31997L0042



Official Journal L 179 , 08/07/1997 P. 0004 - 0006


Id-direttiva tal-kunsill 97/42/KE

tas-27 ta' Ġunju 1997

li temenda għall-ewwel darba d-Direttiva 90/394/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożizzjoni għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fis-sens ta' l-Aritikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati ma' l-espożizzjoni għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol (is-Sitt Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [1], u b'mod partikulari l-Artikolu 16 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2], imfassla wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-post tax-xogħol,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [4],

(1) Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi illi l-Kunsill għandu jaddotta, permezz ta' direttivi, ħtiġijiet minimi li jinkoraġġixxu titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, biex jiġi żgurat livell aħjar ta' protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema;

(2) Billi, skond it-termini ta' dak l-Artikolu, dawn id-direttivi għandhom jevitaw li jimponu limiti amministrattivi, finanzjarji u legali b'tali mod li kien iżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

(3) Billi d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/325/KEE ta' l-1 ta' Marzu ta' l-1991 li tadatta għall-progress tekniku għat-tnax-il darba d-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-klassifika, l-ippakkettjar u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi [5] tintroduċi fl-Anness III frazijiet ta' riskji ġodda li jindikaw ir-riskji għas-saħħa li jirriżultaw minn espożizzjoni fit-tul u r-riskju ta' kanċer permezz ta' ġbid għal ġol-pulmuni:

(4) Billi f'kull sitwazzjoni tax-xogħol il-ħaddiema għandhom jiġu protetti fejn għandhom x'jaqsmu preparati li jikkontjenu karċinoġenu wieħed jew iktar u minn preparazzjonijiet karċinoġeniċi li jistgħu jiltaqgħu magħhom fuq il-post tax-xogħol;

(5) Billi, għal xi aġenti huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-mezzi kollha ta' assorbiment, inkluża l-possibilità ta' penetrazzjoni mill-ġilda, sabiex ikun żgurat l-aħjar livell possibbli ta' protezzjoni;

(6) Billi l-kliem tal-punt 2 ta' l-Anness I mad-Direttiva 90/394/KEE li għandha x'taqsam ma idrokarburi aromatiċi poliċikliki qajjem problemi ta' intepretazzjoni f'ħafna Stati Membri; billi, għalhekk hemm bżonn ta' formulazzjoni ta' kelma ġdida u aktar preċiża;

(7) Billi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/394/KEE jipprovdi għall-istabbiliment ta' limiti ta' espożizzjoni fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli, li tinkludi informazzjoni teknika u xjentifika, rigward dawk il-karċinoġeni kollha li għalihom dan huwa possibbli;

(8) Billi l-limiti ta' l-espożizzjoni fuq il-post tax-xogħol għandhom jitqiesu bħala parti importanti mill-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema; billi dawn il-valuri limiti għandhom jiġu riveduti kull meta dan isir neċessarju fid-dawl ta' informazzjoni xjentifika iktar riċenti;

(9) Billi l-benżina hija karċinoġenu preżenti f'ħafna postijiet tax-xogħol; billi, għalhekk, numru kbir ta' ħaddiema huma esposti għal riskju potenzjali għas-saħħa; billi, għalkemm it-tagħrif kurrenti xjentifiku mhuwiex tali li jista' jiġi stabbilit livell li taħtu r-riskji għas-saħħa jispiċċaw, madanakollu tnaqqis fl-esposizzjoni għall-benżina jnaqqas dawn ir-riskji;

(10) Billi r-rispett tal-ħtiġijiet minimi għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minn riskji speċifiċi relatati ma' karċinoġeni jimmira mhux biss biex jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta' kull ħaddiem individwali imma wkoll biex jipprovdi livell ta' protezzjoni minimu għall-ħaddiema kollha fil-Komunità;

(11) Billi livell konsistenti ta' protezzjoni kontra riskji relatati ma' karċinoġeni għandu jkun stabbilit għal Komunità kollha kemm hi u billi dak il-livell ta' protezzjoni għandu jiġi stabbilit mhux bi ħtiġijiet preskrittivi dettaljati imma permezz ta' qafas ta' prinċipji ġenerali sabiex Stati Membri jkunu jistgħu japplikaw il-bżonnijiet minimi konsistentement;

(12) Billi din l-emenda tikkostitwixxi aspett prattiku għall-ħolqien tad-dimensjoni socjali tas-suq intern;

(13) Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [6], il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol għandu jiġi kkonsultat mill-Kommissjoni bl-għan li jiġu elaborati proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 90/394/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 1, il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

"4. Meta għandu x'jaqsam l-asbestos u monomers tal-klorur tal-vinyl, li jaqgħu taħt Direttivi speċifiċi, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw meta huma aktar favorabbli għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.";

2. L-Artikolu 2 għandu jiġi ssostitwit b'dan li ġej:

"L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva,

(a) "karċinoġenu"; ifisser:

(i) sostanza li tilħaq il-kriterji ta' klassifika bħala parti minn kategorija 1 jew 2 tal-karċinogeni kif stabbiliti fl-Anness VI tad-Direttiva 67/548/KEE;

(ii) preparat kompost minn sostanza waħda jew aktar imsemmija f'punt (i) meta l-konċentrazzjoni ta' sostanza individwali waħda jew iktar tilħaq il-livelli minimi ta' konċentrazzjoni għall-klassifika tal-preparat bħala kategorija 1 jew 2 tal-karċinoġeni stabbiliti jew:

- fl-Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE, jew

- fl-Anness I tad-Direttiva 88/379/KEE meta s-sustanza jew is-sustanzi ma jidhrux fl-Anness I tad-Direttiva 67/548/KEE jew jidhru fiha mingħajr limiti ta' konċentrazzjoni;

(iii) sustanza, preparat jew proċess imsemmi fl-Anness I kif ukoll bħala sustanza jew preparat li jirriżulta minn proċess imsemmi fl-Anness I;

(b) "limitu"; ifisser, kemm-il darba mhux speċifikat mod ieħor, il-limitu ta' medja skond il-ħin tal-konċentrazzjoni għal "karċinoġenu"; fl-arja fiż-żona tan-nifs tal-ħaddiem relatat ma' perijodu ta' referenza speċifikat kif stabbilit fl-Anness III.";

3. L-Artikolu 3(3) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"3. Barra minn hekk, meta ssir stima tar-riskju, għandu jittieħed kont tar-rotot kollha l-oħrajn ta' espożizzjoni, bħall-assorbiment fil- u/jew mill-ġilda".

4. fl-Artikolu 5, il-paragrafu li ġej għandu jiġi inserit wara l-paragrafu 3:

"4. L-espożizzjoni m'għandhiex taqbeż il-limitu ta' karċinoġenu kif stabbilit fl-Anness III".

Il-paragrafu 4 ta' qabel għandu jsir il-paragrafu 5.

5. il-punt 2 tal-Anness I għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"2. Il-post tax-xogħol li jinvolvi espożizzjoni għall-idrokarboni poliċikliċi aromatiċi preżenti fil-ġmied tal- faħam, fil-qatran tal-faħam jew fiż-żift tal-faħam".

6. Il-Parti A ta' l-Anness III għandha tiġi ssostitwita b'dan li ġej:

"A. LIMITI TA' ESPOŻIZZJONI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL

Isem l-aġent | IESKE | CAS | Valuri limiti | Notament | Miżuri tranżitorji |

mg/m3 | ppm |

Benzina | 200–753–7 | 71–43–2 | 3,25 | 1 | Ġilda | Limiti: 3 ppm (= 9,75 mg/m3) sa tliet snin wara d-data fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/42/KE" |

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel is-27 ta' Ġunju 2000. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-27 ta' Ġunju 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Melkert

[1] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1.

[2] ĠU C 317, tat-28.11.1995, p. 16.

[3] ĠU C 97, ta' l-1.4.1996, p. 25.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-20 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 198, tat-8.7.1996, p. 182), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU C 6, tad-9.1.1997, p. 15) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' April 1997 (ĠU C 132, tat-28.4.1997).

[5] ĠU L 180, tat-8.7.1991, p. 1.

[6] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15. Id-Deciżjoni kif l-aħħar emendata mill-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet