Official Journal L 032 , 03/02/1997 P. 0038 - 0055
Id-Direttiva 96/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar ismijiet tat-tessuti IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1]; Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2]; Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3], (1) Billi d-Direttiva tal-Kunsill 71/307/KEE tas-26 ta’ Lulju 1971 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ismijiet ta’ tessuti [4] ġiet emendata spiss u b’mod sostanzjali; billi, għal raġunijiet ta’ ċarezza u razzjonalità d-Direttiva imsemmija għandha tiġi kkonsolidata; (2) Billi, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ l-ismijiet, il-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta’ prodotti tat-tessuti kellhom ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor, dan kien joħloq tfixkil għat-tħaddim xieraq tas-suq intern; (3) Billi dan it-tfixkil jista’ jiġi eliminat jekk it-tqegħid ta’ prodotti tat-tessut fis-suq fil-livell tal-Komunità jkun soġġett għal regoli uniformi; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-ismijiet tal-fibri tat-tessuti jiġu armonizzati u li d-dettalji jidhru fuq it-tikketti, l-immarkar u d-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti tat-tessut fil-fażijiet varji tal-produzzjoni, ipproċessar u d-distribuzzjoni tagħhom; billi it-terminu "fibra tat-tessut" għandu jiġi estiż sabiex jinkludi strixxi jew tubi b’wisa’ apparenti ta’ mhux iktar minn 5 mm, li jkunu maqtugħin minn folji ffabbrikati bl-estrużjoni tal-polymers elenkati taħt il-punti 19 sa 38 u 41 ta’ l-Anness I, u sussegwentement miġbudin għat-tul; (4) Billi għandha ssir dispożizzjoni fir-rigward ta’ ċerti prodotti li mhumiex magħmulin esklussivament minn materjal tat-tessut iżda li għandhom kontenut ta’ tessut li jikkostitwixxi parti essenzjali tal-prodotti jew li l-fabbrikant, proċessur jew negozjant ikun ġibed l-attenzjoni għalih, billi fil-punt 30 ta’ l-Anness II mhemmx bżonn li ssir distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ polyamide jew nylon, il-konċessjonijiet miftehma fuqhom għandhom għalhekk jinġiebu f’konformità; (5) Billi t-tolleranza fir-rigward ta’ "fibri oħra", li diġà ġiet stabbilita għal prodotti puri, għandha tiġi applikata wkoll għal taħlitiet; (6) Billi, sabiex jintlaħaq l-għan li jsejjes id-dispożizzjonijiet nazzjonali f’dan il-qasam, l-ittikkettjar għandu jkun obbligatorju; (7) Billi, f’każijiet fejn huwa teknikament diffiċli biex tiġi speċifikata l-kompożizzjoni ta’ prodott fiż-żmien tal-fabbrikazzjoni, jistgħu jiġu ddikjarati kwalunkwe fibri magħrufa f’dak iż-żmien fuq it-tikketta bil-kondizzjoni li jkunu jifformaw ċertu persentaġġ tal-prodott mitmum; (8) Billi huwa prattiku, sabiex jiġu evitati ċerti differenzi ta’ applikazzjoni li saru apparenti f’dan ir-rigward fil-Komunità, li jiġu speċifikati l-metodi eżatti ta’ ittikkettjar ta’ ċerti prodotti tat-tessuti magħmulin minn żewġ komponenti jew aktar, u anke l-komponenti ta’ prodotti tat-tessut li mhemmx għalfejn li jiġu kkunsidrati għall-iskop ta’ l-ittikkettjar u ta’ l-analiżi; (9) Billi prodotti tat-tessut soġġetti biss għall-ħtiġiet ta’ ittikkettjar inklussiv, u dawk mibjugħin bil-metru jew maqtugħin f’tulijiet, għandhom ikunu offruti għall-bejgħ b’tali mod li l-konsumatur jista’ jsir jaf tajjeb id-dettalji mwaħħlin mal-pakkett jew mar-romblu kollu; billi l-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jiġu adottati għal dan il-għan; (10) Billi l-użu ta’ deskrizzjonijiet jew ismijiet li jgawdu prestiġju partikolari fost utenti u konsumaturi għandhom ikunu soġġetti għal ċerti kondizzjonijiet; (11) Billi kien meħtieġ li jiġu stabbiliti metodi għat-teħid ta’ kampjuni u analiżi ta’ tessuti sabiex tkun eskluża kwalunkwe possibilità ta’ oġġezzjoni għall-metodi wżati; billi, iżda, iż-żamma proviżorja tal-metodi nazzjonali fis-seħħ bħalissa ma timpedixxix l-applikazzjoni ta’ regoli uniformi; (12) Billi l-Anness II ta’ din id-Direttiva li jistabbilixxi l-konċessjonijiet li sar qbil fuqhom li għandhom jiġu applikati fuq il-piż anidru ta’ kull fibra waqt id-determinazzjoni bl-analiżi tal-kontenut tal-fibra tal-prodott tat-tessut, jagħti, fil-punti 1, 2 u 3, żewġ konċessjonijiet differenti li sar qbil fuqhom għall-kalkolazzjoni tal-kompożizzjoni ta’ fibri mqardxa jew mimxuta li fihom is-suf u/jew il-pil ta’ l-annimali; billi il-laboratorji mhux dejjem jistgħu jgħidu jekk prodott huwiex imqardex jew mimxut, u konsegwentement jista’ jkun hemm riżultati mhux konsistenti mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni waqt il-kontrolli tal-konformità ta’ prodotti tat-tessut mwettqa fil-Komunità; billi għalhekk, il-laboratorji għandhom ikunu awtorizzati sabiex japplikaw konċessjoni waħdanija li fuqha kien sar qbil f’każijiet ta’ dubju; (13) Billi mhuwiex ta’ min li d-dispożizzjonijiet kollha applikabbli għal prodotti bħal dawn jiġu armonizzati, f’Direttiva separata dwar prodotti tat-tessut; (14) Billi, l-Annessi III u IV, minħabba n-natura eċċezzjonali ta’ l-oġġetti li hemm referenza għalihom fihom, għandhom ikopru wkoll prodotti oħra eżenti minn ittikkjettar, b’mod partikolari prodotti "li jintremew wara l-użu" jew prodotti li għalihom huwa meħtieġ biss ittikkjettar inklussiv; (15) Billi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għad-determinazzjoni u l-addattament għall-progress tekniku tal-metodi ta’ analiżi huma miżuri ta’ implimentazzjoni ta’ natura strettament teknika; billi huwa għalhekk meħtieġ li tiġi applikata għal dawk il-miżuri, u għall-miżuri li jaddattaw l-Annessi I u II ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku, il-proċedura tal-kumitat diġà stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 96/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar ċerti metodi għall-analiżi kwantitattiva ta’ taħlitiet ta’ fibra tat-tessut magħmula minn żewġ materjali [5]; (16) Billi d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għad-Direttivi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-Ismijiet u l-Ittikkettjar tat-Tessuti; (17) Billi din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar id-dati ta’ gheluq għat-traspożizzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness V, Parti B, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Il-prodotti tat-tessut jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Komunità, jew qabel jew wara l-ipproċessar industrijali tagħhom jew fi kwalunkwe fażi tad-distribuzzjoni, fejn prodotti bħal dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva biss. L-Artikolu 2 1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, "prodotti tat-tessut" tfisser kwalunkwe prodotti mhux maħdumin, nofshom maħdumin, maħdumin, nofshom iffabbrikati, iffabbrikati, nofshom-lesti u lesti li jkunu esklussivament magħmulin minn fibri tat-tessut, mingħajr ma jingħata kas għall-proċess ta’ taħlit jew ta’ assemblaġġ użat. 2. Għall-għan ta’ din id-Direttiva "fibra tat-tessut" tfisser: - unità ta’ materja kkaratterizzata mill-flessibilità, mill-irquqija u mill-proporzjon għoli ta’ tul għall-akbar dimensjoni trasversali tagħha, li tagħmilha xierqa għal applikazzjonijiet f’tessuti, - strixxi jew tubi flessibbli, li l-wisa’ apparenti tagħhom ma jaqbiżx il-5 mm, inklużi strixxi maqtugħin minn strixxi jew films usa, prodotti minn sostanzi wżati għall-fabbrikazzjoni tal-fibri elenkati taħt il-punti 19 sa 41 fl-Anness I u xierqa għal applikazzjonijiet f’tessuti; il-wisa’ apparenti huwa l-wisa’ ta’ l-istrixxa jew tubu meta milwijin, iċċattjati, ikkompressati jew mibrumin, jew il-wisa’ medju fejn il-wisa’ mhuwiex uniformi. 3. Dawn li ġejjin għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod tal-prodotti tat-tessut u għandhom ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva: - prodotti li fihom għallinqas 80 % bil-piż ta’ fibri tat-tessut, - għata ta’ l-għamara, umbrelel u tined li jkun fihom għallinqas 80 % bil-piż ta’ komponenti tat-tessut; bl-istess mod, il-komponenti tat-tessut ta’ għata b’aktar minn saff wieħed ta’ pavimenti, saqqijiet u oġġetti ta’ l-ikkampjar, u kisi għax-xedd tas-saqajn, ingwanti, mittens u mitts, sakemm dawn il-partijiet jew dan il-kisi jkunu jikkostitwixxu għallinqas 80 % bil-piż ta’ l-oġġett sħiħ, - tessut inkorporat fi prodotti oħra u li jiffurmaw parti integrali minnhom, fejn il-kompożizzjoni tagħhom hija speċifikata. L-Artikolu 3 1. L-ismijiet u d-deskrizzjonijiet tal-fibri li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 huma elenkati fl-Anness I. 2. L-użu ta’ l-ismijiet li jidhru fit-tabella fl-Anness I għandu jkun riservat għal fibri li n-natura tagħhom hija speċifikata taħt l-istess oġġett ta’ dik it-tabella. 3. Ebda wieħed minn dawn l-ismijiet ma jista’ jintuża għal kwalunkwe fibra oħra, kemm weħidhom jew bħala għerq jew bħala aġġettiv fi kwalunkwe lingwa tkun xi tkun. 4. Il-kelma "ħarir" ma tistax tintuża biex tindika figura jew preżentazzjoni partikolari fi ħjut kontinwu ta’ fibri tat-tessut. L-Artikolu 4 1. Ebda prodott tat-tessut ma jista’ jiġi deskritt bħala "100 %", "pur" jew "kollu" sakemm ma jkunx esklussivament kompost mill-istess fibra; ebda terminu simili ma jista’ jintuża. 2. Prodott tat-tessut jista’ jkun fih sa 2 % bil-piż ta’ fibri oħra, sakemm din il-kwantità tkun iġġustifikata għal raġunijiet tekniċi u ma tkunx miżjuda bħala materja ta’ rutina. Din it-tolleranza għandha tiġi miżjuda sa 5 % fil-każ ta’ prodotti tat-tessut li jkunu għaddew minn proċess ta’ tqardix. L-Artikolu 5 1. Prodott tas-suf jista’ jkun deskritt bħala: - "lana virgen" jew "lana de esquilado", - "ren, ny uld", - "Schurwolle", - παρθέυο μαλλί - "fleece wool" jew "virgin wool", - "laine vierge" jew "laine de tonte", - "lana vergine" jew "lana di tosa", - "scheerwol", - "lã virgem", - "uusi villa", - "ren ull", jekk ikun kompost esklussivament biss minn fibra li ma kinitx ġiet inkorporata qabel fi prodott finalizzat, li ma kienx ġie soġġett għal kwalunkwe proċessi ta’ brim u/jew ta’ feltru għajr dawk meħtieġa fil-fabbrikazzjoni ta’ dak il-prodott, u li ma kienx ġie mħassar bi trattament jew b’użu. 2. Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, l-ismijiet li hemm referenza għalihom fih jistgħu jintużaw biex jiddeskrivu s-suf li jkun hemm f’taħlita ta’ fibra meta: (a) is-suf kollu li jkun hemm f’dik it-taħlita jissodisfa l-ħtiġiet definiti fil-paragrafu 1; (b) dan is-suf ikun jagħmel mhux inqas minn 25 % mill-piż totali tat-taħlita; (ċ) fil-każ ta’ taħlita mħarrbxa, is-suf ikun imħallat ma’ fibra waħda oħra biss. Fil-każ li hemm referenza għalih f’dan il-paragrafu, għandha tingħata il-kompożizzjoni tal-persentaġġ kollu. 3. It-tolleranza ġġustifikata għal raġunijiet tekniċi li għandhom x’jaqsmu mal-fabbrikazzjoni għandha tkun ristretta għal 0,3 % ta’ l-impuritajiet fibrużi fil-każ tal-prodotti li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2, inklużi l-prodotti tas-suf li jkunu għaddew minn proċess ta’ tqardix. L-Artikolu 6 1. Prodott tat-tessut magħmul minn żewġ fibri jew iktar, li waħda minnhom ikun fiha 85 % tal-piż totali, għandu jkun imsemmi: - bl-isem tal-fibra ta’ l-aħħar segwit bil-persentaġġ tagħha bil-piż, jew - bl-isem tal-fibra ta’ l-aħħar segwit bil-kliem "minimu ta’ 85 %", jew - bil-kompożizzjoni tal-persentaġġ sħiħ tal-prodott. 2. Prodott tat-tessut magħmul minn żewġ fibri jew iktar, li l-ebda waħda minnhom ma tagħmel 85 % tal-piż totali, għandu jkun imsemmi bl-isem u l-persentaġġ bil-piż ta’ għallinqas ż-żewġ fibri prinċipali, segwiti bl-ismijiet tal-fibri kostitwenti l-oħra f’ordni dixxendenti tal-piż, bi jew mingħajr indikazzjoni tal-persentaġġi skond il-piż tagħhom. Madankollu: (a) fibri li separatament jagħmlu inqas minn 10 % tal-piż totali ta’ prodott jistgħu jiġu msemmija kollettivament bit-terminu "fibri oħra", segwiti bil-persentaġġ totali skond il-piż; (b) fejn l-isem tal-fibra li tagħmel inqas minn 10 % tal-piż totali ta’ prodott huwa speċifikat, trid tingħata l-kompożizzjoni tal-persentaġġ totali ta’ dak il-prodott. 3. Prodotti li jkollhom medd ta’ qoton pur u tgħama ta’ qanneb pur, li l-persentaġġ ta’ qanneb fihom jagħmel għal mhux inqas minn 40 % tal-piż totali tat-tessut mhux imdaqqas jista’ jingħata l-isem ta’ "unjoni ta’ għażel u qoton" li għandha tkun akkumpanjata minn bl-ispeċifikazzjoni tal-kompożizzjoni "medd ta’ qoton pur - tgħama ta’ qanneb pur". 4. Fil-każ tal-prodotti tat-tessut intenzjonati għall-konsumatur aħħari, fil-komposizzjonijiet tal-persentaġġi speċifikati fil-paragrafi 1, 2, 3 u 5: (a) għandha tkun tollerata kwantità ta’ fibri estraneji sa 2 % tal-piż totali tal-prodott tat-tessut, sakemm dik il-kwantità tkun iġġustifikata fuq bażi teknika u ma tkunx miżjuda bħala materja ta’ rutina; din it-tolleranza għandha tiżdied sa 5 % fil-każ ta’ prodotti li jkunu għaddew minn proċess ta’ tqardix u għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-tolleranza li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(3); (b) għandha tkun permessa tolleranza ta’ fabbrikazzjoni ta’ 3 % bejn il-persentaġġi tal-fibra mistqarra u l-persentaġġi miksuba mill-analiżi, fir-rigward tal-piż totali tal-fibri muri fuq it-tikketta; tolleranza bħal din għandha tiġi applikata wkoll għal fibri li, skond il-paragrafu 2, huma elenkati f’ordni dixxendenti tal-piż mingħajr indikazzjoni tal-persentaġġi tagħhom. Din it-tolleranza għandha tapplika wkoll għall-Artikolu 5(2)(b). Fl-analiżi, it-tolleranzi għandhom jiġu kkalkulati separatament, il-piż totali li għandu jitqies fil-kalkolu tat-tolleranza li għaliha hemm referenza f’(b) jkun dak tal-fibri tal-prodott lest bil-piż ta’ xi fibri estranji misjuba meta tkun applikata t-tolleranza li hemm referenza għaliha f’(a) imnaqqas. Iż-żieda tat-tolleranzi li hemm referenza għalihom f’(a) u (b) tkun permessa biss jekk xi fibri estranji misjuba b’analiżi, meta tiġi applikata t-tolleranza li hemm referenza għaliha f’(a), tinzerta tkun ta’ l-istess tip kimiku bħala waħda jew iktar mill-fibri murija fuq it-tikketta. Fil-każ ta’ prodotti partikolari li għalihom il-proċess tal-fabbrikazzjoni jitlob tolleranzi ogħla minn dawk mogħtija f’(a) u (b), tolleranzi ogħla jistgħu jiġu awtorizzati meta l-konformità tal-prodotti tiġi kkontrollata bi qbil ma’ l-Artikolu 13(1) biss f’każijiet eċċezzjonali u fejn tkun ipprovduta ġustifikazzjoni adekwata mill-fabbrikant. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’dan. 5. It-terminu "fibri mħallta" jew it-terminu "kompożizzjoni mhux speċifikata ta’ tessuti" jistgħu jintużaw għal kwalunkwe prodott li l-kompożizzjoni tiegħu ma tkunx tista’ tiġi mistqarra faċilment fil-ħin tal-fabbrikazzjoni. L-Artikolu 7 Mingħajr preġudizzju għat-tolleranzi stabbiliti fl-Artikolu 4(2), l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6(4), fibri viżibbli, iżolabbli li huma purament dekorattivi u li ma jaqbżux is-7 % tal-piż tal-prodott lest mhemmx għalfejn jissemmgħu fil-kompożizzjoniijiet tal-fibri kif hemm provdut għalihom fl-Artikoli 4 u 6; l-istess japplika għal fibri (eż. fibri metalliċi) li jiġu inkorporati sabiex jinkiseb effett antistatiku u li ma jaqbżux it-2 % tal-piż tal-prodott lest. Fil-każ tal-prodotti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 6(3), persentaġġi bħal dawn għandhom jiġu kkalkolati mhux fuq il-piż tad-drapp iżda fuq il-piż tal-medd u dak tat-tgħama separatament. L-Artikolu 8 1. Prodotti tat-tessut fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu ittikkettajati u mmarkati kull meta jitpoġġew fis-suq għal produzzjoni jew skopijiet kummerċjali; dan l-ittikkettjar jew immarkar jista’ jiġi sostitwit jew issupplimentat b’dokumenti kummerċjali li jakkumpanjawhom meta l-prodotti ma jkunux qegħdin jiġu offruti għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari, jew meta jkunu qegħdin jitwasslu għal ordni poġġuta mill-Istat jew minn xi persuna legali oħra rregolata mil-liġi pubblika jew, f’dawk l-Istati Membri fejn dan il-kunċett mhuwiex magħruf, minn entità ekwivalenti. 2. (a) L-ismijiet, id-deskrizzjonijiet u d-dettalji dwar il-kontenut tal-fibra tat-tessut li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 sa 6 u fl-Anness I għandhom ikunu indikati b’mod ċar fuq id-dokumenti kummerċjali. Din il-kondizzjoni, timpedixxi b’mod partikolari, l-użu ta’ taqsiriet fil-kuntratti tal-bejgħ, kontijiet u fatturi; iżda, jista’ jintuża kodiċi ta’ pproċessar mekkanizzat, sakemm dik il-kodiċi tiġi spjegata fl-istess dokument. (b) L-ismijiet, id-deskrizzjonijiet u d-dettalji dwar il-kontenut tal-fibri tat-tessut li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 sa 6 u fl-Anness I għandhom ikunu indikati b’tipa ċara, leġibbli u uniformi meta l-prodotti tat-tessuti jkunu offruti għall-bejgħ jew mibjugħin lill-konsumatur, u b’mod partikolari f’katalgi u f’letteratura tal-kummerċ, fuq l-ippakkjar, fuq tikketti u fuq l-immarkar. Dettalji u informazzjoni oħra għajr dawk li hemm ipprovdut għalihom f’din id-Direttiva għandhom ikunu separati sewwa. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal marka tal-kummerċ jew għall-isem ta’ l-intrapriża li tista’ tingħata minnufih qabel jew wara d-dettalji li hemm ipprovdut għalihom b’din id-Direttiva. Jekk, madankollu, meta prodott tat-tessut ikun offrut għall-bejgħ jew ikun mibjugħ lill-konsumatur kif hemm referenza fl-ewwel sub-paragrafu, għandha tkun indikata l-marka tal-kummerċ jew l-isem ta’ l-intrapriża u din għandha jkun fiha, jew għalih jew inkella bħala aġġettiv jew bħala għerq, wieħed mill-ismijiet elenkati fl-Anness I jew isem li jista’ jiġi mitfixkel miegħu, il-marka tal-kummerċ jew l-isem ta’ l-intrapriża għandhom ikunu immedjatament preċeduti jew segwiti minn ismijiet, deskrizzjonijiet u dettalji dwar il-kontenut tal-fibra tat-tessuti li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3 sa 6 u fl-Anness I, b’tipa ċara u leġibbli. (ċ) L-Istati Membri jistgħu jitolbu li, fejn prodotti tat-tessuti jkunu offruti għall-bejgħ jew mibjugħin lill-konsumatur aħħari fit-territorju tagħhom, il-lingwi nazzjonali tagħhom għandhom jiġu wżati wkoll għall-ittikkettjar u l-immarkar mitlub minn dan l-Artikolu. Fil-każ ta’ mkebba, irkiekel, marelli u kobob jew kwalunkwe kwantità żgħira oħra ta’ ħjut tal-ħjata, tat-tiswija u ta’ l-irrakkmar, l-għażla li hemm ipprovdut għaliha fl-ewwel sub-paragrafu tista’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri biss fil-każ ta’ ittikkettjar inklussiv fuq pakketti jew wirjiet. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet li hemm referenza għalihom fil-punt 18 ta’ l-Anness IV, oġġetti individwali jistgħu jiġu ttikkettjati bi kwalunkwe waħda mil-lingwi tal-Komunità. (d) L-Istati Membri jistgħu ma jipprojbixxux l-użu ta’ deskrizzjonijiet jew dettalji oħra għajr dawk li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 3, 4 u 5 li għandhom x’jaqsmu ma’ karatteristiċi ta’ prodotti fejn deskrizzjonijiet u dettalji bħal dawn huma konsistenti mal-prattiċi tal-kummerċ ġust tagħhom. L-Artikolu 9 1. Kwalunkwe prodott tat-tessut magħmul minn żewġ komponenti jew iktar li għandhom kontenut ta’ fibra differenti għandhom ikollhom tikketta li tesprimi l-kontenut ta’ fibra ta’ kull komponent. Ittikkettjar bhal dan m’għandux ikun obbligatorju għall-komponenti li jirrappreżentaw inqas minn 30 % tal-piż totali tal-prodott eskluż it-tberfil ewlieni. 2. Fejn żewġ prodotti tat-tessut jew aktar għandhom l-istess kontenut ta’ fibra u normalment jifformaw unità waħdanija, dawn jeħtieġu li jkollhom tikketta waħda biss. 3. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 12: (a) il-kompożizzjoni tal-fibra ta’ l-oġġetti tal-kriepet li ġejjin għandha tkun indikata billi tiġi ddikjarata l-kompożizzjoni tal-prodott kollu jew dik tal-komponenti elenkati taħt jew b’mod inklussiv jew b’mod separat: - għal riċipetti: id-drapp ta’ ġewwa u ta’ barra tal-boroż u d-dahar, - għal kriepet: il-panewijiet webbiesa ta’ quddiem, ta’ wara u tal-ġnub, - għal korsaletti: id-drapp ta’ barra u ta’ ġewwa tal-boroż, il-panewijiet webbiesa ta’ quddiem u ta’ wara u l-panewijiet tal-ġnub. Il-kompożizzjoni tal-fibra ta’ l-oġġetti tal-kriepet oħra għajr dawk elenkati fl-ewwel sub-paragrafu għandha tiġi ndikata billi tiġi ddikjarata l-kompożizzjoni tal-prodott kollu jew, jew b’mod inklussiv jew b’mod separat, il-kompożizzjoni tal-bosta komponenti ta’ l-oġġetti; ittikkettjar bħal dan m’għandux ikun obbligatorju għal komponenti li jirrapreżentaw inqas minn 10 % tal-piż totali tal-prodott. L-ittikkettjar separat tal-partijiet varji ta’ l-oġġetti tal-kriepet imsemmija għandu jsir b’tali mod li l-konsumatur aħħari jkun jista’ jifhem b’mod faċli għal liema parti tal-prodott jirreferu d-dettalji tat-tikketta; (b) il-kompożizzjoni tal-fibra ta’ tessuti stampati b’inċiżjoni għandha tingħata għall-prodott bħala ħaġa sħiħa u tista’ tkun indikata billi, il-kompożizzjoni tad-drapp bażiku u dik tal-partijiet inċiżi jiġu ddikjarati separatament. Dawn il-komponenti għandhom jiġu msemmija b’isimhom; (ċ) il-kompożizzjoni tal-fibra tat-tessuti rrakkmati għandha tingħata għall-prodott bħala ħaġa sħiħa u tista’ tkun indikata billi jiġu ddikjarati, separatament, il-kompożizzjoni tad-drapp bażiku u dik tal-ħajt tar-rakkmu; dawn il-komponenti jistgħu jissemmgħu b’isimhom, jekk il-partijiet irrakkmati jagħmlu inqas minn 10 % ta’ l-arja tal-wiċċ tal-prodott, ikun hemm bżonn li tissemma’ biss il-kompożizzjoni tad-drapp bażiku; (d) il-kompożizzjoni tal-fibra tal-ħjut magħmula minn qalba u għata magħmula minn fibri differenti, u offruti għall-bejgħ bħala tali lill-konsumatur, għandha tingħata għall-prodott bħala ħaġa sħiħa u tista’ tkun indikata billi tiġi ddikjarata l-kompożizzjoni tal-qalba u ta’ l-għata separatament; dawn il-komponenti għandhom jiġu msemmija b’isimhom; (e) il-kompożizzjoni tal-fibra tat-tessut tal-bellus u tal-filpa, jew ta’ tessuti li jixbħu lill-bellus jew lill-filpa, għandha tingħata għall-prodott sħiħ u, fejn il-prodott ikun fih dahar distint u wiċċ ta’ l-użu magħmul minn fibri differenti, din tista’ tiġi ddikjarata separatament għal dawk iż-żewġ partijiet, li għandhom jiġu msemmija b’isimhom; (f) il-kompożizzjoni tal-kisi ta’ l-art u tat-twapet li d-dahar u l-wiċċ ta’ l-użu tagħhom huma magħmulin minn fibri differenti tista’ tiġi ddikjarata għall-wiċċ ta’ l-użu biss, li għandu jiġi msemmi b’isimu. L-Artikolu 10 1. Permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9: (a) fil-każ ta’ prodotti tat-tessut elenkati fl-Anness III li jinsabu f’waħda mill-fażijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2(1), l-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu l-ittikkettjar jew l-immarkar li jindika l-isem jew il-kompożizzjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 8 u 9 għandhom japplikaw fejn prodotti bħal dawn juru tikketta jew immarkar li jagħti l-isem jew il-kompożizzjoni, il-marka tan-negozju jew l-isem ta’ intrapriża li tinkorpora, weħidha jew bħala aġġettiv jew bħala għerq, kwalunkwe wieħed mill-ismijiet elenkati fl-Anness I jew isem li jista’ jiġi mitfixkel magħha; (b) fejn prodotti tat-tessut elenkati fl-Anness IV huma ta’ l-istess tip u kompożizzjoni, dawn jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ flimkien taħt tikketta inklussiva li tagħti d-dettalji tal-kompożizzjoni stabbiliti b’din id-Direttiva; (ċ) il-kompożizzjoni ta’ prodotti tat-tessuti mibjugħin bil-metru għandha tintwera biss fuq it-tul tar-romblu offrut għall-bejgħ. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti li hemm referenza għalihom f’(b) u (ċ) tal-paragrafu 1 jiġu offruti għall-bejgħ b’tali mod li l-konsumatur aħħari jkun jista’ jinforma ruħu sewwa dwar il-kompożizzjoni ta’ dawn il-prodotti. L-Artikolu 11 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni mogħtija meta prodotti tat-tessut jitpoġġew fis-suq ma jkunux jistgħu jiġu mitfixkla ma’ l-ismijiet u d-dettalji stabbiliti b’din id-Direttiva. L-Artikolu 12 Għall-għanijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1) u d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ittikkettjar ta’ prodotti tat-tessut, il-persentaġġi ta’ fibra li hemm referenza għalihom fl-Artikoli 4, 5 u 6 għandhom jiġu stabbiliti mingħajr ma jingħata kas tal-punti li ġejjin: 1. għall-prodotti tat-tessut kollha: partijiet mhux tessut, ċmusa, tikketti, badges, borduri u tirqim li ma jiffurmawx parti integrali mill-prodott, buttuni u bokkli miksijin bil-materjal tat-tessut, aċċessorji, dekorazzjonijiet, żigarelli mhux tal-lastiku, ħjut elastiċi u ċineg miżjuda f’punti speċifiċi u limitati tal-prodott u, soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 7, fibri viżibbli, iżolabbli li huma purament fibri dekorattivi u antistatiċi; 2. (a) għall-kisi ta’ l-art u twapet: il-komponenti l-oħra kollha għajr tal-wiċċ ta’ l-użu; (b) għal drappijiet tal-kisi: meddijiet u tgħamiet tat-tberfil u tal-mili li ma jiffurmawx parti mill-wiċċ ta’ l-użu; għad-dendil u l-purtieri: meddijiet u tgħamiet tat-tberfil u tal-mili li mhumiex parti min-naħa t-tajba tad-drapp; (ċ) għal prodotti oħra tat-tessut: id-drapp bażiku jew ta’ taħt, fursetti u rinforzamenti, inter-linings u backings għall-kanvas, ħjut tal-ħjata u ta’ l-assemblaġġ sakemm ma jissostitwixxux il-medd jew/u t-tgħama tad-drapp, mili li m’għandux funzjoni ta’ iżolazzjoni u, soġġetta għall-Artikolu 9(1), inforra. Għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni: - il-bażi tal-materjal ta’ taħt ta’ prodotti tat-tessut li jservu bħala qiegħ għall-wiċċ ta’ l-użu, b’mod partikolari fi gvieret u drappijiet doppji, u bħala qiegħ għal drappijiet tal-bellus u tal-filpa u prodotti simili m’għandhomx jitqiesu bħala qigħan li għandhom jitwarrbu. - "fursetti u rinforzamenti" jfissru ħajt jew materjali miżjuda f’punti speċifiċi u limitati tal-prodotti tat-tessut sabiex isaħħuhom jew jagħtuhom riġidità jew ħxuna. 3. sostanzi grassi, tberfil, piżijiet, daqsijiet u dressings, prodotti li ma jgħaddix l-ilma minnhom, żebgħa addizzjonali u prodotti oħra ta’ l-ipproċessar tat-tessuti. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn l-oġġetti ma jkunux preżenti fil-kwantitaijiet li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumatur. L-Artikolu 13 1. Kontrolli dwar jekk il-kompożizzjoni ta’ prodotti tat-tessut hijiex f’konformità ma’ l-informazzjoni fornuta skond din id-Direttiva għandhom isiru bil-metodi ta’analiżi speċifikati fid-Direttivi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2. Għal dan il-għan, il-persentaġġi tal-fibra fl-Artikoli 4, 5 u 6 għandhom jiġu stabbiliti bl-applikazzjoni tal-konċessjoni miftehma xierqa għall-massa anidra ta’ kull fibra stabbilita fl-Anness II, wara li jkunu tneħħew il-punti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 12(1), (2) u (3). 2. Direttivi separati jispeċifikaw il-metodi ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ analiżi li għandhom jintużaw fl-Istati Membri biex jistabbilixxu l-kompożizzjoni tal-fibra ta’ prodotti koperti b’din id-Direttiva. L-Artikolu 14 1. Ebda Stat Membru ma jista’, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ ismijiet jew speċifikazzjonijiet ta’ kompożizzjoni, jipprojbixxi jew jimpedixxi it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tessut li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ f’kull Stat Membru dwar il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali, dwar indikazzjonijiet ta’ provenjenza, marki ta’ oriġini u l-prevenzjoni ta’ kompetizzjoni mhux ġusta. L-Artikolu 15 Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma japplikawx għal prodotti tat-tessut li: 1. huma intenzjonati għal esportazzjoni għal pajjiżi barra l-Komunità; 2. jidħlu fi Stati Membri, taħt kontroll doganali, għal għanijiet ta’ transitu; 3. jiġu importati minn pajjiżi terzi għal ipproċessar għall-intern; 4. jiġu mogħtija b’kuntratt lil persuni li jaħdmu fi djarhom stess, jew lil ditti indipendenti li jwettqu xogħol minn materjali fornuti mingħajr ma l-karatteristici tagħhom jiġu ttrasferiti għal konsiderazzjoni. L-Artikolu 16 1. Iż-żidiet għall-Anness I u ż-żidiet u l-emendi għall-Anness II ta’ din id-Direttiva li huma meħtieġa sabiex dawn l-Annessi jiġu addattati għall-progress tekniku skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva Nru 96/73/KEE. 2. Il-metodu l-ġdid ta’ analiżi kwantitattiva għal taħlitiet binarji u ternarji għajr dawk li hemm referenza għalihom fid-Direttiva 96/73/KEE u d-Direttiva tal-Kunsill 73/44/KEE tas-26 ta’ Frar 1973 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-analiżi ta’ taħlitiet ta’ fibri ternarji [6] għandu jiġi stabbilit ukoll b’dik il-proċedura. 3. Il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 96/73/KEE huwa msejjaħ il-"Kumitat tad-Direttivi dwar l-Ismijiet u l-Ittikkettjar tat-Tessuti". L-Artikolu 17 L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. L-Artikolu 18 Id-Direttiva elenkata fl-Anness V, parti A hija b’dan il-mezz revokata, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-limiti taż-żmien għat-traspożizzjoni stabbilita fl-Anness V, parti B. Referenzi għad-Direttivi revokati għandhom jiġu meqjusa bħala riferenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness VI. L-Artikolu 19 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Diċembru 1996. Għall-Parlament Ewropew Il-President K. Haensch Għall-Kunsill Il-President I. Yates [1] ĠU C 96, tas-6.4.1994, p. 1. [2] ĠU C 195, tat-18.7.1994, p. 9. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Frar 1995, (ĠU C 56, tas-6.3.1995, p. 53) Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1996 (ĠU C 196, tas-6.7.1996, p. 1), Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta Ġunju 1996 (ĠU C 198, tat-8.7.1996, p. 25) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 1996. [4] ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 16. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 87/140/KEE, (ĠU L 56, tas-26.2.1987, p. 24). [5] ĠU L 32, tat-3.2.1997, p. 1. [6] ĠU L 83, tat-30.3.1973, p. 1. -------------------------------------------------- L-ANNESS I TABELLA TAL-FIBRI TAT-TESSUTI Nru | Isem | Deskrizzjoni tal-fibra | 1 | suf | fibra mis-suf tan-nagħaġ jew tal-ħrief (Ovis aries) | 2 | alpaca, llama, ġemel, kashmir, mohair, angora, vicuna, yak, guanaco, kastur, lontra, segwiti jew le bl-isem "suf" jew "xagħar" | xagħar ta’ l-annimali segwenti: alpaca, llama, ġemel, mogħża tal-kashmir, mogħża ta’ l-angora, fenek ta’ l-angora, vicuna, yak, kastur, lontra | 3 | annimal jew xagħar taż-żiemel, bi jew mingħajr indikazzjoni tat-tip ta’ annimal (eż. xagħar tal-merħla, xagħar tal-mogħża komuni, xagħar taż-żiemel) | xagħar ta’ annimali varji mhux imsemmija f’1 u 2 | 4 | ħarir | fibra miksuba esklussivament minn insetti li jobżqu l-ħarir | 5 | qoton | fibra miksuba mill-ifsdqa tal-pjanta tal-qoton (Gossypium) | 6 | kapok | fibra miksuba mill-intern tal-frotta tal-kapok (Ceiba pentandra) | 7 | kittien | fibra miksuba mill-qalba tal-pjanta tal-kittien (Linum usitatissimum) | 8 | qanneb | fibra miksuba mill-qalba tal-qanneb (Cannabis sativa) | 9 | ġuta | fibra miksuba mil-qalba tal-Corchorus olitorius u Corchorus capsularis. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, fibri tal-qalba minn l-ispeċi segwenti jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-ġuta: Hibiscus cannabinus, Hibiscus sabdariffa, Bultilon avicennae, Urena lobata, Urena sinuata | 10 | abaka (Qanneb ta’ Manila) | fibra miksuba mill-weraq ta’ barra tal-Musa textilis | 11 | alfa | fibra miksuba mill-weraq ta’ l-Istipa tenacissima | 12 | kajjar (ġewż ta’ l-Indi) | fibra miksuba mill-Cocos nucifera | 13 | ġummar | fibra miksuba mill-qalba tal-Cytisus scoparius u/jew Spartium Junceum | 14 | rami | fibra miksuba mill-qalba tal-Boehmeria nivea u Boehmeria tenacissima | 15 | sisal | fibra miksuba mill-weraq ta’ l-agave sisalana | 16 | Sunn | fibra mill-qalba tal-Crotalaria juncea | 17 | sabbara | fibra mill-qalba ta’ l-Agave fourcroydes | 18 | Maguey | fibra mill-qalba ta’ l-Agave Cantala | 19 | aċetat | fibra ta’ l-aċetat taċ-ċelluluża fejn inqas minn 92 % imma għallinqas 74 % tal-gruppi hydroxyl huma aċetilatati | 20 | alġinat | fibra miksuba minn imluħa metalliċi u l-aċidu alġiniku | 21 | cupro (cuprammonium rayon) | fibra taċ-ċelluluża riġenerata miksuba bil-proċess cuprammonium | 22 | modal | fibra taċ-ċelluluża riġenerata li jkollha qawwa ta’ ksur kbira u modulus għoli meta mxarrba. Il-qawwa tal-ksur (Bc) fl-istat kondizzjonat u s-saħħa (BM) meħtieġa biex tipproduċi titwil ta’ 5 % fl-istat imxarrab huma: Bc (CN) ≥ 1,3 T + 2 TBM (CN) ≥ 0,5 Tfejn T hija d-densità linejari ewlenija f’decitex | 23 | proteini | fibra miksuba minn sostanzi ta’ proteini naturali riġenerati u stabbilizzati permezz ta’ azzjoni ta’ aġenti kimiċi | 24 | triaċetat | fibra ta’ l-aċetat taċ-ċelluloża fejn għallinqas 92 % tal-gruppi hydroxyl huma aċetilitati | 25 | viskuża | fibra taċ-ċelluluża riġenerata miksuba bil-proċess viskuż għal fibra tal-filament u fibra diskontinwa | 26 | akriliku | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari li jinkludu għallinqas 85 % (bil-piż) fil-katina tal-mudell acrylonitrilic | 27 | chlorofibre | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari li jkollhom fil-katina tagħhom iktar minn 50 % bil-piż ta’ unitajiet monomeriċi ta’ vinyl klorinat u vinylidene klorinat | 28 | fluorofibre | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari magħmula minn fluorcarbon aliphatic monomers | 29 | modacrylic | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari li jkollhom fil-katina tagħhom iktar minn 50 % u inqas minn 85 % (bil-piż) tal-mudell acrylonitrilic | 30 | polyamide jew nylon | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari li jkollhom fil-katina l-grupp funzjonali ta’ amide rikorrenti | 31 | polyester | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari li jkun fihom għallinqas 85 % (bil-piż) fil-katina ta’ ester ta’ aċidu diol u tereftaliku | 32 | polyethylene | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari ta’ idrokarbonju saturizzat allifatiku mhux sostitwit | 33 | polypropylene | fibra ffurmata minn makromollikulu linejari ta’ idrokarbonju saturizzat alifatiku fejn atomu wieħed tal-karbonju minn kull tnejn iġorr methyl side chain fid-dispożizzjoni isotattika u mingħajr iktar sostituzzjoni | 34 | polycarbamide | fibra ffurmuta minn makromollikuli linejari li jkollhom fil-katina l-grupp funzjonali ta’ l-ureylene rikorrenti (NH - CO - NH) | 35 | polyurethane | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari komposti minn ktajjen bil-grupp funzjonali tal-urethane rikorrenti | 36 | vinylal | fibra ffurmata minn makromollikuli linejari li l-katina tagħhom hija magħmula bil-poly(vinyl alcohol) b’livelli differenti ta’ aċetalizzazzjoni | 37 | trivinyl | fibra ffurmata minn acrylonitrile terpolymer, monomer ta’ vinyl klorinat u t-tielet monomer tal-vinyl, li l-ebda wieħed minnhom ma jirrapreżenta daqs 50 % tal-piż totali | 38 | elastodiene | elastofibre kompost minn polyisoprene naturali jew sintetiku, jew kompost minn dienes polimerizzat wieħed jew iktar bi jew mingħajr monomer tal-vinyl wieħed jew aktar, u liema, meta miġbud għal tliet darbiet it-tul oriġinali tiegħu u jintelaq, jirkupra minnufih u b’mod sostanzjali it-tul inizjali tiegħu | 39 | elastane | elastofibre kompost minn għallinqas 85 % (bil-piż) polyurethane segmentat u liema, meta miġbud għal tliet darbiet it-tul oriġinali tiegħu u jintelaq, jirkupra minnufih u b’mod sostanzjali it-tul inizjali tiegħu | 40 | fibra tal-ħġieġ | fibra magħmula mill-ħġieġ | 41 | isem li jikkorrispondi għall-materjali li minnhom huma komposti l-fibri, eż. metall (metalliku, metallizzat), asbestos, karta, segwiti jew le mill-kelma "ħjut" jew "fibra" | fibri miksubin minn materjali ġodda jew mixxellanji mhux elenkati hawn fuq | -------------------------------------------------- L-Anness II GRATIFIKAZZJONIJIET MIFTIEHMA BIEX JIĠI KALKOLAT L-AMMONT TA’ FIBRI KONTENUTI FIL-PRODOTT TAT-TESSUT Nru tal-Fibra | Fibri | Persentaġġi | 1 - 2 | Suf u xagħar ta’ l-annimali: | | | fibri mimxuta | 18,25 | | fibri mqardxa | 17,00 | 3 | Xagħar ta’ l-annimali: | | | fibri mimxuta | 18,25 | | fibri mqardxa | 17,00 | | Xagħar taż-żiemel: | | | fibri mimxuta | 16,00 | | fibri mqardxa | 15,00 | 4 | Ħarir | 11,00 | 5 | Qoton: | | | fibri normali | 8,50 | | fibri ta’ leqqa | 10,50 | 6 | Kapok | 10,90 | 7 | Kittien | 12,00 | 8 | Qanneb | 12,00 | 9 | Ġuta | 17,00 | 10 | Abaca | 14,00 | 11 | Alfa | 14,00 | 12 | Kajjar | 13,00 | 13 | Ġammar | 14,00 | 14 | Ramie (fibra bbliċjata) | 8,50 | 15 | Sisal | 14,00 | 16 | Sunn | 12,00 | 17 | Sabbara | 14,00 | 18 | Maguey | 14,00 | 19 | Aċetat | 19,00 | 20 | Alġinat | 20,00 | 21 | Cupro | 13,00 | 22 | Modal | 13,00 | 23 | Proteini | 17,00 | 24 | Triaċetat | 7,00 | 25 | Viskuż | 13,00 | 26 | Akriliku | 2,00 | 27 | Chlorofibre | 2,00 | 28 | Fluorofibre | 0,00 | 29 | Modacrylic | 2,00 | 30 | Polyamide jew nylon: | | | fibra diskontinwa | 6,25 | | filament | 5,75 | 31 | Polyester | | | fibra mhux kontinwa | 1,50 | | filament | 1,50 | 32 | Polyethylene | 1,50 | 33 | Polypropylene | 2,00 | 34 | Polycarbamide | 2,00 | 35 | Polyurethane | | | fibra mhux kontinwa | 3,50 | | filament | 3,00 | 36 | Vinylal | 5,00 | 37 | Trivinyl | 3,00 | 38 | Elastodiene | 1,00 | 39 | Elastane | 1,50 | 40 | Fibra tal-ħġieġ | | | b’dijametru medju ta’ iktar minn 5 μm | 2,00 | | b’dijametru medju ta’ 5 μm jew inqas | 3,00 | 41 | Fibra tal-metall | 2,00 | | Fibra metallizzata | 2,00 | | Asbestos | 2,00 | | Ħjut tal-karta | 13,75 | -------------------------------------------------- L-ANNESS III PRODOTTI LI MA JISTGĦUX IKUNU MAGĦMULIN SOGGETTI GĦALL-ITTIKKETTJAR JEW IMMARKAR OBBLIGATORJU (l-Artikolu 10(1)(a)) 1. Faxex tal-kmiem 2. Ċineg ta’ l-arloġġi magħmulin minn materjali tat-tessut 3. Tikketti u badges 4. Ingwanti imbottiti li bihom tista’ żżomm affarijiet sħan magħmulin minn materjali tat-tessut 5. Għata tal-kafè 6. Għata tat-te 7. Protezzjoni tal-kmiem 8. Manxò (muffs) għajr dawk magħmulin mid-drapp tal-pil 9. Fjuri artifiċjali 10. Kuxxinetti tal-labar 11. Kanvas miżbugħ 12. Prodotti tat-tessut bħala bażi jew drappijiet minn taħt jew fursetti 13. Feltri 14. Prodotti antiki tat-tessut iffabbrikati, fejn mistqarr a tali b’mod espliċitu 15. Takkalji 16. Ippakkjar, mhux ġdid u mibjugħ bħala tali 17. Kpiepel tal-feltru 18. Reċipjenti li huma rotob u mingħajr bażi, partijiet magħmulin minn sarrag, jew minn materjali tat-tessut 19. Oġġetti tal-vjaġġi magħmulin minn materjal tat-tessut 20. Tapezzeriji rrakmati bl-idejn, lesti jew mhux lesti, u materjali għall-produzzjoni tagħhom, li jinkludu ħjut ta’ l-irrakkmar, mibjugħin separatament mill-kanvas u ppreżentati b’mod speċjali sabiex jintużaw f’tapezzeriji bħal dawn 21. Żippijiet 22. Buttuni u bokkli miksija b’materjali tat-tessut 23. Kisi tal-kotba magħmulin minn materjal tat-tessut 24. Ġugarelli 25. Partijiet tat-tessut ta’ xedd tas-saqajn, għajr il-kisi li jsaħħan 26. Sottoplatti li jkollhom bosta komponenti u arja tal-wiċċ ta’ mhux iktar minn 500 ċm2 27. Ingwanti u ċraret tal-forn 28. Għata tal-bajd 29. Kaxex tal-make-up 30. Boroż tat-tabakk magħmulin minn materjal tat-tessut 31. Kaxex magħmulin minn materjal tat-tessut tan-nuċċalijiet, sigarretti u sigarri, lighters u pettnijiet 32. Tagħmir ta’ protezzjoni wżat fl-isports bl-eċċezzjoni ta’ l-ingwanti 33. Kaxex tat-twaletta 34. Kaxex għat-tindif taż-żraben 35. Oġġetti tal-funerali 36. Oġġetti li jintremew wara l-użu, bl-eċċezzjoni tat-tajjar Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, oġġetti tat-tessut iddisinjati biex jintużaw darba biss jew għal; żmien limitat, u li l-użu normali tagħhom jimpedixxi kwalunkwe ristorazzjoni għal użu sussegwenti għall-istess skop jew simili, għandhom jitqiesu bħala oġġetti li jintremew wara l-użu 37. Oġġetti tat-tessut soġġetti għar-regoli tal-Farmakopija Ewropea u koperti b’referenza għal dawk ir-regoli, faxex għal użu mediku u ortopediku li ma jintremewx wara l-użu u oġġetti ortopediċi tat-tessut ġenerali 38. Oġġetti tat-tessuti inklużi spag, ħbula u qfula, soġġetti għal punt 12 ta’ l-Anness IV normalment intenzjonati: (a) għal użu bħala komponenti ta’ apparat fil-fabbrikazzjoni u fl-ipproċessar ta’ oġġetti; (b) għal inkorporazzjoni f’magni, istallazzjonijiet domestiċi (eż. tisħin, arja kondizzjonata jew dawl) u apparat ieħor, vetturi u mezzi oħra tat-trasport jew għat-tħaddim, manutenzjoni jew apparat tagħhom għajr għata ta’ tarpolin u aċċessorji tat-tessut ta’ vetturi b’makna mibjugħin separatament mill-vettura 39. Oġġetti tat-tessuti għal għanijiet ta’ protezzjoni u ta’ sigurtà bhal ċintorini tas-siguirtà, paraxutijiet, ġkieket tas-salvataġġ, siġġijiet ta’ emerġenza, apparat ta’ kontra n-nar, ġkieket bullet proof u lbies protettiv speċjali (eż: protezzjoni kontra n-nar, sostanzi kimiċi u perikoli oħra għas-sigurtà) 40. Strutturi mirfudin fl-arja (eż: swali ta’ l-isport, stands tal-wirjiet jew faċilitajiet ta’ ħżin), sakemm jiġu pprovduti d-dettalji tar-rendimenti u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dawn l-oġġetti 41. Qlugħ 42. Għata ta’ l-annimali 43. Bnadar u bandalori -------------------------------------------------- L-ANNESS IV PRODOTTI LI GĦALIHOM L-ITTIKKETTJAR U L-IMMARKAR INKLUSSIV BISS HUWA OBBLIGATORJU (l-Artikolu 10(1)(b)) 1. Ċraret ta’ l-art 2. Ċraret tat-tindif 3. Tberfil u Tirqim 4. Passementerie 5. Ċintorini 6. Ċineg 7. Takkalji u ġarrettieri 8. Lazzijiet taż-żraben 9. Żigarelli 10. Lastiku 11. Ippakkjar ġdid mibjugħ bħala tali 12. Spag ta’ l-ippakkjar u spag, qfieli, ċwiemi u ħbula agrikoli għajr dawk li jaqgħu taħt il-punt 38 ta’ l-Anness III [1] 13. Mattijiet ta’ taħt il-platti 14. Imkatar 15. Xbieki tax-xagħar 16. Ingravajjet u ċfuf għat-tfal 17. Vavalori, ingwanti tal-ħasil u flanelli tal-wiċċ 18. Ħjut tal-ħjata, tat-tiswija u tar-rakkmu ppreżentati għall-bejgħ bl-imnut fi kwantitajiet żgħar b’piż nett ta’ gramma jew inqas 19. Tejp għall-purtieri u blinds u shutters [1] Għall-prodotti li jaqgħu taħt dan il-punt u mibjugħin f’tulijiet maqtugħin, l-ittikkettjar inklussiv għandu jkun dak tar-rukkell. Iċ-ċwiemi u l-ħbula li jaqgħu taħt dan il-punt inklużi dawk użati għall-isport tal-muntanji u ta’ l-ilma. -------------------------------------------------- L-ANNESS V TAQSIMA A DIRETTIVI REVOKATI (imsemmija fl-Artikolu 18) - Id-Direttiva tal-Kunsill 71/307/KEE (ĠU L 185, tas-16.8.1971, p. 16), u l-emendi suċċessivi tagħha: - Id-Direttiva tal-Kunsill 75/36/KEE (ĠU L 14, ta’ l-20.1.1975, p. 15). - Id-Direttiva tal-Kunsill 83/623/KEE (ĠU L 353, tal-15.12.1983, p. 8). - Id-Direttiva tal-Kunsill 87/140/KEE (ĠU L 56, tas-26.2.1987, p. 24). TAQSIMA B TERMINI GĦAT-TRASPOŻIZZJONI Id-Direttiva | Termini | Għall-permess tal-kummerċ ta’ dawk il-prodotti li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva | Għall-projbizzjoni tal-kummerċ ta’ dawk il-prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva | 71/307/KEE | fid-29 ta’ Jannar 1973 | fid-29 ta’ Jannar 1975 | 75/36/KEE | | | 83/623/KEE | fid-29 ta’ Novembru 1985 | fid-29 ta’ Mejju 1987 | 87/140/KEE | fl-1 ta’ Settembru 1988 | | -------------------------------------------------- L-ANNESS VI TABELLA TA’ KORRELAZZJONI Din id-Direttiva | Id-Direttiva 71/307/KEE | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 1 | L-Artikolu 2 | L-Artikolu 2 | L-Artikolu 3 | L-Artikolu 3 | L-Artikolu 4 | L-Artikolu 4 | L-Artikolu 5 | L-Artikolu 5 | L-Artikolu 6 | L-Artikolu 6 | L-Artikolu 7 | L-Artikolu 7 | L-Artikolu 8 | L-Artikolu 8 | L-Artikolu 9 | L-Artikolu 9 | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 10 | L-Artikolu 11 | L-Artikolu 11 | L-Artikolu 12 | L-Artikolu 12 | L-Artikolu 13 | L-Artikolu 13 | L-Artikolu 14 | L-Artikolu 14 | L-Artikolu 15 | L-Artikolu 15 | L-Artikolu 16 | L-Artikolu 15(a) | L-Artikolu 17 | L-Artikolu 16(3) | L-Artikolu 18 | — | L-Artikolu 19 | L-Artikolu 17 | L-Anness I, Nru 1 | L-Anness I, Nru 1 | L-Anness I, Nru 2 | L-Anness I, Nru 2 | L-Anness I, Nru 3 | L-Anness I, Nru 3 | L-Anness I, Nru 4 | L-Anness I, Nru 4 | L-Anness I, Nru 5 | L-Anness I, Nru 5 | L-Anness I, Nru 6 | L-Anness I, Nru 6 | L-Anness I, Nru 7 | L-Anness I, Nru 7 | L-Anness I, Nru 8 | L-Anness I, Nru 8 | L-Anness I, Nru 9 | L-Anness I, Nru 9 | L-Anness I, Nru 10 | L-Anness I, Nru 10 | L-Anness I, Nru 11 | L-Anness I, Nru 11 | L-Anness I, Nru 12 | L-Anness I, Nru 12 | L-Anness I, Nru 13 | L-Anness I, Nru 13 | L-Anness I, Nru 14 | L-Anness I, Nru 15 | L-Anness I, Nru 15 | L-Anness I, Nru 16 | L-Anness I, Nru 16 | L-Anness I, Nru 16(a) | L-Anness I, Nru 17 | L-Anness I, Nru 16(b) | L-Anness I, Nru 18 | L-Anness I, Nru 16(ċ) | L-Anness I, Nru 19 | L-Anness I, Nru 17 | L-Anness I, Nru 20 | L-Anness I, Nru 18 | L-Anness I, Nru 21 | L-Anness I, Nru 19 | L-Anness I, Nru 22 | L-Anness I, Nru 20 | L-Anness I, Nru 23 | L-Anness I, Nru 21 | L-Anness I, Nru 24 | L-Anness I, Nru 22 | L-Anness I, Nru 25 | L-Anness I, Nru 23 | L-Anness I, Nru 26 | L-Anness I, Nru 24 | L-Anness I, Nru 27 | L-Anness I, Nru 25 | L-Anness I, Nru 28 | L-Anness I, Nru 26 | L-Anness I, Nru 29 | L-Anness I, Nru 27 | L-Anness I, Nru 30 | L-Anness I, Nru 28 | L-Anness I, Nru 31 | L-Anness I, Nru 29 | L-Anness I, Nru 32 | L-Anness I, Nru 30 | L-Anness I, Nru 33 | L-Anness I, Nru 31 | L-Anness I, Nru 34 | L-Anness I, Nru 32 | L-Anness I, Nru 35 | L-Anness I, Nru 33 | L-Anness I, Nru 36 | L-Anness I, Nru 34 | L-Anness I, Nru 37 | L-Anness I, Nru 35 | L-Anness I, Nru 38 | L-Anness I, Nru 36 | L-Anness I, Nru 39 | L-Anness I, Nru 37 | L-Anness I, Nru 40 | L-Anness I, Nru 38 | L-Anness I, Nru 41 | L-Anness I, Nru 39 | L-Anness II, Nri 1 - 2 | L-Anness II, Nri 1 - 2 | L-Anness II, Nru 3 | L-Anness II, Nru 3 | L-Anness II, Nru 4 | L-Anness II, Nru 4 | L-Anness II, Nru 5 | L-Anness II, Nru 5 | L-Anness II, Nru 6 | L-Anness II, Nru 6 | L-AnnessII, Nru 7 | L-Anness II, Nru 7 | L-Anness II, Nru 8 | L-Anness II, Nru 8 | L-Anness II, Nru 9 | L-Anness II, Nru 9 | L-Anness II, Nru 10 | L-Anness II, Nru 10 | L-Anness II, Nru 11 | L-Anness II, Nru 11 | L-Anness II, Nru 12 | L-Anness II, Nru 12 | L-Anness II, Nru 13 | L-Anness II, Nru 13 | L-Anness II, Nru 14 | L-Anness II, Nru 15 | L-Anness II, Nru 15 | L-Anness II, Nru 16 | L-Anness II, Nru 16 | L-Anness II, Nru 16(a) | L-Anness II, Nru 17 | L-Anness II, Nru 16(b) | L-Anness II, Nru 18 | L-Anness II, Nru 16(ċ) | L-Anness II, Nru 19 | L-Anness II, Nru 17 | L-Anness II, Nru 20 | L-Anness II, Nru 18 | L-Anness II, Nru 21 | L-Anness II, Nru 19 | L-Anness II, Nru 22 | L-Anness II, Nru 20 | L-Anness II, Nru 23 | L-Anness II, Nru 21 | L-Anness II, Nru 24 | L-Anness II, Nru 22 | L-Anness II, Nru 25 | L-Anness II, Nru 23 | L-Anness II, Nru 26 | L-Anness II, Nru 24 | L-Anness II, Nru 27 | L-Anness II, Nru 25 | L-Anness II, Nru 28 | L-Anness II, Nru 26 | L-Anness II, Nru 29 | L-Anness II, Nru 27 | L-Anness II, Nru 30 | L-Anness II, Nru 28 | L-Anness II, Nru 31 | L-Anness II, Nru 29 | L-Anness II, Nru 32 | L-Anness II, Nru 30 | L-Anness II, Nru 33 | L-Anness II, Nru 31 | L-Anness II, Nru 34 | L-Anness II, Nru 32 | L-Anness II, Nru 35 | L-Anness II, Nru 33 | L-Anness II, Nru 36 | L-Anness II, Nru 34 | L-Anness II, Nru 37 | L-Anness II, Nru 35 | L-Anness II, Nru 38 | L-Anness II, Nru 36 | L-Anness II, Nru 39 | L-Anness II, Nru 37 | L-Anness II, Nru 40 | L-Anness II, Nru 38 | L-Anness II, Nru 41 | L-Anness II, Nru 39 | L-Anness III, Nru 1 | L-Anness III, Nru 1 | L-Anness III, Nru 2 | L-Anness III, Nru 2 | L-Anness III, Nru 3 | L-Anness III, Nru 3 | L-Anness III, Nru 4 | L-Anness III, Nru 4 | L-Anness III, Nru 5 | L-Anness III, Nru 5 | L-Anness III, Nru 6 | L-Anness III, Nru 6 | L-Anness III, Nru 7 | L-Anness III, Nru 7 | L-Anness III, Nru 8 | L-Anness III, Nru 8 | L-Anness III, Nru 9 | L-Anness III, Nru 9 | L-Anness III, Nru 10 | L-Anness III, Nru 10 | L-Anness III, Nru 11 | L-Anness III, Nru 11 | L-Anness III, Nru 12 | L-Anness III, Nru 12 | L-Anness III, Nru 13 | L-Anness III, Nru 13 | L-Anness III, Nru 14 | L-Anness III, Nru 14 | L-Anness III, Nru 15 | L-Anness III, Nru 15 | L-Anness III, Nru 16 | L-Anness III, Nru 17 | L-Anness III, Nru 17 | L-Anness III, Nru 18 | L-Anness III, Nru 18 | L-Anness III, Nru 19 | L-Anness III, Nru 19 | L-Anness III, Nru 20 | L-Anness III, Nru 20 | L-Anness III, Nru 21 | L-Anness III, Nru 21 | L-Anness III, Nru 22 | L-Anness III, Nru 22 | L-Anness III, Nru 23 | L-Anness III, Nru 23 | L-Anness III, Nru 24 | L-Anness III, Nru 24 | L-Anness III, Nru 25 | L-Anness III, Nru 25 | L-Anness III, Nru 26 | L-Anness III, Nru 26 | L-Anness III, Nru 27 | L-Anness III, Nru 27 | L-Anness III, Nru 28 | L-Anness III, Nru 28 | L-Anness III, Nru 29 | L-Anness III, Nru 29 | L-Anness III, Nru 30 | L-Anness III, Nru 30 | L-Anness III, Nru 31 | L-Anness III, Nru 31 | L-Anness III, Nru 32 | L-Anness III, Nru 32 | L-Anness III, Nru 33 | L-Anness III, Nru 33 | L-Anness III, Nru 34 | L-Anness III, Nru 34 | L-Anness III, Nru 35 | L-Anness III, Nru 35 | L-Anness III, Nru 36 | L-Anness III, Nru 36 | L-Anness III, Nru 37 | L-Anness III, Nru 37 | L-Anness III, Nru 38 | L-Anness III, Nru 38 | L-Anness III, Nru 39 | L-Anness III, Nru 39 | L-Anness III, Nru 40 | L-Anness III, Nru 40 | L-Anness III, Nru 41 | L-Anness III, Nru 41 | L-Anness III, Nru 42 | L-Anness III, Nru 42 | L-Anness III, Nru 43 | L-Anness III, Nru 43 | L-Anness III, Nru 44 | L-Anness IV | L-Anness IV | L-Anness V | -- | L-Anness VI | -- | --------------------------------------------------