Official Journal L 201 , 26/07/2001 P. 0004 - 0007
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1513/2001 tat-23 ta’ Lulju 2001 li jemenda r-Regolamenti Nru 136/66/KEE u (KE) Nru 1638/98 fir-rigward ta’ l-estensjoni taż-żmien tal-validità ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna u l-istrateġija tal-kwalità għaż-żejt taż-żebbuġa IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2], Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 tal-20 ta’ Lulju 1998 li jemenda r-Regolament Nru 136/66/KEE dwar l-istabbeliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [3] introduċa miżuri applikabbli għat-tlett snin tas-suq, jiġifieri 1998/99, 1999/2000 u 2000/01. Dan iż-żmien ta’ tlett snin kien intiż biex jagħti żmien lill-Kummissjoni li tiġbor u tanalizza t-tagħrif meħtieġ bil-ħsieb li telabora, fl-2000, proposta lill-Kunsill għal riforma ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq imsemmi hawn fuq. Fil-waqt li l-miżuri ntrodotti b’dan ir-Regolament ippermettew għal numru ta’ titjib fl-organizzazzjoni komuni tas-suq, it-tagħrif miġbur u l-esperjenza miksuba matul dawk l-ewwel sentejn tas-suq la huma kompleti u lanqas biżżejjed biex ikunu jippermettu lill-Kummissjoni li tagħmel konklużjonijiet sostanzjali u definittivi fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni fiż-żjut u x-xaħmijiet biex jiġu mplimentati mill-1 ta’ Novembru 2001. (2) Huwa meħtieġ li jiġu stmati r-riżultati taż-żmien transitorju intiż fl-1998 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1639/98 tal-20 ta’ Lulju 1998 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2261/84 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar l-għoti ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi taż-żejt taż-żebbuġa [4]. Biex jinkisbu r-riżultati kollha tal-miżuri mplimentati mis-sena tas-suq 1998/99 ‘il quddiem u biex jippermetti li jinġabar aktar tagħrif dettaljat dwar is-settur u li jitwettqu aktar analiżi dettaljati, huwa meħtieġ li jkun imtawwal sat-tmiem tas-sena tas-suq 2003/04 iż-żmien tal-validità tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-preżent, b’mod partikolari dawk stabbiliti fir-Regolament Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar l-istabbeliment ta’ l-organizzazzjoni komuni fis-suq taż-żjut u x-xaħmijiet [5]. (3) L-arranġamenti għall-verifiki fuq l-għajnuna mħallsa lill-produtturi tiddependi l-aktar fuq l-eżistenza u t-tħaddim lixx tas-sistema ta’ tagħrif ġeografiku (ĠIS) li hemm referenza dwaru fir-Regolament (KE) Nru 1638/98. Il-ĠIS huwa essenzjali għal xi wħud mill-għażliet li għandhom jiġu eżaminati għall-futur u, ta’ l-anqas, utli għall-oħrajn. Għandu għalhekk ikun stipulat issa li mill-1 ta’ Novembru 2003 l-iskema ta’ l-għajnuna tkun tkopri biss is-siġar taż-żebbuġ inklużi fil-ĠIS verifikati bħala li jkunu kompleti. (4) L-iżviluppi dwar is-suq fiż-żejt taż-żebbuġa juri l-ħtieġa ta’ strateġija kkunċentrata immirata li ttejjeb il-kwalità tal-prodott, inklużi l-impatti fuq l-ambjent, u li jkunu jikkomprendu, inter alia, inċentivi li jkunu jippromwovu l-istrutturar tas-settur u l-klassifikazzjoni taż-żjut taż-żebbuġa u ż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ. (5) Biex is-settur ikun jista’ jaħdem bla tfixkil, għandha tiġi mdaħħla skema li tħajjar organizzazzjonijiet approvati ta’ produtturi li jimplimentaw titjib fil-kwalità u programmi ta’ klassifikazzjoni u biex itejbu l-immaniġġjar tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa u l-amministrazzjoni tas-suq. Jidher li hija meħtieġa madwar sena biex jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati dwar ċerti partiti ta’ l-iskema futura, per eżempju l-ħolqien ta’ l-organizzazzjonijiet ikkonċernati u l-abbozzar u l-evalwazzjoni ta’ programmi u l-approvazzjoni tagħhom mill-Istati Membri. Biex tkun permessa l-implimentazzjoni tal-miżuri konkreti kemm jista’ jkun malajr, il-bażi ta’ l-iskema li għandhom ikunu deċiżi li jiddaħħlu mill-1 ta’ Novembru 2002 għandhom ikunu stabbiliti issa. (6) Id-deskrizzjonijiet u d-definizzjonijiet taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żjut ta’ l-ilbieba taż-żebbuġ huma f’ċerti każi mhux sodisfaċjenti u jistgħu jwasslu għal-konfużżjoni bejn il-konsumaturi u wkoll bejn l-operaturi. Problemi bħal dawn joħolqu tixkil fis-suq u, biex jiġu evitati, deskrizzjonijiet u definizzjonijiet ġodda għandhom jibdlu dawk stabiliti fl-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE. (7) Biex ikunu ippriservati l-karatteristiċi naturali taż-żjut verġni taż-żebbuġa, l-użu ta’ l-estrazzjoni awżiljarji taż-żejt li jkollhhom azzjoni kimika jew bijokimika għandhom ikunu esklużi. (8) Il-progress miksub mill-produtturi u t-taħħana wassal għal żieda fil-produzzjoni taż-żjut verġni u extra verġni taż-żebbuġa u t-tnaqqis fi żjut ordinarji u żjut lampanti. Biex dan l-iżvilupp tas-suq ikun jista’ jingħata kont tiegħu fil-klassifikazzjoni taż-żjut verġni taż-żebbuġa u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minnu, l-aċidità massima taż-żejt extra verġni taż-żebbuġa għandha titnaqqas u "żejt verġni ordinarju taż-żebbuġa" għandu jitneħħa mil-lista tat-tipi taż-żejt taż-żebbuġa, biż-żjut ikkonċernati jiddaħħlu taħt żejt lampanti taż-żebbuġa. (9) L-isem ġeneriku "żejt taż-żebbuġa" huwa użat fil-preżent biex ifisser it-tip li hemm referenza dwaru fil-punt 3 ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE, jiġifieri taħlita ta’ żejt raffinat taż-żebbuġa u żejt verġni taż-żebbuġa apparti milli għal żejt lampanti taż-żebbuġa. Din il-kombinazzjoni tagħti lok għall-konfuzzjoni li tista’ tqarraq bil-konsumaturi li ma jkunux konxji biżżejjed u tista’ tfixkel is-suq. It-taħlitiet għandhom għalhekk jiġu identifikati b’mod speċifiku mingħajr, iżda, ma jitnaqqsu mill-kwalitajiet taż-żejt ikkonċernat, li huwa apprezzat minn settur kbir tas-suq. (10) Grazzi għall-progress miksub mir-raffinaturi huwa possibbli li tiġi adattata id-definizzjon ta’ żejt raffinat taż-żebbuġa billi jitnaqqas il-persentaġġ massimu ta’ l-aċidità. (11) Id-definizzjoni ta’ żejt mhux maħdum mill-ilbieba taż-żebbuġa għandha tinkludi ż-żejt miksub b’mezzi mekkaniċi u tkun tikkorrispondi, bl-eċċezzjoni ta’ xi karatteristiċi speċifiċi, għal dik taż-żjut lampanti taż-żebbuġa, minħabba li xi wħud minnhom għandhom karatteristiċi li huma tipiċi taż-żejt mhux raffinat mill-ilbieba taż-żebbuġa. (12) Biex is-settur jingħata żmien li jaġġusta, l-użu tad-deskrizzjonijiet u d-definizzjonijiet ġodda għandu jsir obbligatorju b’mod ġenerali, biss wara sentejn. (13) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 136/66/KEE għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [6], ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L- Artikolu 1 Ir-Regolament Nru 136/66/KEE huwa b’dan emendat kif ġej: 1. Fl-Artikolu 4(2), "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01" għandhom jiġu mibdula bi "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2003/04"; 2. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej: (a) Fil-paragrafu 2, "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01" għandhom jiġu mibdula bi "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2003/04"; (b) fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 9, "biex tittejjeb il-kwalità tal-produzzjoni taż-żejt" għandhom jinbidlu bi "biex tittejjeb il-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u l-produzzjoni taż-żebbuġ tal-mejda", (ċ) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 9: (i) "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01" għandhom jiġu mibdula bi "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2003/04"; (ii) "produtturi taż-żejt taż-żebbuġa" għandha tinbidel bi "produtturi taż-żejt taż-żebbuġa u produtturi taż-żebbuġ tal-mejda"; 3. fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 20d(1), "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01" għandha tinbidel bi "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2003/04"; 4. L-Artikolu 37 għandu jiġi mħassar; 5. L-Artikolu 38 għandu jiġi mibdul bit-test li ġej: "L- Artikolu 38 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn ’Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet’, hawnhekk iżjed ‘il quddiem riferit bħala ‘il-Kumitat’. 2. Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu jgħoddu. Il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit bħala ta’ xahar wieħed. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura." 6. l-Anness għandu jiġi mibdul bl-Anness hawn mehmuż. L- Artikolu 2 Ir-Regolament (KE) Nru 1638/98 huwa b’dan emdendat kif ġej: 1. L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej: (a) fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, "is-snin tas-suq 2002/99 sa 2000/01" għandha tinbidel bi "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2003/04"; (b) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, "it-tlett snin tas-suq mill-1998/99 sa 2000/01" għandha tinbidel bi "il-ħames snin tas-suq 1998/99 sa 2002/03", u (ċ) fil-paragrafu 4, "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01" għandha tiġi mibdula bi "is-snin tas-suq 1998/99 sa 2002/03"; 2. l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal: "L- Artikolu 2a Sa mill-1 ta’ Novembru 2003, is-siġar taż-żebbuġ u ż-żoni li jikkorrispondu li l-preżenza tagħhom ma tkunx attestata b’sistema ta’ tagħrif ġeografiku stabbilità skond l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jew taż-żejt taż-żebbuġa prodott minnhom ma jkunux jistgħu jikkostitwixxu bażi għall-għajnuna li għandha titħallas lill-produtturi taż-żebbuġ permezz ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet." 3. Fl-Artikolu 3(2), "2000" għandha tinbidel bi "2003" u "l-1 ta’ Novembru 2001" bil-"1 ta’ Novembru 2004". 4. l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal: "L- Artikolu 4a 1. Permezz ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żejt taż-żebbuġa u x-xaħmijiet, fis-seħħ sa mill-1 ta’ Novembru 2002, l-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa jistgħu jżommu sa ċerti limiti, sehem mill-għajnuna fejn japplika, intiża għall-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa u/jew taż-żebbuġ tal-mejda, biex jiġi assiġurat l-iffinanzjar mill-Komunità ta’ programmi tax-xogħol imħejjija minn organizzazzjonijiet approvati tal-produtturi, l-organizzazzjonijiet approvati interbranch jew l-organizzazzjonijiet l-oħra approvati ta’ l-operaturi jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom f’żona waħda jew iżjed minn dawn li ġejjin: (a) is-segwiment tas-suq u l-immaniġġar amministrattiv fis-settur taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda; (b) it-titjib ta’ l-impatti ambjentali tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ; (ċ) it-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda; (d) is-sistema ta’ rintraċċabilità, iċ-ċertifikazzjoni u l-protezzjoni tal-kwalità taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda, taħt l-awtorità ta’ l-amministrazzjonijiet nazzjonali. 2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘organizzazzjonijiet approvati interbranch’ għandha tfisser entitajiet legali li: - huma magħmula minn rappreżentanti ta’ l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mal-produzzjoni ta’ u/jew kummerċ fi u/jew proċessar tal-prodotti li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 1(2)(c) u (d) tar-Regolament Nru 136/66/KEE; - huma stabbiliti fuq l-inizjattiva ta’ l-organizzazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet kollha jew xi wħud minnhom li jikkostitwuhom; - ikunu ġew rikonoxxuti mill-Istati Membri ta’ fejn joperaw. 3. Il-limiti riferiti fil-paragrafu 1 huma ffissati biex jipprevjenu id-dehra ta’ tgħawwiġ fis-suq: - mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, għat-total ta’ l-attivitajiet ikkonċernati u sussegwentement, - mill-Kummissjoni, għal kull żona li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 1, b’konformità mal-proċedura ta’ l-immaniġġar stabbilità fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. Fil-limiti fissi, il-finanzjament massimu mill-Komunità għall-programmi tax-xogħol li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 għandu jkun egwali għall-parti ta’ l-għajnuniet irriżervati mill-Istati Membri. Dan il-finanzjament jikkonċerna n-nefqa eliġibbli b’massimu ta’: - 100 % għall-attivitajiet fiż-żoni li hemm referenza dwarhom fil-(a) u fil-(b), - 100 % għall-investimenti ta’ l-assi fissi u 75 % għall-attivitajiet l-oħra li hemm referenza dwarhom fiċ-(c), - 50 % għall-attivitajiet fiż-żoni li hemm referenza dwarhom fid-(d), Il-finanzjament komplimentari għandu jkun assigurat mill-Istat Membru kkonċernat waqt li jingħata kont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-operaturi li għandha tkun obbligatorja għall-attivitajiet fiż-żoni li hemm referenza dwarhom taħt il-paragrafu 1(c) u (d) u fil-każ ta’ l-aħħar għandha tkun ta’ l-anqas ta’ 25 %. 4. Skond il-proċedura li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, il-Kummissjoni għandha tispeċifika: (a) il-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ l-operaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom; (b) it-tipi ta’ l-attivitajiet eliġibbli taħt il-programmi fl-erba’ żoni li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1; (ċ) il-proċeduri għall-approvazzjoni tal-programmi mill-Istati Membri; (d) il-miżuri li jikkonċernaw il-kontroll u s-sanzjonijiet; (e) kwalunkwe regoli dettaljati oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa għall-implimentazzjoni mgħaġġla, mill-1 ta’ Novembru 2002, tal-programmi kkonċernati." 5. fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 5, "1 ta’ Novembru 2001" għandħa tiġi mibdula bi "l-1 ta’ Novembru 2004": L- Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jkun jgħodd mill-1 ta’ Novembru 2001. B’dana kollu, l-punt 6 ta’ l-Artikolu 1 (li jibdel l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE) għandu jkun jgħodd biss mill-1 ta’ Novembru 2003, bl-eċċezzjoni tal-punt 4 ta’ l-Anness ikkonċernat. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel,fit-23 ta’ Lulju 2001. Għall-Kunsill A. Neyts-Uyttebroeck Il-President [1] L-Opinjoni mogħtija fis-17 ta’ Mejju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). [2] L-Opinjoni mogħtija fit-30 ta’ Mejju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) [3] ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 32. [4] ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 38. [5] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 (ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2). [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. -------------------------------------------------- L-ANNESS “L-ANNESS DESKRIZZJONIJIET U DEFINIZZJONIJIET TAŻ-ŻJUT TAŻ-ŻEBBUĠA U TAŻ-ŻJUT MILL-ILBIEBA TAŻ-ŻEBBUĠA LI HEMM REFERENZA DWARHOM FL-ARTIKOLU 35 1. ŻJUT VERĠNI TAŻ-ŻEBBUĠA Iż-żjut miksuba mill-frott tas-siġar taż-żebbuġ unikament b’mezzi mekkaniċi jew mezzi fiżiċi oħra taħt il-kondizzjonijiet li ma jwasslux għal xi bidla fiż-żejt, li ma jkunux għaddew minn xi trattament għajr għal dak ta’ ħasil, tiswib, ċentrifugazzjoni jew filtrazzjoni, bl-esklużżjoni ta’ żjut miksuba bl-użu ta’ solventi jew bl-użu ta’ awżiljarji li jkollhom azzjoni kimika jew bijokimika, jew bi proċess ta’ rieterifikazzjoni u kull taħlita ma’ żjut ta’ xorta oħra. Iż-żjut verġni taż-żebbuġa huma esklussivament ikklassifikati u deskritti kif ġej: (a) Żejtextraverġni taż-żebbuġa Żejt verġni taż-żebbuġa li jkollu aċidità massima ħielsa, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ 0,8 g kull 100 g, li l-karatteristiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti f’din il-kategorija. (b) Żejt verġni taż-żebbuġa Żejt verġni taż-żebbuġa li għandu aċidità massima ħielsa, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ 2 g f’kull 100 g, li l-karattersitiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija. (ċ) Żejt lampanti taż-żebbuġa Żejt verġni taż-żebbuġa li għandu aċidità massima ħielsa, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ 2 g f’kull 100 g, li l-karattersitiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabiliti għal din il-kategorija. 2. ŻEJT RAFFINAT TAŻ-ŻEBBUĠA Żejt taż-żebbuġa miksub permezz tar-raffinar taż-żejt verġni taż-żebbuġa, li għandu kontenut ta’ aċidità espress bħala aċidu olejku, ta’ 0,3 g f’kull 100 g, li l-karattersitiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija. 3. ŻEJT TAŻ-ŻEBBUĠA - MAGĦMUL MINN ŻJUT RAFFINATI TAŻ-ŻEBBUĠA U MIŻ-ŻJUT VERĠNI TAŻ-ŻEBBUĠA Iż-żejt taż-żebbuġa miksub permezz ta’ taħlit ta’ żejt raffinat taż-żebbuġa għajr għal żejt lampanti, li għandu kontenut ħieles ta’ aċidità espress bħala aċidu olejku, ta’ 1 g f’kull 100 g, u li l-karattersitiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija. 4. ŻEJT MHUX MAĦDUM MILL-ILBIEBA TAŻ-ŻEBBUĠ Iż-żejt miksub minn l-ilbieba taż-żebbuġ bi trattament ta’ solventi jew b’mezzi fiżiċi jew żejt li jkun jikkorrispondi maż-żejt lampanti taż-żebbuġa, ħlief għal ċerti karatteristiċi speċifiċi, eskluż żejt miksub peremezz ta’ riesterifikazzjoni u taħlit ma’ tipi oħra ta’ żjut, u l-karetteristiċi l-oħra li jkunu konformi ma’ dawk stabiliti għal din il-kategorija. 5. ŻEJT RAFFINAT MILL-ILBIEBA TAŻ-ŻEBBUĠ Iż-żejt miksub permezz tar-raffinar taż-żejt mhux maħdum mill-ilbieba taż-żebbuġ, li għandu kontenut ħieles ta’ aċidità espress bħala aċidu olejku, ta’ mhux aktar minn 0,3 g f’kull 100 g, li l-karattersitiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija. 6. ŻEJT MILL-ILBIEBA TAŻ-ŻEBBUĠ Żejt miksub permezz ta’ taħlit ta’ żejt raffinat mil-ilbieba taż-żebbuġ u żejt verġni taż-żebbuġ għajr għal żejt lampanti, li għandu kontenut ħieles ta’ aċidità espress bħala aċidu olejku, ta’ 1 g f’kull 100 g, u li l-karattersitiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija.” --------------------------------------------------