Official Journal L 037 , 12/02/2000 P. 0001 - 0002
Pożizzjoni komuni tal-kunsill tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-protokoll propost, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, kontra l-fabbrikazzjoni u traffikar illeċiti fl-armi tan-nar, il-biċċiet u l-komponenti u l-munizzjon tagħhom. (2000/130/JHA) IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u partikolarment l-Artikolu 34(2)(a) tagħha, Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Portugiża, Billi: (1) L-importanza tal-koperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali sabiex ma titħallhiex issir u tiġi kkumbattuta kull forma ta’ kriminalità serja, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ l-armi kif ipprovdut fl-Artikolu 29 tat-Trattat, hija rrikonoxxuta. (2) Saru arranġamenti għall-iżvilupp u negozjati ta’ protokoll, biex jissupplimenta l-Konvenjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata lil hinn mill-fruntieri nazzjonali kontra l-fabbrikazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ l-armi tan-nar, il-biċċiet u l-komponenti u l-ammunizzjon tagħhom. (3) L-Assemblea Generali tan-Nazzjonijiet Uniti ddeċidiet li t-test finali ta’ l-abbozzi tal-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha għandhom jingħataw lilha sabiex jiġu adottati mill-aktar fis qabel il-konferenza għolja ta’ l-iffirmar li ser issir ġewwa Palermo. (4) Numru ta’ strumenti internazzjonali adottati fl-Unjoni u ġewwa fora oħra diġà pprovdew miżuri ta’ adozzjoni sabiex jikkumbattu l-fabbrikazzjoni u t-traffikar illegali ta’ apparat tal-qerda. (5) Azzjoni konġunta ġiet adottata fis-17 ta’ Diċembru 1998 fuq il-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra d-distabbilizzazzjoni akkumulattiva u l-firxa ta’ armi zgħar u armi ħfief [1]. (6) Hu mixtieq li ikun hemm kontribuzzjoni sħiħa kemm jista’ jkun għan-negozjati tal-Protokoll propost u sabiex ma jkunx hemm inkompatibilità mal-Protokoll propost u l-istrumenti li ħejjiet l-Unjoni. (7) Il-Kunsill, fil-Konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Ottubru 1998 talab lill-Presidenza biex tipproponi waħda jew diversi posizzjonijiet konġunti, skond it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea rrelatati ma’ l-abozz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Protokolli tagħha. (8) Qed jittieħed kont tal-Pożizzjoni Konġunta li ġiet adottata mill-Kunsill fid-29 ta’ Marzu 1999 fuq il-Konvenzjoni proposta tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata [2], ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI: Artikolu 1 Fin-negozjati fuq l-abbozz tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-fabbrikazzjoni u t-traffikar illeċiti fl-armi, il-biċċiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom, l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom jappoġġjaw id-definizzjoni ta’ arma tan-nar ibbażata fuq il-kunċett ta’ arma bil-kanna letali li tispara, imfassla biex tispara, jew li tista’ faċilment tinbidel biex tispara xi sparatura, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ xi splussiv, imma qed jitħallew barra armi antiki jew mudelli tagħhom. F’dak il-kuntest it-tifsira ta’ arma antika għandha tiġi trattata taħt il-liġijiet domestici imma ma għandhiex tinkludi xi arma tan-nar maħduma wara l-1870. Artikolu 2 Għall-għanijiet ta’ l-abbozz tal-Protokoll, armi ta’ splużjoni, bħal bombi, granati, rokits, jew missili, ma għandhomx jitqiesu bħala armi tan-nar. Madankollu, għandha ssir disposizzjoni fit-test biex il-fabbrikazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ dawn l-armi jkun kriminalizzat. Artikolu 3 1. L-Istati Membri jaqblu li aktar konsiderazzjoni ta’ kwalunkwe kwistjoni rigward il-fabbrikazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ splussivi minn kriminali u l-użu tagħhom għall-għanijiet kriminali għandha tistenna r-riżultat ta’ l-istudju li sar mill-grupp ta’ esperti ad hoc identifikat fir-Riżoluzzjoni E/1999/30 ta’ l-Assemblea Generali tan-Nazzjonijiet Uniti u possibbilment l-elaborazzjoni ta’ strument internazzjonali fuq il-fabbrikazzjoni u t-traffikar illeċiti ta’ l-isplussivi mill-Kumitat ad hoc kontra l-kriminalità organizzata lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. 2. L-Istati Membri għandhom jappoġġjaw ix-xogħol tal-grupp espert ad hoc tan-Nazzjonijiet Uniti u għandhom ifittxu biex jassiguraw li l-attivitajiet tiegħu jitlestew kemm jista’ jkun malajr. Artikolu 4 Il-Kunsill għandu jagħmel kull sforz biex jikseb aktar Posizzjonijiet Komuni, kif meħtieġ, b’relazzjoni għall-abbozz tal-Protokoll. Magħmula fi Brussell, fil-31 ta’ Jannar 2000. Għall-Kunsill Il-President J. Pina Moura [1] ĠU L 9, tal-15.1.199, pġ. 1. [2] ĠU L 87, tal-31.3.1999, pġ. 1. --------------------------------------------------