EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0008

Id-Direttiva Nru 2000/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/221/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tankijiet ta' karburant likwidu u mezzi ta' protezzjoni tal-qiegħ fuq wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

OJ L 106, 3.5.2000, p. 7–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 025 P. 129 - 142
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 029 P. 12 - 25
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 029 P. 12 - 25
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 010 P. 171 - 184

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/8/oj

32000L0008



Official Journal L 106 , 03/05/2000 P. 0007 - 0020


Id-Direttiva Nru 2000/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-20 ta' Marzu 2000

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/221/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tankijiet ta' karburant likwidu u mezzi ta' protezzjoni tal-qiegħ fuq wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/221/KEE ta' l-20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tankijiet ta' karburant likwidu u mezzi ta' protezzjoni tal-qiegħ fuq wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [4], hija waħda mid-direttivi separati fil-proċedura ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE li ġiet stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5]; konsegwentement, id-disposizzjonijiet u d-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva Nru 70/156/KEE li jikkonċernaw vetturi, sistemi ta' vetturi, komponenti u unitajiet tekniċi separati japplikaw għad-Direttiva 70/221/KEE; huwa neċessarju li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 70/221/KEE jiġi adattat għad-definizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE.

(2) Sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku, ta' min li tiġi adattata d-Direttiva 70/221/KEE għall-ħtiġiet tekniċi adottati mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fir-Regolament Nru 34 tagħha li jirrelata għall-approvazzjoni ta' vetturi fir-rigward tal-prevenzjoni ta' riskju ta' nar, b'mod partikolari, għad-disposizzjonijiet ta' tankijiet ta' karburant magħmula minn materjal tal-plastik.

(3) It-tixrid aċċidentali ta' karburant (b'mod speċjali diesel) fit-triq huwa perikolu sinjifikanti għal sewwieqa ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti u ta' ċikli bil-pedali.

(4) Hemm żieda fl-interss f'karburanti ta' gass għall-propulsjoni ta' vetturi bil-mutur, b'mod partikolari għal raġunijiet ambjentali; billi għalhekk, fil-futur, id-Direttiva 70/221/KEE għandha wkoll tinkludi disposizzjonijiet għal tankijiet għal karburanti barra minn karburanti likwidi; għal dan l-iskop it-titolu u l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 70/221/KEE għandu jiġi emendat kif xieraq; l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal tankijiet għal karburanti ta' gass jiġu introdotti permezz ta' emendi aktar tard għad-Direttiva msemmija.

(5) Barra minn hekk, huwa iktar u iktar komuni għal tankijiet oriġinali tal-karburant li jiġu sostitwiti b' tankijiet ikbar tal-karburant jew għal tankijiet tal-karburant addizzjonali, mhux approvati li jiġu installati; għandha konsegwentement issir disposizzjoni ma' l-ewwel opportunità għall-approvazzjoni tat-tip Komunitarja ta' tankijiet tal-karburant likwidu u tal-gass bħala unitajiet tekniċi separati, sabiex jinżamm livell għoli ta' sigurtà fit-traffiku tal-vetturi bil-mutur.

(6) Emendi għad-disposizzjonijiet li jirrelataw għat-tankijiet tal-karburant għandhom jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill; billi jaqbel illi, fil-futur, l-emendi neċessarji sabiex jiġu aġġustati għall-progress tekniku l-ħtiġiet tekniċi tad-Direttiva Nru 70/221/KEE li jirrelataw għal tankijiet tal-karburant għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE.

(7) L-emendi magħmula b'din id-Direttiva jirrelataw b'mod partikolari għat-tankijiet tal-karburant magħmula minn materjal tal-plastik; għalhekk mhuwiex neċessarju li jiġu invalidati approvazzjonijiet eżistenti mogħtija taħt id-Direttiva 70/221/KEE [6] u li jiġu pprevenuti l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda li jkollhom tankijiet tal-metall ta' karburant likwidu koperti b'dawn l-approvazzjonijiet.

(8) Minħabba l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta fis-settur in kwistjoni, il-miżuri Komunitarji li huma s-suġġett ta' din id-Direttiva huma neċessarji, jew saħansitra indispensabbli, sabiex tintlaħaq il-mira stabbilita, jiġifieri l-approvazzjoni tat-tip ta' vettura Komunitarja; din il-mira ma tistax tintlaħaq b'mod adegwat mill-Istati Membri individwalment,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Direttiva 70/221/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. It-titolu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tankijiet ta' karburant u mezzi ta' protezzjoni tal-qiegħ fuq wara għal vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom".

2. L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 1

Għall-iskop ta' din id-Direttiva, "vettura" tfisser kwalunkwe vettura bil-mutur u l-karrijiet tagħha kif definit fl-Anness II it-Taqsima A tad-Direttiva 70/156/KEE."

3. L-Artikolu 2(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-ebda Stat Membru ma jista' jirrifjuta li jagħti approvazzjoni tat-tip tal-KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal vettura għal raġunijiet li jirrelataw għat-tankijiet ta' karburant tagħha jekk din il-vettura tissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti f'din id-Direttiva li jikkonċernaw it-tankijiet tal-karburant."

4. L-Artikolu 2a(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1. L-ebda Stat Membru ma jista' jirrifjuta jew jipprojbixxi l-bejgħ, ir-reġistrazzjoni, id-dħul fis-servizz jew l-użu ta' vettura għal raġunijiet li jirrelataw għat-tankijiet ta' karburant tagħha jekk din il-vettura tissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti f'din id-Direttiva li jikkonċernaw it-tankijiet ta' karburant."

5. L-Artikolu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 3

Kwalunkwe emenda neċessarja sabiex jiġu adattati l-ħtiġiet ta' l-Annessi għall-progress tekniku, għandha tiġi adottata skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE."

6. Il-lista ta' l-Annessi u l-Anness I għad-Direttiva 70/221/KEE hija hawnhekk emendata skond l-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. B'effett mit-3 ta' Mejju 2001, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw konformità mal-ħtiġiet tad-Direttiva 70/221/KEE, kif emendata b'din id-Direttiva, għall-iskopjijiet ta' l-Artikoli 4(1) u 7(1) tad-Direttiva 70/156/KEE.

2. B'effett mit-3 ta' Mejju 2002, l-Istati Membri:

- ma jistgħux iktar jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-KE skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 70/156/KEE, u

- jistgħu jirrifjutaw approvazzjoni tat-tip nazzjonali,

għal tip ġdid ta' vettura għal raġunijiet li jirrelataw għat-tankijiet ta' karburant tagħha jekk din tonqos li tikkonforma mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/221/KEE, kif emendata b'din id-Direttiva.

3. B'effett mit-3 ta' Mejju 2003, l-Istati Membri:

- għandhom jikkunsidraw ċertifikati ta' konformità li jakkumpanjaw vetturi ġodda skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE bħala mhux aktar validi għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 7(1) ta' dik id-Direttiva, u

- jistgħu jirrifjutaw il-bejgħ, ir-reġistrazzjoni u d-dħul fis-servizz ta' vetturi ġodda li ma jkollhomx magħhom ċertifikat ta' konformità validu skond id-Direttiva 70/156/KEE, ħlief meta d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8(2) ta' dik id-Direttiva huma invokati,

għal raġunijiet li jirrelataw għat-tankijiet ta' karburant, jekk il-ħtiġiet tad-Direttiva 70/221/KEE, kif emendata b'din id-Direttiva, ma jiġux sodisfatti.

4. Din id-Direttiva m'għandhiex tinvalida xi approvazzjoni mogħtija qabel lil vetturi li jkollhom tankijiet tal-metall ta' karburant likwidu u lanqas tipprevjeni estensjonijiet ta' dawn l-approvazzjonijiet skond il-kondizzjonijiet tad-direttiva li taħtha kienu mogħtija oriġinarjament.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel it-3 ta' Mejju 2001 u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Marzu 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gama

[1] ĠU C 164, tal-21.8.1998, p. 16.

[2] ĠU C 407, tad-9.4.1999, p. 58.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Frar 1999 (ĠU C 150, tal-28.5.1999, p. 168), il-posizzjoni komuni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 (ĠU C 249, ta' l-1.9.1999, p. 25) u d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 1999 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 76, tal-6.4.1970, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 97/19/KE (ĠU L 125, tas-16.5.1997, p. 1).

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 11, tas-16.1.1999, p. 25).

[6] ĠU L 38, tal-11.2.1974, p. 2. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 78/632/KEE (ĠU L 206, tad-29.7.1978, p.26).

--------------------------------------------------

ANNESS

EMENDI GĦALL-LISTA TA' L-ANNESSI U TA' L-ANNESS I GĦAD-DIRETTIVA 70/221/KEE

Lista ta' l-Annessi

L-indikazzjoni li tirrigwarda l-Anness I għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"Anness I: | Tankijiet għal karburant likwidu |

Appendiċi 1: | Test ta' reżistenza għan-nar |

Appendiċi 2: | Dimensjonijiet u tagħrif tekniku dwar mattunelli refrattarji |

Appendiċi 3: | Dokument ta' informazzjoni |

Appendiċi 4: | Ċertifikat ta' approvazzjoni tat-tip tal-KE" |

Anness I

L-Anness I għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:"

ANNESS I

TANKIJIET GĦAL KARBURANT LIKWIDU

1. IL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI

1.1. Dan l-Anness japplika għal vetturi li għalihom tapplika d-Direttiva 70/156/KEE

2. DEFINIZZJONIJIET

Għall-iskop ta' dan l-Anness:

"Tip ta' vettura fir-rigward ta' tankijiet ta' karburant" 2.1.1. L-istruttura, il-forma, id-dimensjoni u l-materjali (metall/plastik) tat-tank(ijiet);

2.1.2. F'vetturi tal-kategorija M1 [1] il-posizzjoni tat-tank(ijiet) fil-vettura sa fejn ikollha effett negattiv fuq il-ħtiġiet tat-Taqsima 5.10 ta' dan l-Anness.

"Kompartiment ta' l-okkupant" ifisser l-ispazju għall-akkomodazzjoni ta' l-okkupant imdawwar bis-saqaf, bl-art, bil-ħitan tal-ġnub, bil-bibien, bil-glazing ta' barra, bil-paratija ta' quddiem u bil-paratija ta' wara.

"Massa mhux mgħobbija" tfisser il-massa tal-vettura waqt f'kundizzjoni ta' sewqan kif definit fit-Taqsima 2.6 ta' l-Anness I tad-Direttiva 70/156/KEE.

"Tank" ifisser it-tank(ijiet) maħsuba sabiex jikkontjenu l-karburant likwidu, kif definit fit-Taqsima 2.6, użat primarjament għall-propulsjoni tal-vettura esklużi l-aċċessorji tagħha (pajp għall-mili (jekk ikun element separat), toqba għall-mili, tapp, gauge, konnessjonijiet mal-magna jew sabiex jikkumpensaw pressjoni eċċessiva fuq ġewwa, eċċ).

"Il-kapaċità tat-tank" tfisser il-kapaċità kif speċifikata mill-fabbrikant.

"Karburant likwidu" ifisser karburant li huwa likwidu fil-kondizzjonijiet normali ambjentali.

3. APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

3.1. L-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip ta' vettura fir-rigward tat-tankijiet ta' karburant tagħha skond l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 70/156/KEE għandha tiġi sottomessa mill-fabbrikant tal-vettura.

3.2. Mudell għad-dokument ta' informazzjoni jingħata fl-Appendiċi 3.

3.3. Dan li ġej għandu jiġi sottomess lis-servizz tekniku responsabbli biex imexxi t-testijiet ta' approvazzjoni tat-tip:

3.3.1. Vettura li tirrapreżenta t-tip ta' vettura li għandha tiġi approvata jew il-partijiet tal-vettura li s-servizz tekniku jqis bħala neċessarji għat-testijiet ta' approvazzjoni;

3.3.2. Fil-każ ta' vettura mgħammra b'tank magħmul minn materjal tal-plastik: seba tankijiet addizzjonali, bl-aċċessorji tagħhom;

3.3.3. Fil-każ ta' vettura mgħammra b'tank magħmul minn materjal ieħor: żewġ tankijiet addizzjonali, bl-aċċessorji tagħhom;

4. L-GĦOTI GĦAL APPROVAZZJONI TAT-TIP TAL-KE

4.1. Jekk il-ħtiġiet rilevanti jiġu sodisfatti, l-approvazzjoni tat-tip tal-KE skond l-Artikolu 4(3) u, jekk applikabbli, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 70/156/KEE għandhom jingħataw.

4.2. Mudell għaċ-ċertifikat ta' l-approvazzjoni tat-tip tal-KE qiegħed jingħata fl-Appendiċi 4.

4.3. Numru ta' approvazzjoni skond l-Anness VII għad-Direttiva 70/156/KEE għandu jingħata lil kull tip ta' vettura approvata. L-istess Stat Membru m'għandux jagħti l-istess numru lil tip ieħor ta' vettura.

5. SPEĊIFIKAZZJONIJIET

5.1. It-tankijiet għandhom isiru b'mod illi jirreżistu l-korrużjoni.

5.2. It-tankijiet għandhom jissodisfaw, meta mgħammra bl-aċċessorji kollha li normalment ikollhom magħhom, testijiet ta' ċarċir imwettqa skond it-Taqsima 6.1 bi pressjoni interna relattiva ugwali għad-doppju tal-pressjoni eċċessiva operattiva, iżda fi kwalunkwe każ mhux anqas mill-pressjoni eċċessiva ta' 0,3 bar.

Tankijiet għal vettura magħmula minn materjal tal-plastik jiġu meqjusa li jissodisfaw din il-ħtieġa jekk ikunu għaddew mit-test deskritt fit-Taqsima 6.3.2.

5.3. Kwalunkwe pressjoni eċċessiva jew kwalunkwe pressjoni li teċċedi l-pressjoni operattiva għandha tiġi kkumpensata awtomatikament b' apparat adattat (ventijiet, valvoli ta' sigurtà, etċ).

5.4. Il-ventijiet għandhom jiġu maħsuba b'tali mod li jipprevjenu kwalunkwe riskju ta' nar. B'mod partikolari, kwalunkwe karburant li jista' jċarċar meta t-tank(ijiet) ikun(u) qiegħed/qegħdin jimtela(ew) m'għandux ikun jista' jaqa' fuq is-sistema ta' l-exhaust. Għandu jgħaddi lejn l-art.

5.5. It-tank(ijiet) ma għandhomx jinstabu fi, jew jiffurmaw, superfiċi (art, ħajt, paratija) tal-kompartiment ta' l-okkupant jew kompartiment ieħor integrali miegħu.

5.6. Għandha tiġi pprovduta partizzjoni sabiex tissepara l-kompartiment ta' l-okkupant mit-tank(ijiet). Il-partizzjoni jista' jkun fiha aperturi (eż. sabiex takkomoda ċwiemi) sakemm jiġu rranġati b'mod illi l-karburant ma jistax inixxi liberament mit-tank(ijiet) fil-kompartiment ta' l-okkupant jew kompartiment ieħor integrali miegħu waqt kondizzjonijiet normali ta' l-użu.

5.7. Kull tank għandu jiġi ffissat sewwa u jitqiegħed b'mod li jassigura li kwalunkwe ċarċir ta' karburant mit-tank jew l-aċċessorju tiegħu jgħaddi lejn l-art u mhux lejn il-kompartiment ta' l-okkupant waqt il-kondizzjonijiet normali ta' l-użu.

5.8. It-toqba għall-mili m'għandhiex tkun fil-kompartiment ta' l-okkupant, fil-kompartiment tal-bagalji jew fil-kompartiment tal-magna.

5.9. Il-karburant m'għandux jgħaddi mit-tapp tat-tank jew minn apparat provdut sabiex jikkumpensa pressjoni eċċessiva waqt l-operazzjoni prevista tal-vettura. Fil-każ li tinqaleb il-vettura, xi taqtir jista' jiġi ttollerat sakemm ma' jeċċedix it-30 g/min; din il-ħtieġa għandha tiġi vverifikata waqt it-test preskritt fit-Taqsima 6.2.

5.9.1. It-tapp tat-tank għandu jitwaħħal mal-pajp għall-mili: is-siġill għandu jibqa' ffissat sewwa fil-post, it-tapp għandu jagħlaq sewwa kontra s-siġill u l-pajp tal-mili meta magħluq.

5.9.1.1. Il-ħtiġiet tat-Taqsima 5.9.1. jitqiesu li jiġu sodisfatti jekk il-vettura tissodisfa l-ħtiġiet tat-Taqsima 5.1.3. ta' l-Anness I għad-Direttiva 70/220/KEE [2], soġġett għall-kundizzjoni li l-eżempji elenkati fit-tielet inċiż ta' dik it-Taqsima ma japplikawx għal vetturi fil-kategoriji li mhumiex M1 jew N1.

5.10. It-tankijiet għandhom jiġu installati b'tali mod li jiġu protetti mill-konsegwenzi ta' impatt fin-naħa ta' quddiem jew fin-naħa ta' wara tal-vettura; m'għandu jkun hemm ebda partijiet sporġuti, xfar jaqtgħu, eċċ, ħdejn it-tank.

5.11. It-tank tal-karburant u l-għonq tal-mili għandhom jiġu maħsuba u installati fil-vetturi b'mod illi jevitaw kwalunkwe akkumulazzjoni ta' skossi ta' enerġija statika fuq is-superfiċi intier tagħhom. Jekk neċessarju, jiġu rilaxxati fl-istruttura metallika tax-chassis jew kwalunkwe massa metalika maġġuri permezz ta' konduttur tajjeb.

5.12. Barra minn dan, it-tankijiet magħmula minn materjal tal-plastik għandhom jiġu ttestjati skond il-proċedura speċifika stabbilita fit-Taqsima 6.3.

6. TESTIJIET

6.1. Test Idrawliku

It-tank għandu jkun soġġett għal test idrawliku tal-pressjoni interna mwettaq fuq unità iżolata kompleta bl-aċċessjorji kollha tagħha. It-tank għandu jimtela kompletament b'likwidu mhux fjammabbli (ilma, per eżempju). Wara li tinqata' kull komunikazzjoni ma' barra, il-pressjoni għandha tiżdied gradwalment, permezz tal-konnessjoni tal-pajp li minnha jgħaddi l-karburant lejn il-magna, għal pressjoni interna relattiva ugwali għad-doppju tal-pressjoni operattiva eżatta u fi kwalunkwe każ għal mhux inqas minn pressjoni eċċessiva ta' 0,3 bar, li għandha tinżamm għal minuta. Matul dan il-ħin il-qoxra tat-tank m'għandhiex tinqasam jew tnixxi; madankollu, tista' tiġi deformata b'mod permanenti.

6.2. Test tal-Qlib

6.2.1. It-tank u l-aċċessorji kollha tiegħu għandhom jiġu mmuntati fuq apparat tat-test b'mod illi jikkorrispondi għall-mod ta' installazzjoni fuq il-vettura li għalija huwa intiż it-tank; dan japplika wkoll għal sistemi għall-kumpens tal-pressjoni eċċessiva interna.

6.2.2. L-apparat għat-test għandu jdur fuq assi parallela għall-assi lonġitudinali tal-vettura.

6.2.3. It-test jitwettaq bit-tank mimli sa 90 % tal-kapaċità tiegħu u wkoll sa 30 % tal-kapaċità tiegħu b'likwidu mhux fjammabbli li għandu densità u viskosità qrib għal dawk tal-karburant normalment użat (l-ilma jista' jiġi aċċettat).

6.2.4. It-tank għandu jiddawwar mill-posizzjoni installata tiegħu b'90o lejn il-lemin. It-tank għandu jibqa' f'din il-posizzjoni għal mill-anqas ħames minuti.

It-tank għandu mbagħad jiddawwar 90o iktar fl-istess direzzjoni. It-tank għandu jinżamm f'din il-posizzjoni, li fiha jinqeleb kompletament, għal mill-anqas ħames minuti oħra.

It-tank għandu jerġa jiddawwar lura għall-posizzjoni normali tiegħu. It-likwidu tat-test li ma jkunx nixxa lura mis-sistema ta' ventijiet għal ġot-tank għandu jiġi żvujtat u mimli mill-ġdid jekk neċessarju.

It-tank għandu jiddawwar 90o fid-direzzjoni opposta u jitħalla f'din il-pożizzjoni għal mill-anqas ħames minuti.

It-tank għandu jiddawwar 90o oħra fl-istess direzzjoni. Din il-posizzjoni kompletament invertita għandha tinżamm għal mill-anqas ħames minuti. Wara, it-tank għandu jerġa jiddawwar lura għall-posizzjoni normali tiegħu.

6.3. Testijiet addizzjonali għat-tank(ijiet) għal vetturi magħmula minn materjal tal-plastik

6.3.1. Reżistenza għall-impatt

6.3.1.1. It-tank għandu jimtela sal-kapaċità tiegħu b'taħlita ta' ilma bil-glycol jew b'likwidu ieħor li għandu livell baxx ta' ffriżar li ma jbiddilx il-proprjetajiet tal-materjal tat-tank, u għandu mbagħad jiġi soġġett għal test ta' perforazzjoni.

6.3.1.2. Matul dan it-test it-temperatura fit-tank trid tkun ta' 233 K ± 2 K (- 40 °C ± 2 °C).

6.3.1.3. Għal dan it-test għandu jintuża apparat għall-kontroll ta' l-impatt tal-pendlu. Il-korp ta' l-impatt għandu jkun ta' l-azzar u jkollu forma ta' piramida b' faċċati ta' triangolu ekwilaterali u bażi forma ta' kaxxa, bil-quċċata u x-xfar li jiġu arrotonditi għal radju ta' 3mm. Iċ-ċentru ta' perkussjoni tal-pendlu għandu jikkoinċidi mċ-ċentru ta' gravità tal-piramida; id-distanza tiegħu mill-assi ta' rotazzjoni tal-pendlu għandha tkun ta' 1m. Il-massa totali tal-pendlu għandha tkun ta' 15-il kg. L-enerġija tal-pendlu fil-mument ta' l-impatt m'għandhiex tkun anqas minn 30 Nm u kemm jista' jkun viċin għal dak il-valur.

6.3.1.4. It-testijiet għandhom isiru f'dawk il-punti tat-tank li jitiqesu vulnerabbli għal kolliżjonijiet fuq quddiem u fuq wara. Il-punti meqjusa bħala vulnerabbli huma dawk li huma l-aktar esposti jew l-aktar dgħajfa b'qies għall-forma tat-tank jew għall-mod li bih huwa installat fuq il-vettura. Il-punti magħżula mill-laboratorji għandhom jiġu indikati fir-rapport tat-test.

6.3.1.5. Matul it-test, it-tank għandu jinżamm fil-posizzjoni bl-armar fil-ġenb jew fil-ġnub opposti għan-naħa ta' l-impatt. L-ebda ċarċir m'għandu jirriżulta mit-test.

6.3.1.6. Fuq l-għażla tal-fabbrikant, it-testijiet kollha ta' l-impatt jistgħu jitwettqu fuq tank wieħed jew kull wieħed jista' jitwettaq fuq tank differenti.

6.3.2. Saħħa mekkanika

It-tank għandu jiġi kkontrollat taħt il-kondizzjonijiet preskritti fit-Taqsima 6.1 għal ċarċir u għar-riġidità tal-forma. It-tank u l-aċċessorji kollha tiegħu għandhom jiġu mmuntati fuq apparat għat-test b'mod illi jikkorrispondi għall-mod ta' installazzjoni fuq il-vettura li għaliha huwa intiż it-tank. Ilma fi 326 K (53 °C) għandu jintuża bħala l-fluwidu għat-test u għandu jimla t-tank sa fuq. It-tank għandu jkun soġġett għal pressjoni interna relattiva ugwali għad-doppju tal-pressjoni operattiva u fi kwalunkwe każ għal mhux anqas minn 0,3 bar f'temperatura ta' 326 K ± 2 K (53 °C ± 2 °C) għal perjodu ta' ħames sigħat. Matul it-test, it-tank u l-aċċessorji tiegħu m'għandhomx jinqasmu jew iċarċru; madankollu jista' jiġi deformat b'mod permanenti.

6.3.3. Il-permeabilità tal-karburant

6.3.3.1. Il-karburant użat għat-test ta' permeabilità għandu jkun jew il-karburant ta' referenza speċifikat fl-Anness VIII tad-Direttiva 70/220/KEE jew karburant kummerċjali ta' grad premium. Jekk it-tank huwa ddisinjat biss għal installazzjoni fuq vetturi b'magna b'injezzjoni kompressa, it-tank għandu jimtela b'karburant tad-diesel.

6.3.3.2. Qabel it-test, it-tank għandu jimtela sa 50 % tal-kapaċità tiegħu b' karburant għal kontroll u maħżun, mingħajr ma jiġi ssiġillat, f'temperatura ambjentali ta' 313 K ± 2 K (40 °C ± 2 °C) sakemm il-ħin tan-nuqqas tal-piż għal kull unità jsir kostanti.

6.3.3.3. It-tank imbagħad għandu jitbattal u jerġa jimtela sa 50 % tal-kapaċità tiegħu b'karburant tat-test, u wara dan għandu jiġi ssiġillat ermetikament u jinħażen f'temperatura ta' 313 K ± 2 K (40 °C ± 2 °C). Il-pressjoni għandha tiġi aġġustata meta l-kontenut tat-tank ikun laħaq it-temperatura tat-test. Matul il-perjodu segwenti ta' kontroll ta' tmien ġimgħat, in-nuqqas fil-piż minħabba fid-diffużjoni matul il-perjodu tat-test għandu jiġi determinat. It-telf massimu medju permissibbli ta' karburant huwa ta' 20 g għal kull 24 siegħa ta' ħin ta' kontroll.

6.3.3.4. Jekk it-telf minħabba diffużjoni jeċċedi l-valur indikat fit-Taqsima 6.3.3.3, it-test deskritt hemm hekk għandu jerġa' jitwettaq, fuq l-istess tank, sabiex tiġi determinata t-telfa b'diffużjoni fi 296 K ± 2 K (23 °C ± 2 °C), imma xort' oħra taħt l-istess kondizzjonijiet. It-telf hekk imkejjel m'għandux jeċċedi 10 g f'kull 24 siegħa.

6.3.4. Resistenza għal karburant

Wara t-test imsemmi fit-Taqsima 6.3.3, it-tank għandu xorta waħda jissodisfa l-ħtiġiet stabbiliti fit-Taqsimiet 6.3.1 u 6.3.2.

6.3.5. Resistenza għan-nar

It-tank għandu jiġi suġġett għat-testijiet li ġejjin.

6.3.5.1. Għal żewġ minuti it-tank, imwaħħal mal-vettura, għandu jiġi espost għal fjamma. M'għandu jkun hemm ebda ċarċir ta' karburant likwidu mit-tank.

6.3.5.2. Tliet testijiet għandhom isiru fuq tankijiet differenti mimlija bil-karburant kif ġej:

6.3.5.2.1. Jekk it-tank huwa maħsub għal installazzjoni fuq vetturi mgħammra b'magna jew b'injezzjoni pożittiva jew magna b'injezzjoni kompressa, għandhom jitwettqu tliet testijiet b'tankijiet mimlija b'gażolju ta' grad premium;

6.3.5.2.2. Jekk it-tank huwa ddisinjat biss għal installazzjoni fuq vetturi mgħammra b'magna b'injezzjoni kompressa, għandhom jitwettqu tliet testijiet b'tankijiet mimlija bil-karburant tad-diesel;

6.3.5.2.3. Għal kull test it-tank għandu jiġi installat f'apparat ta' kontroll li jissimula kondizzjonijiet attwali ta' installazzjoni sa fejn possibbli. Il-metodu li permezz tiegħu it-tank jitwaħħal ma' l-apparat għandu jikkorrispondi għall-ispeċifikazzjonijiet rilevanti għall-vettura. Il-partijiet tal-vettura li jipproteġu t-tank u l-aċċessorji tiegħu kontra l-esposizzjoni għal fjamma jew li jaffettwaw in-nar bi kwalunkwe mod, kif ukoll komponenti speċifiċi installati fuq it-tank u t-tappijiet, għandhom jiġu kkunsidrati. Il-fetħiet kollha għandhom jingħalqu matul it-test, iżda is-sistema ta' ventijiet għandhom jibqgħu operattivi. Eżatt qabel it-test it-tank għandu jimtela bil-karburant speċifikat sa 50 % tal-kapaċità tiegħu.

6.3.5.3. Il-fjamma li għaliha huwa espost it-tank għandha tiġi ottenuta billi jinħaraq karburant kummerċjali għal magni b'injezzjoni posittiva (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "karburant") f'reċipjent. Il-kwantità ta' karburant imferra fir-reċipjent għandha tkun biżżejjed sabiex il-fjamma, taħt kondizzjonijiet ta' free-burning, tinħaraq matul il-proċedura kollha tat-test.

6.3.5.4. Id-dimensjonijiet tar-reċipjent għandhom jintagħżlu sabiex jassiguraw li l-ġnub tat-tank tal-karburant jiġu esposti għall-fjamma. Għalhekk ir-reċipjent għandu jeċċedi l-projezzjoni orizzontali tat-tank b'mill-anqas 20 ċm, imma b'mhux aktar minn 50 ċm. Il-ġnub tar-reċipjent m'għandhomx joħorġu aktar minn 8 ċm 'l fuq mill-livell tal-karburant fil-bidu tat-test.

6.3.5.5. Ir-reċipjent mimli bil-karburant għandu jitqiegħed taħt it-tank b'tali mod illi d-distanza bejn il-livell tal-karburant fir-reċipjent u l-qiegħ tat-tank jikkorrispondu għall-għoli ddiżinjat tat-tank fuq is-superfiċi tat-triq bil-massa mhux mgħobbija (ara t-Taqsima 2.3) Ir-reċipjent, jew l-apparat tat-testing, jew it-tnejn, għandhom jiġu spustjati liberament.

6.3.5.6. Matul il-fażi Ċ tat-test, ir-reċipjent għandu jkun kopert b'għatu mqiegħed 3 ċm ± 1 ċm 'l fuq mill-livell tal-karburant. L-għatu għandu jkun magħmul minn materjal refrattarju, kif preskritt fl-Appendiċi 2. Ma għandu jkun hemm ebda vojt bejn il-mattonelli u għandhom jiġu appoġġati fuq ir-reċipjent tal-karburant b'tali mod li l-vojt fil-mattunelli ma jiġix ostakolat. It-tul u l-wisa' tal-kwadru għandhom ikunu 2 ċm sa 4 ċm iżgħar mid-dimensjonijiet interni tar-reċipjent sabiex ikun jeżisti spazju ta' 1 ċm sa 2 ċm bejn il-kwadru u l-ġenb tar-reċipjent sabiex titħalla ventilazzjoni.

6.3.5.7. Meta t-test jitwettaq fl-apert, għandha tiġi pprovduta protezzjoni adegwata mir-riħ u l-veloċità tar-riħ fil-livell tar-reċipjent tal-karburant m'għandhiex teċċedi 2,5 km/h. Qabel it-test l-għatu għandu jissaħħan sa 308 K ± 5 K (35 °C ± 5 °C). Il-mattunelli tan-nar jistgħu jixxarbu sabiex jiġi assigurat li jkun hemm l-istess kondizzjonijiet tat-test għal kull test suċċessiv.

6.3.5.8. It-test għandu jinkludi erba' fażijiet (ara l-Appendiċi 1).

6.3.5.8.1. Fażi A: Tisħin minn qabel (figura 1)

Il-karburant fir-reċipjent għandu jinxtegħel f'distanza ta' mill-anqas 3 m mit-tank li jkun qiegħed jiġi kkontrollat. Wara 60 sekonda ta' sħana minn qabel, ir-reċipjent għandu jitqiegħed taħt it-tank.

6.3.5.8.2. Fażi B: Esposizzjoni diretta għall-fjamma (figura 2)

Għal 60 sekonda it-tank għandu jiġi espost għall-fjamma mill-karburant li jinħaraq liberament.

6.3.5.8.3. Fażi Ċ: Esposizzjoni indiretta għall-fjamma (figura 3)

Malli tiġi kkompletata l-fażi B, l-għatu għandu jitqiegħed bejn ir-reċipjent jinħaraq u t-tank. It-tank għandu jiġi espost għal din il-fjamma ridotta għal 60 sekonda oħra.

6.3.5.8.4. Fażi D: It-Tmiem tat-test (figura 4)

Ir-reċipjent jaħraq mgħotti bl-għatu għandu jitressaq lura lejn il-posizzjoni originali tiegħu (fażi A). Jekk, fl-aħħar tat-test, it-tank qiegħed jinħaraq, in-nar għandu jintefa minnufih.

6.3.5.9. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu kkunsidrati soddisfaċenti jekk ebda karburant likwidu ma jkun qiegħed iċarċar mit-tank.

6.3.6. Reżistenza għal temperatura għolja

6.3.6.1. L-apparat użat għat-test għandu jaqbel mal-mod ta' installazzjoni tat-tank fil-vettura, inkluż il-mod li bih jaħdem il-vent tat-tank.

6.3.6.2. It-tank mimli sa 50 % tal-kapaċità tiegħu bl-ilma sa 293 K (20 °C) għandu jkun soġġett għal siegħa għal temperatura ambjentali ta' 368 K ± 2 K (95 °C ± 2 °C).

6.3.6.3. Ir-riżultati tat-test għandhom jiġu kkunsidrati sodisfaċenti jekk, wara t-test, it-tank ma jkunx qiegħed iċarċar jew deformat serjament.

6.3.7. Marki fuq it-tank tal-karburant

6.3.7.1. L-isem kummerċjali jew trade mark għandhom jitwaħħlu mat-tank; għandhom ikunu indelibbli u kjarament leġibbli fuq it-tank meta dan ta' l-aħħar huwa installat fuq il-vettura.

7. EMENDI GĦAL APPROVAZZJONI

7.1. Fil-każ ta' emendi għal approvazzjonijiet mogħtija skond din id-Direttiva, id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 70/156/KEE għandhom japplikaw.

8. KONFORMITÀ TAL-PRODUZZJONI

8.1. Miżuri sabiex tiġi assigurata l-konformità ta' produzzjoni għandhom jittieħdu skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 70/156/KEE.

Appendiċi 1

TEST TAR-REŻISTENZA GĦAN-NAR

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

Appendiċi 2

DIMENSJONIJIET U DATA TEKNIKA TAL-MATTUNELLI TAN-NAR

+++++ TIFF +++++

Fire resistance (Seger-Kegel) | SK 30 |

Al2O3 content | 30 to 33 % |

Open porosity (Po) | 20 to 22 % vol. |

Density | 1900 to 2000 kg/m3 |

Effective holed area | 44,18 % |

Appendiċi 3

+++++ TIFF +++++

Appendiċi 4

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

"

[1] Kif definit fl-Anness II, il-Parti A tad-Direttiva 70/156/KEE.

[2] ĠU L 76, tal-6.4.1970, p. 1.

--------------------------------------------------

Top