31996L0071


Titolu u referenza

Id-Direttiva 96/71/Ke tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

 ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1–6 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 05 Volume 02 P. 431 - 436
 Edizzjoni Speċjali bil-Bulgaru: Chapter 05 Volume 04 P. 29 - 34
 Edizzjoni Speċjali bir-Rumen: Chapter 05 Volume 04 P. 29 - 34

 DA  DE  EL  EN  ES  FI  FR  IT  NL  PT  SV

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
html html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT RO SK SL SV

Id-Direttiva 96/71/Ke tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill

tas-16 ta' Diċembru 1996

dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 57(2) u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

(1) Billi, skond l-Artikolu 3(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, ta' bejn l-Istati Membri, ta' ostakoli għall-moviment liberu ta' persuni u servizzi tikkostitwixxi waħda mill-objettivi tal-Komunità;

(2) Billi, għall-prestazzjoni ta' servizzi, kull restrizzjoni ibbażata fuq ħtiġiet ta' ċittadinanza jew residenza hija ipprojbita taħt it-Trattat b'effett mill-aħħar tal-perjodu tranżitorju;

(3) Billi r-realizzazzjoni tas-suq intern toffri ambjent dinamiku għall-prestazzjoni transnazzjonali tas-servizzi, b'riżultat li numru dejjem akbar ta' impriżi qed jimpjegaw ħaddiema barra mill-pajjiz biex jitwettaq xogħol temporanjament fit-territorju ta' Stat Membru barra minn dak li fih huma normalment impjegati;

(4) Billi il-prestazzjoni ta' servizzi tista' tieħu l-forma, jew ta' prestazzjoni ta' xogħol minn impriża għall-benefiċċju u taħt id-direzzjoni tagħha, taħt kuntratt konkluż bejn dik l-impriża u l-parti li tibbenefika mis-servizz, jew ta' self ta' ħaddiema għall-użu minn impriża fil-qafas ta' kuntratt pubbliku jew privat;

(5) Billi kull promozzjoni ta' din ix-xorta tal-prestazzjoni transnazzjonali ta' servizzi teħtieġ klima ta' kompetizzjoni ġusta u miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema;

(6) Billi t-transnazzjonalizzazzjoni tar-relazzjoni ta' l-impjieg tista' taqla' problemi dwar il-leġislazzjoni applikabbli għar-relazzjoni ta' l-impjieg; billi huwa fl-interess tal-partijiet li jistabilixxu l-klawżoli u l-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni ta' l-impjieg maħsuba;

(7) Billi il-Konvenzjoni ta' Ruma tad-19 ta' Ġunju 1980 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kontrattwali [4], iffirmata mill-Istati Membri, daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 1991 fil-maġġoranza ta' l-Istati Membri;

(8) Billi l-Artikolu 3 ta' dik il-Konvenzjoni jipprovdi, bħala regola ġenerali, għall-għażla ħielsa ta' liġi magħmula mill-partijiet; billi, fin-nuqqas ta' għażla, il-kuntratt għandu jkun irregolat, skond l- Artikolu 6(2), bil-liġi tal-pajjiz, fejn l-impjegat normalment iwettaq xogħlu ineżekuzzjoni tal-kuntratt, anke jekk huwa temporanjament impjegat f'pajjiz ieħor, jew, jekk l-impjegat ma jagħmilx xogħol li jagħmel is-soltu f'pajjiż wieħed, skond il-liġi tal-pajjiz fejn jinsab il-post tan-negozju minn fejn kien imqabbad, sakemm ma jidhirx miċ-cirkostanzi kollha li l-kuntratt huwa konness b'mod aktar viċin ma' pajjiz ieħor, f'liema każ il-kuntratt għandu jiġi rregolat mil-liġi ta' dak il-pajjiz;

(9) Billi, skond l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni imsemmija, l-għażla ta' liġi magħmula mill-partijiet m'għandux ikollha ir-riżultat li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu mir-regoli obbligatorji tal-liġi li kienu jkunu applikabbli taħt il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu f'nuqqas ta' għażla;

(10) Billi l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni imsemmija jistabbilixxi, taħt ċerti kondizzjonijiet, li jista' jingħata effett, konkorrentement mal-liġi iddikjarata applikabbli, għar-regoli obbligatorji tal-liġi ta' pajjiż ieħor, b'mod partikolari il-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju l-ħaddiem ikun intbagħat temporanjament;

(11) Billi, skond il-prinċipju ta' preċedenza tal-liġi Komunitarja stabbilita fl-Artikolu 20, il-Konvenzjoni imsemmija ma taffettwax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li, f'relazzjoni għal l-kwistjoni partikolari, jistabilixxu regoli ta' l-għażla tal-liġi dwar l-obbligazzjonijiet kontrattwali u li huma jew ikunu miżmuma f'atti ta' l-instuzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropew jew fil-liġijiet nazzjonali armonizzati fl-implimentazzjoni ta' dawn l-atti;

(12) Billi l-liġi Komunitarja ma tipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw il-leġislazzjoni tagħhom, jew il-ftehim kollettiv li jidħol fih min iħaddem u l-ħaddiema, lil kull persuna li hija impjegata, anke temporanjament, fit-territorju tagħhom, għalkemm min iħaddem ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor; billi l-liġi Komunitarja ma tipprojbixxix lill-Istati Membri li jiggarantixxu l-osservanza ta' dawk ir-regoli b'mezzi approprjati;

(13) Billi il-liġijiet ta' l-Istati Membri għandhom ikunu koordinati sabiex jistabbilixxu nukleu ta' regoli obbligatorji għall-protezzjoni minima li jkunu osservati fil-pajjiz li jilqa' għandu minn min jħaddem li jibgħat ħaddiema biex jagħmlu xogħol temporanju fit territorju ta' Stat Membru fejn is-servizzi huma pprovduti; billi din il-koordinazzjoni tista' tintlaħaq biss permezz tal-liġi Komunitarja;

(14) Billi n-nukleu iebes ta' regoli ta' protezzjoni definiti b'mod ċar għandu jiġi osservat mill-fornitur tas-servizzi ikun xi jkun it-tul tal-prestazzjoni tal-ħaddiem;

(15) Billi għandu jiġi stabbilit li f'ċerti każijiet definiti b'mod ċar ta' assemblaġġ u/jew installazzjoni ta' merkanzija, id-dispożizzjonijiet dwar ir-rati minimi ta' ħlas u l-minimu ta' vakanzi annwali mħallsa ma japplikawx;

(16) Billi għandu jkun hemm ukoll ċerta flessibiltà fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar rati minimi ta' ħlas u tul minimu ta' btajjel annwali mħallsa; billi, meta t-tul ta' l-impjieg ma jkunx aktar minn xahar, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kondizzjonijiet, jidderogaw mid-dispożizzjonijiet dwar rati minimi ta' pagi jew jipprovdu għall-possibbilità ta' deroga permezz ta' ftehim kollettiv; billi, meta l-ammont ta' xogħol li għandu jsir huwa sinifikanti, l-Istat Membru jista' jidderoga mid-dispożizzjonijiet dwar rati minimi ta' ħlas u tul minimu tal-btajjel annwali imħallsa;

(17) Billi r-regoli obbligatorji għall-protezzjoni mimina fis-seħħ fil-pajjiz li jilqa' m'għandhomx jimpedixxu l-applikazzjoni ta' klawzoli u kundizzjonijiet ta' impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema;

(18) Billi l-prinċipju li impriżi stabbiliti barra l-Komunità m'għandhomx jirċievu trattament aktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fit-territorju ta' Stat Membru għandu jkun rispettat;

(19) Billi, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja, din id-Direttiva ma tinvolvix l-obbligu ta' rikonoxximent legali għall-eżistenza ta' impriżi ta' mpjieg temporanju, lanqas ma tippreġudika l-applikazzjoni mill-Istati Membri tal-liġijiet tagħhom dwar l-impjieg ta' ħaddiema u impriżi ta' impjieg temporanju u impriżi mhux stabbiliti fit-territorju tagħhom imma joperaw hemmhekk fil-qafas tal-prestazzjoni tas-servizzi;

(20) Billi din id-Direttiva la taffettwa l-ftehim konkluż mill-Komunità ma' pajjizi terzi u lanqas il-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-aċċess għat-territorju tagħhom ta' fornituri tas-servizzi minn pajjiżi terzi; billi din id-Direttiva ma tippreġudikax il-liġijiet nazzjonali dwar id-dħul, ir-residenza u aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema ta' pajjiżi terzi;

(21) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familji tagħhom fi ħdan il-Komunità [5] jistabbilixxi dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-benefiċċji u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali;

(22) Billi din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi ta' l-Istati Membri dwar azzjoni kollettiva biex tiddefendi l-interessi ta' snajja' u professjonijiet;

(23) Billi korpi kompetenti fi Stati Membri differenti għandhom jikkooperaw ma' xulxin fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva; billi l-Istati Membri għandhom jipprovdu rimedji approprjati fil-każ ta' nuqqas li jikkonformaw ma' din id-Direttiva;

(24) Billi huwa neċessarju li tiġi garantita l-applikazzjoni sewwa ta' din id-Direttiva u b'dak l-iskop li ssir dispożizzjoni għall-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

(25) Billi mhux iktar tard minn ħames snin wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva il-Kummissjoni għandha terġa' tara ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva bi skop li tipproponi, meta xieraq, l-emendi neċessarji,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Il-kamp ta' l-applikazzjoni

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta' Stat Membru.

2. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-impriżi ta' marina merkantili fejn għandhom x'jaqsmu l-baħħara.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

(a) jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta' Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta' kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta' servizzi li jopera f'dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni; jew

(b) jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f'impriża fil-proprjetà ta' grupp fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament; jew

(ċ) billi tkun impriża ta' impjieg jew aġent ta' kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta' Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta' impjieg bejn l-impriża ta' impjieg jew aġent ta' kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.

4. L-Impriżi stabbiliti fi Stat li mhux membru m'għandhomx jingħataw trattamenti iktar favorevoli minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru.

L-Artikolu 2

Tifsira

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "ħaddiem kollokat" ifisser ħaddiem li, għall-perjodu limitat jagħmel ix-xogħol tiegħu fit-territorju ta' Stat Membru barra mill-Istat li normalment jaħdem fih.

2. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, id-definizzjoni ta' ħaddiem hija dik li tapplika fil-liġi ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem jinbagħat.

L-Artikolu 3

It-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, tkun xi tkun il-liġi li tapplika għar-relazzjoni ta' impjieg, l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) jiggarantixxu lill-ħaddiema mibgħuta fit-territorju tagħhom it-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg li jkopru il-kwistjonijiet li ġejjin, fl-Istati Membri fejn ix-xogħol hu mwettaq, huma stabbiliti:

- skond liġi, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u/jew

- bi ftehim kollettiv jew sentenza ta' arbitraġġ li kienu ddikjarati universalment applikabbli fis-sens tal-paragrafu 8, sa fejn jikkonċernaw l-attivitajiet imsemmija fl-Anness:

(a) il-perjodi massimi ta' xogħol u l-perjodi minimi ta' mistrieħ;

(b) it-tul minimu tal-vaganzi annwali mħallsa;

(ċ) ir-rati minimi ta' ħlas, li jinkludu rati ta' sahra; dan il-punt ma japplikax għal skemi komplimentari għall-irtirar mix-xogħol;

(d) il-kundizzjonijiet ta' prestazzjoni ta' ħaddiema, b'mod partikulari il-fornitura ta' ħaddiema minn impriżi ta' impjieg temporanju;

(e) is-saħħa, is-sigurtà u l-iġjene fuq ix-xogħol;

(f) miżuri protettivi dwar termini u kundizzjonijiet ta' impjieg ta' nisa tqal jew nisa li għadhom kif weldu reċentement, ta' tfal u ta' żgħażagħ;

(g) it-trattament ugwali bejn irġiel u nisa u dispożizzjonijiet oħra dwar non-diskriminazzjoni.

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, il-kunċett ta' rati minimi ta' ħlas imsemmija fil-paragrafu 1 (ċ) huwa definit mil-liġi u/jew il-prattika nazzjonali ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem huwa mibgħut.

2. Fil-kaz ta' assemblaġġ inizjali u/jew l-ewwel installazzjoni ta' oġġetti meta din hija parti integrali ta' kuntratt għall-fornitura ta' oġġetti u neċessarju biex l-oġġetti forniti jintużaw u li jkunu esegwiti minn ħaddiema kwalifikati u/jew speċjalizzati ta' l-impriża ta' fornitura, l-ewwel subparagrafu tal- paragrafu 1 (b) u (ċ) m'għandhomx japplikaw, jekk il-perjodu ta' prestazzjoni ma jaqbiżx it-tmint ijiem.

Din id-dispożizzjoni m'għandhiex tapplika għall-attivitajiet fil-qasam ta' xogħol tal-bini mniżżel fl-Anness.

3. L-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw ma' min iħaddem u mal-ħaddiema, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiki ta' kull Stat Membru, jiddeċiedu li ma japplikawx l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) meta t-tul tal-prestazzjoni ma jaqbiżx ix-xahar.

4. L-Istati Membri jistgħu, skond il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, jipprovdu li jistgħu isiru eżenzjonijiet mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) u mid-deċiżjoni mill-Stat Membru fis-sens tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, permezz ta' ftehim kollettiv fis-sens tal-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, dwar wieħed jew aktar setturi ta' attività, meta t-tul tal-kollokament ma jaqbiżx ix-xahar.

5. L-Istati Membri jistghu jipprovdu biex l-eżenzjonijiet jingħataw mill-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 (b) u (ċ) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u (b) għar-raġuni li x-xogħol li għandu jsir ikun insinifikanti.

L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jistabilixxu l-kriterji li x-xogħol li għandu jsir għandu jilħaq sabiex jiġi kkunsidrat "insinifikanti".

6. It-tul tal-kollokament għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta' sena mill-bidu tal-kollokament.

Għall-iskop ta' dawn il-kalkoli, għandu jittieħed kont ta' kull perjodu preċedenti li matulhom ħaddiem ikkollokat kien fil-post.

7. Il-Paragrafi 1 sa 6 m'għandhomx iżommu l-applikazzjoni ta' klawżoli u kundizzjonijiet ta' impjieg jew xogħol li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Il-ħlas addizzjonali minħabba l-kollokament għandu jingħadd bħala parti mis-salarju minimu, barra minn dak li jitħallas bħala rimbors ta' spejjeż minħabba l-kollokament, bħalma huma l-ispejjeż tal-vjaġġ, ta' l-alloġġ jew ta' l-ikel.

8. "Ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ iddikjarati bħala ta' applikazzjoni ġenerali" ifisser ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ li għandhom ikunu osservati mill-impriżi kollha fis-settur u fil-professjoni jew fl-industrija kkonċernata.

Fl-assenza ta' sistema biex tiddikjara ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitraġġ bħala ta' applikazjoni universali fis-sens ta' l-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jiddeċiedu hekk, jibbażaw irwieħhom fuq:

- ftehim kollettiv jew sentenzi ta' arbitragg li huma ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fil-qasam ġeografiku u fil-professjoni jew fl-industrija ikkonċernata, u/jew

- ftehim kollettiv li kienu konklużi mill-organizzazzjonijiet l-iktar rappreżentattivi ta' min iħaddem u tal-ħaddiema fuq pjan nazzjonali u li huma applikati fuq it-territorju nazzjonali kollu,

sakemm l-applikazzjoni tagħhom għall-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) tiżgura ugwaljanza ta' trattament dwar kwistjonijiet elenkati fl-ewwl subparagrafu tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu bejn dawk l-impriżi u l-impriżi l-oħra msemmija f'dan is-subparagrafu li huma f'pożizzjoni simili.

L-ugwaljanza ta' trattament, fis-sens ta' dan l- Artikolu, għandha titqies li teżisti meta impriżi nazzjonali f'pożizzjoni simili:

- huma soġġetti, fil-post inkwistjoni jew fis-settur ikkonċernat, għall-istess obbligi bħala impriżi ta' kollokament dwar il-materji indikati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u

- huma meħtieġa jissodisfaw dawn l-obbligi bl-istess effetti.

9. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) għandhom jiggarantixxu lil ħaddiema msemmija fl-Artikolu 1(3)(ċ) it-termini u l-kundizzjonijiet li japplikaw għall-ħaddiema temporanji fl-Istati Membri fejn qed isir ix-xogħol.

10. Din id-Direttiva ma tipprekludix l-applikazzjoni mill-Istati Membri, f'konformità mat- Trattat, għall-impriżi nazzjonali u għall-impriżi ta' Stati oħra, fuq bażi ta' ugwaljanza ta' trattament ta':

- it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg dwar kwistjonijiet barra dawk msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 sa fejn għandhom x'jaqsmu dispożizzjonijiet ta' ordni pubbliku,

- it-termini u l-kondizzjonijiet ta' impjieg imniżżla fil-ftehim kolletiv jew sentenzi ta' arbitraġġ fis-sens tal-paragrafu 8 u dwar attivitajiet barra dawk imsemmija fl-Anness.

L-Artikolu 4

Il-kooperazzjoni dwar l-informazzjoni

1. Għall-iskopijiet ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, jinnominaw uffiċċju wieħed jew aktar jew korp nazzjonali wieħed jew aktar li jagħmlu liaison.

2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi li, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, huma responsabbli għall-monituraġġ tat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg imsemmija fl-Artikolu 3. Kooperazzjoni simili għandha b'mod partikulari tikkonsisti fi tweġiba għal talbiet raġjonevoli minn dawk l-awtoritajiet għal informazzjoni dwar il-prestazzjoni transnazzjonali ta' ħaddiema, inklużi abbużi manifesti jew każijiet possibbli ta' attivitajiet transnazzjonali illegali.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet pubbliċi imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jikkooperaw mill-qrib sabiex jeżaminaw kull diffikultà li tista' tinqala' fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(10).

L-assistenza amministrattiva reċiproka għandha tingħata bla ħlas.

3. Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri xierqa biex jagħmel l-informazzjoni dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg msemmija fl-Artikolu 3 ġeneralment disponibbli.

4. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni ta' l-uffiċji ta' liaison u/jew korpi kompetenti imsemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 5

Miżuri

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa fil-każ ta' non-konformità mad-Direttiva.

Għandhom b'mod partikulari jiżguraw li proċeduri adegwati huma disponibbli lill-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għat-twettiq ta' l-obbligi taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 6

Il-ġurisdizzjoni

Sabiex jiġi infurzat id-dritt għat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg iggarantiti fl-Artikolu 3, il-proċeduri gudizzjarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-ħaddiem qiegħed jew ġie kkollokat, mingħajr preġudizzju, meta applikabbli, bla ħsara, taħt konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti dwar il-ġurisdizzjoni, li jinfetħu proċeduri fi Stat ieħor.

L-Artikolu 7

L-implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw id-dispożizzjonijiet ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mis-16 ta' Diċembru 1999. Għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandha tkun akkumpanjata b'referenza simili fl-okkazjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

L-Artikolu 8

Ir-reviżjoni tal-Kummissjoni

Sa mhux aktar tard mis-16 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni għanda tirrevedi l-operat ta' din id-Direttiva bl-iskop li tipproponi l-emendi neċessarji lill-Kunsill meta xieraq.

L-Artikolu 9

Din-id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1996

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

[1] ĠU C 225, tat-30.8.1991, p. 6 u ĠU C 187, tad-9.7.1993, p. 5.

[2] ĠU C 49, ta' l-24.2.1992, p. 41.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Frar 1993 (ĠU C 72, tal-15.3.1993, p. 78), il-posizzjoni komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 1996 (ĠU C 220, tad-29.7.1996, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 1996 (ĠU C 320 tat-28.10.1996, p. 73.). Id-Deċizjoni tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1996.

[4] ĠU L 266, tad-9.10.1980, p. 1.

[5] ĠU L 149, tal-5.7.1971, p. 2; Edizzjoni Speċjali 1971 (II), p. 416. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 3096/95 (ĠU L 335, tat-30.12.1995, p. 10).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

L-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1), fit-tieni inċiż, jinkludu x-xogħol kollu tal-bini dwar il-kostruzzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, l-alterazzjoni jew id-demolizzjoni ta' bini, u b'mod partikulari ix-xogħol li ġej:

1. it-tħaffir

2. iċ-ċaqliq ta' materjal ta' l-art

3. ix-xogħol ta' bini

4. l-assemblaġġ u l-iżmuntar ta' elementi prefabbrikati

5. l-armar jew l-installazzjoni

6. l-alterazzjonijiet

7. ir-renovazzjoni

8. it-tiswija

9. iż-żarmar

10. id-demolizzjoni

11. il-manutenzjoni

12. ix-xogħol ta' dekorazzjoni, ta' żebgħa u tindif

13. it-titjib

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet