31994L0062



Official Journal L 365 , 31/12/1994 P. 0010 - 0023
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0266
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 13 P. 0266


Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE

ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994

dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

Billi l-miżuri nazzjonali differenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ għandhom jiġu armonizzati sabiex, minn naħa l-waħda, dawn ma jħallu l-ebda impatt fuq l-ambjent jew sabiex jitnaqqas l-impatt, sabiex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat illi s-suq intern jaħdem kif suppost u jiġi evitat tfixkil tal-kummerċ kif ukoll distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità;

Billi l-aħjar mezz ta’ prevenzjoni tal-ħolqien ta’ l-iskart mill-imballaġġ huwa li jitnaqqas il-volum totali ta’ l-imballaġġ;

Billi huwa importanti, fejn għandhom x’jaqsmu l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, illi jiġi rrispettat il-prinċipju ġenerali li miżuri meħuda fi Stat Membru wieħed sabiex jipproteġu l-ambjent m’għandhomx jaffettwaw ħażin il-ħila ta’ Stati Membri oħra illi jiksbu l-għanijiet tad-Direttiva;

Billi t-tnaqqis ta’ l-iskart huwa essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli mitlub b’mod specifiku mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

Billi din id-Direttiva għandha tkopri t-tipi kollha ta’ l-imballaġġ mqiegħed fis-suq u l-iskart mill-imballaġġ kollu; billi, għalhekk, id-Direttiva tal-Kunsill 85/339/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 dwar il-kontenituri tal-likwidi għall-konsum tan-nies [4] għandha tiġi rrevokata;

Billi l-imballaġġ għandu funzjoni soċjali u ekonomika vitali u għalhekk il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet leġislattivi relevanti oħra li jaffettwaw il-kwalità u t-trasport ta’ l-imballaġġ jew tal-merkanzija imballata;

Billi, skond l-istrateġija tal-Komunità għall-immaniġġjar ta’ l-iskart stabbilita bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Mejju 1990 dwar il-politika ta’ l-iskart [5] u bid-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta’ Lulju 1975 dwar l-iskart [6], l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ għandu jinkludi bħala l-ewwel prijorità, il-prevenzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, bħala prinċipji fondamentali addizzjonali, l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, ir-riċiklaġġ u forom oħra ta’ rkupru ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex b’hekk ikun hemm tnaqqis fir-rimi finali ta’ skart ta’ din ix-xorta;

Billi, sakemm isir progress xjentifiku u teknoloġiku fil-proċessi ta’ l-irkupru, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ għandhom jingħataw preferenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impatt ambjentali; billi dan jeħtieġ l-istabbiliment fl-Istati Membri ta’ sistemi li jiggarantixxu r-ritorn ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ; billi stimi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ l-imballaġġ għandhom jitlestew kemm jista’ jkun malajr sabiex tiġi gġustifikata ġerarkija ċara bejn l-imballaġġ li jista’ jintuża mill-ġdid, dak li jista’ jiġi rriċiklat u dak li jista’ jiġi rkuprat;

Billi l-prevenzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ għandha titwettaq permezz ta’ miżuri xierqa, inklużi l-inizjattivi meħuda fl-Istati Membri b’konformità ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

Billi l-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu, b’konformità mat-Trattat, sistemi ta’ l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ li jista’ jerga’ jintuża b’mod illi jirrispetta l-ambjent, sabiex jieħdu l-vantaġġ tal-kontribuzzjoni ta’ sistemi bħal dawn lill-protezzjoni ambjentali;

Billi mill-perspettiva ambjentali r-riċiklaġġ għandu jiġi meqjus bħala parti importanti mill-irkupru bil-ħsieb partikolari li jitnaqqas il-konsum ta’ l-enerġija u tal-materja prima u tal-qerda finali ta’ l-iskart;

Billi l-irkupru ta’ l-enerġija huwa mezz wieħed effettiv ta’ l-irkupru ta’ l-iskart mill-imballaġġ;

Billi l-miri stabbiliti fl-Istati Membri għall-irkupru u r-riċiklaġġ ta’ l-iskart mill-imballaġġ għandhom ikunu restritti fil-kamp tal-varjazzjoni sabiex jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti fl-Istati Membri u sabiex jiġu evitati xkiel għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni;

Billi, sabiex jinkisbu riżultati fuq medda daqsxejn twila ta’ żmien u biex l-operaturi ekonomiċi, il-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi jingħataw il-perspettiva meħtieġa għall-futur imbiegħed, temma taż-żmien fuq perijodu medju għandha tigi stabbilita sabiex jintlaħqu l-miri msemmija qabel u temma taż-żmien fuq perijodu fit-tul għandha tigi stabbilita għal miri li għandhom jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard bil-ħsieb li dawn il-miri jiżdiedu b’mod sostanzjali;

Billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, fuq il-bażi ta’ rapporti mill-Kummissjoni, jeżaminaw l-esperjenza prattika miksuba fl-Istati Membri fil-ħidma tagħhom lejn il-miri msemmija qabel u s-sejbiet tat-teknika tar-riċerka u l-evalwazzjoni xjentifika bħal mhuma l-istati tal-bilanc ekologiku;

Billi l-Istati Membri li għandhom, jew se jagħmlu, programmi li jmorru lil hinn minn skali ta’ miri bħal dawn għandhom jiġu mħollija jsegwu dawk il-miri fl-interess ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali bil-kondizzjoni li miżuri ta’ din ix-xorta jevitaw disturbi fis-suq intern u ma jżommux lill-Istati Membri l-oħra milli jikkonformaw ma’ din id-Direttiva; billi l-Kummissjoni għandha tikkonferma miżuri bħal dawn wara verifikazzjoni xierqa;

Billi, mill-banda l-oħra, ċerti Stati Membri jistgħu jitħallew jadottaw miri aktar baxxi minħabba fiċ-ċirkostanzi speċifiċi f’dawk l-Istati Membri, bil-kondizzjoni li huma jiksbu l-mira minima għall-irkupru fit-temma taż-żmien stabbilita għall-Istati Membri kollha, u f’temma taż-żmien aktar tard il-miri stabbiliti għall-Istati Membri kollha;

Billi l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ jeħtieġ illi l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ ritorn, ġbir u rkupru; billi sistemi bħal dawn għandhom jinfetħu għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha u għandhom jiġu ddisinjati b’mod illi jevitaw id-diskriminazzjoni kontra l-prodotti importati u l-ostakoli għall-kummerċ jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u li jiggarantixxu l-akbar ritorn possibbli ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ, skond it-Trattat;

Billi l-kwistjoni ta’ l-immarkar Komunitarju ta’ l-imballaġġ teħtieġ aktar studju, imma għandha tiġi deċiża mill-Komunità fil-futur qarib;

Billi, sabiex jitnaqqas l-impatt fuq l-ambjent ta’ l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ u galbiex jiġu evitati ostakoli għall-kummerċ u distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ ukoll li jiġu ddefiniti l-ħtiġiet essenzjali li jirregolaw il-kompożizzjoni u n-natura ta’ l-imballaġġ li jista’ jintuża mill-ġdid u li jista’ jiġi rkuprat (inkluż irriċiklat);

Billi l-preżenza fl-imballaġġ ta’ metalli u sustanzi oħra li jagħmlu l-ħsara għandha tiġi llimitata minħabba l-impatt tagħhom fuq l-ambjent (b’mod partikolari fid-dawl tal-preżenza mistennija tagħhom fl-emissjonijiet jew fl-irmied meta l-imballaġġ jiġi maħruq, jew fil-lissija meta l-imballaġġ jigi mirdum); billi huwa essenzjali, bħala l-ewwel pass lejn it-tnaqqis tat-tossiċità ta’ l-iskart mill-imballaġġ, illi titwaqqaf iż-żieda fl-imballaġġ ta’ metalli tqal li jagħmlu l-ħsara u li jiġi żgurat li sustanzi bħal dawn ma joħorgux fl-ambjent, b’eżenzjonijiet xierqa li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni f’każijiet speċifiċi taħt proċedura tal-Kumitat;

Billi, jekk għandu jintlaħaq livell għoli ta’ riċiklaġġ u jiġu evitati problemi ta’ saħħa u ta’ sigurtà minn dawk impjegati biex jiġbru u jipproċessaw l-iskart mill-imballaġġ, huwa essenzjali li skart ta’ din ix-xorta jiġi magħżul fis-sorsi;

Billi l-ħtiġiet għall-fabbrikar ta’ l-imballaġġ m’għandhomx jgħoddu għall-imballaġġ użat għal prodotti specifikati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva; billi perijodu ta’ transizzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ l-imballaġġ huwa meħtieġ ukoll;

Billi l-għażla ta’ l-aħjar mument għad-dispożizzjoni dwar it-tqegħid fis-suq ta’ l-imballaġġ li jilħaq il-ħtiġiet essenzjali kollha għandha tqis il-fatt li standards Ewropej qed jiġu ppreparati mill-korp kompetenti ta’ l-istandardizzazzjoni; billi, madanakollu, id-dispożizzjonijiet dwar il-mezzi tal-prova tal-konformità ta’ l-istandards nazzjonali għandhom japplikaw bla dewmien;

Billi l-preparazzjoni ta’ l-istandards Ewropej għall-ħtiġiet essenzjali u għal punti oħra li għandhom x’jaqsmu magħhom għandha tiġi inkoraggita;

Billi l-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva jimplikaw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ta’ l-irkupru u r-riċiklaġġ u ta’ swieq għall-materjali ta’ l-imballaġġ riċiklati;

Billi l-inklużjoni ta’ materjal riċiklat fl-imballaġġ m’għandux imur kontra d-dispożizzjonijiet relevanti dwar l-iġjene, is-saħħa, u s-sigurtà tal-konsumatur;

Billi informazzjoni dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ mill-Komunità kollha hija meħtieġa sabiex tigi mmonitorjata l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

Billi huwa essenzjali li dawk kollha involuti fil-produzzjoni, l-użu, l-importazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti ta’ l-imballaġġ u l-prodotti imballati jsiru aktar konxji ta’ l-ammont ta’ imballaġġ illi jsir skart, u li skond il-prinċipju li min iniġġeż iħallas jaċċettaw ir-responsabbiltà għal dan l-iskart; billi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva għandhom jinvolvu u jeħtieġu l-koperazzjoni mill-qrib tal-imsieħba kollha, fejn xieraq, fl-ispirtu ta’ responsabbiltà komuni;

Billi l-konsumaturi għandhom funzjoni essenzjali fl-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ u għalhekk għandhom jingħataw biżżejjed tagħrif sabiex jaddattaw l-imġieba u l-attitudnijiet tagħhom;

Billi l-inklużjoni ta’ kapitolu speċifiku dwar l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ fil-pjanijiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart meħtieġa mid-Direttiva 75/442/KEE tikkontribbwixxi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva;

Billi, sabiex tiġi mħaffa l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jista’ jkun xieraq li l-Komunità u l-Istati Membri jużaw strumenti ekonomiċi skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, sabiex jiġu evitati forom ġodda ta’ protezzjoniżmu;

Billi l-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta’ Marzu 1983 li tistabbilixxi l-proċedura għall-provvediment tat-tagħrif fil-qasam ta’ l-istandards u tar-regolamenti tekniċi [7], jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozz ta’ kull miżura li għandhom il-ħsieb li jadottaw qabel ma jadottawha, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit jekk tikkonformax mad-Direttiva jew le;

Billi l-addattament għall-progress xjentifiku u teknoloġiku tas-sistema ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-imballaġġ u l-formati li għandhom x’jaqsmu mas-sistema tad-database għandhom jiġu żgurati mill-Kummissjoni bi proċedura ta’ kumitat;

Billi jeħtieġ li jiġu pprovduti miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu sabiex tingħeleb kull diffikultà li tinqala’ fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva bi qbil ma’, fejn xieraq, l-istess proċedura tal-kumitat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Għanijiet

1. Din id-Direttiva għandha bħala għan l-armonizzazzjoni tal-miżuri nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ sabiex, min-naħa l-waħda, ma jkun hemm l-ebda impatt minn dawn fuq l-ambjent ta’ l-ebda Stat Membru jew ta’ terzi pajjiżi jew sabiex jitnaqqas l-impatt, biex b’hekk jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, u sabiex, min-naħa l-oħra, tiġi żgurata l-funzjoni tas-suq intern u jiġu evitati t-tfixkil tal-kummerċ u distorsjonijiet u restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità.

2. Għal dan il-għan din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati, bħala l-ewwel prijorità, lejn it-twaqqif tal-produzzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, bħala prinċipji fundamentali addizzjonali, lejn l-użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, lejn ir-riċiklaġġ u lejn forom oħra ta’ l-irkupru ta’ l-iskart mill-imballaġġ u, b’hekk lejn it-tnaqqis tal-qerda finali ta’ dan l-iskart.

L-Artikolu 2

Il-kamp ta’ l-applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tkopri l-imballaġġ kollu mqiegħed fis-suq tal-Komunità u l-iskart mill-imballaġġ kollu, kemm jekk jigi użat kemm jekk jinħareg fil-livell ta’ l-industrija, tal-kummerċ, ta’ l-uffiċini, tal-ħwienet, ta’ xi servizzi, domestiku jew ta’ xi livell ieħor, ikun xi jkun il-materjal użat.

2. Din id-Direttiva għandha tgħodd mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet eżistenti tal-kwalità għall-imballaġġ bħalma huma dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà, mal-protezzjoni tas-saħħa u ma’ l-iġjene tal-prodotti imballati jew għal ħtiġiet eżistenti tat-trasport jew għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar l-iskart perikoluż [8].

L-Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva

1. "l-imballaġġ" għandu jfisser il-prodotti kollha magħmula minn kull materjal tkun xi tkun in-natura tiegħu sabiex jintużaw għaż-żamma, il-protezzjoni, l-immaniġġjar, it-twassil u l-preżentazzjoni tal-merkanzija, minn materja prima sa prodotti pproċessati, mill-produttur sa l-utent jew il-konsumatur. Il-prodotti li mhumiex maħsubin sabiex jerġgħu jinġabru li jiġu wżati għall-istess skopijiet għandhom jitqiesu bħala imballaġġ ukoll.

"L-imballaġġ" jikkonsisti biss fi-:

(a) imballaġġ għall-bejgħ jew imballaġġ primarju, jiġifieri l-imballaġġ maħsub sabiex jikkostitwixxi unità ta’ bejgħ lill-utent jew lill-konsumatur finali fil-post fejn jinxtara;

(b) imballaġġ ta’ prodotti fi gruppi jew imballaġġ sekondarju, jiġifieri l-imballaġġ maħsub sabiex jikkostitwixxi fil-post fejn jinxtara gruppi ta’ ċertu numru ta’ unitajiet tal-bejgħ kemm jekk dawn ta’ l-aħħar jiġu mibjugħa b’dan il-mod lill-utent jew lill-konsumatur finali kemm jekk iservu biss bħala mezz biex jimtlew l-ixkafef fil-post tal-bejgħ; jista’ jitneħħa mill-prodott mingħajr ma jaffettwa l-karatteristiċi tiegħu;

(ċ) imballaġġ għat-trasport jew imballaġġ terzjarju, jiġifieri l-imballaġġ maħsub sabiex jiġu mħeffa l-immaniġġjar u t-trasport ta’ numru ta’ unitajiet tal-bejgħ jew imballaġġ ta’ prodotti fi gruppi sabiex ma ssirx ħsara mill-immaniġġjar fiżiku u waqt it-trasport. L-imballaġġ tat-trasport ma jinkludix il-kontejners li jinġarru fuq il-vetturi ta’ l-art, fuq il-ferrovija, fuq il-bastimenti jew fuq l-ajruplani;

2. "l-iskart mill-imballaġġ" għandu jfisser kull imballaġġ jew materjal ta’ l-imballaġġ li jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ l-iskart fid-Direttiva 75/442/KEE, minbarra l-fdalijiet tal-produzzjoni;

3. "l-immaniġġjar ta’ l-iskart ta’ l-imballaġġ" għandu jfisser l-immaniġġjar ta’ l-iskart kif definit fid-Direttiva 75/442/KEE;

4. "il-prevenzjoni" għandha tfisser it-tnaqqis fil-kwantità u fil-ħsara għall-ambjent:

- tal-materjali u s-sustanzi li jinsabu fl-imballaġġ u fl-iskart mill-imballaġġ,

- ta’ l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ fil-livell tal-proċess tal-produzzjoni u fl-istadji tat-tħejjija għas-suq, tat-tqassim, ta’ l-utilizzazzjoni u ta’ l-eliminazzjoni,

b’mod partikolari permezz ta’ l-iżvilupp ta’ prodotti u teknoloġija "nodfa";

5. "l-użu mill-ġdid" għandu jfisser kull operazzjoni li permezz tagħha l-imballaġġ, li jkun ġie maħsub u ddisinjat sabiex iwettaq fiċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu numru minimu ta’ vjaġġi jew rotazzjonijiet, jiġi mimli mill-ġdid jew użat għall-istess skop li għalih kien ġie maħsub, bl-appoġġ jew mingħajru ta’ prodotti awżiljari preżenti fis-suq li jgħinu sabiex il-prodott jerġa’ jimtela; imballaġġ użat mill-ġdid bħal dan isir skart ta’ l-imballaġġ meta ma jistax jerġa’ jintuża;

6. "l-irkupru" għandu jfisser kull operazzjoni applikabbli pprovduta fl-Anness II.B tad-Direttiva 75/442/KEE;

7. "ir-riċiklaġġ" għandu jfisser il-proċessar mill-ġdid fi proċess tal-produzzjoni tal-materjali ta’ l-iskart għall-iskopijiet oriġinali jew għal skopijiet oħra inkluż ir-riċiklaġġ organiku imma minbarra l-irkupru ta’ l-enerġija;

8. "l-irkupru ta’ l-enerġija" għandu jfisser l-użu ta’ l-iskart mill-imballaġġ li jieħu n-nar bħala mezz sabiex tiġi ġġenerata l-enerġija permezz ta’ ħruq dirett flimkien ma’, jew mingħajr, skart ieħor imma bl-irkupru tas-sħana;

9. "ir-riċiklaġġ organiku" għandu jfisser it-trattament erobiku (kompostjar) jew anerobiku (bijometanizzar), taħt kondizzjonijiet kontrollati u bl-użu ta’ mikro-organiżmi, tal-partijiet bijodegradabbli ta’ l-iskart mill-imballaġġ, li jipproduċu residwi organiċi stabblizzati jew metanu. L-irdim m’għandux jitqies bħala forma ta’ riċiklaġġ organiku;

10. "qerda" għandha tfisser kull operazzjoni applikabbli pprovduta fl-Anness II.A tad-Direttiva 75/442/KEE;

11. "l-operaturi ekonomiċi" fir-rigward ta’ l-imballaġġ għandhom ifissru l-fornituri tal-materjali ta’ l-imballaġġ, il-produtturi ta’ l-imballaġġ u dawk li jimlew l-imballaġġ u l-utenti, l-importaturi, in-negozjanti u d-distributuri, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet statutorji;

12. "ftehim volontarju" għandu jfisser il-ftehim formali milħuq bejn l-awtoritajiet kompetenti pubbliċi ta’ l-Istati Membri u s-setturi ekonomiċi interessati, li jrid ikun miftuħ għall-imsieħba kollha li jixtiequ jilħqu l-kondizzjonijiet tal-ftehim fil-ħsieb li jaħdmu ghall-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Prevenzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, barra mill-miżuri għall-prevenzjoni tal-formazzjoni ta’ l-iskart mill-imballaġġ meħuda skond l-Artikolu 9, miżuri oħra preventivi għandhom jiġu implimentati. Dawn il-miżuri jistgħu jikkonsistu fi programmi nazzjonali jew azzjonijiet simili adottati, jekk xieraq f’konsultazzjoni ma’ l-operaturi ekonomiċi, u ddisinjati sabiex jiġbru u jieħdu vantaġġ mill-ħafna inizjattivi meħuda fl-Istati Membri f’dik li hija prevenzjoni. Għandhom jikkonformaw ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva definiti fl-Artikolu 1(1).

2. Il-Kummissjoni għandha tgħin sabiex tmexxi ’l quddiem il-prevenzjoni billi tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ standards Ewropej addattati, skond l-Artikolu 10.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri jistgħu jinkoraġġixxu sistemi ta’ użu mill-ġdid ta’ l-imballaġġ, li jista’ jintuża mill-ġdid b’mod li jħares l-ambjent, f’konformità mat-Trattat.

L-Artikolu 6

L-irkupru u r-riċiklaġġ

1. Sabiex jikkonformaw ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiksbu l-miri li ġejjin li jkopru t-territorju kollu tagħhom;

(a) mhux aktar minn ħames snin mid-data li fiha din id-Direttiva għandha tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali, bejn 50 % bħala minimu u 65 % bħala massimu tal-piż ta’ l-iskart mill-imballaġġ għandu jiġi rkuprat;

(b) bħala parti minn din il-mira ġenerali, u fl-istess limitu taż-żmien, bejn 25 % bħala minimu u 45 % bħala massimu tal-piż tat-totalità tal-materjali ta’ l-imballaġġ li jinsabu fl-iskart mill-imballaġġ għandhom jiġu rriċiklati b’minimu ta’ 15 % tal-piż għal kull materjal ta’ l-imballaġġ.

(ċ) mhux aktar tard minn 10 snin mid-data li fiha din id-Direttiva għandha tiġi implimentata fil-liġi nazzjonali, percentwal ta’ l-iskart mill-imballaġġ li jrid jiġi kkalkolat mill-Kunsill skond il-paragrafu 3(b) bil-ħsieb li jiżdiedu sostanzjalment il-miri msemmija fil-paragrafi (a) u (b), għandu jiġi rkuprat u rriċiklat.

2. L-Istati Membri għandhom, fejn applikabbli, jinkoraġġixxu l-użu tal-materjali miksuba mill-iskart mill-imballaġġ riċiklat għall-fabbrikazzjoni ta’ l-imballaġġ u prodotti oħra.

3. (a) Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, fuq il-bażi ta’ rapport provvisorju mill-Kummissjoni, u erba’ snin mid-data riferita fil-paragrafu 1(a) fuq il-bażi ta’ rapport finali, jeżaminaw l-esperjenza prattika miksuba mill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom sabiex jilħqu l-miri u l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafi 1(a) u (b) u 2 u s-sejbiet tar-riċerka xjentifika u tat-teknika ta’ l-evalwazzjoni bħalma huma l-istati tal-bilanc ekologiku.

(b) Mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-aħħar ta’ l-ewwel fażi ta’ ħames snin riferita fil-paragrafu 1(a) il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata u fuq proposta mill-Kummissjoni, jiffissa l-miri għat-tieni fażi ta’ ħames snin riferita fil-paragrafu 1(ċ). Dan il-proċess għandu jiġi rrepetut kull ħames snin.

4. Il-miżuri u l-miri riferiti fil-paragrafu 1(a) u (b) għandhom jiġu ppubblikati mill-Istati Membri u għandhom ikunu s-suġġett ta’ kampanja ta’ tagħrif għall-pubbliku ġenerali u għall-operaturi ekonomiċi.

5. Il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall jistgħu, minħabba fis-sitwazzjoni speċifika tagħhom, jiġifieri n-numru kbir ta’ gżejjer żgħar, il-preżenza ta’ żoni rurali u muntanjużi u l-livell baxx korrenti tal-konsum ta’ l-imballaġġ rispettivament, jiddeċiedu li:

(a) jilħqu, mhux aktar tard minn ħames snin mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, miri aktar baxxi minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 1(a) u (b), imma għandhom għall-inqas jilħqu l-25 % għall-irkupru;

(b) jippostponu fl-istess ħin il-kisba tal-miri fil-paragrafu 1(a) u (b) sa temma taż-żmien aktar tard li, madankollu, m’għandhiex taqbeż il-31 ta’ Diċembru 2005.

6. L-Istati Membri li għandhom, jew se jagħmlu programmi li jmorru lil hinn mill-miri tal-paragrafu 1(a) u (b) u li jipprovdu għal dan il-għan kapaċitajiet addattati għar-riċiklaġġ u l-irkupru, huma permessi li jsegwu dawn il-miri fl-interess ta’ livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali, bil-kondizzjoni li dawn il-miżuri jevitaw id-distorsjoni tas-suq intern u ma jfixklux il-konformità ta’ l-Istati Membri l-oħra ma’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan. Il-Kummissjoni għandha tikkonferma dawn il-miżuri, wara li tkun ivverifikat, f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, li huma konsistenti mal-konsiderazzjonijiet msemmija fuq u li ma jikkostitwixxux mezz arbitrarju ta’ diskriminazzjoni jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

L-Artikolu 7

Is-sistemi tar-ritorn, tal-ġbir u ta’ l-irkupru

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu stabbiliti sistemi biex jipprovdu:

(a) għar-ritorn u/jew għall-ġbir ta’ l-imballaġġ użat u/jew l-iskart mill-imballaġġ mingħand il-konsumatur, utent finali ieħor, jew mill-gabra finali ta’ l-iskart sabiex jiġi mgħoddi lis-sistemi alternattivi ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart l-aktar addattati;

(b) għall-użu mill-ġdid jew għall-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ ta’ l-imballaġġ u/jew l-iskart mill-imballaġġ miġbur,

sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva.

Dawn is-sistemi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi ekonomiċ tas-setturi interessati u għall-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet pubbliċi kompetenti. Għandhom jgħoddu wkoll għall-prodotti importati, taħt kondizzjonijiet mhux diskriminatorji, inklużi l-arranġamenti dettaljati u kull tariffa imposta għall-aċċess għas-sistemi, u għandhom jiġu ddisinjati sabiex jevitaw xkiel għall-kummerċ jew distorsjoni tal-kompetizzjoni f’konformità mat-Trattat.

2. Il-miżuri riferiti fil-paragrafu 1 għandhom jiffurmaw parti mill-politika li tkopri l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ kollu u għandhom iqisu, b’mod partikolari, il-ħtiġiet tal-protezzjoni tas-saħħa ambjentali u tal-konsumatur, tas-sigurtà u ta’ l-iġjene; il-protezzjoni tal-kwalità, ta’ l-awtentiċità u l-karatteristiċi tekniċi tal-merkanzija imballata u tal-materjali użati; u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali u kummerċjali.

L-Artikolu 8

Is-sistema ta’ l-immarkar u ta’ l-identifikazzjoni

1. Il-Kunsill għandu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti bit-Trattat, jiddeċiedi fuq l-immarkar ta’ l-imballaġġ mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

2. Sabiex jiġi mħaffef il-ġbir, l-użu mill-ġdid u l-irkupru inkluż ir-riċiklaġġ, l-imballaġġ għandu jindika għall-iskopijiet ta’ l-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tiegħu mill-industrija interessata n-natura tal-materjal/i ta’ l-imballaġġ użat/i.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva tistabbilixxi, fuq il-bażi ta’ l-Anness I u skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, in-numerika u l-abbrevjazzjonijiet li fuqhom is-sistema ta’ l-identifikazzjoni hija msejsa u għandha tispeċifika liema materjali għandhom ikunu soġġetti għas-sistema ta’ l-identifikazzjoni skond l-istess proċedura.

3. L-imballaġġ għandu jġorr l-immarkar addattat fuq l-imballaġġ innifsu jew fuq it-tikketta. Għandu jkun jidher ċar u jinqara bil-ħeffa. L-immarkar għandu jkun jiflaħ għall-istrapazz u jservi kif suppost, inkluż meta jinfetaħ l-imballaġġ.

L-Artikolu 9

Il-ħtiġiet essenzjali

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tliet snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-imballaġġ ikun jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk jikkonforma mal-ħtiġiet essenzjali kollha definiti f’din id-Direttiva inkluż l-Anness II.

2. L-Istati Membri għandhom, mid-data stabbilita fl-Artikolu 22(1), jippreżumu l-konformità mal-ħtiġiet essenzjali kollha stabbiliti f’din id-Direttiva inkluż fl-Anness II fil-każ ta’ l-imballaġġ li jikkonforma:

(a) ma’ l-istandards armonizzati relevanti, li n-numri tar-referenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw in-numri tar-referenza ta’ l-istandards nazzjonali li jittrasponu dawn l-istandards armonizzati;

(b) ma’ l-istandards nazzjonali relevanti riferiti fil-paragrafu 3 sakemm, fl-oqsma koperti b’dawn l-istandards, l-ebda standards armonizzati ma jeżistu.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ l-istandards nazzjonali tagħhom, riferiti fil-paragrafu 2(b), li jidhrilhom illi jikkonformaw mal-ħtiġiet riferiti f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dawn it-testijiet mill-aktar fis lill-Istati Membri l-oħra.

L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-referenzi ta’ dawn l-istandards. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jikkonsidraw li l-istandards riferiti fil-paragrafu 2 ma jilħqux għal kollox il-ħtiġiet essenzjali riferiti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru interessat għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 83/189/KEE u jagħti r-raġunijiet għaliha. Dan il-Kumitat għandu jaghti opinjoni mingħajr dewmien.

Fid-dawl ta’ l-opinjoni tal-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri jekk ikunx meħtieġ illi jiġu rtirati dawk l-istandards mill-pubblikazzjonijiet riferiti fil-paragrafi 2 u 3.

L-Artikolu 10

L-istandardizzazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tmexxi ’l quddiem, kif xieraq, il-preparazzjoni ta’ standards Ewropej li għandhom x’jaqsmu mal-ħtiġiet essenzjali riferiti fl-Anness II.

Il-Kummissjoni għandha tmexxi ’l quddiem, b’mod partikolari, il-preparazzjoni ta’ standards Ewropej li għandhom x’jaqsmu ma’:

- il-kriterji u l-metodoloġiji għall-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ l-imballaġġ,

- il-metodi biex tiġi mkejla u vverifikata l-preżenza ta’ metalli tqal u sustanzi oħra ta’ periklu fl-imballaġġ u l-ħruġ tagħhom mill-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ għal ġo l-ambjent,

- il-kriterji għall-kontenut minimu ta’ materjal riċiklat fl-imballaġġ għat-tipi addattati ta’ l-imballaġġ,

- il-kriterji għall-metodi tar-riċiklaġġ,

- il-kriterji għall-metodi tal-kompostjar u l-kompost prodott,

- il-kriterji għall-immarkar ta’ l-imballaġġ.

L-Artikolu 11

Il-livelli tal-konċentrazzjoni tal-metalli tqal preżenti fl-imballaġġ

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi s-somma tal-livelli tal-konċentrazzjoni tac-ċomb, tal-kadmju, tal-merkurju, u tal-kromju eksavalenti preżenti fl-imballaġġ jew fil-komponenti ta’ l-imballaġġ m’għandhomx jaqbżu dak li ġej:

- 600 ppm skond il-piż sentejn wara d-data riferita fl-Artikolu 22(i);

- 250 ppm skond il-piż tliet snin wara d-data riferita fl-Artikolu 22(i);

- 100 ppm skond il-piż ħames snin wara d-data riferita fl-Artikolu 22(i).

2. Il-livelli tal-konċentrazzjoni riferiti fil-paragrafu 1 m’għandhomx jgħoddu għall-imballaġġ magħmul kollu kemm hu mill-ħġieġ tal-kristall biċ-ċomb definit fid-Direttiva 69/493/KEE [9].

3. Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, tiddeciedi:

- il-kondizzjonijiet illi taħthom il-livelli tal-konċentrazzjoni msemmija fuq ma jgħoddux għall-materjali riċiklati u għaċ-ċirkwiti tal-prodotti li jkunu f’katina magħluqa u kkontrollata,

- ix-xorta ta’ imballaġġ li huwa eżenti mill-ħtieġa riferita fil-paragrafu 1, it-tielet inciż.

L-Artikolu 12

Is-sistemi ta’ l-informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi d-databases fuq l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ jiġu mibnija, fejn mhux diġà jeżistu, fuq bażi armonizzata sabiex jgħinu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-monitorjar ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva.

2. Għal dan il-għan, id-databases għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-kobor, il-karatteristiċi u l-evoluzzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ (inkluża l-informazzjoni dwar it-tossiċità jew il-periklu tal-materjali ta’ l-imballaġġ u l-komponenti użati għall-fabbrikazzjoni tagħhom) fil-livell ta’ l-Istati Membri individwali.

3. Sabiex jiġu armonizzati l-karatteristiċi u l-preżentazzjoni ta’ l-informazzjoni prodotta u sabiex l-informazzjoni ta’ l-Istati Membri differenti tkun taqbel, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni disponibbli permezz ta’ formati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni sena qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva fuq il-bażi tal-Anness III, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

4. Meta jipprovdu informazzjoni ddettaljata l-Istati Membri għandhom iqisu l-problemi partikolari ta’ l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju.

5. L-informazzjoni miksuba għandha tingħata mar-rapporti nazzjonali riferiti fl-Artikolu 17 u għandha tiġi aġġornata fir-rapporti sossegwenti.

6. L-Istati Membri għandhom jitolbu lill-operaturi kollha involuti jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha dwar is-settur tagħhom kif meħtieġ f’dan l-Artikolu.

L-Artikolu 13

Tagħrif għall-utenti ta’ l-imballaġġ

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, fi żmien sentejn mid-data riferita fl-Artikolu 22(1), biex jiżguraw illi l-utenti ta’ l-imballaġġ, inklużi b’mod partikolari l-konsumaturi, jiksbu t-tagħrif meħtieġ dwar:

- is-sistemi tar-ritorn, tal-ġbir u ta’ l-irkupru disponibbli għalihom,

- ir-rwol tagħhom fil-kontribuzzjoni lejn l-użu mill-ġdid, l-irkupru u r-riċiklaġġ ta’ l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ,

- it-tifsira ta’ l-immarkar fuq l-imballaġġ li jkun fis-suq,

- l-elementi li jgħoddu tal-pjanijiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ riferiti fl-Artikolu 14.

L-Artikolu 14

Il-pjanijiet għall-immaniġġjar

Filwaqt li jsegwu l-għanijiet u l-miżuri riferiti f’din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jinkludu fil-pjanijiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart meħtieġa skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 75/442/KEE, kapitolu speċifiku dwar l-immaniġġjar ta’ l-imballaġġ u ta’ l-iskart mill-imballaġġ, inklużi l-miżuri meħuda skond l-Artikoli 4 u 5.

L-Artikolu 15

L-istrumenti ekonomiċi

Waqt li jaġixxi fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, il-Kunsill jadotta strumenti ekonomiċi biex imexxi ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ l-għanijiet stabbiliti b’din id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ miżuri bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri biex jimplimentaw dawn l-għanijiet, skond il-prinċipji li jirregolaw il-politika ambjentali tal-Komunità, fost ħwejjeġ oħra, il-prinċipju li min iniġġeż iħallas, u l-obbligazzjonijiet taħt it-Trattat.

L-Artikolu 16

In-notifikazzjoni

1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 83/189/KEE, qabel ma jadottaw miżuri bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-abbozzi tal-miżuri li jkunu bi ħsiebhom jadottaw fil-qafas ta’ din id-Direttiva, minbarra l-miżuri ta’ natura fiskali, iżda inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi magħquda ma’ miżuri fiskali li jinkoraġġixxu l-konformità ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi bħal dawn, sabiex jippermettu lil din ta’ l-aħħar illi teżaminahom fid-dawl tad-dispożizzjonijiet eżistenti filwaqt li ssegwi f’kull każ il-proċedura taħt id-Direttiva msemmija fuq.

2. Jekk il-miżura proposta hija wkoll kwistjoni teknika fit-tifsira tad-Direttiva 83/189/KEE, l-Istat Membru interessat jista’ jindika, waqt li jsegwi l-proċeduri tan-notifika riferiti f’din id-Direttiva, li n-notifikazzjoni hija valida wkoll għad-Direttiva 83/189/KEE.

L-Artikolu 17

L-obbligu li jsir rapport

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/692/KEE tat-23 ta’ Diċembru 1991 li tistandardizza u tirrazzjonalizza r-rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ ċerti Direttivi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent [10]. L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu 1995 sa 1997.

L-Artikolu 18

Il-libertà tat-tqegħid fis-suq

L-Istati Membri m’għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq tat-territorju tagħhom ta’ l-imballaġġ li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 19

L-addattament għall-progress xjentifiku u tekniku

L-emendi meħtieġa għall-addattament tas-sistema ta’ l-identifikazzjoni għall-progress xjentifiku u tekniku – riferiti fl-Artikolu 8(2), l-Anness I u l-Artikolu 10, l-aħħar inciż – u l-formati li għandhom x’jaqsmu mas-sistema tad-database – riferiti fl-Artikolu 12(3) u l-Anness III – għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 21.

L-Artikolu 20

Miżuri speċifiċi

1. Il-Kummissjoni, b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21, għandha tistabbilixxi l-miżuri tekniċi meħtieġa sabiex tkun tista’ tegħleb kull diffikultà li tista’ tiltaqa’ magħha fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva b’mod partikolari għall-imballaġġ primarju għall-apparat mediku u l-prodotti farmaċewtiċi, għall-imballaġġ żgħir u għall-imballaġġ ta’ lussu.

2. Il-Kummissjoni għandha wkoll tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kull miżura oħra li tkun ser tittieħed, akkumpanjat minn proposta jekk applikabbli.

L-Artikolu 21

Il-proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat magħmul mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u ppreseduta mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz f’limitu taż-żmien li l-president jista’ jippreskrivi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita bl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fuq il-kumitat għandhom jigu ppeżati bil-mod stabbilit f’dan l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu bi qbil ma’ l-opinjoni tal-kumitat.

(b) Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux jaqblu ma’ l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill Kunsill mingħajr dewmien proposta dwar il-miżuri li jkunu ser jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi bil-maġġoranza kwalifikata.

Jekk il-Kunsill ikun għadu ma aġixxiex fit-temma taż-żmien ta’ perjodu li fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż it-tliet xhur mid-data tar-referenza lill-Kunsill, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 22

L-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-30 ta’ Ġunju 1996. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jagħmlu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi sabiex issir referenza bħal din għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kollha adottati fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

4. Il-ħtiġiet għall-fabbrikazzjoni ta’ l-imballaġġ m’għandhom fl-ebda każ jgħoddu għall-imballaġġ użat għal prodotti specifikati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

5. L-Istati Membri għandhom, għal perjodu li ma jaqbiżx il-ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, jippermettu t-tqegħid fis-suq ta’ l-imballaġġ iffabbrikat qabel din id-data u li huwa f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti.

L-Artikolu 23

Id-Direttiva 85/339/KEE hija b’dan irrevokata b’effett mid-data riferita fl-Artikolu 22(1).

L-Artikolu 24

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 25

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta’ Diċembru 1994.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

K. Hänsch

Għall-Kunsill

Il-President

K. Kinkel

[1] ĠU C 263, tat-12.10.1992, p. 1 u ĠU C 285, tal-21.10.1993, p. 1.

[2] ĠU C 129, ta’ l-10.5.1993, p. 18.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ġunju 1993 (ĠU C 194, tad-19.7.1993, p. 177), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Marzu 1994 (ĠU C 137, tad-19.5.1994, p. 65) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Mejju 1994 (ĠU C 205, tal-25.7.1994, p. 163). Ikkonfermati fit-2 ta’ Diċembru 1993 (ĠU C 342, ta’ l-20.12.1993, p. 15). It-test komuni tal-Kumitat tal-Konċiljazzjoni tat-8 ta’ Novembru 1994.

[4] ĠU L 176, tas-6.7.1985, p. 18. Id-Direttiva l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/629/KEE (ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48).

[5] ĠU C 122, tat-18.5.1990, p. 2.

[6] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Id-Direttiva l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/156/KEE (ĠU L 78, tas-26.3.1991, p. 32).

[7] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Id-Direttiva l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/400/KEE (ĠU L 221, tas-6.8.1992, p. 55).

[8] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20.

[9] ĠU L 326, tad-29.12.1969, p. 36.

[10] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IS-SISTEMA TA’ L-IDENTIFIKAZZJONI

In-numerika użata għandha tkun minn 1 sa 19 għall-plastik, minn 20 sa 39 għall-karta u l-kartun, minn 40 sa 49 għall-metall, minn 50 sa 59 għall-injam, minn 60 sa 69 għat-tessuti u minn 70 sa 79 għall-ħġieġ.

Is-sistema ta’ l-identifikazzjoni tista’ tuża wkoll l-abbrevjazzjoni għall-materjal(i) rilevanti (eż. HDPE: polietilene ta’ densità għolja). Il-materjali jistgħu jiġu identifikati permezz ta’ sistema numerika u/jew abbrevjazzjoni. Il-marki ta’ l-identifikazzjoni għandhom jidhru fiċ-ċentru ta’, jew taħt, l-immarkar grafiku li jindika jekk l-imballaġġ ikunx jista’ jintuża mill-ġdid jew jiġi rkuprat.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-ĦTIĠIET ESSENZJALI DWAR IL-KOMPOŻIZZJONI U N-NATURA TA’ L-IMBALLAĠĠ ILLI JISTA’ JERGA’ JINTUŻA’ MILL-ĠDID JEW JIĠI RKUPRAT, INKLUŻ IRRIĊIKLAT

1. Il-ħtiġiet speċifiċi għall-fabbrikazzjoni u l-komposizzjoni ta’ l-imballaġġ

- L-imballaġġ għandu jiġi ffabbrikat hekk illi l-volum u l-piż ta’ l-imballaġġ jigu llimitati għall-ammont minimu adegwat sabiex jinżamm il-livell meħtieġ tas-sigurtà, ta’ l-iġjene u ta’ l-aċċettazzjoni tal-prodott imballat u għall-konsumatur.

- L-imballaġġ għandu jiġi ddisinjat, prodott u kummerċjalizzat hekk illi jippermetti l-użu mill-ġdid jew l-irkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u li jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq l-ambjent meta jinqerdu l-iskart mill-imballaġġ jew ir-residwi minn operazzjonijiet ta’ l-immaniġġjar ta’ l-iskart mill-imballaġġ.

- L-imballaġġ għandu jiġi ffabbrikat hekk illi l-preżenza bħala kostitwenti tal-materjal ta’ l-imballaġġ jew ta’ xi komponenti ta’ l-imballaġġ ta’ sustanzi li jagħmlu l-ħsara u ta’ materjali oħra perikolużi tiġi mminimizzata fl-emissjonijiet, fl-irmied jew fil-lissija meta l-imballaġġ jew ir-residwi minn operazzjonijiet ta’ l-immaniġġjar jew ta’ l-iskart mill-imballaġġ jinħarqu jew jiġu mirduma.

2. Il-ħtiġiet speċifiċi għan-natura ta’ l-imballaġġ li tippermetti l-użu mill-ġdid

Il-ħtiġiet li ġejjin għandhom jiġu sodisfatti fl-istess ħin:

- il-kwalitajiet u l-karatteristiċi fiżiċi ta’ l-imballaġġ għandhom jippermettu numru ta’ vjaġġi jew rotazzjonijiet f’kondizzjonijiet ta’ l-użu li normalment jistgħu jitbassru,

- il-possibbiltà ta’ l-ipproċessar ta’ l-imballaġġ użat sabiex jintlaħqu l-ħtiġiet tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema,

- jigu osservati l-ħtiġiet speċifiċi għall-imballaġġ li jista’ jigi rkuprat meta l-imballaġġ ma jibqax jerga’ jintuża u għalhekk isir skart.

3. Il-ħtiġiet speċifiċi għall-imballaġġ illi jista’ jigi rkuprat

(a) L-imballaġġ li jista’ jigi rkuprat fil-forma ta’ materjal riċiklat

L-imballaġġ għandu jiġi ffabbrikat hekk illi jippermetti r-riċiklaġġ ta’ ċertu percentwal skond il-piż tal-materjali użati fil-fabbrikazzjoni tal-prodotti li jistghu jitqieghdu fis-suq, f’konformità ma’ l-istandards korrenti fil-Komunità. L-ghażla ta’ dan il-percentwal tista’ tvarja, skond ix-xorta ta’ materjal li minnu l-imballaġġ ikun maghmul.

(b) L-imballaġġ li jista’ jigi rkuprat fil-forma ta’ irkupru ta’ l-enerġija

L-iskart mill-imballaġġ proċessat għall-iskop ta’ l-irkupru ta’ l-enerġija għandu jkollu valur minimu kalorifiku inferjuri sabiex jippermetti l-aħjar irkupru ta’ l-enerġija.

(ċ) L-imballaġġ illi jista’ jigi rkuprat fil-forma ta’ kompostjar

L-iskart mill-imballaġġ proċessat għall-iskop tal-kompostjar għandu jkun ta’ natura bijodegradabbli li ma tfixkilx il-ġbir separat u l-proċess jew l-attività tal-kompostjar li fihom jiddahhal.

(d) L-imballaġġ bijodegradabbli

L-iskart mill-imballaġġ bijodegradabbli għandu jkun ta’ natura li jkun kapaċi jgħaddi minn dekompożizzjoni fiżika, kimika, termali jew bijoloġika tant li ħafna mill-kompost li jibqa’ jiddekomponi fl-aħħar f’dijossidu karboniku, bijomassa u ilma.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

L-INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TIĠI INKLUŻA FID-DATABASES DWAR IMBALLAĠĠ U L-ISKART TA’ L-IMBALLAĠĠ (SKOND IT-TABELLI 1 SA 4)

1. Għall-imballaġġ primarju, sekondarju u terzjarju:

(a) il-kwantitajiet, għal kull kategorija wiesgħa tal-materjal, ta’ l-imballaġġ ikkonsumat fil-pajjiż (prodott + importat – esportat) (Tabella 1);

(b) il-kwantitajiet użati mill-ġdid (Tabella 2).

2. Għall-iskart mill-imballaġġ domestiku u mhux domestiku:

(a) il-kwantitajiet, għal kull kategorija wiesgħa tal-materjal, irkuprati u meqruda fil-pajjiż (prodott + importat – esportat) (Tabella 3);

(b) il-kwantitajiet riċiklati u l-kwantitajiet irkuprati għal kull kategorija wiesgħa tal-materjal (Tabella 4).

IT-TABELLA 1

Il-kwantità ta’ imballaġġ (primarju, sekondarju u terzjarju) ikkonsumat fit-territorju nazzjonali

| It-tunnellaġġ prodott | - It-tunnellaġġ esportat | + It-tunnellaġġ importat | = It-total |

Il-ħġieġ | | | | |

Il-plastik | | | | |

Il-karta/il-kartun (inklużi dawk komposti) | | | | |

Il-metalli | | | | |

L-injam | | | | |

Oħrajn | | | | |

It-total | | | | |

IT-TABELLA 2

Il-kwantità ta’ l-imballaġġ (primarju, sekondarju u terzjarju) użat mill-ġdid fit-territorju nazzjonali

| It-tunnellaġġ ta’ l-imballaġġ ikkonsumat | L-imballaġġ użat mill-ġdid |

It-tunnellaġġ | Il-percentwal |

Il-ħġieġ | | |

Il-plastik | | | |

Il-karta/il-kartun (inklużi dawk komposti) | | | |

Il-metall | | | |

L-injam | | | |

Oħrajn | | | |

It-total | | | |

IT-TABELLA 3

Il-kwantità ta’ l-iskart mill-imballaġġ irkuprat u meqrud fit-territorju nazzjonali

| It-tunnellaġġ ta’ l-iskart prodott | - It-tunnellaġġ ta’ l-iskart esportat | + It-tunnellaġġ ta’ l-iskart importat | = It-total |

L-iskart domestiku | | | | |

L-imballaġġ tal-ħġieġ | | | | |

L-imballaġġ tal-plastik | | | | |

L-imballaġġ tal-karta/tal-kartun | | | | |

L-imballaġġ tal-kartun kompost | | | | |

L-imballaġġ tal-metall | | | | |

L-imballaġġ ta’ l-injam | | | | |

It-total ta’ l-imballaġġ ta’ l-iskart domestiku | | | | |

L-iskart mhux domestiku | | | | |

L-imballaġġ tal-ħġieġ | | | | |

L-imballaġġ tal-plastik | | | | |

L-imballaġġ tal-karta/tal-kartun | | | | |

L-imballaġġ tal-kartun kompost | | | | |

L-imballaġġ tal-metall | | | | |

L-imballaġġ tal-injam | | | | |

It-total ta’ l-imballaġġ ta’ l-iskart mhux domestiku | | | | |

IT-TABELLA 4

Il-kwantità ta’ l-iskart mill-imballaġġ riċiklat jew irkuprat fit-territorju nazzjonali

| It-tunnellaġġ totali rkuprat u meqrud | Il-kwantità riċiklata | Il-kwantità rkuprata |

It-tunnellaġġ | Il-percentwal | It-tunnellaġġ | Il-percentwal |

L-iskart domestiku | | | | |

L-imballaġġ tal-ħġieġ | | | | | |

L-imballaġġ tal-plastik | | | | | |

L-imballaġġ tal-karta/kartun | | | | | |

L-imballaġġ tal-kartun kompost | | | | | |

L-imballaġġ tal-metall | | | | | |

L-imballaġġ ta’ l-injam | | | | | |

It-total ta’ l-imballaġġ ta’ l-domestiku | | | | | |

L-iskart mhux domestiku | | | | | |

L-imballaġġ tal-ħġieġ | | | | | |

L-imballaġġ tal-plastik | | | | | |

L-imballaġġ tal-karta/kartun | | | | | |

L-imballaġġ tal-kartun kompost | | | | | |

L-imballaġġ tal-metall | | | | | |

L-imballaġġ ta’ l-injam | | | | | |

It-total ta’ l-imballaġġ ta’ l-iskart mhux domestiku | | | | | |

--------------------------------------------------