Official Journal L 326 , 22/12/2000 P. 0034 - 0038
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2814/2000 tal-21 ta'Diċembru 2000 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-għoti ta' għajnuna li tinġieb ‘il quddiem ta' ċerti prodotti tas-sajd IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITA EWROPEA, Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta'Diċembru 1999 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd u tal-prodotti ta'l-akwakultura [1], u b'mod partikolari l-Artikoli 23(5) tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000, li revoka r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3759/92 [2] b'effett mill-1 ta' Jannar 2001, jipprovdi għall-għoti ta' għajnuna li tinġieb ‘il quddiem taħt ċerti kondizzjonijiet għall-istabilizzazzjoni jew l-ipproċessar u l-ħażna tal-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 li ġew irtirarati mis-suq. Ir-rwol tal-mekkaniżmu ta' l-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem fl-organizzazzjoni tas-suq komuni kif prevista fir-Regolament (KEE) Nru 3759/92 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3901/92 tat-23 ta'Diċembru 1992 li jintroduċi regoli dettaljati għall-għoti ta'għajnuna li tinġieb ‘il quddiem ta' ċerti prodotti tas-sajd [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1337/95 [4] ġie valutat mill-ġdid. Dan wassal għal żieda fl-ammonti eliġibbli għal din l-għajnuna. Huwa għalhekk xieraq li l-proċeduri meħtieġa taħt il-mekkaniżmu tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem jiġu simplifikati u li Regolament (KEE) Nru 3901/92 jitbiddel b'dan ir-Regolament. (2) L-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2406/96 tas-26 ta' Novembru 1996 li jistabbilixxi ċerti standards komuni għall-marketing ta' ċerti prodotti tas-sajd [5], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2578/2000 [6], jipprovdi biex ċerti prodotti li huma klassifikati bħala kategorija B ma jkunux eliġibbli għall-għajnuna finanzjarja mogħtija fir-rigward tal-mekkaniżmi ta'l-intervent ta'l-organizzazzjoni tas-suq komuni. Peress li l-prodotti ta'kwalità Extra, "E" u "A" huma eliġibbli għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem skond l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, il-kalkolu ta'l-ammonti eliġibbli għal din l-għajnuna għandha tiġi bażata fuq dawn il-kategoriji ta'prodotti biss. (3) Biex kemm jista' jkun tiġi mħajra azzjoni biex tistabbilizza s-suq, l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li ma josservawx il-prezz Komunitarju ta'l-irtirarar matul is-sena tas-sajd għandhom jiġu esklużi milli jirċievu kumpens finanzjarju għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem. (4) Konformità sistematika mal-kriterji komuni tal-marketing kif imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 hija fattur determinanti fil-formazzjoni tal-prezz u tgħin għall-istabilizazzjoni tas-suq. L-għoti tal-kumpens għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem fuq ammonti eliġibbli għandha għalhekk tkun bil-kondizzjoni li jkun hemm konformità mal-kriterji għall-ammonti kollha tal-prodott konċernat li jitqiegħdu għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produttur jew mill-membri tagħha matul is-sena tas-sajd. (5) Il-mekkaniżmi għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem u għall-kumpens finanzjarju għall-irtirar jimxu flimkien u huma komplimentari għal xulxin fl-operat tagħhom u għandhom l-istess għan li jistabilizzaw is-suq tal-prodotti konċernati. Il-kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma'l-ammonti li jistgħu jikkwalifikaw għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem kif ukoll għall-użu ta'marġni ta'tolleranza u mad-dokument taċ-ċertifikazzjoni li għandu jintuża meta l-prodotti jiġu rtirati fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2509/2000 tal-15 ta'Novembru 2000 li jitabbilixxi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 fuq l-għoti ta'kumpens finanzjarju għall-irtirar ta'ċerti prodotti tas-sajd [7]. (6) Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-prodott u jiġi faċilitat it-tqegħid fis-suq tal-prodotti, il-ħtiġiet minimi li għandhom jiġu osservati f'operazzjonijiet li jikkwalifikaw għall-għajnuna għandhom jiġu stabbiliti, flimkien mal-ħtiġiet fuq il-ħażna u t-treġġigħ lura għas-suq tal-prodott konċernat. (7) L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jgħinu fl-ispejjeż ta'l-implementazzjoni tal-mekkaniżmi tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem u għaldaqshekk, l-ammont ta'għajnuna għandu jiġi stabbilit skond l-ispejjeż tekniċi reali u l-ispejjeż finanzjarji ta'l-operazzjonijiet ta'stabilizzazzjoni u ħażna. L-ispejjeż tekniċi għandhom jiġu definiti skond l-ispejjeż immedjati li ntefqu taħt il-mekkaniżmu.Biex jiġu evitati talbiet diffiċli għal informazzjoni mill-industrija u kalkoli kumplikati ta' kull sena, l-ispejjeż finanzjarji għandhom jkunu ammont b'rata fissa aġġustat skond ir-rata ta'l-interessi stabilità b'mod konformi ma'l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1883/78 tat-2 ta'Awissu 1978 li jistabbilixxi ċerti regoli ġenerali dwar il-finanzjament ta'l-intervent mill-Fond Ewropew ta'Gwida u Garanzija Agrikolu, Sezzjoni tal-Garanzija [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1259/96 [9]. (8) Il-benefiċjarji ta'l-għajnuna għandhom jiġu obbligati li jżommu rekords ta'l-istokkijiet biex tiżdied l-effiċjenza tal-verifika u għandhom jikkomunikaw din l-informkazzjoni lill-Istat Membru. Għall-iskop ta'ġestjoni tajba tal-mekkaniżmu huwa biżżejjed li jintalbu rekords ta'l-istokk matul iż-żminijiet minimi tal-ħażna. (9) Il-proċedura biex jitressqu applikazzjonijiet għall-ħlas tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem għandha tiġi stabbilita kif ukoll il-proċedura għall-għoti ta'ħlasijiet bil-quddiem u l-ammont tas-sigurtà relevanti. (10) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal-Prodotti tas-Sajd, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Il-kwantitajiet ta'prodotti eliġibbli għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem taħt l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandhom jiġu kkalkolati skond il-kwantitajiet klassifikati taħt l-istandards tal-marketing stabbiliti fl-Artikolu 2 ta'dak ir-Regolament bħala ta'kwalità Extra, "E" u "A" biss. Artikolu 2 1. L-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem titħallas biss lil organizzazzjonijiet tal-produtturi kif imsemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. 2. Il-ħlas tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem għal ammonti ta'prodotti eliġibbli għandu jkun bil-kondizzjoni li, għall-prodott jew il-grupp ta'prodotti konċernat, kull ammont għall-bejgħ mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri matul is-sena tas-sajd ikun ġie klassifikat minn qabel b'mod konformi ma'l-istandards tal-marketing imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) No 104/2000. 3. Il-ħtiġiet imsemmija fl-Artikolu 23(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandhom jitwettqu meta l-prodotti jiġu kklassifikati taħt l-istandards tal-marketing stabbiliti fl-Artikolu 2 ta'dak ir-Regolament. Artikolu 3 1. Sabiex jikkwalifikaw għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem, l-prodotti għandhom jiġu proċessati permezz ta' metodu wieħed jew aktar elenkati fl-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 fiż-żmien ta' 48 siegħa mill-irtirar tagħhom mis-suq. Dan l-ipproċessar jista' jsir mill-organizzazzjoni tal-prodotturi konċernata jew minn impriża li lilha l-organizzazzjoni tal-prodotturi tibgħat il-prodotti. Qabel l-ipproċessar, il-prodotti għandhom jinħażnu b'tali mod li jkun hemm garanzija li tinżamm il-kategorija tal-freskezza inizjali tagħhom. 2. Mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet nazzjonali aktar iebsa jew għal livelli kummerċjali prattikati fl-Istati Membri, d-diversi metodi ta'l-ipproċessar għandhom jilħqu l-kundizzjonijiet minimi li ġejjin: (a) l-iffriżar għandu jsir fi stallazzjonijiet xierqa li jiggarantixxu inter alia li tintlaħaq kemm jista' jkun malajr temperatura ta'18° Ċ taħt iż-żero fiċ-ċentru tal-prodott; (b) il-melħ għandu jiżdied f'forma ta'proċess li jiggarantixxi li l-kontenut tal-melħ tal-prodott finali ma jkunx anqas minn 16 %; (ċ) it-tqaddid għandu jisir b'tali mod li l-kontenut ta'l-ilma tal-prodott ipproċessat ma jkunx iktar minn 50 %; (d) l-immarinar għandu jsir bi proċess fejn il-prodott jiġi trattat bil-ħall jew l-aċidu ta'l-ikel, il-melħ u l-ħwawar aromatiċi bla ma l-prodott jissaħħan sabiex il-livell pH tal-prodott ikun anqas minn 4,8; (e) l-ippasturizzar għandu jsir b'tali mod li t-temperatura ġewwinija tal-prodott tinżamm ta’ lanqas għal 75° Ċ għall-anqas għal 15-il minuta. 3. Il-ħażna ta'granċi ta'l-ikel ħajjin ġo tankijiet jew ġo gaġgeġ fissi mimlijin bl-ilma baħar jew bl-ilma mielaħ u approvati għall-iskop mill-Istati Membri tikkwalifika bħala preservazzjoni għall-ħlas ta'l-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem. Artikolu 4 1. Prodotti jikkwalifikaw biss għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem jekk, wara li jkunu ġew ipproċessati b'mod irreversibbli, jilħqu l-kondizzjonijiet minimi għall-ħażna u t-treġġigħ lura fis-suq kif stabbilit fil-paragrafi 2 u 3. 2. Fil-każ ta' prodotti friżati iż-żmien tal-ħażna ma għandux ikun ta'anqas minn ħamest ijiem mid-data li fiha jitlesta l-ipproċessar u t-temperatura tal-ħażna m'għandhiex tkun ogħla minn 18° Ċ taħt iż-żero. Fil-każ ta'prodotti mmellħin, immarinati, mgħollija jew ippasturizzati, iż-żmien tal-ħażna ma għandux ikun ta' anqas minn ħamest ijiem mid-data li fiha jitlesta l-ipproċessar. Fil-każ ta'prodotti mqadda, iż-żmien tal-ħażna m'għandux ikun ta' anqas minn ħamest ijiem mid-data li fiha jitlesta l-ipproċessar u t-temperatura tal-ħażna m'għandhiex tkun ogħla minn 4° Ċ u taħt kondizzjonijiet approprjati ta'umdità. Fil-każ ta'kull prodott maħżun ġo tankijiet jew ġo gaġgeġ, iż-żmien tal-ħażna ma għandux ikun ta' anqas minn ħamest ijiem. 3. Il-prodotti kollha jerġgħu jitqiegħdu fis-suq f'lottijiet omoġenji skond l-ispeċi, u b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f'kull Stat Membru għall-marketing ta'prodotti għall-konsum tal-bniedem. Il-prodotti maħżuna ħajjin f'tankijiet jew ġo gaġgeġ għandhom jitreġġgħu lura fis-suq għall-bejgħ b'tali mod li ma jfixklux il-marketing normali tal-prodotti konċernati. 4. Ladarba jitreġġgħu lura għall-bejgħ, il-prodotti ma jistgħux jinħażnu għal darb‘oħra biex jikkwalifikaw għall-għajnuna. Artikolu 5 1. Il-livell tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem għandu jiġi stabbilit qabel il-bidu ta' kull sena tas-sajd b'mod konformi mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. L-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem għandha tiġi stabbilita skond il-piż unitarju, li għandu jiġi applikat għall-piż nett tal-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. 2. L-ammont tal-għajnuna għandu jiġi kalkolat skond l-ispejjeż tekniċi reali u l-ispejjeż finanzjarji ta'l-operazzjonijiet indispensabbli għall-istabilizzazzjoni u l-ħażna tal-prodotti in- kwistjoni skond kif irreġistrati fil-Komunità matul is-sena tas-sajd ta'qabel. 3. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala spejjeż tekniċi: (a) spejjeż ta'l-enerġija; (b) spejjeż tax-xogħol li għandhom x'jaqsmu mal-ħażna u r-rilaxx mill-ħażna; (ċ) spiża ta'materjali għall-ippakkjar dirett; (d) spejjeż ta'l-ipproċessar (ingredjenti); (e) spiża tat-trasport mill-post tal-ħatt sal-post ta'l-ipproċessar. 4. L-ispejjeż finanzjarji jkunu bl-ammont tar-rata fissa ta' 10 Ewro għal kull tunnellata metrika għas-sena 2001. Minn hemm 'il quddiem ir-rata fissa għandha tiġi aġġustata sena b'sena billi tintuża r-rata ta'l-interessi li tiġi stabbilità ta' kull sena b'mod konformi ma'l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1883/78. 5. Il-livell tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem stabbilit għas-sena tas-sajd konċernata għandu jgħodd għal prodotti li jkunu deħlin għall-ħażna dik is-sena, irrispettivament mit-tmien tal-perjodu tal-ħażna. 6. L-Artikolu 2(1), (2) u (3), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2509/2000 għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-arranġamenti tal-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem kif hemm previst fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000. Artikolu 6 1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta'monitoraġġ li tiżgura li l-prodotti li fir-rigward tagħhom ġiet applikata l-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem jkunu eliġibbli. 2. Għaż-żmien minimu ta' ħażna msemmi fl-Artikolu 4(2), l-organizzazzjonijiet tal-prodotturi għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji ta'l-għajnuna jżommu rekord ta'l-istokk għal kull kategorija ta'prodotti li ddaħħlu għall-ħażna. 3. L-organizzazzjoni tal-produttri għandha tikkomunika d-data, l-ispeċi, il-kategorija u l-ammont ta'prodotti mdaħħla għal ħażna lill-Istat Membru konċernat kull xahar. Artikolu 7 1. L-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem ttiħallas lill-organizzazzjoni tal-prodotturi konċernati biss meta l-awtoritajiet kompetenti ta'l-Istat Membru jkunu sodisfaw ruħhom li l-ammonti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għall-għajnuna ma jiskorrux il-limitu stabbilit fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 u li jew ġew ipproċessati u maħżuna jew ġew ippreżervati, u mbagħad wara mreġġgħin lura fis-suq, b'mod konformi ma'dan ir-Regolament. 2. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem għandhom jitressqu mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi konċernati lill-awtoritajiet kompetenti ta'l-Istat Membru fi żmien erba' xhur mill-aħħar tas-sena tas-sajd konċernata. Id-dettalji li għandhom jingħataw fl-applikazzjonjiet għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 3. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom iħallsu l-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem fi żmien tliet xhur mid-data li fiha jirċievu t-talba sħiħa għall-ħlas mill-organizzazzjoni tal-produtturi konċernata. Artikolu 8 Malli jintalab mill-organizzazzjoni tal-prodotturi konċernata, l-Istat Membru għandu jagħti ħlas bil-quddiem kull xahar bħala għajnuna li tinġieb ‘il quddiem li għandha titħallas għar-rigward ta'l-ammonti li għalihom intalbet l-għajnuna dak ix-xahar, sakemm l-organizzazzjoni tal-produtturi tkun iddepożitat garanzija ekwivalenti għal 105 % ta'l-ammont bil-quddiem. Il-ħlasijiet bil-quddiem għandhom jiġu kalkolati b'mod konformi mal-metodu stabbilit fl-Anness. Artikolu 9 1. Kull Stat Membru għandu javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz tal-korp nominat biex iħallas l-għajnuna li tinġieb ‘il quddiem. 2. Kull Stat Membru għandu javża lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta'Jannar 2001 bil-miżuri meħuda għall-implementazzjoni ta'l-Artikoli 6(1) u 7(2) kif ukoll kull darba li dawn il-miżuri jitbiddlu. Artikolu 10 Ir-Regolament (KEE) Nru 3901/92 qiegħed b'hekk jiġi revokat. Artikolu 11 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara li jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan għandu jibda jgħodd mill-1 ta'Jannar 2001. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, it-30 ta'Diċembru 2000. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 17, tal-21.11.2000, p. 22. [2] ĠU L 388, tal-31.12.1992, p. 1. [3] ĠU L 392, tal-31.12.1992, p. 29. [4] ĠU L 129, tal-14.6.1995, p. 5. [5] ĠU L 334, tat-23.12.1994, p. 1. [6] ĠU L 298, tal-25.11.2000, p. 1. [7] ĠU L 289, tas-16.11.2000, p. 11. [8] ĠU L 216, tal-5.8.1978, p. 1. [9] ĠU L 163, tat-2.7.1996, p. 10. -------------------------------------------------- L-ANNESS +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------