31996F0747



Official Journal L 342 , 31/12/1996 P. 0002 - 0003


Azzjoni konġunta

tad-29 ta' Novembru 1996

adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-kreazzjoni u l-manteniment ta' direttorju ta' kompetenzi, kapaċitajiet u ħiliet speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata internazzjonali, biex tiġi ffaċilitata l-koperazzjoni għall-infurzar tal-liġi bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

(96/747/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu K.3 (2) (b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Presidenza u tal-Belġju,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta ta' l-10 ta' Marzu 1995 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-Unità Droga ta' l-Europol [1] u l-Azzjoni Konġunta tas-16 ta' Diċembru 1996 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea waqt li testendi l-mandat mogħti lill-Unità Droga ta' l-Europol [2],

Filwaqt li jfakkar li skond l-Artikoli K.1 (8) u K.1 (9) tat-Trattat, il-koperazzjoni bejn id-dwana u l-pulizija biex għall-għan ta' prevenzjoni u ta' ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali huma meqjusa bħala kwistjonijiet ta' interess komuni għall-Istati Membri;

Billi l-Kunsill jikkunsidra li s-serjetà u l-iżvilupp ta' ċerti tipi ta' kriminalità internazzjonali jeħtieġu koperazzjoni maġġuri bejn l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri, b'mod partikolari fl-oqsma xjentifiċi u tekniċi;

Billi biex ikunu jistgħu jirrispondu għal diversi theddid li bihom huma kkonfrontati l-Istati Membri, awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi nazzjonali li jiġġieldu l-kriminalità organizzata żviluppaw kompetenzi, kapaċitajiet u ħiliet, li fil-prinċipju għandhom ikunu disponibbli għall-awtoritajiet approprijati fl-Istati Membri l-oħra kollha, fuq talba, skond il-bżonnijiet tagħhom u fil-ħin xieraq;

Billi l-ħolqien u l-manteniment ta' direttorju ta' dawn l-oqsma ta' kompetenzi, kapaċitajiet u ħiliet jagħmlu lil dan ta' l-aħħar wiesgħa u faċilment disponibbli għall-awtoritajiet fl-Istati Membri, b'hekk ikabbru l-mezzi għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità;

Billi d-direttorju kkunsidrat b'din l-Azzjoni Konġunta mhux maħsub li jibdel jew jaffettwa xi ftehim bilaterali jew multilaterali eżistenti fl-oqsma ta' koperazzjoni xjentifika u teknika għall-infurzar tal-liġi, la biex iservi bħala mezz għall-iskambju ta' intelliġenza operattiva, u lanqas biex jiġi meħtieġ il-bidu ta' xi strutturi ġodda fil-Kunsill;

Waqt li jiġi kkunsidrat li, bħala l-ewwel pass, l-Unità Droga ta' l-Europol għandha tistabbilixxi d-direttorju li jkopri ż-żoni ta' traffikar ta' drogi illiċiti u l-ittraffikar tan-nies,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Unità Droga ta' l-Europol għandha jkollha l-funzjoni li tistabbilixxi, tmanti u xxerred direttorju ta' kompetenzi, kapaċitajiet u ħiliet speċjalizzati għall-ġlieda kontra l-kriminalità, li huma fil-kompetenzi ta' l-Unità Droga ta' l-Europol (EDU), skond l-Azzjonijiet Konġunti ta' l-10 ta' Marzu 1995 u tas-16 ta' Diċembru 1996.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom biex jiddaħħlu fid-direttorju ta' l-EDU.

2. L-EDU għandu jikkompila d-direttorju fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri.

3. Meta jagħtu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għad-direttorju, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-klassifikazzjoni u l-protezzjoni ta' sigurtà stabbiliti minn kull Stat Membru.

4. Sussegwentament, il-EDU għandu jkun responsabbli għall-inkorporazzjoni eżatta ta' xi emendi jew addizzjonijiet fid-direttorju fuq il-bażi ta' aktar kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, u għandu jiġbed dawn l-emendi u dawn l-addizzjonijiet għall-attenzjoni ta' l-Istati Membri.

Artikolu 3

1. Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi fid-direttorju billi jindika xi kompetenzi, kapaċitajiet jew ħiliet speċjalizzati li ġew żviluppati minnu fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u li huma kkonsidrati utli biex ikunu għad-disposizzjoni ta' l-Istati Membri kollha.

2. Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri, li jistgħu isiru fuq proformi miftiehma fil-Kunsill, għandhom, bħala minimu, jagħtu deskrizzjoni suffiċjenti ta' kull kompetenza, kapaċità jew ħila partikolari biex jippermettu l-awtoritajiet approprijati fl-Istati Membri jagħtu ġudizzju raġunat jekk dawn jistgħux ikunu utli waqt il-funzjonijiet tagħhom. Il-kontribuzzjonijiet għandhom jindikaw ukoll b'mod preċiż kif għandu jsir kuntatt, direttament u b'mod mgħaġġel, jew ma' l-awtoritajiet li qed joffru din il-kompetenza, kapaċità jew ħila jew ma' punt ta' kuntatt ċentrali fl-Istat Membru kkonċernat.

3. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-aġġornament ta' dawn id-dettalji ta' kuntatt kif neċessarju.

4. L-Istati Membri jistgħu, f'kull ħin, jikkontribwixxu annotazzjonijiet addizzjonali għad-direttorju, jew jistaqsu għall-irtirar minnu ta' xi annotazzjonijiet.

5. L-ebda informazzjoni personali, għajr l-isem u d-dettalji ta' kuntatt meħtieġa għall-operazzjoni ta' l-iskema, m'għandha tinżamm fid-direttorju.

Artikolu 4

1. Kull Stat Membru għandu jżomm kopja tad-direttorju. Kull awtorità relevanti fi Stat Membru li tixtieq tuża xi kompetenza partikolari msemmija fid-direttorju għandha tavviċina l-punt ta' kuntatt relevanti fl-Istat Membru li daħħal dik l-informazzjoni. Il-kwistjoni ta' xi rimborż ta' l-ispejjeż għandha tiġi miftiehma b'mod bilaterali.

2. Stat Membru li kkontribwixxa kompetenza, kapaċità jew ħila għad-direttorju jista' jirrifjuta li jqegħdha għad-disposizzjoni f'każ partikolari skond iċ-ċirkostanzi.

3. L-Istati Membri jaqblu li, jekk jagħmlu kuntatt permezz tad-direttorju, huma jinnotifikaw lill-EDU d-dettalji bażi relevanti għalihom, li għandhom jiġu ddeterminati mill-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu, biex titħalla l-osservazzjoni effettiva ta' l-utilità tad-direttorju.

4. L-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 7 ta' l-Azzjoni Konġunta ta' l-10 ta' Marzu għandhom japplikaw.

Artikolu 5

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, fid-29 ta' Novembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Owen

[1] ĠU L 62, tal-20.1.1995, p. 8.

[2] Ara paġna 4 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------