31996F0748



Official Journal L 342 , 31/12/1996 P. 0004 - 0004


Azzjoni konġunta

tas-16 ta' Diċembru 1996

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li testendi l-mandat mogħti lill-Unità Drogi ta' l-Europol

(96/748/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu K.3 (2) (b) tiegħu,

Waqt li jfakkar l-Azzjoni Konġunta ta' l-10 ta' Marzu 1995 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 dwar it-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna l-Unità Droga ta' l-Europol [1], li tat il-poter lill-Unità Droga ta' l-Europol biex tmexxi ċerti attivitajiet biex tgħin Stati Membri fil-ġlieda ta' ċerti tipi ta' reati transnazzjonali;

Waqt li jfakkar l-Azzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 [2] li tistabbilixxi l-Konvenzjoni tal-Europol iffirmata mir-rappreżentanti tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri kollha ta' l-Unjoni Ewropea;

Waqt li jfakkar li l-Konvenzjoni, fid-dħul fis-seħħ wara adozzjoni mill-Istati Membri kollha, se tipprovdi lill-Europol b'mandat li jestendi iżjed mill-mandat preżenti ta' l-Unità Droga ta' l-Europol, li tkopri forom oħra ta' reati transnazzjonali, li jinkludu t-traffikar tal-bnedmin;

Waqt li jżomm akkont tax-xewqa espressa mil-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-19 ta' Settembru 1996 li jenfasizzaw l-importanza tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jitlob li l-Unità Droga ta' l-Europol tingħata rwol f'dan il-qasam;

Konxju tal-konklużjonijiet adottati mill-Konferenza ta' Vjenna dwar it-traffikar tan-nisa, li kienet organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Gvern Awstrijak f'Ġunju 1996;

Konxju tal-konklużjonijiet adottati mill-Konferenza Dinjija dwar l-Isfruttament Sesswali tat-Tfal għal skop ta' kummerċ li saret fi Stokkolma bejn is-26 u l-31 t'Awissu 1996;

Wara li qabel li jestenda l-mandat ta' l-Unità Droga ta' l-Europol biex tinkludi t-traffikar tal-bnedmin,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Artikolu 2(2) ta' l-Azzjoni Konġunta ta' l-10 ta' Marzu 1995 għandha tiġi mibdula b'dan li ġej:

"2. L-Unità għandha taġixxi bħala grupp mhux operattiv għall-iskambju u analiżi ta' informazzjoni u tagħrif, hekk kif jaffettwaw tnejn jew aktar Stati Membri, rigward:

(a) traffikar illiċitu ta' drogi,

(b) traffikar illiċitu ta' sustanzi radjoattivi u nukleari,

(ċ) reati li jinvolvu networks ta' immigrazzjoni klandestina,

(d) traffikar ta' bnedmin,

(e) traffikar illiċitu ta' vetturi,

flimkien ma' l-organizzazzjonijiet kriminali involuti u attivitajiet assoċjati mal-ħasil ta' flus.

Għall-iskopijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta, traffikar ta' bnedmin għandu jkun imfisser fil-Konvenzjoni tal-Europol."

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

M. D. Higgins

[1] ĠU L 62, tal-20.1.1995, p. 8.

[2] ĠU C 316, tas-27.11.1995, p. 1.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet