Official Journal L 062 , 20/03/1995 P. 0001 - 0003
Azzjoni konġunta ta' l-10 ta' Marzu 1995 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea li jikkonċerna l-Unità tad-Droga Europol (95/73/JHA) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra l-Artikolu K.3 (2) (b) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Billi l-Istati Membri jqisu bħala kwistjoni ta' interess komuni l-ħolqien ta' Unità tad-Droga Europol skond l-Artikolu K.1 (9) tat-Trattat; Billi, fil-laqgħa tiegħu miżmuma fil-Lussemburgu fit-28 u d-29 ta' Ġunju 1991, il-Kunsill Ewropew innota l-proposti għat-twaqqif ta' Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), ftiehem fuq l-għanijiet definiti f'dawn il-proposti u rrakkomanda li dawn il-proposti jiġu eżaminati aktar; Billi, fir-rapport li bagħtu lill-Kunsill Ewropew fl-4 ta' Diċembru 1991, il-Ministri unanimament qablu dwar it-twaqqif ta' Europol, li jibda b'unità ta' intelliġenza tad-droga li mbagħad tiġi żviluppata fil-futur qrib; Billi, fil-laqgħa tiegħu miżmuma f'Maastricht fid-9 u fl-10 ta' Diċembru 1991, il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-ħolqien tal-Europol, li l-funzjoni inizjali tiegħu jkun li jorganizza l-iskambju ta' informazzjoni dwar droga narkotika bejn l-Istati Membri, u ta struzzjonijiet lill-Ministri biex jieħdu, f'data bikrija, dawk il-miżuri hekk kif kienu meħtieġa għal dan il-għan; Billi, fil-laqgħa tiegħu miżmuma f'Lisbona fis-26 u s-27 ta' Ġunju 1992, il-Kunsill ewropew irrakkomanda li titġejja Konvenzjoni dwar l-istabbiliment tal-Europol; Billi l-Istati Membri huma meħtieġa li jikkoperaw fi struttura adattata qabel id-dħul fis-seħħ ta' Konvenzjoni bħal dik; Billi, minħabba l-ħtieġa urġenti li jiġu ttrattati l-problemi maħluqa bl-ittraffikar internazzjonali illeċitu tad-droga, il-ħasil ta' flus assoċjat u l-kriminalità organizzata, il-Ministri rrakkomandaw fil-laqgħa speċjali tagħhom tat-18 ta' Settembru 1992 li l-ewwel fażi tal-Europol, l-Unità tad-Droga Europol, tkun stabbilita sa l-1 ta' Jannar 1993 l-aktar tard; Billi r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, li ltaqgħu fil-livell ta' kap ta' l-Istat u tal-Gvern, iddeċiedew dwar il-lokazzjoni tas-siġġijiet ta' ċerti korpi u dipartimenti tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Europol, li skond dawn il-Europol u l-Unità tad-Droga Europol għandu jkollhom is-sede tagħhom f'The Hague; Billi l-Istati Membri diġà għandhom qafas provviżorju għall-koperazzjoni fil-forma ta' Unità tad-Droga Europol, stabbilita bi ftehim ministerjali fit-2 ta' Ġunju 1993 li jikkonċerna t-twaqqif ta' l-imsemmija Unità li bdiet taħdem minn Jannar 1994; Billi, fil-laqgħa tiegħu miżmuma flid-9 u fl-10 ta' Diċembru 1994 f'Essen, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jestendi l-mandat ta' l-Unità tad-Droga Europol għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali f'materjali radju attivi u nuklejari, krimini li jinvolvu retikolati ta' immigranti klandestini, traffikar illegali ta' vetturi u operazzjonijiet assoċjati ma' ħasil ta' flus; Billi, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 u l-10 ta' Diċembru q994, kien deċiż li l-Konvenzjoni dwar l-istabbiliment tal-Europol għandu jiġi konkluż l-aktar tard sal-Kunsill Ewropew f'Cannes u billi hemm il-volontà li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jintlaħaq dan il-għan, IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu 1 Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-Unità tad-Droga Europol inizjalment imwaqqfa bi ftehim ministerjali fit-2 ta'Ġunju 1993, hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjħa "l-Unità". Artikolu 2 Għanijiet u kamp ta' applikazzjoni 1. Kull Stat Membru għandu jibgħat uffiċjal wieħed jew aktar ta' kollegament f'The Hague sabiex jikkostitwixxi, flimkien ma' l-uffiċjali l-oħra ta' kollegament ta' l-Istati Membri l-oħra, tim li għandu jikkopera fi ħdan l-Unità. 2. L-Unità għandha taġixxi bħala tim non-operazzjonali għall-iskambju u analiżi ta' informazzjoni u intelliġenza, malli dawn jaffettwaw żewġ Stati Membri jew aktar, b'relazzjoni ma': (a) traffikar illeċitu ta' droga; (b) traffikar illeċitu f'sustanzi radjuattivi u nuklejari; (ċ) krimini li jinvolvu retikolati ta' immigrazzjoni klandestina; (d) traffikar illeċitu ta' vetturi; flimkien ma' l-organizzazzjonijiet kriminali involuti u l-attivitajiet assoċjati ta' ħasil ta' flus. 3. L-għan ta' l-Unità huwa li tgħin lill-pulizija u lill-aġenziji oħra kompetenti fi u bejn l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali msemmija fil-paragrafu 2 b'mod aktar effettiv. Għal dan il-għan, il-membri ta' l-Unità, waqt li jaġixxu skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, regoli relevanti legali oħra u kull istruzzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri rispettivi tagħhom, għandhom iwettqu l-kompiti li ġejjin: (a) l-iskambju, bejn Stati Membri, ta' informazzjoni (inkluża informazzjoni personali) fit-twettieq ta' investigazzjonijiet speċifiċi kriminali li jikkonċernaw l-attivitajiet kriminali msemmija fil-paragrafu 2; (b) iħejju rapporti dwar is-sitwazzjoni ġenerali u analiżi ta' attivitajiet kriminali fuq il-bażi ta' informazzjoni mhux personali provduta mill-Istati Membri jew minn sorsi oħra. L-attivitajiet ta' l-Unità għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal forom oħra ta' koperazzjoni bilaterali u multilaterali fil-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali msemmija fil-paragrafu 2, jew għall-kompetenzi tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 3 Proċessar ta' data 1. Fir-rigward ta' l-attivitajiet kriminali msemmija fl-Artikolu 2(2), l-uffiċjali ta' komunikazzjoni għandhom jikkomunikaw, skond il-liġijiet nazzjonali tagħhom, regoli oħra relevanti legali u kull istruzzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri rispettivi tagħhom, informazzjoni fit-tkomplija ta' investigazzjonijiet speċifiċi kriminali li jikkonċernaw l-attivitajiet kriminali msemmija fl-Artikolu 2(2), l-iżvilupp ta' intelliġenza kif ukoll analiżi strateġiku. Sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom, l-uffiċjali ta' komunikazzjoni għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kriminali kollha u intelliġenza ta' l-Istati Membri rispettivi tagħhom. Il-protezzjoni ta' l-informazzjoni kollha minn aċċess mhux awtorizzat u kontra d-distruzzjoni, inkluża l-assigurazzjoni ta' protezzjoni fiżika tas-sistemi ta' l-ipproċessar ta' data u konnessjonijiet, għandhom jiġu assigurati. 2. Talbiet għall-informazzjoni magħmula lill-Unità mill-pulizija jew xi servizz ieħor kompetenti għandhom jgħaddu minn awtorità nazzjonali ċentrali waħda. Din ta' l-aħħar għandha tkun responsabbli biex tirċievi u tgħaddi kull risposti provduti mill-Unità. Artikolu 4 Protezzjoni ta' data 1. Informazzjoni personali għandha tkun komunikata fuq il-bażi ta' skambji bejn l-uffiċjali ta' komunikazzjoni, b'kull wieħed minnhom jaġixxi skond il-liġijiet nazzjonali tiegħu, ma' xi regoli oħra relevanti legali u ma' istruzzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru tiegħu li jikkonċernaw l-ipproċessar ta' informazzjoni personali, b'konformità mal-kondizzjonijiet kollha imposti mill-Istat Membru li jwassal fir-rigward ta' l-użu ta' dik l-informazzjoni. Kull skambju ta' informazzjoni ben l-Istat li jitlob u l-Istat li jwassal għandu jseħħ unikament fuq bażi bilaterali permezz ta' l-uffiċjali ta' komunikazzjoni ta' dawn l-Istati. Jekk l-Istat Membru li jipprovdi, waqt li jkun qiegħed jittratta ma' talba, jikxef xi informazzjoni b'konnessjoni ma' attività kriminali msemmija fl-Artikolu 2(2) li tkun ta' interess għal Stat Membru ieħor, din l-informazzjoni tista' ssir disponibbli lil dak l-Istat Membru permezz ta' l-uffiċjali ta' komunikazzjoni ta' l-Istati involuti skond il-leġislazzjoni rispettiva nazzjonali tagħhom. 2. L-uffiċjali ta' komunikazzjoni m'għandhomx jittrażmettu xi informazzjoni personali lil Stati minbarra dawk l-Istati Membri jew lil xi organizzazzjoni internazzjonali. Sal-limitu meħtieġ mill-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-protezzjoni tad-data, l-uffiċjali ta' komunikazzjoni għandhom iżommu rekord, esklussivament għall-għanijiet ta' protezzjoni tad-data, ta' l-informazzjoni personali li jkunu ttrażmettew skond il-paragrafu 1. B'żieda, ebda informazzjoni personali ma għandha tinħażen ċentralment mill-Unità, sew awtomatikament jew mod ieħor. 3. L-Istati Membri għandhom jirrakkomandaw lill-awtoritajiet tagħhom ta' protezzjoni tad-data biex jassiguraw li l-attivitajiet ta' l-uffiċjali ta' komunikazzjoni tagħhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-protezzjoni ta' data personali u li d-database komuni ta' l-Unità, jekk ikun hemm, jkun fiha biss data mhux personali. Sabiex dawn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu jistgħu jitħarsu, l-Istati Membri għandhom jobbligaw ruħhom li jaraw li l-uffiċjali tagħhom ta' komunikazzjoni jikkoperaw bis-sħiħ ma' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tagħhom tal-protezzjoni tad-data. Artikolu 5 Impjegati 1. L-Unità għandha titmexxa minn Kordinatur. B'żieda mal-Kordinatur, it-tim ta' l-amministrazzjoni għandu jikkonsisti f'żewġ Assistenti Kordinaturi u żewġ membri oħra li jkollhom rabta diretta ġerarkika mal-Kordinatur u li l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-attivitajiet ikun speċifikament definit. Il-Kordinatur, iż-żewġ Assistenti Kordinaturi u ż-żewġ membri l-oħra tat-tim ta' l-amministrazzjoni għandhom jinħatru mill-Kunsill skond il-proċeduri li għalihom jipprovdi t-Titolu VI tat-Trattat. It-tim ta' l-amministrazzjoni għandu jkun responsabbli għall-operazzjoni ta' kull jum ta' l-Unità. L-Istati Membri għandhom jagħtu istruzzjonijiet lill-uffiċjali tagħhom ta' komunikazzjoni biex isegwu l-istruzzjonijiet tal-Kordinatur, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, xi regoli oħra relevanti legali u l-istruzzjonijiet li jingħataw. 2. Minbarra l-uffiċjali ta' komunikazzjoni mibgħuta direttament mill-Istati Membri, impjegati oħra għandhom ikunu ppostjati fl-Unità f'dawk in-numri hekk kif jista' jiġi miftiehem mill-Kunsill skond il-proċeduri li għalihom jipprovdi t-Titolu VI tat-Trattat. Il-Kordinatur ta' l-Unità għandu jkun involut fil-ħatra ta' dawk l-impjegati. Artikolu 6 Responsabbiltà Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' kull Stat Membru biex jikkontrolla l-uffiċjali nazzjonali tiegħu ta' komunikazzjoni, il-Kunsill għandu jeżerċita sorveljanza ġenerali fuq l-attivitajiet ta' l-Unità. Għal dan il-għan, il-Kordinatur għandu jibgħat rapport bil-miktub kull sitt xhur dwar l-amministrazzjoni tiegħu u l-attivitajiet ta' l-Unità. Il-Kordinatur għandu jipprovdi wkoll kull rapport ieħor jew informazzjoni li l-Kunsill jista' jitlob. Artikolu 7 Finanzi L-Istati Membri għandhom jagħmlu tajjeb għall-ispiża biex jibgħatu l-uffiċjali tagħhom ta' komunikazzjoni kif ukoll it-tagħmir meħtieġ għall-Unità lill-Unità. Spejjeż oħra dwar l-istabbiliment u l-manutenzjoni ta' l-Unità, inizjalment imħallsa mill-pajjiż li jospita, għandhom jinqasmu bejn l-Istati Membri l-oħra. Għal dan il-għan, il-kontribuzzjoni annwali ta' kull Stat Membru għandha tiġi stabbilita, b'konformità mar-regoli u l-proċeduri tagħhom ta'l-estimi, fuq il-bażi tal-prodott gross nazzjonali tagħhom (GNP), skond l-iskala wżata biex jiġi stabbilit l-element tal-GNP tar-riżorsi proprji li jiffinanzjaw l-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej. Kull sena il-GNP ta' l-Istat Membru għas-sena ta' qabel għandu jkun il-bażi ta' referenza wżat. Artikolu 8 Dħul fis-seħħ Din l-Azzjoni konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali. Hija għandha tissostitwixxi l-Ftehim Ministerjali tat-2 ta' Ġunju 1993 dwar l-istabbiliment ta' l-Unità tad-Droga ta' l-Europol. Magħmul fi Brussel, fl-10 ta' Marzu 1995. Għall-Kunsill Il-President P. Méhaignerie --------------------------------------------------