imsemmi jiżgura livell adekwat ta’ protezzjoni u jekk ikun hemm konformità mal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva qabel it-trasferiment.

(2) Il-Kummissjoni tista’ ssib pajjiż terz li jiżgura livell adekwat ta’ protezzjoni. F’dak il-każ, id-data personali tista’ tiġi ttrasferita mill-Istati Membri mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ garanziji addizzjonali.

Bi qbil mad-Direttiva 95/46/KE, għandu jiġi stmat il-livell ta’ protezzjoni ta’ data fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha madwar operazzjoni ta’ trasferiment ta’ data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferiment ta’ data, u filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni partikolari għal numru ta’ elementi relevanti għat-trasferiment u elenkati fl-Artikolu 25(2) tagħha. Il-Partit Ħaddiem dwar il-Protezzjoni ta’ l-Individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ Data Personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, ħareġ gwida dwar kif għandhom isiru stimi bħal dawn [2].

(4) Minħabba l-metodi differenti għall-protezzjoni tad-data f’pajjiżi terzi, għandha ssir stima ta’ l-adekwatezza, u kull deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 25(6) tad-Direttiva 95/46/KE għandha tittieħed u tiġi nfurzata b’tali mod li ma tiddiskriminax b’mod mhux ġust u arbitrali kontra jew bejn pajjiżi terzi fejn jipprevalu l-istess kondizzjonijiet, lanqas ma tkun tikkostitwixxi ostakolu moħbi għall-kummerċ, filwaqt li jingħata kas ta’ l-impenni internazzjonali preżenti tal-Komunità.

(5) Fir-rigward ta’ l-Arġentina, ġew provduti standards legali dwar il-protezzjoni ta’ data personali f’regoli ġenerali u speċifiċi għas-settur. It-tnejn li huma għandhom effett ta’ rbit.

(6) Ir-regoli ġenerali huma stabbiliti fil-Kostituzzjoni, l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali Nru 25.326 u r-Regolament approvat bid-Digriet Nru 1558/2001 (minn issa aktar "l quddiem" il-Liġi Arġentina’).

(7) Il-Kostituzzjoni ta’ l-Arġentina tipprovdi għal rimedju ġudizzjarju speċjali għall-protezzjoni ta’ data personali, magħrufa bħala "habeas data". Din hija subkategorija tal-proċedura mħaddna fil-Kostituzzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet kostituzzjonali u għalhekk tagħmel il-protezzjoni tad-data personali dritt fundamentali. Skond l-Artikoli 43.3 tal-Kostituzzjoni, kull persuna hija intitolata, taħt ir-regola "habeas data", sabiex tkun taf il-kontenut u l-għan tad-data kollha dwarha fir-rekords pubbliċi jew fil-banek ta’ data, jew f’dawk privati li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu rapporti. Skond dak l-Artikolu, fil-każ ta’ falsità fl-informazzjoni jew fl-użu tagħha għal għanijiet diskriminatorji, persuna tkun tista’ titlob it-tħassir, korrezzjoni, kunfidenzjalità jew aġġornament tad-data li tkun tinsab fir-rekords imsemmija fuq. L-Artikolu ma jaffettwax is-segretezza tas-sorsi ta’ l-informazzjoni ġurnalistika. Il-ġurisprudenza Arġentina rrikkonoxxiet il-"habeas data" bħala dritt fundamentali u direttament applikabbli.

(8) L-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data Personali Nru 25.326 ta’ l-4 ta’ Ottubru 2000 (minn hawn iżjed ’l quddiem "l-Att)" jiżviluppa u jwessa’ d-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali. Fih dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tad-data, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data, l-obbligi tal-kontrolluri tad-data u l-utenti tad-data, l-awtorità ta’ sorveljanza jew il-korp kontrollur, sanzjonijiet, u regoli ta’ proċedura fit-tfittxija ta’ l-"habeas data" bħala rimedju ġudizzjarju.

(9) Ir-Regolament, approvat bid-Digriet Nru 1558/2001 tat-3 ta’ Diċembru 2001 (minn hawn iżjed "il quddiem ir-Regolament"), jistabbilixxi regoli għad-dħul fis-seħħ ta’ l-Att, jissupplimenta d-dispożizzjonijiet tiegħu, u jiċċara l-punti ta’ l-Att li jistgħu jkunu soġġetti għal interpretazzjoni differenti.

(10) Il-Liġi Arġentina tkopri l-protezzjoni tad-data personali rreġistrata fil-fajls ta’ data, reġistri, banek ta’ data jew mezzi tekniċi oħra, li huma pubbliċi, u l-protezzjoni ta’ data personali rreġistrata fil-fajls ta’ data, reġistri, banek ta’ data jew mezzi tekniċi oħra li huma privati, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jipprovdi rapporti. Dan jinkludi dawk li jmorru ’l hinn użu esklussivament personali, u dawk li huma maħsubin għall-istima jew għat-trasferiment ta’ data personali, irrispettivament minn jekk iċ-ċirkolazzjoni tad-data jew informazzjoni prodotta ssirx fuq ħlas jew bla ħlas.

(11) Ċerti dispożizzjonijiet ta’ l-Att japplikaw b’mod uniformi madwar l-Arġentina kollha. Jinkludu dispożizzjonijiet ġenerali u dispożizzjonijiet dwar prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni ta’ data, drittijiet tas-suġġetti tad-data, obbligi tal-kontrolluri tad-data u l-utenti tal-fajls tad-data, reġistri u banek ta’ data, sanzjonijiet kriminali, u l-eżistenza u l-karatteristiċi prinċipali tar-rimedju ġudizzjarju "habeas data" kif stabbilit fil-Kostituzzjoni.

(12) Dispożizzjonijiet oħra ta’ l-Att japplikaw għal reġistri, fajls ta’ data, bażi ta’ data jew banek ta’ data li huma magħqudin ma’ xulxin permezz ta’ network fil-livell inter-ġurisdizzjonali ("iġifieri interprovinċjali"), nazzjonali jew internazzjonali, u li huma meqjusin li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni federali. Għandhom x’jaqsmu mal-kontroll eżerċitat mill-awtorità ta’ sorveljanza, sanzjonijiet imposti mill-awtorità ta’ sorveljanza, u r-regoli ta’ proċedura dwar ir-rimedju ġudizzjarju "habeas data". Tipi oħra ta’ reġistri, fajls ta’ data, bażi ta’ data jew banek ta’ data għandhom jiġu meqjusin bħala li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni provinċjali. Il-provinċji jistgħu joħorġu dispożizzjonijiet legali dwar dawn il-materji.

(13) Hemm ukoll dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni ta’ data f’numru ta’ strumenti legali li jirregolaw setturi differenti, bħal transazzjonijiet bi credit cards, statistiċi, operazzjonijiet bankarji jew saħħa.

(14) Il-Liġi Arġentina tkopri l-prinċipji bażiċi meħtieġa għal livell adekwat ta’ protezzjoni għal persuni naturali, anki jekk hemm provdut ukoll għall-eċċezzjonijiet u l-limiti sabiex jiġu salvagwardati l-interessi pubbliċi importanti. L-applikazzjoni ta’ dawn l-istandards hija garantita permezz ta’ rimedju ġudizzjarju speċjali, ssimplifikat u mgħaġġel għall-protezzjoni tad-data personali, mgaħrufa bħala "habeas data", flimkien mar-rimedji ġudizzjarji ġenerali. L-Att jipprovdi għall-istabbiliment ta’ korp ta’ kontroll tal-protezzjoni ta’ data bir-responsabilità li jieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa għall-konformità ma’ l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ l-Att u mogħti s-setgħa li jinvestiga u jintervjeni. Bi qbil mar-Regolament, id-Direttorat Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data Personali ġie stabbilit bħala l-korp ta’ kontroll. Il-Liġi Arġentina tipprovdi għal sanzjonijiet ta’ disważjoni effettiva, kemm ta’ natura amministrattiva kif ukoll ta’ natura kriminali. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Arġentina dwar ir-responsabilità ċivili (kemm kuntrattwali kif ukoll mhux kuntrattwali) japplikaw fil-każ ta’ pproċessar mhux skond il-liġi li huwa ta’ preġudizzju għall-persuni konċernati.

(15) Il-gvern ta’ l-Arġentina pprovda spjegazzjonijiet u assigurazzjonijiet dwar kif għandha tiġi nterpretata il-liġi Arġentina, u assikura li r-regoli ta’ l-Arġentina dwar il-protezzjoni tad-data huma implimentati bi qbil ma’ interpretazzjoni bħal din. Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq dawn l-ispjegi u l-assigurazzjonijiet, u hija għalhekk kondizzjonali fuqhom. B’mod partikolari, din id-deċiżjoni tiddependi fuq l-ispjegi u l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet ta’ l-Arġentina dwar kif għandha tiġi interpretata il-liġi Arġentina fir-rigward ta’ liema sitwazzjonijiet jaqgħu fi ħdan l-iskop tal-liġi Arġentina dwar il-protezzjoni tad-data.

(16) Għalhekk l-Arġentina għandha titqies bħala li tipprovdi livell adekwat ta’ protezzjoni għal data personali kif hemm referenza fid-Direttiva 95/46/KE.

(17) Fl-interess tat-trasparenza u sabiex tiġi salvagwardjata l-abilità ta’ l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, hemm il-ħtieġa li jiġu speċifikati ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li fihom is-sospensjoni taċ-ċirkolazzjonijiet speċifiċi ta’ data tista’ tkun ġustifikata, minkejja t-tisjib ta’ protezzjoni adekwata.

Il-Partit Ħaddiem dwar il-Protezzjoni ta’ l-Individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ Data Personali stabbilit taħt l-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46/KE, ta opinjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali fl-Arġentina [3], li ġiet ikkunsidrata fit-tħejjija ta’ din id-Deċiżjoni.

(19) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 95/46/KE.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, l-Arġentina hija meqjusa bħala li tipprovdi livell adekwat ta’ protezzjoni għal data personali ttrasferita mill-Komunità.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha x’taqsam biss ma’ l-adekwatezza tal-protezzjoni pprovduta fl-Arġentina bil-għan li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax xi kondizzjonijiet oħra restrizzjonijiet jew li jimplimentaw dispożizzjonijiet oħra ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ipproċessar tad-data personali fi ħdan l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tagħhom li jieħdu azzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bi qbil mad-dispożizzjonijiet għajr l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw il-poteri eżistenti tagħhom li jissospendu ċ-ċirkolazzjonijiet ta’ data lil reċipjent fl-Arġentina sabiex jipproteġu individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom f’każijiet fejn:

(a) awtorità kompetenti Arġentina tkun stabbilit li r-reċipjent ikun qiegħed jikser l-istandards ta’ protezzjoni applikabbli; jew

(b) hemm probabilità kbira li l-istandards ta’ protezzjoni jkunu qegħdin jinkisru; hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-awtorità kompetenti Arġentina mhiex qegħda tieħu jew mhux sejra tieħu passi adekwati u fil-ħin sabiex issolvi l-kwistjoni fil-ħin, it-trasferiment kontinwu joħloq riskju imminenti ta’ ħsara kbira lis-suġġetti tad-data u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru għamlu sforzi raġonevoli fiċ-ċirkostanzi sabiex jipprovdu lill-parti responsabbli mill-ipproċessar stabbilita fl-Arġentina b’avviż u b’opportunità li tirrispondi.

Is-sospensjoni għandha titwaqqaf malli jiġu żgurati l-istandards ta’ protezzjoni u malli l-awtorità kompetenti konċernata fil-Komunità tiġi notifikata bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien b’meta l-miżuri jiġu adottati fuq il-bażi tal-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli milli jiżguraw il-konformità ma’ l-istandards ta’ protezzjoni ta’ l-Arġentina tonqos milli tiżgura konformità bħal din.

4. Jekk l-informazzjoni miġbura taħt il-paragrafi 1, 2 u 3 tipprovdi evidenza li xi korp responsabbli milli jiżgura l-konformità ma’ l-istandards ta’ protezzjoni fl-Arġentina mhuwiex qiegħed jissodisfa dan ir-rwol b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti Arġentina u, jekk ikun hemm bżonn, tippreżenta abbozz ta’ miżuri bi qbil mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-għan li din id-Deċiżjoni tiġi rrevokata jew sospiża jew li jiġi llimitat l-iskop tagħha.

Artikolu 4

1. Din id-Deċiżjoni tista’ tiġi emendata fi kwalunkwe ħin fid-dawl ta’ l-esperjenza dwar it-tħaddim tagħha jew ta’ bidliet fil-leġislazzjoni Arġentina, l-implimentazzjoni u l-interpretazzjoni tagħha.

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-tħaddim ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tirrapporta kwalunkwe tisjib relevanti lill-Kumitat stabbilit taħt l-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE, inkluż kull evidenza li tista’ taffettwa t-tisjib fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni li l-protezzjoni fl-Arġentina mhiex adekwata fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/4/6/KE u kull evidenza li din id-Deċiżjoni tkun qegħda tiġi implimentata b’mod diskriminatorju.

2. Il-Kummissjoni għandha, jekk ikun hemm bżonn, tippreżenta abbozz ta’ miżuri bi qbil mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni mhux aktar tard mit-tmiem tal-perjodu ta’ 120 ġurnata mid-data tan-notifikazjoni tagħha lill-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, it-30 ta’ Ġunju 2003.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31

[2]

- http://europa.eu.int/comm/internal_market/en/dataprot/wpdocs/wpdocs_98.htm.

[3]

- http://europa.eu.int/comm/internal_market/en/dataprot/wpdocs/wpdocs_98.htm

--------------------------------------------------