EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996L0067

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/EC tal-15 ta' Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità

OJ L 272, 25.10.1996, p. 36–45 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Estonian: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Latvian: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Lithuanian: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Hungarian Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Maltese: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Polish: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Slovak: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Slovene: Chapter 07 Volume 002 P. 496 - 505
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 004 P. 98 - 107
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 004 P. 98 - 107
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 026 P. 3 - 12

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/11/2003

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/67/oj

31996L0067



Official Journal L 272 , 25/10/1996 P. 0036 - 0045


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/EC

tal-15 ta' Ottubru 1996

dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

(1) Billi l-Komunità introduċiet gradwalment politika komuni ta' trasport bl-ajru bil-għan tat-tkomplija tas-suq intern skond l-Artikolu 7a tat-Trattat bħala kontribuzzjoni dejjiema biex tippromwovi l-progress ekonomiku u soċjali;

(2) Billi l-għan ta' l-Artikolu 59 tat-Trattat huwa li jelimina r-restrizzjoni dwar il-ħelsien ta' l-għoti ta' servizzi fil-Komunità; billi, skond l-Artikolu 61 tat-Trattat, dak l-għan għandu jinkiseb fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport;

(3) Billi permezz tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 [4], (KEE) 2408/92 [5] u (KEE) Nru 2409/92 [6] dak l-għan intlaħaq fir-rigward tas-servizzi tat-trasport ta' l-ajru bħala hekk;

(4) Billi s-servizzi ta' groundhandling huma essenzjali għall-funzjonament xieraq tat-trasport bl-ajru; billi jagħmlu kontribuzzjoni essenzjali għall-użu effiċjenti ta' l-infrastruttura tat-trasport bl-ajru;

(5) Billi l-ftuħ ta' l-aċċess għall-groundhandling għandu jgħin biex inaqqas l-ispejjeż tat-tħaddim tal-kumpaniji ta' l-ajru u jtejjeb il-kwalità tas-servizz provdut għal dawk li jużaw l-ajruport;

(6) Billi fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà huwa essenzjali li l-aċċess għas-suq tal-groundhandling għandu jseħħ f'qafas Komunitarju, waqt li jippermetti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħtu kont tan-natura speċifika tas-settur;

(7) Billi fil-komunikazzjoni tagħha ta' Ġunju 1994 intitolata "It-triq 'il quddiem għall-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa" il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tieħu iniżjattiva qabel l-aħħar ta' l-1994 biex tikseb aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità; billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-24 ta' Ottubru 1994 dwar is-sitwazzjoni fl-avjazzjoni ċivili Ewropea [7], ikkonferma l-ħtieġa li jingħata kont ta' l-imperattivi marbuta mas-sitwazzjoni fl-ajruporti meta jinfetaħ is-suq;

(8) Billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Frar 1995 dwar l-avjazzjoni ċivili Ewropea [8], il-Parlament Ewropew irrepeta l-preokkupazzjoni tiegħu li kont għandu jingħata ta' l-impatt ta' l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fuq l-impjiegi u l-kondizzjonijiet ta' sigurta f'ajruporti tal-Komunità;

(9) Billi aċċess ħieles għas-suq tal-groundhandling huwa konsistenti mat-tħaddim effiċjenti ta' ajruporti tal-Komunità;

(10) Billi aċċess ħieles għas-suq tal-groundhandling għandu jkun introdott gradwalment u jkun adattat għal-ħtiġiet tas-settur;

(11) Billi għal ċerti kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling aċċess għas-suq u self-handling jista' jħabbat wiċċu ma' sigurtà, sigurezza, kapaċità u restrizzjonijiet ta' spazju disponibbli; billi huwa għalhekk meħtieġ li jkun permess li n-numru ta' provdituri awtorizzati ta' dawk il-kategoriji ta' groundhandling ikun limitat; billi għandu wkoll ikun possibbli li jkun limitat is-self-handling; billi, f'dak il-każ, il-kriterji għall-limitazzjoni għandhom ikunu relevanti, oġġettivi trasparenti u mhux diskriminatorji;

(12) Billi jekk in-numru tal-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling jiġi limitat kompetizzjoni effettiva għandha teħtieġ li ta' l-anqas wieħed mill-fornituri ikun fl-aħħar mill-aħħar indipendenti ta' kemm il-korp li jmexxi l-ajruport u t-trasportatur dominanti;

(13) Billi jekk l-ajruporti għandhom jiffunzjonaw sew, għandhom ikunu jistgħu jirriżervaw għalihom infushom it-tmexxija ta' ċerti infrastrutturi li għal raġunijiet tekniċi kif ukoll għal raġunijiet ta' profitabbilità jew impatt ambjentali huma diffiċili li jinqasmu jew jiġu dupplikati; billi t-tmexxija ċentralizzata ta' dawk l-infrastrutturi m'għandiex, iżda, toħloq ostakolu għall-użu tagħhom minn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling jew b'self-handling minn dawk li jużaw l-ajruporti;

(14) Billi f'ċerti każi dan l-irbit jista' jkun tali li jkun jiġġustifika restrizzjonijiet dwar l-aċċess għas-suq jew dwar self-handling sal-limitu li dawk ir-restrizzjonijiet ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji;

(15) Billi l-għan ta' dawk l-eżenzjonijiet għandu jkun li jippermetti lil awtoritajiet ta' l-ajruport li jirbħu jew ta' l-anqas inaqssu dawk ir-restrizzjonijiet, billi dawn l-eżenzjonijiet għandhom ikunu approvati mill-Kummissjoni, megħjuna minn kumitat li jagħtiha l-pariri, u għandhom jingħataw għall-perjodu speċifiku;

(16) Billi, jekk kompetizzjoni effettiva u ġusta għandha tinżamm fejn in-numru ta' fornituri ta' servizzi ta' ground-handling huwa limitat, huwa meħtieġ li dan ta' l-aħħar jintagħżel skond proċedura trasparenti u imparzjali; billi dawk li jużaw l-ajruport għandhom ikunu konsultati meta jiġu biex jintagħżlu l-fornituri ta' servizzi ta' ground-handling, billi għandhom interess prinċipali fil-kwalità u l-prezz tas-servizzi ta' groundhandling li jeħtieġu;

(17) Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġi rranġat għar-rapppreżentanza ta' dawk li jużaw l-ajruport u l-konsultazzjoni tagħhom meta fornituri awtorizzati ta' serviżżi ta' ground-handling jintagħżlu, billi jitwaqqaf kumitat magħmul mir-rappreżentanti tagħhom;

(18) Billi huwa possibbli li f'ċerti ċirkostanzi u taħt kondizzjonijiet speċifiċi, fil-kuntest ta' l-għażla ta' fornituri ta' servizzi ta' ground-handling f'ajruport, li tiġi estiża l-obbligazzjoni tas-servizz pubbliku għal ajruporti oħra fl-istess reġjun ġeografiku ta' l-Istat Membru konċernat;

(19) Billi l-korp li jmexxi l-ajruport jista' wkoll jipprovdi servizzi ta' ground-handling u, permezz tad-deċiżjonijiet tiegħu, jista' jeżerċita influwenza konsiderevoli dwar il-kompetizzjoni bejn fornituri ta' servizzi ta' ground-handling; billi huwa għalhekk essenzjali, biex tinżamm kompetizzjoni ġusta, li l-ajruporti jkunu meħtieġa li jżommu konteġġi separati għat-tmexxija ta' l-infrastruttura u attivitajiet regolatorji tagħhom min-naħa 'l waħda u għall-provista ta' servizzi ta' ground-handling min-naħa 'l oħra;

(20) Billi ajruport m'għandux jissusidja l-attivitajiet tiegħu ta' ground-handling mid-dħul li jdaħħal mir-rwol tiegħu bħala awtorità ta' ajruport;

(21) Billi l-istess ħtiġiet ta' trasparenza għandhom japplikaw għall-fornituri kollha li jixtiequ joffru servizzi ta' ground-handling lill-partijiet terzi;

(22) Billi, biex l-ajruporti jkunu jistgħu jwettqu il-funzjonijiet tat-tmexxija infrastrutturali u jiggarantixxu sigurtà u sigurezza fil-postijiet ta' l-ajruport kif ukoll jipproteġu r-regolamenti ambjentali u soċjali fis-seħħ, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi li jagħmlu l-provista tas-servizzi ta' ground-handling suġġetta għall-approvazzjoni; billi l-kriterji għall-għoti ta' dik l-approvazzjoni għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u non-diskriminatorji;

(23) Billi, għall-istess raġunijiet, l-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa li jniżżlu u jinfurzaw ir-regoli meħtieġa għall-funzjonament xieraq ta' l-infrastruttura ta' l-ajruport; billi dawk ir-regoli għandhom jirrelataw ma' l-għan maħsub u m'għandhomx fil-prattika jnaqqsu l-aċċess għas-suq jew il-ħelsien li jmexxu huma stess għal-livell taħt dak ipprovdut f'din id-Direttiva; billi r-regoli għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' oġġettività, trasparenza u non-diskriminazzjoni;

(24) Billi l-Istati Membri għandhom iżommu is-setgħa li jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni soċjali għall-ħaddiema ta' intraprizi li jipprovdu servizzi ta' ground-handling;

(25) Billi l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta' ajruport għandu jkun garantit lill-fornituri awtorizzati li jipprovdu servizzi ta' ground-handling u lil dawk li jużaw l-ajruport li jmexxu huma stess, sal-limitu meħtieġ għalihom li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u li jippermettu kompetizzjoni ġusta u ġenwina; billi għandu jkun iżda possibbli, għal dak l-aċċess li jagħti lok għall-ġbir ta' ħlas;

(26) Billi huwa ġġustifikat li d-drittijiet rikonoxxuti b'din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall fornituri ta' pajjiżi terzi ta' servizzi ta' ground-handling u dawk li jużaw l-ajruport minn pajjiżi terzi suġġetti għal reċiproċità stretta; billi fejn m'hemmx dik ir-reċiproċità l-Istat Membru għandu jkun jista' jissospendi dawk id-drittijiet fir-rigward ta' dawk il-fornituri u dawk li jużaw;

(27) Billi arranġamenti għall-kooperazzjoni akbar dwar l-użu ta' l-ajruport ta' Ġibiltà kienu miftiehma f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987 mir-Rejnu ta' Spanja u r-Renju Unit f'dikjarazzjoni konġunta mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, u dawk l-arranġamenti għad iridu jibdew jitħaddmu;

(28) Billi din id-Direttiva ma teffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat; billi b'mod partikolari l-Kummissjoni għandha tkompli tiżgura l-konformità ma' dawn ir-regoli billi teżerċita, fejn meħtieġ, is-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 90 tat-Trattat,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tapplika għal kull ajruport li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u miftuħa għat-traffiku kummerċjali fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a) Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 7(1) li jirrelataw mal-kategoriji ta' servizzi ta' ground-handling barra minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw għal kull ajruport ikun x'ikun il-volum tiegħu ta' traffiku mill-1 ta' Jannar 1998.

(b) Id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Artikolu 7(2) għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 1998 għal ajruporti li t-traffiku annwali tagħhom ma jkunx anqas minn miljun moviment ta' passiġġier jew 25000 tunnellati ta' merkanzija.

(ċ) Id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mal-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Artikolu 6 għandhom jgħoddu mill-1 ta' Jannar 1999 għall-ajruporti:

- li t-traffiku annwali tagħhom mhux anqas minn moviment ta' 3 miljun passiġġier jew 75000 tunnellati ta' merkanzija; jew

- li t-traffiku tagħhom kien ta' mhux anqas minn 2 miljun moviment ta' passiġġier jew 50000 tunnellati ta' merkanzija matul il-perjodu ta' sitt xhur li jiġi qabel l-1 ta' April jew l-1 ta' Ottubru tas-sena ta' qabel.

2. Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jgħoddu mill-1 ta' Jannar 2001 għal kull ajruport li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u miftuħ għat-traffiku kummerċjali, li t-traffiku annwali tiegħu ma jkunx anqas minn moviment ta' 2 miljun passiġġier jew 50000 tunnellati ta' merkanzija.

3. Fejn ajruport jilħaq wieħed mil-limiti msemmija f'dan l-Artikolu mingħajr ma jilħaq il-limitu li jikkorespondi mal-moviment ta' passiġġieri, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx japplikaw għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling riżervati esklussivament għall-passiġġieri.

4. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, bħala tagħrif, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej lista ta' l-ajruporti li għalihom jirreferi dan l-Artikolu. Il-lista għandha l-ewwel tiġi ppubblikata fi żmien tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, u wara kull sena.

L-Istati Membri għandhom, qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena, jibagħtu lill-Kummissjoni it-tagħrif meħtieġ biex titħejja l-lista.

5. L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibiltà hija miftiehma li tkun mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi ta' Spanja u tar-Renju Unit fir-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità dwar it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

6. L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għall-ajruport ta' Ġibiltà għandha tkun sospiża sakemm l-arranġamenti tad-dikjarazzjoni konġunta magħmula mill-Ministri Barranin ta' Spanja u r-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987 tibda titħaddem. Il-Gvernijiet ta' Spanja u r-Renju Unit għandhom javżaw b'dan lill-Kunsill f'dik id-data.

L-Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "ajruport" tfisser kull arja ta' art speċjalment adattata għall-inżul, tluq u manuvri ta' inġenji ta' l-ajru, inklużi l-istallazzjonijiet anċillari li dawn l-operazzjonijiet jistgħu jinvolvu għall-ħtiġiet tat-traffiku u servizzi ta' l-inġenji ta' l-ajru inklużi l-istallazzjonijiet meħtieġa biex jgħinu servizzi kummerċjali ta' l-ajru;

(b) "sistema ta' ajruport" tfisser żewġ ajruporti jew aktar raggruppati flimkien biex jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni, kif imsemmija fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji;

(ċ) "korp li jmexxi l-ajruport" tfisser korp li, flimkien ma' attivitajiet oħra jew le skond il-każ, għandu bħala l-għanijiet tiegħu taħt xi liġi jew regolament nazzjonali li jamministra u jmexxi l-infrastrutturi ta' l-ajruport, u l-koordinazzjoni u l-kontroll ta' l-attivitjiet ta' l-operaturi differenti preżenti fl-ajruport jew is-sistema ta' ajruport konċernata;

(d) "dak li juża l-ajruport" tfisser kull persuna naturali jew legali responsabbli għall-ġarr ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija bl-ajru minn, jew għall-ajruport konċernat;

(e) "groundhandling" tfisser is-servizzi provduti għal dawk li jużaw l-ajruport kif deskritti fl-Anness;

(f) "self-handling" tfisser sitwazzjoni li fiha dak li juża l-ajruport direttament jipprovdi għalih innifsu waħda jew aktar mill-kategorija ta' servizzi ta' groundhandling u ma jkun ikkonkluda ebda kuntratt ta' kull deskrizzjoni ma' partijiet terzi għall-provista ta' dawk is-servizzi; għall-għanijiet ta' din it-tifsira, bejniethom dawk li jużaw l-ajruport m'għandhomx jitqiesu li jkunu partijiet terzi fejn:

- wieħed għandu maġġoranza ta' ishma fl-ieħor; jew

- korp wieħed għandu maġġoranza ta' ishma f'kull wieħed;

(g) "fornitur ta' servizzi ta' groundhandling" tfisser kull persuna naturali jew legali li tipprovdi lill-partijiet terzi kategorija waħda jew aktar ta' servizzi ta' groundhandling.

L-Artikolu 3

Korp li jmexxi l-ajruport

1. Fejn ajruport jew sistema ta' ajruport hija mħaddma u operata mhux minn korp wieħed iżda minn diversi korpi separati, kull wieħed minn dawk il-korpi jkun meqjus parti mill-korp li jmexxi l-ajruport għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

2. Bl-istess mod, fejn korp wieħed li jmexxi huwa mwaqqaf għal diversi ajruporti jew sistemi ta' ajruporti, kull wieħed minn dawk l-ajruporti jew sistemi ta' ajruporti għandu jitqies separatament għall-għanijiet ta' din id-Direttiva.

3. Jekk il-korp li jmexxi l-ajruporti huwa suġġett għas-sorveljanza jew kontroll ta' awtorità pubblika nazzjonali, dik l-awtorità għandha tkun obbligata, fil-kuntest ta' l-obbligi legali li jiddevolvu fuqha, tiżgura li din id-Direttiva tiġi applikata.

L-Artikolu 4

Separazzjoni tal-kontijiet

1. Fejn korp li jmexxi ajruport, dak li juża l-ajruport jew il-fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jipprovdi servizzi ta' groundhandling, għandhom jisseparaw rigorożament il-kontijiet ta' l-attivitajiet ta' groundhandling mill-kontijiet ta' l-attivitajiet l-oħra tagħhom, skond il-prattika kummerċjali fis-seħħ.

2. Eżaminatur indipendenti maħtur mill-Istat Membru għandu jivverifika li din is-separazzjoni ta' kontijiet titwettaq.

L-eżaminatur għandu jivverifika wkoll l-assenza ta' flussi finanzjarji bejn l-attività tal-korp li jmexxi bħala awtorità ta' l-ajruport u l-attività tiegħu ta' groundhandling.

L-Artikolu 5

Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruport

1. Tnax-il xahar sa l-aktar tard mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għal kull wieħed mill-ajruporti konċernati, kumitat ta' rappreżentanti ta' dawk li jużaw l-ajruport jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw dawk li jużaw l-ajruport jitwaqqaf.

2. Dawk kollha li jużaw l-ajruport għandhom id-dritt li jkunu fuq dan il-kumitat, jew, jekk hekk jixtiequ, li jkunu rappreżentati fuqu minn organizzazzjoni maħtura għal dak il-għan.

L-Artikolu 6

Groundhandling għall-partijiet terzi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw aċċess ħieles għall-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għas-suq tal-provista ta' servizzi ta' groundhandling lill-partijiet terzi.

L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jeħtieġu lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling ikunu stabbiliti fil-Komunità.

2. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta' fornituri awtorizzati li jipprovdu l-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li ġejjin:

- maniġġar tal-bagolli,

- maniġġar tar-rampa,

- maniġġar tal-karburanti u żjut,

- maniġġar ta' merkanzija u posta fir-rigward tat-tmexxija fiżika tal-merkanzija u l-posta, sew dawk li jidħlu jew dawk li joħorġu, bejn it-terminal ta' l-ajru u l-inġenju ta' l-ajru.

M'għandhomx iżda, jillimitaw in-numru għal anqas minn tnejn għal kull kategorija ta' servizz ta' groundhandling.

3. B'żieda, mill-1 ta' Jannar 2001 ta' l-anqas wieħed mill-fornituri awtorizzati ma jistax ikun direttament jew indirettament ikkontrollat minn:

- korp li jmexxi l-ajruport,

- xi wieħed minn dawk li juża l-ajruport li jkun ġarr aktar minn 25 % tal-passiġġieri jew merkanzija rekordjati fl-ajruport matul is-sena ta' qabel li fiha dawk il-fornituri kienu magħżula,

- korp li jikkontrolla jew ikkontrollat direttament jew indirettament minn dak il-korp tat-tmexxija jew kull utent bħal dak.

Iżda mill-1 ta' Lulju 2000, Stat Membru jista' jitlob li l-obbligu ta' dan il-paragrafu ikun differit sal-31 ta' Diċembru 2002.

Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha teżamina dik it-talba u tista', wara li tikkonsidra l-evoluzzjoni tas-settur u, b'mod partikolari, is-sitwazzjoni fl-ajruporti paragunabbli skond il-volum ta' traffiku u x-xejra, tiddeċiedi li tilqa' l-imsemmija talba.

4. Fejn bis-saħħa tal-paragrafu 2 jirrestrinġu n-numru ta' fornituri awtorizzati, l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu lil xi ħadd li juża l-ajruport, tkun liema tkun il-parti ta' l-ajruport allokata lilu, milli jkollu, dwar kull kategorija ta' servizz ta' groundhandling suġġetta għar-restrizzjoni, l-għażla effettiva bejn ta' l-anqas żewġ fornituri ta' servizzi ta' groundhandling, taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fil-paragrafi 2 u 3.

L-Artikolu 7

Self-handling

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa skond l-arranġamenti mniżżla fl-Artikolu 1 biex jiżguraw il-liberta ta' self-handling.

2. Iżda, għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li ġejjin:

- maniġġar tal-bagolli,

- maniġġar tar-rampa,

- maniġġar tal-karburanti u żjut,

- maniġġar ta' merkanzija u posta fir-rigward tal-maniġġjar fiżiku tal-merkanzija u l-posta, sew dawk li jidħlu, dawk li joħorġu, jew dawk li jiġu trasferiti, bejn it-terminal ta' l-ajru u l-inġenju ta' l-ajru.

L-Istati Membri jistgħu jirriżervaw id-dritt għall-self-handling għal mhux anqas minn tnejn li jużaw l-ajruport, sakemm dawn jintagħżlu fuq il-bażi ta' kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskjriminatorji.

L-Artikolu 8

Infrastrutturi ċentralizzati

1. Minkejja l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6 u 7, l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw għall-korp li juża l-ajruport jew għal xi korp ieħor it-tmexxija ta' l-istrutturi ċentralizzati użati għall-provista ta' servizzi ta' groundhandling li l-komplessità, nefqa u impatt ambjentali tagħhom ma jippermettix id-divizjoni jew id-duplikazzjoni, bħal tagħżil tal-bagolli, de-icing, purifikazzjoni ta' l-ilma u sistemi tad-distribuzzjoni tal-karburanti. Jistgħu jagħmluha obbligatorja għall-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling li jużaw l-ajruport li jużaw dawn l-infrastrutturi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmexxija ta' dawn l-infrastrutturi tkun trasparenti, oġġettiva u mhux diskriminatorja u, b'mod partikolari, li ma tfixkilx l-aċċess għall-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling li jużaw l-ajruport fil-limiti li għalihom tipprovdi din id-Direttiva.

L-Artikolu 9

Eżenzjonijiet

1. Fejn f'ajruport, minħabba restrizzjonijiet speċifiċi ta' nuqqas ta' spazju jew kapaċità disponibbli, li toħroġ b'mod partikolari minn konġestjoni u r-rata ta' utilizzazzjoni ta' l-arja, jagħmluha impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat self-handling sal-grad li għalih tipprovdi din id-Direttiva, l-Istat Membru konċernat jista' jiddeċiedi:

(a) li jillimita n-numru ta' fornituri għall-waħda jew iżjed mill-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling ħlief għal dawk imsemmija fl-Artikolu 6(2) fl-ajruport kollu jew parti minnu; f'dan il-każ id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(2) u (3) għandhom jgħoddu;

(b) li jirriżerva għall-provditur wieħed jew aktar il-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling imsemmija fl-Artikolu 6(2);

(ċ) li jirriżerva s-self-handling għal numru limitat ta' dawk li jużaw l-ajruport għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling ħlief għal dawk li għalihom jirreferi l-Artikolu 7(2), sakemm dawk li jużaw l-ajruport ma jkunux magħżula fuq il-bażi tal-kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji;

(d) li jipprojbixxu s-self-handling jew jirrestrinġuh għal wieħed biss li juża l-ajruport għall-kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li għalihom jirreferi l-Artikolu 7(2).

2. L-eżenzjonijiet kollha deċiżi skond il-paragrafu 1 għandhom:

(a) jispeċifikaw il-kategorija jew kategoriji ta' servizzi ta' groundhandling li dwarhom tkun ingħatat l-eżenzjoni u r-restrizzjonijiet speċifiċi ta' spażju jew kapaċità disponibbli li tiġġustifikhom;

(b) ikunu akkumpanjati minn pjan ta' miżuri xierqa biex jintgħelbu dawn ir-restrizzjonijiet.

B'żieda, l-eżenzjonijiet m'għandhomx:

(i) jippreġudikaw indebitament l-għanijiet ta' din id-Direttiva;

(ii) jagħtu lok għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni bejn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u/jew self-handling li jużaw l-ajruport;

(iii) jestendu aktar milli meħtieġ.

3. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, ta' l-anqas tliet xhur qabel ma jdaħħlu fis-seħħ, b'eżenzjonijiet li jagħtu fuq il-bażi tal-paragrafu 1 u fuq il-bażi li jiġġustifikawhom.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika sommarju tad-deċiżjonijiet li tkun ġiet nnotifikati bihom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandha tistieden lill-partijiet interessati li jibgħatu l-kummenti tagħhom.

4. Il-Kummissjoni għandha teżamina mill-qrib id-deċiżjonijiet ta' eżenzjoni mibgħuta mill-Istati Membri. Għal dak il-għan il-Kummissjoni għandha tagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni u studju tal-miżuri xierqa mibgħuta mill-Istat Membru biex tivverifika li r-restrizzjonijiet allegati jeżistu u li huwa impossibbli li jinfetaħ is-suq u/jew jiġi implimentat is-self-handling sal-grad kif hemm ipprovdut f'din id-Direttiva.

5. B'żieda ma' dak l-eżami u wara li tikkonsulta ma' l-Istat Membru konċernat, il-Kummissjoni tista' tapprova d-deċiżjoni ta' l-Istat Membru jew topponiha jekk tqis li r-restrizzjonijiet allegati ma jkunx ġie ppruvat li jeżistu jew li mhumiex daqshekk gravi li jiġġustifikaw l-eżenzjoni. Wara li tikkonsulta l-Istat Membru konċernat il-Kummissjoni tista' wkoll teħtieġ lill-Istat Membru li jemenda l-firxa ta' l-eżenzjoni jew jillimitha għal dawk il-partijiet ta' l-ajruport jew sistema ta' l-ajruport fejn ir-restrizzjonijiet allegati jkunu ġew ippruvati li jeżistu.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed mhux aktar tard mnn tliet xhur wara n-notifikazzjoni mill-Istat Membru u għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

6. Eżenzjonijiet mogħtija minn Stat Membru skond il-paragrafu 1 ma jistgħux ikunu ta' aktar minn tliet snin ħlief għall-eżenzjonijiet mogħtija taħt il-paragrafu 1(b). Mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' dak il-perjodu l-Istat Membru għandu jieħu deċiżjoni ġdida dwar xi talba għall-eżenzjoni, li għandha wkoll tkun suġġetta għall-proċedura mniżżla f'dan l-Artikolu.

Eżenzjonijiet taħt il-paragrafu 1(b) m'għandhomx ikunu itwal minn sentejn. Iżda, Stat Membru jista' fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jitlob li dak il-perjodu jiġi mtawwal b'perjodu wieħed ta' sentejn. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat li għalih jirreferi l-Artikolu 10, għandha tiddeċiedi dwar dik it-talba.

L-Artikolu 10

Kumitat Konsultattiv

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat ta' pariri magħmul minn rappreżentati ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-Kumitat għandu jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 9.

3. Il-Kumitat jista' b'żieda jkun konsultat mill-Kummissjoni fuq kull kwistjoni oħra li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

4. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

L-Artikolu 11

Għażla ta' fornituri

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-organizzazzjoni tal-proċedura ta' l-għażla għall-fornituri awtorizzati li jipprovdu servizzi ta' ground-handling f'ajruport fejn in-numru tagħhom huwa limitat fil-każijiet li għalihom jipprovdi l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9. Din il-proċedura għandha tikkonforma mal-prinċipji li ġejjin:

(a) Fil-każijiet fejn l-Istati Membri jeħtieġu t-twaqqif ta' kondizzjonijiet standard jew speċifikazzjonijiet tekniċi li jiġu osservati minn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling, dawk il-kondizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruport. Il-kriterji ta' l-għażla mniżżla fil-kondizzjonijiet standard jew speċifikazzjonijiet tekniċi għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

Wara li jkun innotifika lill-Kummissjoni, l-Istat Membru konċernat jista' jinkludi mal-kondizzjonijiet jew speċifikazzjonijiet tekniċi li magħhom il-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għandhom jikkonformaw obbligi ta' servizz pubbliku dwar l-ajruporti li jservu reġjuni periferiċi jew li qed jiżviluppaw li jagħmlu parti mit-territorju tiegħu, li ma jkollhom ebda interess kummerċjali iżda li huma ta' importanza vitali għall-Istat Membru konċernat.

(b) Invit għall-offerta għandu joħroġ u jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li għalih kull fornitur interessat ta' servizzi ta' groundhandling jista' jirrispondi.

(ċ) Fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għandhom jingħażlu:

(i) wara konsultazzjoni mal-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruporti mill-korp li jmexxi l-ajruport, b'dan illi dan ta' l-aħħar:

- ma jipprovdix servizzi simili ta' groundhandling; u

- ma jkollu ebda kontroll dirett jew indirett fuq xi impriża li tipprovdi dawk is-servizzi; u

- ma jkollu ebda involviment f'xi impriża bħal dawk;

(ii) fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li huma indipendenti mill-korp li jmexxi l-ajruport konċernat, u għandhom l-ewwel jikkonsultaw mal-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruporti u dak il-korp li jmexxi.

(d) Fornituri ta' servizzi ta' groundhandling għandhom jintgħażlu għall-perjodu massimu ta' seba' snin.

(e) Fejn fornitur ta' servizzi ta' groundhandling iwaqqaf l-attività tiegħu qabel it-tmiem tal-perjodu li għalih ikun intgħażel, għandu jinbidel fuq il-bażi ta' l-istess proċedura.

2. Fejn in-numru ta' fornituri ta' servizzi ta' groundhandling huwa limitat skond l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 9, il-korp li jmexxi l-ajruport jista' hu innifsu jipprovdi s-servizzi ta' groundhandling mingħajr ma jkun suġġett għall-proċedura ta' l-għażla mniżżla fil-paragrafu 1. Bl-istess mod, jista' mingħajr ma jibgħatha għall-istess proċedura, jawtorizza impriża li tipprovdi servizzi ta' groundhandling fl-ajruport konċernat:

- jekk ikun jikkontrolla dik l-impriża direttament jew indirettament; jew

- l-impriża tikkontrollah direttament jew indirettament.

3. Il-korp li jmexxi l-ajruport għandu javża lill-Kumitat ta' dawk li jużaw l-Ajruport bid-deċiżjonijiet meħuda taħt dan l-Artikolu.

L-Artikolu 12

Ajruporti fi Gżejjer

Fil-kuntest ta' l-għażla ta' fornituri ta' servizzi ta' groundhandling f'ajruport kif hemm provdut fl-Artikolu 11, Stat Membru jista' jifrex l-obbligi ta' servizz pubbliku f'ajruporti oħra f'dak l-Istat Membru sakemm:

- dawk l-ajruporti jkunu jinsabu fuq gżejjer fl-istess reġjun ġeoġrafiku; u

- kull wieħed minn dawk l-ajruporti jkollu volum ta' traffiku ta' mhux anqas minn 100000 moviment ta' passiġġier fis-sena; u

- dik l-estenzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 10.

L-Artikolu 13

Konsultazzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jaraw li l-proċedura ta' konsultazzjoni obbligatorja li tirrelata ma' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva hija organizzata bejn il-korp li jmexxi l-ajruport, il-Kumitat ta' dawk li jużaw l-ajruport u l-impriżi li jipprovdu servizzi ta' groundhandling. Din il-konsultazzjoni għandha tkopri, fost oħrajn, il-prezz ta' dawk is-servizzi ta' groundhandling li dwarhom tkun ingħatat eżenzjoni skond l-Artikolu 9(1)(b) u l-organizzazzjoni tal-provista ta' dawk is-servizzi. Dawk il-konsultazzjonijiet għandhom jiġu organizzati ta' l-anqas darba fis-sena.

L-Artikolu 14

Approvazzjoni

1. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-attività ta' groundhandling ta' fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew dak li juża s-self-handling f'ajruport kondizzjonata fuq il-ksib ta' approvazzjoni ta' awtorità pubblika indipendenti mill-korp li jmexxi l-ajruport.

Il-kriterji għal dik l-approvazzjoni għandhom jirrelataw ma' sitwazzjoni finanzjarja soda u kopertura biżżejjed ta' assigurazzjoni, għas-sigurezza u sigurtà ta' stallazzjonijiet, tal-bċejjeċ ta' l-ajru, ta' tagħmir u ta' persuni, kif ukoll tal-protezzjoni ambjentali u konformità mal-leġislazzjoni soċjali relevanti.

Il-kriterji għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

(a) għandhom ikunu applikati b'mod mhux diskriminatorju għall-fornituri diversi ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport;

(b) għandhom jirrelataw ma' l-għan maħsub.

(ċ) m'għandhomx, fil-prattika, inaqqsu l-aċċess għas-suq jew l-għażla ta' self-handle f'livell aktar baxx minn dak li tipprovdi din id-Direttiva.

Dawn il-kriterji għandhom isiru pubbliċi u l-fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling ta' dak li juża l-ajruport għandhom ikunu avżati bil-quddiem bil-proċedura tal-ksib ta' l-approvazzjoni.

2. L-approvazzjoni tista' tinżamm jew tiġi rtirata biss jekk il-fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling ta' dak li juża l-ajruport ma jilħqux, minħabba raġunijiet li għalihom huwa responsabbli hu stess, il-kriterji msemmija fil-paragrafu 1.

Ir-raġunijiet għaż-żamma jew l-irtirar għandhom jiġu komunikati lill-fornitur jew dak li juża konċernat u lill-korp li jmexxi l-ajruport.

L-Artikolu 15

Regoli ta' kondotta

Stat Membru jista', fejn japplika fuq proposta mill-korp li jmexxi l-ajruport:

- jipprojbixxi li fornitur ta' servizzi ta' groundhandling jew dak li juża l-ajruport milli jipprovdi servizzi ta' groundhandling jew self-handling jekk dak il-fornitur jew dak li juża jonqos milli jħares ir-regoli imposti fuqu biex jiżgura t-tħaddim kif imiss ta' l-ajruport;

Dawk ir-regoli għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

(a) għandhom ikunu applikati b'mod mhux diskriminatorju għall-fornituri diversi ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport;

(b) għandhom jirrelataw ma' l-għan maħsub;

(ċ) m'għandhomx, fil-prattika, inaqqsu l-aċċess għas-suq jew l-għażla ta' self-handle f'livell aktar baxx minn dak li tipprovdi din id-Direttiva.

- b'mod partikolari jeħtieġu li fornituri ta' servizzi ta' groundhandling f'ajruport li jipparteċipaw b'mod ġust u mhux diskriminatorju fit-twettiq ta' l-obbligi tas-servizz pubbliku mniżżla fil-liġijiet jew regoli nazzjonali, inkluż l-obbligu li jiġi żgurat servizz kontinwu.

L-Artikolu 16

Aċċess għal stallazzjonijiet

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport li jixtiequ li jmexxu huma stess ikollhom aċċess għall-istallazzjonijiet ta' l-ajruport sal-limitu meħtieġ għalihom biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom. Jekk il-korp li jmexxi l-ajruport jew, fejn japplika, l-awtorità pubblika jew xi korp ieħor li jikkontrollah jimponi xi kondizzjonijiet dwar dak l-aċċess, dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

2. L-ispazju disponibbli għall-groundhandling f'ajruport għandu jkun maqsum mal-fornituri varji tas-servizzi ta' groundhandling u self-handling ta' dawk li jużaw l-ajruport, inklużi dawk li jidħlu ġodda f'dan il-qasam, sal-limitu meħtieġ għat-twettiq tad-drittijiet tagħhom u li jippermetti kompetizzjoni effettiva u ġusta, fuq il-bażi tar-regoli u kriterji relevanti, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji.

3. Fejn l-aċċess għall-istallazzjonijiet ta' ajruport jagħti lok għall-ġbir ta' ħlas, din ta' l-aħħar għandha tkun stabbilita skond il-kriterji relevanti, oġġettivi trasparenti u mhux diskriminatorji.

L-Artikolu 17

Sigurtà u sigurezza

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhom bl-ebda mod jeffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta' l-Istati Membri dwar il-liġi u l-ordni, sigurtà u sigurezza fl-ajruporti.

L-Artikolu 18

Protezzjoni soċjali u ambjentali

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità, l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ambjent.

L-Artikolu 19

Konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali

Fornitur ta' servizzi ta' groundhandling f'ajruport fi Stat Membru għandu jkun meħtieġ li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li hija kompatibbli mal-liġi tal-Komunità.

L-Artikolu 20

Reċiproċità

1. Mingħajr preġudizzju għar-rabtiet internazzjonali tal-Komunità, fejn jidher li xi pajjiż terz, dwar l-aċċess għas-suq ta' servizzi ta' groundhandling jew self-handling:

(a) ma jagħtix, de jure jew de facto, lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn Stat Membru trattament paragunabbli ma' dak mogħti mill-Istati Membri lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn dak il-pajjiż; jew

(b) ma' jagħtix, de jure jew de facto, lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn Stat Membru trattament nazzjonali; jew

(c) lill-fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn pajjiżi terzi oħra trattament aktar favorevoli minn fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u self-handling lil dawk li jużaw l-ajruport minn Stat Membru;

Stat Membru jista' jissospendi l-obbligi kollha kemm huma jew parzjalment li joħorġu minn din id-Direttiva dwar fornituri ta' servizzi ta' groundhandling u dawk li jużaw l-ajruport minn dak il-pajjiż terz, skond il-liġi tal-Komunità.

2. L-Istat Membru konċernat għandu javża lill-Kummissjoni b'kull irtirar jew sospensjoni tad-drittijiet jew obbligi.

L-Artikolu 21

Dritt ta' appell

L-Istati Membri jew, fejn japplika, il-korpi li jmexxu l-ajruporti għandhom jiżguraw li kull parti b'interess leġittimu għandha d-dritt ta' appell kontra d-deċiżjonijiet jew miżuri individwali meħuda skond l-Artikoli 7(2) u 11 sa 16.

Għandu jkun possibbli li jinġieb appell quddiem qorti nazzjonali jew awtorità pubblika ħlief il-korp li jmexxi l-ajruport konċernat u, fejn japplika, indipendenti mill-awtorità pubblika li tikkontrollah.

L-Artikolu 22

Rapport ta' tagħrif u reviżjoni

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Komunità bit-tagħrif meħtieġ minnha biex tħejji rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Dan ir-rapport, akkumpanjat b'xi proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva, għandu jitħejja mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2001.

L-Artikolu 23

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn sena mid-data tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandhom javżaw minnufih b'dan lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif għandha ssir ir-referenza għandhom jitniżżlu mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 25

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fil-15 ta' Ottubru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Howlin

[1] ĠU C 142, tat-8.6.1995, p. 7 u ĠU C 124, tas-27.4.1996 p. 19.

[2] ĠU C 301, tat-13.11.1995, p. 28.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 1995 (ĠU C 323, ta' l-4.12.1995, p. 106), pożizzjoni komuni tal-Kunsill tat-28 ta' Marzu 1996 (ĠU C 134, tas-6.5.1996, p. 30) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Lulju 1996 (ĠU C 261, tad-9.9.1996).

[4] ĠU L 240, ta' l-24.8.1992, p. 1.

[5] ĠU L 240, ta' l-24.8.1992, p. 8. Ir-Regolament kif emendat mill-Att tal-Aċċessjoni ta' l-1994.

[6] ĠU L 240, ta' l-24.8.1992, p. 15.

[7] ĠU C 309, tal-5.11.1994, p. 2.

[8] ĠU C 56, tas-6.3.1995, p. 28.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

LISTA TA' SERVIZZI TA' GROUNDHANDLING

1. Amministrazzjoni fl-art u sorveljanza jinkludu:

1.1. rappreżentanza u servizzi ta' kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet lokali jew xi entità oħra, żburżjar għan-nom ta' dak li juża l-ajruport u dispożizzjoni għall-ispazju ta' l-uffiċċju tar-rappreżentanti tiegħu;

1.2. kontroll tat-tagħbija, messaġġi u telekomunikazzjonijiet;

1.3. tmexxija, ħażna u amministrazzjoni tat-tagħmir tal-unit load;

1.4. kull servizz ieħor ta' sorveljanza qabel, matul u wara t-titjira u kull servizz ieħor amministrattiv mitlub minn dak li juża l-ajruport.

2. Handling tal-passiġġieri jikkomprendi kull xorta ta' għajnuna lill-passiġġieri li jaslu, jitilqu, jittrasferixxu jew ikunu fi transitu, inkluż l-ivverifikar tal-biljetti u dokumenti tal-vjaġġ, reġistrazzjoni ta' bagolli u l-ġarr tagħhom għall-arja fejn jintgħażlu.

3. Handling tal-bagolli jikkomprendi l-handling tal-bagolli fl-arja fejn jintgħażlu, jingħażlu, jitħejjew għat-tluq, jitgħabbew fuq jew jitniżżlu minn fuq it-tagħmir maħsub li jġorrhom mill-inġenju ta' l-ajru għall-arja fejn jintgħażlu u vici versa, kif ukoll il-ġarr tal-bagolli mill-arja fejn jintgħażlu għall-arja fejn jittieħdu lura.

4. Handling tal-merkanzija u l-posta jikkomprendi:

4.1. għall-merkanzija: l-handling fiżiku għall-esportazzjoni, trasferiment u importazzjoni tal-merkanzija, handling tad-dokumenti relatati, il-proċeduri tad-dwana u l-implimentazzjoni ta' xi proċedura ta' sigurezza miftiehma bejn il-partijiet jew meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;

4.2. għall-posta: l-handling fiżiku għall-posta dieħla 'l ġewwa u ħierġa 'l barra, l-handling tad-dokumenti relatati u l-implimentazzjoni ta' xi proċedura ta' sigurezza miftiehma bejn il-partijiet jew meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;

5. Handling tar-rampa jikkomprendi:

5.1. it-tqegħid bl-ordni ta' l-inġenju ta' l-ajru fuq l-art mal-wasla u t-tluq [1];

5.2. għajnuna fl-ippakkjar ta' l-inġenju ta' l-ajru u l-provista ta' mekkaniżmi addattati [2];

5.3. komunikazzjoni bejn l-inġenju ta' l-ajru u l-fornitur air-side tas-servizzi [3];

5.4. għat-tgħabija u l-ħatt ta' l-inġenju ta' l-ajru, inkluża l-provista u t-tħaddim ta' mezzi addattati, kif ukoll tal-ġarr ta' l-ekwipaġġ u l-passiġġieri bejn l-inġenju ta' l-ajru u t-terminal, u t-trasport tal-bagolli bejn l-inġenju ta' l-ajru u t-terminal;

5.5. il-provista u t-tħaddim għall-units addattati għall-istartjar tal-magna;

5.6. iċ-ċaqliq ta' l-inġenju ta' l-ajru mal-wasla u t-tluq, kif ukoll il-provista u t-tħaddim ta' mekkaniżmi adattati;

5.7. il-ġarr, tagħbija fuq u l-ħatt mill-inġenju ta' l-ajru ta' l-ikel u xorb.

6. Is-servizzi ta' l-inġenju ta' l-ajru jikkomprendu:

6.1. it-tindif minn barra u minn ġewwa ta' l-inġenju ta' l-ajru, u s-servizzi tat-tojlits u l-ilma;

6.2. it-tkessiħ u t-tisħin tal-kabina, it-tneħħija ta' borra u silġ, id-de-icing ta' l-inġenju ta' l-ajru;

6.3. l-irranġar mill-ġdid tal-kabina b'tagħmir adattat tal-kabina, il-ħażna ta' dan l-apparat.

7. andling tal-karburanti u żjut jikkomprendi:

7.1. l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' l-operazzjonijiet tal-għoti u t-tneħħija ta' karburanti, inkluża l-ħażna tal-karburant u l-kontroll tal-kwalità u l-kwantità tal-konsenji tal-karburanti;

7.2. il-forniment mill-ġdid ta' żjut u likwidi oħra.

8. Il-manutenzjoni ta' l-inġenju ta' l-ajru tikkonprendi:

8.1. manutenzjoni ta' rutina mwettqa qabel it-titjira;

8.2. manutenzjoni mhux ta' rutina mitluba minn dak li juża l-ajruport;

8.3. il-provista u l-amministrazzjoni ta' spare parts u tagħmir addattat;

8.4. it-talba għal jew prenotazzjoni ta' parkeġġ adattat u/jew spazju fil-hangar.

9. L-operazzjonijiet tat-titjira u l-amministrazzjoni ta' l-ekwipaġġ jikkomprendu:

9.1. tħejjija tat-titjira fl-ajruport tat-tluq jew f'xi punt ieħor;

9.2. għajnuna matul it-titjira, inkluż re-dispatching fejn meħtieġ;

9.3. attivitajiet wara t-titjira;

9.4. amministrazzjoni ta' l-ekwipaġġ.

10. Ġarr fuq l-art jikkomprendi:

10.1. l-organizzazzjoni u l-esekuzzjoni tal-ġarr ta' l-ekwipaġġ, passiġġieri, bagolli, merkanzija u posta bejn terminals differenti fl-istess ajruport, iżda eskluż l-istess ġarr bejn l-inġenju ta' l-ajru u xi punt ieħor fil-perimetru ta' l-istess ajruport;

10.2. kull ġarr speċjali mitlub minn dak li juża l-ajruport.

11. Is-servizzi tal-catering jikkomprendu:

11.1. koordinament bejn il-fornituri u l-managment amministrattiv;

11.2. il-ħażna ta' ikel u xorb u t-tagħmir meħtieġ għat-tħejjija tagħhom;

11.3. tindif ta' dan it-tagħmir;

11.4. tħejjija u konsenja tat-tagħmir kif ukoll tal-provista tal-bar u ta' l-ikel.

[1] Sakemm dawn is-servizzi ma jkunux provduti mis-servizz tat-traffiku ta' l-ajru.

[2] Sakemm dawn is-servizzi ma jkunux provduti mis-servizz tat-traffiku ta' l-ajru.

[3] Sakemm dawn is-servizzi ma jkunux provduti mis-servizz tat-traffiku ta' l-ajru.

--------------------------------------------------

Top