31998L0101



Official Journal L 001 , 05/01/1999 P. 0001 - 0002


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 98/101/KE

tat-22 ta' Diċembru 1998

li tadatta għal progress tekniku d-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE fuq batteriji u akkumulaturi li jkun fihom ċerti sustanzi perikolużi

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE tat-18 ta' Marzu 1991 fuq batteriji u akkumulaturi li jkun fihom ċerti sustanzi [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Billi fil-qafas ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, b'mod partikolari fl-Artikoli 69 u 112, huwa previst li matul perjodu ta' erba' snin mid-data ta' l-adeżjoni d-dispożizzjonijiet dwar il-batteriji li jkun fihom il-merkurju msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/157/KEE għandhom ikunu riveduti skond il-proċeduri tal-KE;

Billi, biex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni ambjentali, it-tqegħid fis-suq ta' ċerti batteriji għandu jkun ipprojbit, minħabba l-ammont ta' merkurju li jkun fihom; billi dik il-projbizzjoni, biex tikseb l-effett sħiħ tagħha għall-ambjent, għandha tkopri apparati li batteriji u akkumulaturi simili jkunu inkorporati fihom; billi din il-projbizzjoni jista' jkollha impatt pożittiv fil-faċilitar ta' l-irkuprar tal-batteriji;

Billi l-iżvilupp tekniku ta' batteriji alternattivi ħielsa minn metall peżanti għandu jittieħed f'konsiderazzjoni;

Billi d-Direttiva 91/157/KEE għandha tkun adattata skond dan;

Billi l-miżuri li hemm provduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni espressa mill-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 18 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 fuq l-iskart [2], kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/350/KE [3],

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 91/157/KEE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 3(1) huwa mibdul b'dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu, mill-1 ta' Jannar 2000 l-aktar tard, it-tqegħid fis-suq ta' batteriji u akkumulaturi, li jkun fihom aktar minn 0,0005 % ta' merkurju bil-piż, inklużi dawk il-każi fejn dawn il-batteriji u akkumulaturi jkunu inkorporati ġewwa apparati. Ċelluli buttuni u batteriji magħmulin minn ċelluli buttuni b'kontenut ta' merkurju ta' mhux aktar minn 2 % bil-piż għandhom ikunu eżenti minn din il-projbizzjoni.";

2. L-Anness 1 huwa mibdul bit-test fl-Anness ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, qabel l-1 ta' Jannar 2000, id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-referenza għandha ssir.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 1998.

Għall-Kummissjoni

Ritt Bjerregaard

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 38.

[2] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 47.

[3] ĠU L 135, tas-6.6.1996, p. 32.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS I

Il-batteriji u akkumulaturi li ġejjin huma koperti minn din id-Direttiva:

1. Batteriji u akkumulaturi mqiegħda fis-suq mill-1 ta' Jannar 1999 li fihom aktar minn 0,0005 % ta' merkurju bil-piż.

2. Batteriji u akkumulaturi mqiegħda fis-suq mit-18 ta' Settembru 1992 u li fihom:

- aktar minn 25 mg ta' merkurju għal kull ċellula, minbarra batteriji ta' l-alkaline manganese,

- aktar minn 0,025 % ta' cadmium bil-piż,

- aktar minn 0,4 % ta' ċomb bil-piż.

3. Batteriji ta' l-alkaline manganese li jkun fihom aktar minn 0,025 % ta' merkurju bil-piż imqiegħda fis-suq mit-18 ta' Settembru 1992.

"

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet