Official Journal L 148 , 19/06/1993 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 12 Volume 2 P. 0160
Swedish special edition: Chapter 12 Volume 2 P. 0160
Ir-regolament tal-kunsill (EURATOM) Nru 1493/93 tat-8 ta' Ġinju 1993 dwar kunsinni ta' sustanzi radjoattivi bejn l-Istati Membri IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u partikolarment l-Artikoli 31 u 32 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1], imħejjija wara li kisbet l-opinjoni ta' grupp ta' esperti maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn fost esperti xjentifiċi fl-Istati Membri, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3], Billi fit-2 ta' Frar 1959 il-Kunsill adotta direttivi li jesiġu n-normi bażiċi għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku ġenerali kontra l-perikoli li joriġinaw minn radjazzjoni jonizzanti [4], li ġew emendati b'mod partikolari mid-Direttiva 80/836/Euratom [5]; Billi, bis-saħħa ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/836/Euratom, kull Stat Membru għandu jagħmel rappurtaġġ obbligatorju dwar attivitajiet li jinvolvu perikolu li joriġina minn radjazzjoni jonizzanti; billi, fid-dawl tal-perikoli possibli u tal-konsiderazzjonijiet l-oħra relevanti, dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal awtorizzazzjoni bil-quddiem fil-każi li jkun hemm deċiżjoni dwarhom minn kull Stat Membru; Billi l-Istati Membri kienu sussegwentament stabbilew sistemi fit-territorji tagħhom sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/836/Euratom; billi, għalhekk, permezz ta' kontrolli interni li dak l-Istat Membru japplika fuq il-bażi ta' regoli nazzjonali konsistenti mal-ħtiġijiet eżistenti tal-Komunità u ta' xi ħtiġijiet internazzjonali oħra relevanti, l-Istati Membri għandhom ikomplu jassiguraw livell kumparabbli ta' protezzjoni fit-territorji tagħhom; Billi kunsinni ta' skart radjoattiv bejn l-Istati Membri u lejn u l-barra mill-Komunità huma suġġetti għall-miżuri speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva 92/3/Euratom [6]; billi l-Istati Membri huma meħtieġa li jdaħħlu fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1994 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi mad-Direttiva 92/3/Euratom; billi kull Stat Membru għandu jkun responsabbli sabiex jagħmel ċert li l-iskart radjoattiv tiegħu ikunu amministrat kif xieraq; Billi t-tneħħija tal-kontrolli fuq il-fruntieri fil-Komunità mill-1 ta' Jannar 1993 kellha l-effett li ċċaħħad lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri minn informazzjoni li qabel kienet titwassal permezz ta' dawn il-kontrolli dwar kunsinni ta' sustanzi radjoattivi; billi hemm ħtieġa li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jirċievu l-istess livell ta' informazzjoni bħal qabel sabiex ikomplu jimplementaw il-kontrolli tagħhom għal skopijiet ta' ħarsien kontra r-radjazzjoni; billi kieku jkun hemm sistema Komunitarja ta' dikjarazzjoni u provvista ta' informazzjoni din tiffaċilita ż-żamma tal-kontroll għal protezzjoni kontra r-radjazzjoni; billi sistima Komunitarja ta' dikjarazzjoni minn qabel hija meħtieġa għall-kunsinni ta' sorsi li jkunu issiġillati jew ta' skart rajoattiv; Billi materjali fissili speċjali kif definiti mill-Artikolu 197 tat-Trattat EAEC huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II il-Kapitolu VII - Salvagwardi ta' dak it-Trattat; billi t-trasport ta' dawk il-materjali huwa suġġett għall-obbligazzjonijiet ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjali Nukleari (IAEA 1980); Billi dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-provvista ta' informazzjoni u ta' kontrolli imposti għal raġunijiet oħra apparti minn protezzjoni kontra r-radjazzjoni, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal kunsinni, bejn l-Istati Membri, ta' sorsi ssiġġillati u sorsi relevanti oħra, kull meta l-kwantitajiet u l-konċentrazzjoni jkunu jeċċedu l-livelli stabbiliti mill-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 80/836/Euratom. Għandu japplika għall-kunsinni ta' skart radjoattiv, bejn l-Istati Membri, kif kopert mid-Direttiva 92/3/Euratom. 2. Fil-każ ta' materjali nukleari, kull Stat Membru għandu jwettaq il-kontrolli kollha meħtieġa, fit-territorju tiegħu stess, sabiex jassigura li kull kunsinna ta' dawn il-materjali, li huma s-suġġett ta' kunsinna minn Stat Membru ieħor, ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/836/Euratom. L-Artikolu 2 Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament: - kunsinna tfisser operazzjonijiet ta' trasport mill-post ta' l-oriġini lejn il-post tad-destinazzjoni, inklużi t-tagħbija u l-ħatt tas-sustanzi radjoattivi, - id-detentur ta' sustanti radjoattivi jfisser kull persuna naturali jew ġuridika li, qabel ma ssir kunsinna, jkollu r-responsabbiltà legali taħt il-liġi nazzjonali għal dawk il-materjali u jkollu l-intenzjoni li jagħmel il-kunsinna lil destinatarju, - id-destinatarju ta' sustanzi radoattivi jfisser kull persuna naturali jew ġuridika li lilha jiġi kunsinnjat dan il-materjal, - sorsi ssiġġillati għandha t-tifsira mogħtija fid-Direttiva 80/836/Euratom, - sorsi oħra relevanti jfissru kull sustanza radjoattiva li ma tkunx sors issiġillat intenzjonat għal użu dirett jew indirett tar-radjazzjoni jonizzanti li temetti għal applikazzjonijiet mediċi, veterinarji, industrijali, kummerċjali, ta'riċerka jew agrikoli, - skart radjoattiv għandu t-tifsira mogħtija fid-Direttiva 92/3/Euratom, - materjali nukleari jfissru materjali speċjali fissili, il-materjali li jintużaw bħala sors u l-minerali mhux proċessati kif definiti fl-Artikolu 197 tat-Trattat EAEC, - l-awtoritajiet kompetenti jfissru kull awtorità responsabbli fl-Istat Membru għall-applikar u l-amministrazzjoni ta' dan ir-Regolament jew għal xi awtorità oħra innominata mill-Istat Membru, - attività għandha t-tifsira mogħtija fid-Direttiva 80/836/Euratom. L-Artikolu 3 Kontrolli ta' kunsinni ta' sorsi ssiġġillati, sorsi oħra relevanti u skart radjoattiv bejn l-Istati Membri, skond il-liġi tal-Komunità jew dik nazzjonali, għall-iskop tal-ħarsien kontra r-radjazzjoni għandhom isiru bħala parti mill-proċeduri ta' kontroll applikati b'mod mhux diskriminatorju matul it-territorju kollu ta' l-Istat Membru. L-Artikolu 4 1. Id-detentur ta' sorsi ssiġġillati jew ta' skart radjoattiv li jkun bi ħsiebu jwettaq kunsinna ta' dawn is-sorsi jew skart, jew li jagħmel arranġamenti sabiex titwettaq din il-kunsinna, għandu jikseb minn qabel dikjarazzjoni bil-miktub mingħand id-destinatarju tas-sustanzi radjoattivi li tistqarr li d-destinatarju ikkonforma, fl-Istat Membru tad-destinazzjoni, mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha li jimplimentaw l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/836/Euratom u mar-rekwiżiti nazzjonali relevanti dwar ħżin, użu jew rimi b'mod mhux perikoluż ta' dik il-klassi ta' sors jew skart. Id-dikjarazzjoni għandha ssir permezz tad-dokumenti standard stabbiliti fl-Annessi I u II ta' dan ir-Regolament. 2. Id-dikjarazzjoni li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat mid-destinatarju lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li lilu tkun sejra ssir il-kunsinna. L-awtorità kompetenti għandha tikkonferma bit-timbru tagħha fuq id-dokument li hi tkun ħadet nota tad-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni għandha mbagħad tintbgħat mid-destinatarju lid-detentur. L-Artikolu 5 1. Id-dikjarazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4 tista' tirreferi għal aktar minn kunsinna waħda, sakemm: - is-sorsi ssiġillati jew l-iskart radjoattiv li għandhom x'jaqsmu magħha jkollhom essenzjalment l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi, - is-sorsi ssiġġillati jew l-iskart radjoattiv li għandhom x'jaqsmu magħha ma jeċċedux il-livelli ta' attività stabbiliti fid-dikjarazzjoni, u - il-kunsinni għandhom isiru mill-istess detentur lill-istess destinatarju jinvolvu l-istess awtoritajiet kompetenti. 2. Id-dikjarazzjoni għandha tkun valida għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin mid-data tat-timbru ta' l-awtorità kompetenti li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 4(2). L-Artikolu 6 Id-detentur ta' sorsi ssiġġillati, sorsi oħra relevanti u skart radjoattiv li jkun għamel kunsinna ta' sorsi jew skart ta' din ix-xorta, jew li jkun għamel arranġamenti sabiex issir kunsinna ta' din ix-xorta, għandu, fi żmien 21 jum mit-tmiem ta' kull perjodu ta' tliet xhur, jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru tad-destinazzjoni b'din l-informazzjoni li ġejja f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunsinni matul dawk it-tliet xhur: - l-ismijiet u l-indirizzi tad-destinatarji, - l-attività totali għal kull radjonuklidi kunsinnjata lil destinatarju u n-numru tal-kunsinni magħmula, - l-ogħla kwantità singola ta' kull radjonuklidi ikkunnsinnjati lil kull destinatarju, - it-tip ta' sustanza: is-sors issiġġillati, sorsi oħra relevanti jew skart radjoattiv. L-ewwel fost dawn ir-rapporti għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Lulju sat-30 ta' Settembru 1993. L-Artikolu 7 L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jikkooperaw sabiex jassiguraw l-applikar u l-infurzar ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 8 L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 1993 l-isem (ismijiet) u l-indirizz(i) ta' l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fl-Artikolu 2 u l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-komunikazzjoni rapida ma' dawk l-awtoritajiet. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni kull bidliet dwar dik l-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni, u l-bidliet fiha, lill-awtoritajiet kollha kompetenti fil-Komunità u għandha tippubblikaha, flimkien mal-bidliet li jkunu sarulha, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 9 Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jaffetwa d-dispożizzjonijiet nazzjonali jesistenti u l-ftehim internazzjonali dwar it-trasport, inkluż it-transitu, ta' materjal radjoattiv. L-Artikolu 10 Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jaffetwa l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 92/3/Euratom. L-Artikolu 11 1. Ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. 2. Dan ir-Regolament għandu jieqaf milli jkun applikabbli għall-iskart radjoattiv mill-1 ta' Jannar 1994. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fit-8 ta' Ġunju 1993. Għall-Kunsill Il-President N. Helveg Petersen [1] ĠU C 347, tal-31.12.1992, p. 17. [2] ĠU 150, tal-31.5.1993. [3] ĠU C 19, tal-25.1.1993, p. 13. [4] ĠU L 11, ta' l-20.2.1959, p. 221/59. [5] ĠU L 246, tas-17.9.1980, p. 1. Id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva 84/467/Euratom (ĠU L. 265, tal-5.10.1984, p. 4). [6] ĠU L 35, tat-12.2.1992, p. 24. -------------------------------------------------- L-ANNESS I +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- L-ANNESS II +++++ TIFF +++++ +++++ TIFF +++++ --------------------------------------------------