Official Journal L 276 , 19/10/2001 P. 0017 - 0020
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/87/KE tat-12 ta’ Ottubru 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti sabiex jinkludu l-aċibenżolar-s-metil, iċ-ċiklanilid, il-fosfat tal-ħadid, il-pimetrożin u l-piraflufen-etil bħala sustanzi attivi IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 2001 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/49/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 (1) tagħha, Billi: (1) Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE (minn issa 'l quddiem imsejħa "id-Direttiva") Franza rċeviet fil-15 ta’ Ottubru 1996 applikazzjoni minn għand in-Novartis (issa s-Syngenta) sabiex tiġi inkluża s-sustanza attiva aċibenzolar-s-metil (CGA 245704) fl-Anness I mad-Direttiva. Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/865/KE [3] kien ikkonfermat illi d-dossier kien "komplet" jiġifieri sata’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, l-ħtiġiet ta' l-informazzjoni u tat-tagħrif ta’ l-Anness II u l-Anness III mad-Direttiva. (2) Il-Greċja rċeviet applikazzjoni simili fis-27 ta’ Marzu 1996 minn għand ir-Rhône Poulenc Agrochimie SA (issa l-Aventis CropScience), li tirrigwarda ċ-ċiklanilid (RPA 090946). Din l-applikazzjoni kienet iddikjarata kompleta bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/137/KE [4]. (3) Fis-27 ta’ Awissu 1998, il-Ġermanja rċeviet applikazzjoni minn għand W. Neudorff GmbH KG, li tirrigwarda l-fosfat tal-ħadid. Din l-applikazzjoni kienet iddikjarata kompleta bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/43/KE [5]. (4) Il-Ġermanja rċeviet ukoll fl-4 ta’ Settembru 1996 applikazzjoni minn għand in-Novartis li tirrigwarda l-pimetrożin (CGA 215944). Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni97/865/KE din l-applikazzjoni kienet iddikjarata kompleta. (5) Fis-16 ta’ Ġunju 1997, il-Belġju rċieva applikazzjoni minn għand in-Nihon Nohyaku Co. Ltd, li tirrigwarda l-piraflufen-etil. Din l-applikazzjoni kienet iddikjarata kompleta bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/242/KE [6]. (6) Għal dawn il-ħames sustanzi attivi, ġew stmati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva, għall-użi proposti mill-applikanti rispettivi. L-Istati Membri nnominati rapportaturi, issottomettew l-abbozzi tar-rapporti ta’ stima li jirrigwardaw is-sustanzi lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 1998 (l-aċibenżolar-s-metil), fil-11 ta’ Frar 1998 (iċ-ċiklanilid), fit-30 ta’ Lulju 1999 (il-fosfat tal-ħadid), fit-28 ta’ Mejju 1998 (il-pimetrożin) u fit-8 ta’ Lulju 1999 (il-piraflufen-etil), rispettivament. (7) L-abbozzi tar-rapporti ta’ stima ġew irriveduti mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni ġewwa l-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti. Ir-reviżjonijiet kienu ffinalizzati fid-29 ta’ Ġunju 2001 fil-format tar-rapporti tar-reviżjoni individwali tal-Kummissjoni għall-aċibenżolar-s-metil, iċ-ċiklanilid, il-fosfat tal-ħadid, il-pimetrożin u piraflufen-etil. (8) Id-dossier u t-tagħrif minn kull waħda mir-reviżjonijiet ġew issottomessi lill-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti. Rigward l-aċibenżolar-s-metil u l-fosfat tal-ħadid, ma ġew indirizzati l-ebda kwistjonijiet speċifiċi lill Kumitat. Il-Kumitat qies illi ma kien hemm l-ebda kwistjoni li xtaq iqanqal rigward is-sustanzi attivi fil-kuntest ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I mad-Direttiva [7]. Il-Kumitat innota illi n-nuqqas ta’ kummenti għandu jiġi interpretat bħala indikazzjoni ta’ l-ebda raġuni ovvja li kienet teħtieġ kummenti. (9) Fl-opinjoni tiegħu [8] rigward iċ-ċiklanilid il-Kumitat ipprovda l-interpretazzjoni tiegħu dwar ċerti effetti osservati fil-ġrieden u fil-fniek u rrakkomanda stima mill-ġdid tad-degradazzjoni tal-metaboliti tal-ħamrija tat-2,4-dikloranilin. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ġew meħuda f'kunsiderazzjoni. (10) Fl-opinjoni tiegħu [9] dwar il-pimetrożin il-Kumitat għamel stima ta’ ċerti effetti fil-kuntest li tiġi ddevivata teħida aċċettabbli ta' kuljum u doża akuta ta’ referenza għall-konsumaturi. (11) Fl-opinjoni tiegħu [10] dwar il-piraflufen-etil il-Kumitat ikkonkluda illi ġeneralment ir-riskju tal-kontaminazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art huwa negliġibbli għall-komponent ġenitur u għall-prodotti tiegħu maqsuma f'biċċiet. Madankollu, f'kondizzjonijiet estremi d-destin ta’ ċerti prodotti maqsuma f'biċċiet għandu jiġi stmat b’attenzjoni. (12) Deher mill-eżamijiet varji magħmula illi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi interessati jistgħu jiġu mistennija illi jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a), (b) u (3) tad-Direttiva, b’mod partikolari rigward l-użi li ġew eżaminati u ddettaljati fir-rapporti rispettivi tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk approprjat illi jiġu inklużi s-sustanzi interessati fl-Anness I, sabiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi interessati jistgħu jiġu konċessi skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva msemmija. (13) Wara l-inklużjoni, ikun meħtieġ perjodu raġjonevoli taż-żmien sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-aċibenżolar-s-metil, iċ-ċiklanilid, il-fosfat tal-ħadid, il-pimetrożin jew il-piraflufen-etil u b’mod partikolari sabiex tiġi rriveduta l-awtorizzazzjoni proviżorja jew li tingħata, l-aktar tard sat-tmiem ta’ dan il-perjodu taż-żmien, awtorizzazzjoni ġdida skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva. Jista' jkun meħtieġ ukoll perjodu itwal taż-żmien għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom xi waħda mis-sustanzi attivi interessati u s-sustanzi attivi l-oħra inklużi fl-Anness I. (14) Ir-rapport tar-reviżjoni huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati kif approprjat mill-Istati Membri, it-taqsimiet diversi tal-prinċipji uniformi stabbiliti fl-Anness VI mad-Direttiva, fejn dawn il-prinċipji jirreferu għall-evalwazzjoni ta' l-informazzjoni li tkun ġiet sottomessa bl-għan ta’ l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva. Huwa għalhekk approprjat li jiġi pprovdut illi r-rapporti ffinalizzati tar-reviżjoni (għajr għat-tagħrif kunfidenzjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva) jinżammu disponibbli jew jintgħamlu disponibbli mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata. Jekk ikollu jiġi aġġornat rapport tar-reviżjoni għalbiex iqis l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, il-kondizzjonijiet għall-inklużjoni tas-sustanza attiva interessata fl-Anness I mad-Direttiva għandhom ukoll jeħtieġu li jiġu emendati skond id-Direttiva. (15) Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 It-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE għandha tiġi emendata skond l-Anness ma' hawn. Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2002. Għandhom minnufih javżaw b’dan lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b’dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza. 2. Madankollu, rigward l-evalwazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet skond il-prinċipji uniformi li għalihom jipprovdi l-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi tad-dossier li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Anness III ma’ hawn, il-perjodu taż-żmien stabbilit fl-ewwel paragrafu jiġi mtawwal għall-awtorizzazzjonijiet proviżorji eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-aċibenżolar-s-metil, iċ-ċiklanilid, il-fosfat tal-ħadid, il-pimetrożin jew il-piraflufen-etil sal-31 ta’ Marzu 2003. 3. Madankollu, għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-aċibenżolar-s-metil, iċ-ċiklanilid, il-fosfat tal-ħadid, il-pimetrożin jew il-piraflufen-etil flimkien ma' sustanza attiva oħra li tkun fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, il-perjodu taż-żmien riferit fil-paragrafu 1 jiġi mtawwal safejn u sakemm perjodu itwal taż-żmien ta’ l-implimentazzjoni jiġi pprovdut mid-disposizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva li temenda l-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE sabiex tiġi inkluża s-sustanza fl-Anness. 4. L-Istati Membri għandhom iżommu disponibbli r-rapporti tar-reviżjoni għall-aċibenżolar-s-metil, iċ-ċiklanilid, il-fosfat tal-ħadid, il-pimetrożin u l-piraflufen-etil (għajr għat-tagħrif kunfidenzjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva) għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata jew għandhom jagħmluh disponibbli lilhom fuq talba speċifika. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2001. Artikolu 4 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-12 ta’ Ottubru 2001. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1. [2] ĠU L 176, 29.6.2001, p. 61. [3] ĠU L 351, 23.12.1997, p. 67. [4] ĠU L 52, 22.2.1997, p. 20. [5] ĠU L 14, 19.1.1999, p. 30. [6] ĠU L 96, 28.3.1998, p. 45. [7] Il-Minuti tal-laqgħa plenarja tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti mis-7 ta’ Marzu 2001 (l-aċibenżolar-s-metil).Il-Minuti tal-laqgħa plenarja tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti mill-4 ta’ Ġunju 2001 (il-fosfat tal-ħadid). [8] L-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti li tirrigwarda l-evalwazzjoni taċ-ċiklanilid fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. SCP/CYCLAN/002 finali bid-data tal-11 ta’ Diċembru 2000. [9] L-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-pimetrożin fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. SCP/PYMETR/002-finali bid-data tal-31 ta’ Jannar 2001. [10] L-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-piraflufen-etil fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. SCP/PYRA/002/-finali bid-data tas-7 ta’ Marzu 2001. -------------------------------------------------- ANNESS "ID-DĦUL LI JRID JIDDAĦĦAL FIT-TABELLA FL-ANNESS I MAD-DIRETTIVA 91/414/KEE In-Num-ru: | L-isem komuni | L-isem ta' l-IUPAC | Is-safa | Id-Dħul fis-seħħ | L-Iskadenza ta' l-inklużjoni | Disposizzjonijiet speċifiċi | 20 | L-Aċibenżolar-s-metil In-Numru tal-CAS 135158-54-2 In-Numru tas-CIPAC 597 | Il-metil ester ta' l-aċidu S-Benzoġl,2,3ħthiadiazole-7-carbothioic | 970 g/kg | L-1 ta' Novembru 2001 | Il-31 ta' Ottubru 2011 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala attivatur tal-pjanti Id-Data tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti li fiha r-rapport tar-reviżjoni kien iffinalizzat: Id-29 ta' Ġunju 2001. | 21 | Iċ-Ċiklanilid In-Numru tal-CAS 113136-77-9 In-Numru tas-CIPAC 586 | Mhux disponibbli | 960 g/kg | L-1 ta' Novembru 2001 | Il-31 ta' Ottubru 2011 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss użi bħala regolatur tat-tkabbir tal-pjanti. Il-kontenut massimu ta' l-impurita 2,4-dikloroanilin (2,4-DCA) fis-sustanza attiva kif iffabbrikat għandu jkun ta' 1 g/kg. Id-Data tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti li fiha r-rapport tar-reviżjoni kien iffinalizzat: Id-29 ta' Ġunju 2001. | 22 | Il-fosfat tal-ħadid In-Numru tal-CAS 10045-86-0 In-Numru tas-CIPAC 629 | Il-fosfat tal-ħadid | 990 g/kg | L-1 ta' Novembru 2001 | Il-31 ta' Ottubru 2011 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala molluskiċida Id-data tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti li fiha r-rapport tar-reviżjoni kien iffinalizzat: Id-29 ta' Ġunju 2001. | 23 | Il-Pimetrożin In-Numru tal-CAS 123312-89-0 In-Numru tas-CIPAC 593 | L-(E)-6-methyl-4-ġ(pyridin-3-ylmetylene)aminoħ- 4,5-dihydro-2H-ġ1,2,4ħ-triazin-3 one | 950 g/kg | L-1 ta' Novembru 2001 | Il-31 ta' Ottubru 2011 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala insettiċida Fit-teħid tad-deċiżjonijiet skond il-prinċipji uniformi, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta' l-organiżmi akwatiċi. Id-Data tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjantil i fiha r-rapport tar-reviżjoni kien iffinalizzat: Id-29 ta' Ġunju 2001. | 24 | Il-Piraflufen-etil In-Numru tal-CAS 129630-19-9 In-Numru tas-CIPAC 605 | L-ethyl-2-chloro-5-(4-chloro-5-difluoromethoxy- 1-mhypyrazol-3-yl)-4-fluorophenoxyacetate | 956 g/kg | L-1 ta' Novembru 2001 | Il-31 ta' Ottubru 2011 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala erbiċidi Fit-teħid tad-deċiżjonijiet skond il-prinċipji uniformi l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-protezzjoni ta' l-alka u l-pjanti akwatiċi u għandhom japplikaw, fejn approprjat, il-miżuri tat-taffija tar-riskju Id-Data tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti li fiha r-rapport tar-reviżjoni kien iffinalizzat: Id-29 ta' Ġunju 2001. | --------------------------------------------------