31996F0750



Official Journal L 342 , 31/12/1996 P. 0006 - 0008


Azzjoni konġunta

tas-17 ta' Diċembru 1996

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet u l-prattiċi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi

(96/750/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli K.1 (4) u K.3 (2) (b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva Franċiża,

Wara li fakkar li l-Kunsill Ewropew ta' Cannes, tas-26 u s-27 Ġunju 1995, approva x-xogħol relatat mal-pjan ta' azzjoni Ewropew għall-ġlieda kontra d-drogi (mill-1996 sa l-1999) u rrikonoxxa l-bżonn għal approċċ integrali f'dan il-qasam;

Wara li fakkar li l-Kunsill Ewropew ta' Madrid, tal-15 u s-16 ta' Diċembru 1995, approva r-rapport mill-grupp ta' esperti fuq id-"Drogi" u li xi wħud mis-66 proposti tagħhom diġà ġew mibdula f'attivitajiet operattivi preċiżi u kordinati fl-Unjoni Ewropea, skond l-istruzzjonijiet tal-Kunsill Ewropew;

Wara li fakkar li l-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Presidenza Taljana u dik Irlandiża biex jippreparaw, wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Unità Droga ta' l-Europol u ċ-Ċentru ta' Osservazzjoni għal Drogi u Dipendenza fuq id-Drogi, programm ta' attivitajiet li kkunsidra dak ir-rapport, u li l-progress tiegħu se jiġi eżaminat fil-Kunsill Ewropew ta' Dublin fit-13 u l-14 ta' Diċembru 1996;

Wara li kkunsidra li l-Kunsill Ewropew ta' Firenze fil-21 u t-22 ta' Ġunju 1996 għamel enfasi fuq l-importanza vitali ta' koperazzjoni rinforzata bejn Stati Membri għal ġlieda kontra d-drogi;

Wara li kkunsidra li l-istess Kunsill Ewropew reġa' semma l-importanza li jitlesta bil-ħeffa l-istudju dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri' u l-impatt tiegħu fuq it-tnaqqis tal-konsum ta' u traffikar illeċitu ta' drogi;

Wara li ħa nota tar-rapport dwar l-armonizzazzjoni ta' liġijiet nazzjonali dwar drogi kif mitlub mill-Kunsilli Ewropej ta' Madrid u ta' Firenze;

Wara li fakkar il-prijorità li tat lill-ġlieda kontra d-drogi l-Presidenza Irlandiza, u aktar inizjattivi meħuda skond l-istruzzjonijiet tal-Kunsilli Ewropej ta' Madrid u ta' Firenze biex tagħtiha kontenut speċifiku, u b'mod partikolari r-resoluzzjoni tal-Kunsill dwar is-sentenzi għal traffikar serju ta' drogi;

Wara li kkunsidra li l-Istati Membri jwettqu l-obbligazzjonijiet skond il-Konvenzjonijiet ta' l-1961, ta' l-1971 u ta' l-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti u li huma se jeżaminaw modi biex jagħmlu aktar effettiva l-konformità stretta ma' dawk il-Konvenzjonijiet, b'mod partikolari billi jgħinu terzi pajjiżi jwettqu l-obbligazzjonijiet tagħhom;

Wara li kkunsidra li l-Istati Membri jerġgħu jaffirmaw id-determinazzjoni komuni tagħhom biex itemmu it-traffikar illegali ta' drogi sabiex jipproteġu s-soċjetà mill-effetti devastanti tagħhom u mill-kawżi profondi l-oħra tal-problema ta' abbuż mid-drogi, b'mod partikolari d-domanda illegali għad-drogi u l-profitti enormi mill-kummerċ illegali, u li approssimazzjoni ta' liġijiet u prattiċi ddisinjata li tagħmel il-koperazzjoni aktar effettiva tkun kontribut posittiv għal dak il-għan;

Wara li ħa nota tal-memorandum "Dwar mudell soċjali Ewropew" sottomess minn Franza fil-Kunsill Ewropew ta' Turin fi-29 ta' Marzu 1996, li jħeġġeġ l-armonizzazzjoni ta' leġislazzjonijiet nazzjonali dwar il-ġlieda kontra d-drogi;

Wara li kkunsidra l-perikli li għandhom x'jaqsmu ma' l-iżviluppi ta' drogi sintetiċi;

Wara li kkunsidra li r-rapport dwar armonizzazzjoni magħmul mill-Kunsill u mill-Kummissjoni bħala risposta għall-istruzzjonijiet imsemmija qabel jirrikonoxxi li drogi sintetiċi jistgħu jikkostitwixxu żona ta' prijorità għall-applikazzjoni tar-rapport fil-prattika;

Wara li kkunsidra li, fin-nuqqas ta' leġislazzjoni armonizzata, prattiċi kompatibbli b'mod reċiproku jinforzaw il-koperazzjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga u dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi;

Wara li kkunsidra li livell għoli ta' koperazzjoni Ewropea u internazzjonali bejn il-pulizija, is-servizzi tad-dwana u l-awtoritajiet ġudizzjarji tista' żżid l-effiċjenza fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;

Wara li kkunsidra li l-ġlieda kontra t-ttraffikar tad-drogi għandha tinqagħad ma' politika attiva ta' prevenzjoni, kura u rijabilitazzjoni ta' dipendenti mid-drogi;

Wara li ħa nota tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità dwar il-prevenzjoni ta' dipendenza fuq id-drogi u b'mod partikolari l-ħmistax-il azzjoni ta' prijorità li jinsabu fih;

Wara li kkunsidra li d-disposizzjonijiet ta' din l-azzjoni konġunta huma bla ħsara għall-prinċipju ġenerali li Stat Membru jista' jżomm jew iżid l-politika nazzjonali tiegħu fil-ġlieda kontra droga fit-territorju tiegħu;

Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Komunità,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jikkoperaw b'mod sħiħ fil-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-drogi u għandhom jippruvaw japprossimaw il-liġijiet tagħhom biex jagħmluhom kompatibbli b'mod reċiproku safejn dan huwa neċessarju għal prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi fl-Unjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jippruvaw jagħmlu aktar kompatibbli ma' xulxin il-prattiċi tal-pulizija, tas-servizzi tad-dwana u ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji, biex b'hekk tkun tista' sseħħ koperazzjoni iktar soda Ewropea għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi fl-Unjoni.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jintrabtu li jiġġieldu l-movimenti illeċiti ta' drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi fil-Komunità, li jinkludi "it-turiżmu tad-drogi'."

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li skond is-sistemi legali tagħhom il-pieni imposti fuq t-traffikar serju ta' drogi huma fost l-aktar pieni ħorox għal reati ta' gravità komparabbli.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jippruvaw jfasslu leġislazzjoni konverġenti safejn dan huwa neċessarju biex tinħoloq bażi legali jew jintela vojt legali rigward drogi sintetiċi. B'mod partikolari għandhom iħeġġu l-istabbiliment ta' sistema rapida ta' informazzjoni li tgħin biex drogi bħal dawn jiġu identifikati bħala sustanzi li huma suġġetti għal projbizzjoni hekk kif jidhru fi kwalunkwe post f'xi Stat Membru.

Artikolu 6

Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jintrabtu li jadottaw il-miżuri neċessarji biex isaħħu l-koperazzjoni operattiva bejn il-pulizija, is-servizzi tad-dwana u l-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-droga u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' drogi.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-obbligazzjonijiet tagħhom taħt il-Konvenzjonijiet ta' l-1961, ta' l-1971 u ta' l-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti fuq drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi huma applikati strettament u effettivament.

Artikolu 8

L-Istati Membri jintrabtu li jieħdu l-aktar passi xierqa biex jiġġieldu l-kultivazzjoni illeċita ta' pjanti li fihom ingredjenti attivi b'kontenut narkotiku.

Artikolu 9

L-Istati Membri jintrabtu, bla ħsara għall-prinċipji kostituzzjonali tagħhom u għall-kunċetti bażiċi tas-sistemi legali tagħhom, li jikkwalifikaw bħala offiża li jsir tixwix jew tħajjir pubbliku jew intenzjonalment, bi kwalunnkwe mezz, li jiġu kommessi offiżi ta' użu illeċitu jew ta' produzzjoni ta' drogi narkotiċi. Għandhom ikunu speċjalment viġilanti rigward l-użu magħmul minn servizzi ta' informazzjoni on-line u b'mod partikolari l-użu ta' l-Internet.

Artikolu 10

Xejn f'din l-azzjoni konġunta ma żżomm li xi Stat Membru, b'konsiderazzjoni għall-impenn internazzjonali tiegħu, milli jżomm fis-seħħ jew jintroduċi fit-territorju tiegħu kull miżura addizzjonali li hi xierqa għall-ġlieda kontra d-dipendenza fuq id-drogi u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra it-traffikar illleċitu ta' drogi.

Artikolu 11

Il-Gvernijiet ta' l-Istati Membri għandhom jintrabtu li jieħdu l-passi kollha xierqa għall-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni konġunta hekk kif tiġi adottata.

Il-Presidenza għandha tirrapporta kull sena lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni konġunta.

Artikolu 12

Din l-azzjoni konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 13

Din l-azzjoni konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Yates

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet