Official Journal L 015 , 17/01/2002 P. 0019 - 0023
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/114/KE ta’ l-20 ta’ Diċembru 2001 rigward ċertu ħalib ippriservat disidratat in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 miġub fih, Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2]; Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi: (1) Ċerti Direttivi vertikali rigward l-affarijiet ta’ l-ikel għandhom ikun simplifikati biex jikkunsidraw biss il-ħtiġijiet essenzjali li għandhom jitħarsu mill-prodotti li jkopru biex jippermettu dawk il-prodotti li jimxu bla tixkil fis-suq intern, skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li sar f’Edinburgh fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 1992, kif ikkonfermat minn dawk tal-Kunsill Ewropew fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1993. (2) Id-Direttiva tal-Kunsill 76/118/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1975 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward ċertu ħalib ippriservat imnixxef in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem [4] kien ġustifikat bil-fatt li d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-ħalib ippriservat jistgħu jirriżultaw f’kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ġusta li x’aktarx tqarraq bil-konsumaturi, u b’hekk ikollha effett dirett fuq it-twaqqif u l-funzjoni tas-suq komuni. (3) Id-Direttiva 76/118/KEE kienet bħala konsegwenza ddisinjata biex tniżżel id-definizzjonijiet u r-regoli komuni li jirregolaw il-komposizzjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tal-manifattura u t-tikkettjar ta’ ċertu ħalib ippriservat, biex tiżgura l-moviment ħieles tiegħu ġewwa l-Komunità. (4) Id-Direttiva 76/118/KEE għandha tinġieb parallela mal-liġijiet ġenerali tal-Komunità dwar l-affarijiet ta’ l-ikel, b’ mod partikolari l-liġijiet fuq l-ittikkettjar, l-addittivi awtorizzati, l-iġjene u r-regoli tas-saħħa mniżżla fid-Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE [5]. (5) Għall-ġieħ tal-kjarezza, id-Direttiva 76/118/KEE għandha tiġi abbozzata mill-ġdid sabiex ir-regoli fuq il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni u l-promozzjoni ta’ ċertu ħalib ippriservat imnixxef in parti jew kollu għall-konsum tal-bniedem isiru aktar aċċessibbli. (6) Ir-regoli ġenerali ta’ l-ittikkettjar ta’ l-ikel imniżżla fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill [6] għandhom jgħoddu suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. (7) Suġġetta għad-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE ta’ l-24 ta’ Settembru 1990 fuq l-ittikkettjar għall-affarijiet ta’ l-ikel [7], iż-żieda ta’ vitamini lill-prodotti ddefiniti f’din id-Direttiva hija awtorizzata f’ċerti Stati Membri. Iżda, l-ebda deċiżjoni ma tista’ tittieħed biex testendi din l-awtorizzazzjoni għall-Komunità kollha. L-Istati Membri huma għalhekk ħielsa li jawtorizzaw jew jipprojbixxu ż-żieda tal-vitamini lill-prodotti nazzjonali tagħhom għalkemm il-moviment ħieles ta’ l-oġġetti ġewwa l-Komunità, f’kull każ, għandu jkun garantit skond ir-regoli u l-prinċipji li joħorġu mit-Trattat. (8) Għall-prodotti maħsuba għat-trabi, tgħodd id-Direttiva tal-Kummissjoni 91/321/KEE ta’ l-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-formuli tat-trabi u l-formuli ta’ wara [8]. (9) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità mwaqqfa bl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-għan li jitniżżlu d-definizzjonijiet u r-regoli komuni għall-prodotti kkonċernati u li jinġiebu d-dispożizzjonijiet paralleli mal-liġijiet ġenerali tal-Komunità fuq l-affarijiet ta’ l-ikel ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u, minħabba n-natura ta’ din id-Direttiva, jista’ jintlaħaq aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx iżjed milli hemm bżonn sabiex jintlaħaq dan il-għan. (10) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eserċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [9]. (11) Biex jevitaw li joħolqu barrieri ġodda għall-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jibqgħu lura milli jadottaw, għall-prodotti in kwestjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali mhux imsemmija f’din id-Direttiva, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Din id-Direttiva għandha tgħodd għall-ħalib ippriservat imnixxef in parti jew kollu mill-ilma ddefinit fl-Anness I. Artikolu 2 L-Istati Membri jistgħu, suġġetti għad-Direttiva 90/496/KEE, jawtorizzaw iż-żieda tal-vitamini mal-prodotti ddefiniti fl-Anness li ġej. Artikolu 3 Id-Direttiva 2000/13/KE għandha tgħodd għall-prodotti definiti fl-Anness I, suġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin. 1. (a) l-ismijiet tal-prodotti mniżżla fl-Anness I għandhom japplikaw biss għall-prodotti riferiti hemmhekk u, mingħajr preġudizzju għas-subparagrafu (b), jintużaw biex jiddesinjawhom fil-kummerċ; (b) bħala alternattiva ta’ l-ismijiet tal-prodotti riferiti fis-subparagrafu (a), l-Anness II jipprovdi lista ta’ desinjazzjonijiet partikolari. Dawn id-desinjazzjonijiet jistgħu jintużaw fil-lingwa u taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Anness II. 2. It-tikketta trid turi l-perċentwali tax-xaħam tal-ħalib, espress bit-toqol imqabbel mal-prodott lest, ħlief fil-każ tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I(1)(d) u (ġ) u l-Anness I(2)(d), u l-perċentwali ta’ l-estratt tal-ħalib imnixxef mingħajr xaħam fil-każ tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I(1). Dawn il-partikolari għandhom jidhru ħdejn l-isem tal-kummerċ. 3. Fil-każ tal-prodotti definiti fl-Anness I(2), it-tikketta trid turi r-rakkomandazzjonijiet dwar il-metodu tad-diluzzjoni jew ir-rikostituzzjoni, inklużi d-dettalji tal-kontenut tax-xaħam tal-prodott li hekk huma maħlul jew rikostitwit. 4. Fejn il-prodotti li jiżnu inqas minn 20 g kull unità huma ppakkjati f’imballeġġjar minn barra, il-partikolari mitluba minn dan l-Artikolu għandhom jidhru biss fuq l-imballeġġjar ta’ barra, ħlief għal dik id-desinjazzjoni meħtieġa minn punt 1 (a). 5. L-ittikkettjar tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I(2) għandu juri li l-prodott "mhux maħsub bħala ikel għal tfal żgħar taħt it-12-il xahar". Artikolu 4 Għall-prodotti ddefiniti fl-Annessi I u II, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet nazzjonali li mhumiex imniżżla f’din id-Direttiva. Artikolu 5 Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva rigward l-affari riferiti hawn taħt ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja riferita fl-Artikolu 6(2): - li ġġib din id-Direttiva parallela mal-liġijiet ġenerali tal-Komunità dwar l-affarijiet ta’ l-ikel, - adattazzjoni għall-progress tekniku. Artikolu 6 1. Il-Kummissjoni tkun mgħejjuna mill-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet ta’ l-Ikel (minn issa ’l quddiem riferut bħala "l-Kumitat") imwaqqaf bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 69/414/KEE [10]. 2. Fejn tintgħamel riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KEFA. Il-perijodu ta’ żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandujadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura. Artikolu 7 Id-Direttiva 76/118/KEE hija hawnhekk imħassra b’effett mis-17 ta’ Lulju 2003. Ir-riferenzi għad-Direttiva mħassra jitqiesu bħala riferenzi għal din id-Direttiva. Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jimxu ma’ din id-Direttiva qabel is-17 ta’ Lulju 2003. Għandhom javżaw minnufiħ lill-Kummissjoni dwar dan. Il-miżuri japplikaw biex: - jawtorizzaw il-promozzjoni tal-prodotti ddefiniti fl-Anness I jekk iħarsu d-definizzjonijiet u r-regoli mniżżla f’din id-Direttiva, b’effett mis-17 ta’ Lulju 2003, - jipprojbixxu l-promozzjoni tal-prodotti li jonqsu milli jimxu ma’ din id-Direttiva, b’effett mis-17 ta’ Lulju 2004. Iżda, il-promozzjoni tal-prodotti li jonqsu li jimxu ma’ din id-Direttiva imma kienu ttikkettjati qabel is-17 ta’ Lulju 2004 skond id-Direttiva 76/118/KEE għandhom ikunu permessi sakemm il-ħażniet jispiċċaw. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati bl-imsemmija riferenza fil-ħin tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-riferenza għandha tiġi adotta mill-Istati Membri. Artikolu 9 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 10 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ Diċembru 2001. Għall-Kunsill Il-President C. Picqué [1] ĠU C 231, tad-9.8.1996, p. 20. [2] ĠU C 279, ta’ l-1.10.1999, p. 95. [3] ĠU C 56, ta’ l-24.2.1997, p. 20. [4] ĠU L 24, tat-30.1.1976, p. 49. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1994 [5] ĠU L 268, ta’ l-14.9.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 94/71/KE (ĠU L 368, tal-31.12.1994, p. 33). [6] ĠU L 109, tas-6.5.2000, p. 29. [7] ĠU L 276, tas-6.10.1990, p. 40. [8] ĠU L 175, ta’ l-4.7.1991, p. 35. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 1999/50/KE (ĠU L 139, tat-2.6.1999, p. 29). [9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23 [10] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9. -------------------------------------------------- L-ANNESS I ID-DEFINIZZJONIJIET TAL-PRODOTTI U L-ISMIJIET TAL-PRODOTTI 1. Ħalib imnixxef minn parti mill-ilma Dan ifisser li l-prodott likwidu, kemm jekk magħmul ħelu jew le, miksub direttament bit-tneħħija parzjali ta’ l-ilma mill-ħalib, minn ħalib xkumat in parti jew kollu jew minn taħlita ta’ dawn il-prodotti, li jistgħu jkollhom taħlita miżjuda ta’ ġelat jew ta’ ħalib imnixxef kollu mill-ilma jew tat-tnejn, iż-żieda tal-ħalib imnixxef kollu mill-ilma ma jaqbiżx, fil-prodott lest, il-25 % tas-solidi totali tal-ħalib. - Tipi ta’ ħalib tal-bott mhux ħelu (a) Ħalib tal-bott b’xaħam għoli Ħalib imnixxef in parti mill-ilma li fih, bit-toqol, mhux inqas minn 15 % ta’ xaħam, u mhux inqas minn 26,5 % ta’ solidi totali tal-ħalib. (b) Ħalib tal-bott Ħalib imnixxef in parti mill-ilma li fih, bit-toqol, mhux inqas minn 7,5 % ta’ xaħam, u mhux inqas minn 25 % ta’ solidi totali tal-ħalib. (ċ) Ħalib tal-bott, parzjalment xkumat Ħalib imnixxef in parti mill-ilma li fih, bħala toqol, mhux inqas minn 1 % u inqas minn 7,5 % xaħam, u mhux inqas minn 20 % ta’ solidi totali tal-ħalib. (d) Ħalib tal-bott xkumat Ħalib imnixxef in parti mill-ilma li fih, bħala toqol, mhux aktar minn 1 % ta’ xaħam u mhux inqas minn 20 % ta’ solidi totali tal-ħalib. - Tipi ta’ ħalib tal-bott magħmul ħelu (e) Ħalib tal-bott magħmul ħelu Ħalib imnixxef in parti mill-ilma b’taħlita miżjuda ta’ zokkor tal-kannamieli (zokkor nofsu abjad, zokkor abjad jew zokkor abjad ħafna) u li jkun fih, bħala toqol, mhux inqas minn 8 % ta’ xaħam u mhux inqas minn 28 % tas-solidi totali tal-ħalib. (f) Ħalib tal-bott, parzjalment xkumat magħmul ħelu Ħalib imnixxef in parti mill-ilma b’taħlita miżjuda ta’ zokkor tal-kannamieli (zokkor nofsu abjad, zokkor abjad jew zokkor abjad ħafna) u li jkun fih, bħala toqol, mhux inqas minn 1 % u inqas minn 8 % ta’ xaħam, u mhux inqas minn 24 % tas-solidi totali tal-ħalib. (g) Ħalib tal-bott xkumat magħmul ħelu Ħalib imnixxef in parti mill-ilma b’taħlita miżjuda ta’ zokkor tal-kannamieli (zokkor nofsu abjad, zokkor abjad jew zokkor abjad ħafna) u li jkun fih, bħala toqol, mhux aktar minn 1 % ta’ xaħam u mhux inqas minn 24 % tas-solidi totali tal-ħalib. 2. Ħalib imnixxef kollu mill-ilma Dan ifisser il-prodott solidu, fejn il-kontenut ta’ l-ilma ma jaqbiżx il-5 % bħala toqol tal-prodott lest, miksub direttament bit-tneħħija ta’ l-ilma mill-ħalib, minn ħalib xkumat kollu jew in parti, minn krema jew minn taħlita ta’ dawn il-prodotti. (a) Ħalib imnixxef b’xaħam għoli jew trab tal-ħalib b’xaħam għoli Ħalib imnixxef li fih, bħala toqol, mhux inqas minn 42 % xaħam. (b) Ħalib sħiħ imnixxef jew trab tal-ħalib sħiħ Ħalib imnixxef li fih, bħala toqol, mhux inqas minn 26 % u inqas minn 42 % xaħam. (ċ) Ħalib imnixxef xkumat in parti jew trab tal-ħalib xkumat in parti Ħalib imnixxef b’kontenut ta’ xaħam ta’ aktar minn 1,5 % u inqas minn 26 % bħala toqol. (d) Ħalib imnixxef xkumat jew trab tal-ħalib xkumat Ħalib imnixxef li fih, bħala toqol, mhux aktar minn 1,5 % xaħam. 3. Trattamenti (a) Kwantità addizzjonali tal-ħalib mhux aktar minn 0,03 % bħala toqol tal-prodott lest hija awtorizzata għall-manifattura tal-prodotti ddefiniti f’1(e) sa (ġ). (b) Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 92/46/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tniżżel ir-regoli tas-saħħa għall-produzzjoni u tpoġġija fis-suq ta’ ħalib mhux maħdum, ħalib ittrattat bis-sħana u prodotti bbażati fuq il-ħalib, il-preservazzjoni tal-prodotti riferiti f’1 u 2 tinkiseb: - bit-trattament tas-sħana (sterilizzazzjoni, UHT, eċċ.), għall-prodotti riferiti f’1(a) sa (d), - biż-żieda taz-zokkor tal-kannamieli, għall-prodotti riferiti f’1(e) sa (ġ), - billi jkunu mnixxfa mill-ilma, għall-prodotti rriferiti fi 2. 4. Żidiet awtorizzati Skond l-Artikolu 2, iż-żieda tal-vitamini hija awtorizzata fil-każ tal-prodotti rriferiti f’dan l-Anness, suġġeta għad-Direttiva 90/496/KEE. -------------------------------------------------- L-ANNESS II DESINJAZZJONIJIET PARTIKOLARI GĦAL ĊERTI PRODOTTI MNIŻŻLA FL-ANNESS I (a) It-terminu Ingliż “ evaporated milk” ifisser il-prodott iddefinit fl-Anness I(1)(b) li fih, bħala toqol, mill-inqas 9 % xaħam u 31 % ta’ solidi totali tal-ħalib. (b) It-termini Franċiżi "lait demi-écrémé concentré" u "lait demi-écrémé concentré non sucré", it-terminu Spanjol "leche evaporada semidesnatada", it-termini Olandiżi "geëvaporeerde halfvolle melk" jew "halfvolle koffiemelk" u t-terminu Ingliż "evaporated semi-skimmed milk" ifissru l-prodott iddefinit fl-Anness I(1)(ċ) li fih, bħala toqol, bejn 4 % u 4,5 % xaħam u mhux inqas minn 24 % ta’ solidi totali. (ċ) It-terminu Daniż "kondenseret kaffefløde" u t-terminu Ġermaniż "kondensierte Kaffeesahne" ifissru l-prodott iddefinit fl-Anness I(1)(a). (d) It-terminu Daniż "flødepulver", it-termini Ġermaniżi "Rahmpulver" u "Sahnepulver", it-terminu Franċiż "crème en poudre", it-terminu Olandiż "roompoeder", it-termini Svediża "gräddpulver" u t-terminu Fillandiż "kermajauhe" ifissru l-prodott iddefinit fl-Anness I(2)(a). (e) It-terminu Franċiż "lait demi-écrémé concentré sucré", it-terminu Spanjol "leche condensada semidesnatada" u t-terminu Olandiż "gecondenseerde halfvolle melk met suiker" ifissru l-prodott iddefinit fl-Anness I(1)(f) li fih, bħala toqol, bejn 4 % u 4,5 % xaħam u mhux inqas minn 28 % ta’ solidi totali tal-ħalib. (f) It-terminu Franċiż "lait demi-écrémé en poudre", it-terminu Olandiż "halfvolle melkpoeder" u t-termini Ingliża "semi-skimmed milk powder" jew "dried semi-skimmed milk" ifissru l-prodott iddefinit fl-Anness I(2)(ċ) b’kontenut ta’ xaħam ta’ bejn 14 % u 16 %. (g) It-terminu Portugiż "leite em pó meio gordo" tfisser il-prodott iddefinit fl-Anness I(2)(ċ) b’kontenut ta’ xaħam ta’ bejn 13 % u 26 %. (h) (għ) It-terminu Olandiż "koffiemelk" tfisser il-prodott iddefinit fl-Anness I(1)(b). (h) It-termini Fillandiża "rasvaton maitojauhe" tfisser il-prodott iddefinit fl-Anness 1(2)(d). (i) It-termini Spanjola "leche en polvo semidesnatada" tfisser il-prodott iddefinit fl-Anness I(2)(ċ) b’kontenut tax-xaħam ta’ bejn 10 % u 16 %. --------------------------------------------------