31997F0396



Official Journal L 167 , 25/06/1997 P. 0001 - 0003


Azzjoni konġunta

tas-16 ta' Ġunju 1997

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K 3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-iskambju ta' informazzjoni, l-istima tar-riskju u l-kontroll ta' droga sintetika ġdida

(97/396/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Tratta dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu K.3 (2) (b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva ta' l-Olanda,

WAQT LI JINNOTA li l-Kunsill Ewropew ta' Dublin laqa' bil-ferħ ir-rapport dwar progress tad-droga tat-13 u l-14 ta' Diċembru 1996, u kkonferma l-azzjoni proposta f'dak ir-rapport, inkluża l-azzjoni proposta biex tiġi ffaċċata l-problema tad-droga sintetika fi tlett livelli, jiġifieri, permezz ta' leġislazzjoni, koperazzjoni prattika kontra l-produzzjoni u t-traffikar u koperazzjoni internazzjonali,

WAQT LI JIRREFERI għall-azzjoni konġunta 96/750/JHA tas-17 ta' Diċembru 1996, adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattika ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra l-vizzju tad-droga u biex jipprevjeni u jiġġieled kontra t-traffikar illegali tad-droga [1],

WAQT LI JIRREFERI b'mod partikolari għall-Artikolu 5 ta' l-imsemmija Azzjoni Konġunta, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jagħmlu minn kollox biex jabbozzaw leġislazzjoni konverġenti sal-limitu meħtieġ biex jagħmel tajjeb għall-bażi legali jew biex jomla vojt legali fir-rigward tad-droga sintetika. B'mod partikolari huma għandhom jippromwovu l-istabbiliment ta' sistema rapida ta' informazzjoni li tippermetti li dik id-droga tiġi identifikata bħala sustanza li tista' tiġi projbita malli tidher x'imkien fi Stat Membru,

WAQT LI JIKKUNSIDRA li l-perikoli partikolari inerenti fl-iżvilupp tad-droga sintetika jeħtieġu azzjoni rapida mill-Istati Membri.

WAQT LI JIKKUNSIDRA meta droga sintetika ġdida ma tinġiebx fil-kamp ta' l-applikazzjoni tal-liġi kriminali ta' l-Istati Membri kollha, jistgħu jinħolqu problemi fil-koperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri minħabba l-fatt li l-offiża jew offiżi in kwistjoni m'humiex punibbli tal-liġijiet kemm ta' l-l-Istat li jitlob u dak li jiġi mitlub,

WAQT LI JIKKUNSIDRA li minn inventarju mħejji mill-adozzjoni ta' l-imsemmija Azzjoni Konġunta jista' jiġi konkluż li droga sintetika ġdida dehret fl-Istati Membri,

WAQT LI JIKKUNSIDRA li azzjoni komuni tista' tittieħed bis fuq il-bażi ta' informazzjoni ta' min jorbot fuqha dwar l-emerġenza ta' droga sintetika ġdida u r-riżultati ta' l-istima esperta tar-riskji kawżati mill-użu tad-droga sintetika ġdida u l-implikazzjonijiet li dik id-droga tintbagħat taħt kontroll,

WAQT LI JIKKUNSIDRA li huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf mekkaniżmu komuni li jippermetti azzjoni ta' malajr, fit-teħid tal-miżuri meħtieġa jew l-introduzzjoni ta' kontrolli fuq droga sintetika ġdida, fuq il-bażi ta' skambju rapidu ta' informazzjoni dwar droga sintetika ġdida li toħroġ fl-Istati Membri u l-istima komuni tar-riskji tagħha,

MINGĦAJR PREĠUDIZZJU għas-setgħat tal-Komunità Ewropea,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Għan

Din l-Azzjoni Konġunta timmira lejn il-ħolqien ta' mekkaniżmu għall-iskambju rapidu ta' informazzjoni dwar droga sintetika ġdida u l-istima tar-riskju tagħha sabiex jippermetti l-applikazzjoni tal-miżuri ta'kontroll fuq sustanzi psikopatiċi, applikabbli fl-Istati Membri, ugwalment għad-droga sintetika ġdida. Dan il-mekkaniżmu għandu jkun implimentat konġuntement skond il-proċeduri stabbiliti hawn taħt.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta tikkonċerna droga sintetika ġdida li fil-preżent mhijiex elenkata f'xi waħda mill-Iskedi li jinsabu mal-Konvenzjoni ta' l-1971 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikopatiċi, u li toħloq theddida komparabbli għas-saħħa pubblika daqs is-sustanzi elenkati fl-Iskedi I jew II hemm mehmusa u li għandhom valur terapewtiku limitat. Hija tirrelata għall-prodotti finali, kif distinta minn prekursuri li fir-rigward tagħhom ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3677/90 tat-13 ta' Diċembru 1990 li jipprovdi l-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiskoraġġixxu id-diversjoni ta' ċerti sustanzi għall-manifattura lleċita ta' droga narkotika u sustanzi psikopatiċi [2] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/109/KEE ta' l-14 ta' Diċembru 1992 dwar il-manifattura u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti sustanzi wżati fil-manifattura lleċita ta' droga narkotika u sustanzi psikopatiċi [3] jipprovdu għal reġim tal-Komunità.

Artikolu 3

Skambju ta' informazzjoni

1. Kull Stat Membru għandu jassigura li l-Unità Nazzjonali tiegħu ta' l-Europol u r-rappreżentant tagħha fir-retrikolat Reitox jipprovdu informazzjoni dwar il-produzzjoni, traffikar u użu ta' droga sintetika ġdida lill-Unità Europol tad-Droga (EDU) taċ-Ċentri Ewropew ta' Monitoraġġ għad-Droga u l-Vizzju tad-Droga (EMCDDA), waqt li jingħata kont tal-mandati differenti taż-żewġ korpi. L-EDU u l-EMCDDA għandhom jiġbru l-informazzjoni li jirċievu u jikkomunikaw din l-informazzjoni kif jixraq minnufih lil xulxin u lill-Unitajiet Nazzjonali Europol u r-rappreżentanti tar-retikolat Reitox ta' l-Istati Membri, lill-Kummisjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni ta' Prodotti Mediċinali.

2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) - deskrizzjoni kimika u fiżika, inkluż l-isem li taħtu d-droga sintetika ġida hija magħrufa,

- informazzjoni dwar il-frekwenza, ċirkostanzi u/jew kwalitajiet li fihom wieħed jiltaqa' ma' droga sintetika,

- l-ewwel indikazzjoni tar-riskji possibbli assoċjati mad-droga sintetika ġdida,

u, sa fejn hu possibbli:

(b) - informazzjoni dwar il-perkursuri kimiċi,

- informazzjoni dwar il-mod u l-iskop ta' l-użu stabbilit jew mistenni tad-droga sintetika ġdida bħala sustanza psikopatika,

- informazzjoni dwar użu ieħor tad-droga sintetika ġdida u l-limitu ta' dak l-użu,

- aktar informazzjoni dwar ir-riskji ta' l-użu tad-droga sintetika ġdida, inklużi r-riskji għas-saħħa u dawk soċjali.

Artikolu 4

Stima tar-riskju

1. Fuq it-talba ta' wieħed mill-Istati Membri jew tal-Kummissjoni, l-EMCDDA għandha tlaqqa' laqgħa speċjali taħt l-awspiċi tal-Kumitat Xjentifiku imkabbra b'esperti nominati mill-Istati Membri u li għaliha r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-EDU u l-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni ta' Prodotti Mediċinali għandhom ikunu mistiedna.

Dan il-Kumitat għandu jistma r-riskji possibbli, inklużi r-riskji tas-saħħa u dawk soċjali, kawżati mill-użu ta', u t-traffikar fi, droga sintetika ġdida, u l-konsegwenzi possibbli ta' projbizzjoni.

2. L-istima tar-riskju għandha titwettaq fuq il-bażi ta' l-informazzjoni provduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-EMCDDA, l-EDU ta' l-Aġenzija Ewropea għall-Evalwazzjoni ta' Prodotti Mediċinali u waqt li jingħata kont tal-fatturi kollha li, skond il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1971 dwar Sustanzi Psikopatiċi, tiġġustifika t-tqegħid ta' sustanza taħt kontroll internazzjonali.

3. Malli titħejja l-istima tar-riskju, għandu jitħejja rapport dwar is-sejbiet. Fir-rapport l-aspetti kollha għandhom jiġu ndirizzati. L-opinjonijiet kollha dwar dawn l-aspetti għandhom ikunu riflessi fir-rapport.

Artikolu 5

Proċedura biex droga speċifika sintetika ġdida tinġieb taħt kontroll

1. Il-Kunsill jista', fuq il-bażi ta' inizjattiva li għandha tiġi presentata fi żmien xahar mid-data li fiha r-rapport tar-riżultati dwar l-istima tar-riskju skond l-Artikolu 4(1) jiġi stabbilit u waqt li jaġixxi skond l-Artikolu K.3 (2) (b) tat-Trattat, jadotta unimament deċiżjoni li tiddefinixxi d-droga sintetika ġdida jew drogi li għandhom jintgħamlu suġġetti għall-miżuri meħtiġa ta' kontroll.

Jekk il-Kummissjoni tqis li ma jkunx meħtieġ li tiġi presentata inizjattiva biex id-droga sintetika ġdida jew drogi jintbagħtu għal miżuri ta' kontroll, hija għandha tippresenta rapport lill-Kunsill u tispjega l-idejat tagħha.

L-Istati Membri jintrabtu, skond id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill, skond dak id-dewmien hekk kif id-deċiżjoni tista' tispeċifika, li jieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-liġi nazzjonali tagħhom biex jibgħatu din id-droga ġdida sintetika għal miżuri ta' kontroill u penalitajiet kriminali kif provdut taħt il-leġislazzjoni tagħhom u jikkonformaw ma' l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1971 dwar Sustanzi Psikopatiċi fir-rigward tas-sustanzi elenkati fl-Iskedi I u II hemm mehmusa.

2. Ebda ħaġa f'din l-Azzjoni Konġunta m'għandha tipprevjeni Stat Membru milli jsostni jew jintroduċi fit-territorju tiegħu kull miżuri nazzjonali ta' kontroll li jqis adattati malli droga sintetika ġdida tkun ġiet identifikata minn Stat Membru.

3. Il-Presidenza għandha kull sena tibgħat rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill fuq il-bażi tal-paragrafu 1.

Artikolu 6

Pubblikazzjoni u dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Hija għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-16 ta' Ġunju 1997.

Għall-Kunsill

Il-President

H. Van Mierlo

[1] ĠU Nru. L 342, tal-31.12.1996, p. 6.

[2] ĠU Nru. L 357, ta' l-20.12.1990, p. 1. Regolament emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru. 3769/92 (ĠU Nru. L 383, tad-29.12.1992, p. 17).

[3] ĠU Nru. L 370, tad-19.12.1992, p. 76. Direttiva emendata mid-Direttiva 93/46/KEE (U Nru. L 159, ta' l-1.07.1993, p. 134).

--------------------------------------------------