31996R1257


Titolu u referenza

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja

 ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 11 Volume 24 P. 183 - 188
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 11 Volume 13 P. 160 - 165
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 11 Volume 13 P. 160 - 165

 DA  DE  EL  EN  ES  FI  FR  IT  NL  PT  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html html html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96

tal-20 Ġunju 1996

rigward l-għajnuna umanitarja

IL-KUNSILL TA’L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 130w tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Waqt li kien jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189c tat-Trattat [2],

Billi nies li jkunu fil-għawġ, il-vittmi ta’ diżastri naturali, gwerer u taqtigħat, jew ċirkostanzi eċċezzjonali oħra simili għandhom id-dritt għall-għajnuna umanitarja internazzjonali fejn l-awtoritajiet tagħhom ikunu jidhru li m’humiex kapaċi li jipprovdu s-solliev effettiv;

Billi ħidmiet ċivili għall-protezzjoni tal-vittmi tal-ġlied jew ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali oħra simili huma ggwidati mil-liġi umanitarja internazzjonali u għalhekk għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mill-azzjoni umanitarja;

Billi l-għajnuna umanitarja tħaddan fiha mhux biss ħidmiet ta’ solliev biex tiġi mħarsa u ppreservata l-ħajja fl-emerġenzi jew f’dak li jiġi immedjatament warajhom, iżda wkoll l-azzjoni li l-iskop tagħha jkun li tiffaċilita u tiftaħ triq ħielsa għall-vittmi u l-provista bla ebda xkiel ta’ għajnuna ta’ din ix-xorta;

Billi l-għajnuna umanitarja tista’ tkun il-pre-rekwiżit għall-iżvilupp u r-rikostruzzjoni u għalhekk trid tibqa’ sejra għal matul iż-żmien kollu li ddum il-kriżi u għaż-żmien ta’ wara; billi, f’dan il-kuntest, tista’ tkun tinkludi element ta’ rijabilitazzjoni fil-qosor immirata biex tiffaċilita l-wasla tas-solliev, biex tevita li l-impatt tal-kriżi jmur għall-agħar u biex tibda tgħin lil dawk li jkunu ġew affetwati biex jilħqu l-livell minimu ta’ awto-suffiċjenza;

Billi ħemm ħtieġa partikolari għal azzjoni preventiva biex tiżgura t-tħejjija kontra riskji ta’ diżastri u, minhabba f’hekk, għat-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija kmieni kemm jista’ jkun u ta’ interventi f’waqthom;

Billi l-effettività u l-konsistenza tal-Komunità, tas-sistemi ta’ prevenzjoni u interventi nazzjonali u internazzjonali mwaqqfa biex ilaħħqu mal-bżonnijiet li jqumu minn diżastri naturali jew maħluqa mill-bniedem jew ċirkostanzi eċċezzjonali simili għandhom għalhekk jiġu assigurati u msaħħa;

Billi l-għajnuna umanitarja, li l-uniku skop tagħha huwa dak li tevita jew ittaffi t-tbatija tal-bniedem, tingħata lill-vitmi mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ razza, grupp etniku, reliġjon, sess, età, nazzjonalita jew affiljazzjoni politika u m’għandhiex tkun iggwidata minn, jew soġġetta għal, konsiderazzjonijiet politiċi;

Billi d-deċiżjonijiet għall-għajnuna umanitarja għandhom jittieħdu bl-imparzjalità u biss skond il-ħtiġijiet u l-interesssi tal-vittmi;

Billi l-kordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni kemm fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq il-post jikkostitiwixxu s-sisien għal azzjoni umanitarja effettiva mill-Komunità;

Billi l-Komunità, bħala parti mill-kontribut tagħha għall-effettività ta’ l-għajnuna umanitarja internazzjonali, għandha tħabrek biex tikkoopera u tikkoordina l-azzjoni tagħha ma dik ta’ pajjiżi terzi;

Billi, għall-kisba ta’ dak l-istess għan, għandhom jiġu stabbiliti kriterji għall-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-aġenziji u organizzazzjonijiet internazzjonali li jispeċjalizzaw fil-qasam ta’ l-għajnuna umanitarja;

Billi l-indipendenza u l-imparzjalità ta’l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-istituzzjonijiet umanitarji l-oħra fl-implimentazzjoni ta’l-għajnuna umanitarja għandhom jiġi preservati, rispettati u mħeġġa;

Billi l-koperazzjoni fl-isfera umanitarja għandha titħeġġeġ bejn organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-Istati Membri u pajjiżi oħra żviluppati u l-ekwivalenti tagħhom fil-pajjiżi terzi konċernati;

Bili l-istess natura ta’ l-għajnuna umanitarja teħtieġ it-twaqqif ta’ proċeduri effiċjenti, flessibbli, trasparenti u, fejn ikun meħtieġ, ħfief fit-teħid ta’ deċiżjonijiet favur il-finanzjament ta’ ħidmiet u proġetti;

Billi għandhom jitwaqqfu proċeduri għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja finanzjata mill-estimi ġenerali tal-Komunità Ewropea, bl-għajnuna ta’ l-emerġenza taħt ir-Raba’ Konvenzjoni ta’ l-ACP-EC iffirmata f’Lomé fil-15 Diċembru 1989, emendata bil-Ftehim li jemenda l-imsemmija Konvenzjoni, iffirmat fil-Mauritius fl-4 ta’ Novembru 1995 u li tibqa’ suġġetta għall-proċeduri u l-arranġamenti stabbiliti b’dik il-Konvenzjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Il-KAPITOLU I

L-GĦANIJIET U L-PRINĊIPJI ĠENERALI TA’L-GĦAJNUNA UMANITARJA

Artikolu 1

L-għajnuna umanitarja tal-Komunità għandu jkollha fiha ħidmiet ta’ assistenza, solliev u protezzjoni fuq bażi mhux diskriminatorja li tgħin lil nies ta’ pajjiżi terzi, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli fosthom, u bħala prijorità lil dawk f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-vittmi ta’ diżastri naturali, kriżijiet maħluqa mill-bniedem, bħal ma huma gwerer u ġlied, jew sitwazzjonijiet jew ċirkostanzi eċċezzjonali simili għal diżastri naturali jew dawk maħluqa mill-bniedem. Din għandha tagħmel hekk sakemm ikun hemm bżonn biex jintlaqgħu l-ħtiġijiet umanitarji li jirriżultaw minn dawn id-diversi sitwazzjonijiet.

Għajnuna ta’ din ix-xorta għandha tħaddan fiha ħidmiet għat-tħejjia kontra r-riskji jew għall-prevenzjoni ta’ diżastri jew ċirkostanzi eċċezzjoanli simili.

Artikolu 2

L-għanijiet prinċipali ta’ ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 1 għandhom ikunu:

(a) li tħares u tippreserva l-ħajja waqt l-emerġenzi u dak li jiġri immedjatament wara u d-diżastri naturali li jkunu kkawżaw telf kbir ta’ ħajja, sofferenza fiżika u u psikoloġika jew soċjali jew ħsara materjali;

(b) li tipprovdi l-għajnuna u s-solliev meħtieġ lin-nies li jkunu affetwati minn kriżijiet aktar fit-tul li jkunu ġejjin b’mod partikolari minn każi meta jfaqqa’ l-ġlied jew mill-gwerer, li jġibu l-istess effetti bħal dawk deskritti fis-sub-paragrafu (a), speċjalment fejn il-gvernjiet tagħhom juru ruħuhom inkapaċi li jgħinu jew fejn ikun hemm vojt fil-poter;

(ċ) li tiffaċilita l-finanzjament tat-trasport ta’ l-għajnuna u ta’ l-isforzi biex jiġi żgurat li dawn ikunu aċċessibbli għal dawk li għalihom ikunu intenzjonati, bil-mezzi loġistiċi kollha aċċessibbli, u billi tipproteġi l-oġġetti u l-impjegati umanitarji, iżda b’esklużjoni ta’ ħidmiet li l-implikazzjonijiet tagħhom ikunu dawk ta’ difiża;

(d) li twettaq għal żmien mhux fit-tul ix-xogħol ta’ rijabilitazzjoni u rikostruzzjoni, speċjalment fl-infrastruttura u tagħmir, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ strutturi lokali, bil-għan li jiġi faċilitat l-għoti tas-solliev, filwaqt li jiġi evitat li l-impatt tal-kriżi jmur għall-agħar u billi tibda tgħin lil dawk milquta biex jiksbu l-anqas livell ta’ awto-suffiċjenza, filwaqt li tqis, fejn ikun possibli, il-miri ta’ żvilupp fit-tul;

(e) li tlaħħaq mal-konsegwenzi tal-movimenti tal-popolazzjoni (rifuġjati, nies spustjati u nies li qed jerġgħu lura) kawżati minn diżastri naturali jew maħluqa mill-bniedem u li twettaq skemi ta’ għajnuna għar-ripatrijazzjoni lejn il-pajjiż ta’ l-oriġni u l-issetiljar hemmhekk mill-ġdid meta l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim internazzjonali kurrenti jidħlu fis-seħħ;

(f) li tiżgura t-tħejjija kontra r-riskji ta’ diżastri naturali jew ċirkostanzi eċċezzjonali simili u li tuża sistemi xierqa ta’ twissija minn kmieni kif ukoll ta’ inteventi;

(g) li tappoġġa ħidmiet ċivili għall-protezzjoni tal-vittmi tal-ġlied u ta’ emerġenzi simili, skond il-ftehim internazzjonali kurrenti.

Artikolu 3

L-għajnuna Komunitarja msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 jistgħu jiġu użati biex jiffinanzjaw ix-xiri u t-trasport ta’ kull prodott jew tagħmir meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ ħidmiet umanitarji, inkluża l-kostruzzjoni ta’ djar jew kenn għall-vittmi, l-ispejjez assoċjati ma’ l-impjegati ta’ fuq barra, kemm dawk barranin kif ukoll dawk lokali, li jkunu ġew imqabbda fuq dawn l-ħidmiet, il-ħażna, it-trasport nazzjonali u intenazzjonali, il-loġistika u t-tqassim tas-solliev u kwalunkwe azzjoni immirata għall-iffaċilitar u għall-ftuħ ta’ passaġġ ħieles għall-għajnuna lil dawk li jkunu qed jirċevuha.

Din tista’ wkoll tintuża biex tiffinanzja kull neqfa oħra relatata direttament ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-ħidmiet umanitarji.

Artikolu 4

Għajnuna Komunitarja ta’ din ix-xorta msemmija fl-Artikoli 1 u 2 tista’ tiġi użata wkoll biex tiffinanzja:

- studji ta’ tħejjija u fattibilità ta’ l-ħidmiet umanitarji u l-valutazzjoni ta’ proġetti u pjanijiet umanitarji, -

- ħidmiet ta’ sorveljanza ta’ proġetti u pjanijiet umanitarji,

- skemi ta’ taħriġ fuq skala żgħira u studji ġenerali fil-qasam tal-ħidmiet unmanitarji, li għandhom jonqsu bil-mod il-mod meta l-finanzjament ikun sa jieħu bosta snin,

- l-ispiża biex tiġi enfasizzata n-natura Komunitarja ta’ l-għajnuna,

- il-kuxjenza pubblika u l-kampanji ta’ tagħrif immirati biex jiżdied l-għarfien dwar kwistjonijiet umanitarji, speċjalment fl-Ewropa u f’pajjiżi terzi fejn il-Komunità qed tħallas għal ħidmiet umanitarji kbar,

- il-miżuri li jsaħħu l-kordnazzjoni Komunitarja ma’ l-Istati Membri, pajjiżi donaturi oħra, organizzazzjonijet u istituzzjonijiet umanitarji internazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governativi u organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom,

- l-għajnuna teknika meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-proġetti umanitarji, inkluż l-iskambju tal-ħila teknika u l-esperjenza mill-organizzazzjonijiet umanitarji Ewropej u l-aġenziji jew bejn korpi simili u dawk tal-pajjiżi terzi,

- l-ħidmiet tat-tneħħija ta’ mini esplossivi, inklużi l-kampanji biex tiżdied il-kuxjenza kontra l-użu ta’ mini esplossivi kontra l-persunal min-naħa tal-popolazzjoni lokali.

Artikolu 5

Il-finanzjament Komunitarju taħt dan ir-Regolament għandu jkun f’forma ta’ għotjiet.

Il-ħidmiet koperti minn dan ir-Regolament għandhom ikunu eżenti mit-taxxi, imposti, sisa u dazji tad-dwana.

Il-KAPITOLU II

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ L-GĦAJNUNA UMANITARJA

Artikolu 6

Ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja ffinanzjati mill-Komunità jistgħu jiġu implimentati jew fuq talba ta’ aġenziji internazzjonali jew aġenziji mhux governattivi u organizzazzjonijiet mill-Istati Membri, inkella mill-pajjiż benefiċjarju terz jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

1. L-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jkunu eliġibbli għall-finanzjament Komunitarju għall-implimentazzjoni ta’ ħidmiet taħt dan ir-Regolament għandhom jilħqu dawn il-kriterji:

(a) ikunu organizzazjonijiet awtonomi li jaħdmu bla profitt fi Stat Membru tal-Komunità taħt il-liġijiet li jkunu fis-seħħ f’dak l-Istat Membru;

(b) ikollhom il-kwartier ġenerali ewlieni tagħhom fi Stat Membru tal-Komunità jew fil-pajjiżi terzi li jkunu jirċievu l-għajnuna Komunitarja. Il-kwartier ġenerali għandu jkun iċ-ċentru fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet għall-ħidmiet kollha li jkunu finanzjati taħt dan ir-Regolament. Eċċezzjonalment, il-kwartier ġenerali jista’ jkun f’pajjiż donatur terz.

2. Meta jiġi mistħarreġ jekk organizzazzjoni mhux governattiva jixirqilhiex li tingħata l-finanzjament Komunitarju, għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni l-fatturi li ġejjin:

(a) il-kapaċitajiet tagħha fit-tmexxija amministrativa u finanzjarja;

(b) il-kapaċità teknika u loġistika tagħha imqabbla mal-ħidma ppjanata;

(ċ) l-esperjenza tagħha fil-qasam ta’l-għajnuna umanitarja;

(d) ir-riżultati tal-ħidmiet preċedenti li twettqu mill-organizzazzjoni konċernata, partikolarment dawk finanzjati mill-Komunità;

(e) kemm hi lesta biex tieħu parti, jekk ikun meħtieġ, fis-sistema kordinattiva mwaqqfa għall-ħidma umanitarja;

(f) il-ħila u kemm hi lesta li taħdem ma’ l-aġenziji umanitarji u l-komunitajiet bażiċi tal-pajjiżi terzi konċenati;

(g) l-imparzjalita tagħha fl-implimentazzjoni ta’l-għajnuna umanitarja;

(h) fejn ikun xieraq, l-esperjenza preċedenti tagħha fil-pajjiżi terzi involuti fil-ħidma umanitarja konċernata.

Artikolu 8

Il-Komunità tista’ wkoll tiffinanzja ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja minn aġenziji u organizzazzjonijet internazzjonali.

Artikolu 9

Fejn ikun meħtieġ, il-Komunità tista’ wkoll tiffinanzja ħidmiet umanitarji mill-Kummissjoni jew mill-aġenziji speċjalizzati ta’l-Istati Membri.

Artikolu 10

1. Biex tiggarantixxi u tkabbar l-effettività u l-konsistenza tas-sistemi ta’ għajnuna umanitarja Komunitarja u nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tippromwovi koordinazzjoni mill-qrib bejn l-attivitajiet tagħha u dawk ta’ l-Istati Membri, kemm fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fuq il-post. Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom iħaddmu sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ħidmiet umanitarji finanzjati mill-Komunità jkunu kordinati u konsistenti ma’ dawk ta’ l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji internazzjonali, partikolarment dawk li jifformaw parti mis-sisterma tal-Ġnus Magħquda.

3. Il-Kummissjoni għandha tħabrek biex tiżviluppa l-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni bejn il-Komunità u d-donaturi tal-pajjiżi terzi fil-qasam ta’ l-għajnuna Komunitarja.

Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-allokazzjoni, il-mobilizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-għajnuna taħt dan ir-Regolament.

2. L-għajnuna ma għandhiex tiġi implimentata jekk ir-benefiċjarju ma joqgħodx għal dawn il-kondizzjonijiet.

Artikolu 12

Il-kuntatti kollha ta’ finanzjament konklużi taħt dan ir-Regolament għandhom jipprovdu in partikolari li l-Kummissjoni u l-Qorti ta’ l-Awdituri jkunu jistgħu jagħmlu verifiki fuq il-post u fil-kwariter ġenerali ta’ l-imsieħba umanitarji skond il-proċeduri tas-soltu stabbiliti mill-Kummissjoni taħt ir-regoli li qegħdin fis-seħħ, u partikolarment dawk tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-KAPITOLU III

PROĊEDURI GĦALL-IMPLIMENTAZZJONI TA’ ĦIDMIET UMANITARJI

Artikolu 13

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar azzjoni ta’ l-emerġenza għal ammont li jiskorri l-10 miljun ECU.

Dawn l-ħidmiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala li jeħtieġu azzjoni ta’ l-emerġenza:

- ħidmiet biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet umanitarji immedjati u imprevedibbli li jkunu seħħew minħabba diżastri għall-għarrieda jew diżastri maħluqa mill-bniedem, bħalma huma għarar, terremoti u meta jinqala l-ġlied jew sitwazzjonijiet simili,

- ħidmiet limitati għal kemm idum ir-risposta għall-emerġenza imprevedibbli: il-fondi korrispondenti għandhom ikopru r-risposta għall-ħtiġijiet umanitarji msemmija fl-ewwel paragrafu għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur kif stabbilit fid-deċiżjoni dwar il-finanzjament.

Meta ħidmiet ikunu konformi ma’ dawn il-kondizzjonijiet u jkunu jiskorru iż-2 miljun ECU:

- il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha,

- għandha tinforma bil-miktub lill-Istati Membri fi żmien tmienja u erbgħin siegħa,

- trid tagħti rendikont tad-deċiżjoni tagħha fil-laqgħa tal-kumitat li tkun tmiss, partikolarment billi tagħti r-raġunijiet għala intużat il-proċedura ta’ l-emerġenza tagħha.

Id-deċiżjonijiet biex jitkomplew l-ħidmiet adottati mill-proċedura ta’ l-emerġenza għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni, waqt li din tkun taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3) u fil-limiti stabbiliti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 15(2).

Artikolu 14

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta, tiddeċiedi u tamministra, tissorvelja u tivvaluta l-ħidmiet taħt dan ir-Regolament skond il-proċeduri dwar l-estimi u l-proċeduri l-oħra li jkunu fis-seħħ, u partikolarment dawk stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 15

1. Waqt li din tkun taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(2), il-Kummissjoni għandha:

- tiddeċiedi dwar il-finanzjament Komunitarju tal-ħidmiet ta’ protezzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja msemmija fl-Artikolu 2(c),

- tadotta r-Regolamenti li jimplimentaw dan ir-Regolament,

- tiddeċiedi li tieħu azzjoni diretta tal-Kummissjoni jew tiffinanzja azzjoni mill-aġenziji speċjalizzati ta’ l-Istati Membri.

2. Waqt li tkun taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3), il-Kummissjoni għandha:

- tapprova pjani globali maħsuba biex jipprovdu qafas koerenti għall-azzjoni fil-pajjiż jew ir-reġjun li jkun fejn l-iskala u l-komplessità tal-kriżi umanitarja hija tali li tidher li aktarx li sa tissokta, u l-estimi għal dawk il-pjani. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jeżaminaw il-prijoritajiet li għandhom jiġu stabbiliti biex jiġu implimentati dawn il-pjani globali,

- tiddeċiedi dwar il-proġetti li jiskorru iż-2 miljun ECU, bla ħsara għall-Artikolu 13.

Artikolu 16

1. Darba kull sena l-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 għandu jiddiskuti l-linji ta’ gwida ġenerali ppreżentati minn rappreżentant tal-Kummissjoni għall-ħidmiet umanitarji li għandhom jitwettqu fis-sena li tkun tmiss u jeżamina l-kwistjoni kollha tal-koordinazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja Komunitarja u nazzjonali u xi kwistjonijiet oħra ġenerali jew speċifiċi rigward l-għajnuna Komunitarja f’dak il-qasam.

2. Il-Kummissjoni għandha tissottometti ukoll lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 l-informazzjoni dwar il-bidliet fl-istrumenti għall-amministrazzjoni ta’ l-għajnuna umanitarja, inkluż il-ftehim dwar il-qafas tas-sħubija.

3. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 17 għandu jiġi notifikat dwar l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-valutazzjoni tal-ħidmiet umanitarji, u jekk jista’ jkun, l-iskeda taż-żmien ta’ meta għandu jsir ix-xogħol.

Artikolu 17

1. Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejuna minn Kumitat kompost mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presjedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Fejn il-proċedura stabbilita f’dan il-paragrafu tkun segwita, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li sa jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fiż-żmien stipulat li jistabilixxi l-President skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun jeħtieġlu jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu aġġustati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħatax opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta rigward il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata.

Jekk, malli jiskadi l-perjodu ta’ xahar mid-data ta’ meta tkun saret ir-referenza lejn il-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx ħa passi, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

3. Fejn il-proċedura stabbilita f’dan il-paragrafu tkun trid tiġi segwita, ir-rappreżentant tal-Kumsisjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li sa jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni dwar l-abbozz fiż-żmien stipulat li jkun stabbilit mill-Presient skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata mill-maġġoranza kif stabbilit fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta’ deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta dwar proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom ikunu aġġustati skond il-mod stabbilit f’dak l-Artikolu.. Il-Prsident ma għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom jidħlu fis-seħħ minnufih. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-Kumitat, dawn għandhom jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill bla dewmien. F’dak il-każ, il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet għal perjodu ta’ xahar mid-data ta’ din il-komunikazzjoni.

Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jieħu deċiżjoni differenti saż-żmien stipulat kif imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel.

Artikolu 18

1. Il-Kummissjoni għandha regolarment tivvaluta l-ħidmiet ta’ għajnuna umanitarja finanzjati mill-Komunità biex tistabbilixxi jekk dawn ikunux laħqu l-għanijiet tagħhom u biex toħloq linji ta’ gwida għat-titjib u l-effettività tal-ħidmiet li jiġu wara. Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kumitat ġabra fil-qosor, li għandha tagħti indikazzjoni ta’ l-istatus ta’ l-esperti impjegati, ta’ l-eżerċizzji ta’ valutazzjoni li jkunu saru biex b’hekk, jekk ikun meħtieġ, din tkun tista’ teżaminha. Ir-rapporti tal-valutazzjoni għandhom ikunu aċċessibbli għall-Istati Membri meta dawn jitolbuhom.

2. Fuq talba ta’ l-Istati Membri, u bil-parteċipazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni tista’ wkoll tivvaluta r-riżultati tal-ħidmiet u tal-pjani umanitarji tal-Komunità.

Artikolu 19

Fl-għeluq tas-sena finanzjarja, il-Kumitat għandu jissottometti rapport annwali lil-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’ġabra fil-qosor tal-ħidmiet iffinanzjati matul dik is-sena.

Is-sommarju għandu jkollu fih informazzjoni dwar l-aġenziji li magħhom ġew implimentati l-ħidmiet.

Ir-rapport għandu jkun jinkludi ħarsa lura lejn xi eżerċizzji ta’valutazzjoni barranija li jkunu twettqu dwar ħidmiet speċifiċi.

Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri, fi żmien ta’ mhux aktar minn xahar mid-deċiżjoni tagħha u bla ħsara għall-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, dwar il-ħidmiet approvati, waqt li tindika l-ammont mogħti, in-natura tal-ħidmiet, in-nies li rċevew l-għajnuna u l-imsieħba li kienu involuti.

Artikolu 20

Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tissottometti valutazzjoni komplessiva tal-ħidmiet finanzjati mill-Komunità taħt dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ suġġerimenti għall-ġejjieni tar-Regolament u, kif meħtieġ, proposti ta’ emendi għalih.

Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu., 20 Ġunju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

P. Bersani

[1] ĠU C 180, ta’ l-14.7.1995, p. 6.

[2] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat− 30 Novembru 1995 (ĠU C 339, tat-18.12.1995, p. 60), Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-29 Jannar 1996 (ĠU C 87, tal-25.3.1996, p. 46) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 Mejju 1996 (ĠU C 166, ta’ l-10.6.1996).

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet