31993L0043


Titolu u referenza

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/43/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1993 dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel

 ĠU L 175, 19.7.1993, p. 1–11 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)
 Edizzjoni Speċjali bil-Finlandiż: Chapter 13 Volume 24 P. 126 - 135
 Edizzjoni Speċjali bl-Iżvediż: Chapter 13 Volume 24 P. 126 - 135
 Edizzjoni Speċjali biċ-Ċek: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bl-Estonjan: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bl-Ungeriż Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bil-Litwan: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bil-Letton: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bil-Pollakk: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bis-Slovakk: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135
 Edizzjoni Speċjali bis-Sloven: Chapter 13 Volume 012 P. 125 - 135

 DA  DE  EL  EN  ES  FR  IT  NL  PT

Test

BG ES CS DA DE ET EL EN FR GA IT LV LT HU MT NL PL PT RO SK SL FI SV
  html html html html html html html html   html html html html html html html html   html html html html
  pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf pdf   pdf pdf pdf pdf
tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff tiff

Lingwa awtentika

Dati

Klassifikazzjonijiet

Informazzjoni varja

Relazzjoni bejn id-dokumenti

Test

Bilingwi: CS DA DE EL EN ES ET FI FR HU IT LT LV MT NL PL PT SK SL SV

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/43/KEE

ta' l-14 ta' Ġunju 1993

dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

F'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Economiku u Soċjali [2],

Billi l-moviment liberu ta' l-oġġetti ta' l-ikel huwa kondizzjoni minn qabel essenzjali għat-tkomplija tas-suq intern; billi dan il-prinċipju jimplika fiduċja fl-istandard tas-sigurtà ta' l-oġġetti ta' l-ikel għall-konsum mill-bniedem f'ċirkolazzjoni libera, u b'mod partikolari l-istandards tagħhom ta' l-iġjene, fl-istadji kollha tat-tħejjija, tal-proċessar, tal-fabbrikazzjoni, tal-ippakkjar, tal-ħażna, tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tat-tqandil u ta' l-offerta għall-bejgħ jew għall-forniment lill-konsumatur;

Billi l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem hija ta' importanza kbira;

Billi din il-protezzjoni diġà kienet is-suġġett tad-Direttiva tal-Kunsill 89/397/KEE ta' l-14 ta' Ġunju 1989 dwar il-kontroll uffiċjali ta' l-oġġetti ta' l-ikel [3] kif ukoll ta' regoli iktar speċifiċi f'dan is-settur; billi għan importanti ta' dawn il-kontrolli huwal-iġjene ta' l-ikel; billi d-Direttiva 89/397/KEE tikkonċentra fuq l-ispezzjoni, it-teħid tal-kampjuni u l-analiżi u għandha tiġi ssupplementata b'dispożizzjonijiet immirati li jitejbu l-livell ta' l-iġjene ta' l-ikel u li jżidu l-fiduċja fl-istandard ta' l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel f'ċirkolazzjoni libera;

Billi r-regoli ġenerali ta' l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel li għandhom jiġu osservati fil-waqt tat-tħejjija, tal-proċessar, tal-fabbrikazzjoni, tal-ippakkjar, tal-ħażna, tat-trasport, tad-distribuzzjoni, tat-tqandil u l-offerta għall-bejgħ jew għall-forniment lill-konsumatur għandhom jiġu armonizzati sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem;

Billi l-użu ta' analiżi għall-periklu, ta' stima tar-riskji u ta' metodi tekniċi oħra tal-ġestjoni sabiex jidentifikaw, jikkontrollaw u jimmonitorjaw il-punti kritiċi huwa rikonnoxxut;

Billi l-kriterji mikrobijoloġiċi u l-kriterji għall-kontroll tat-temperatura jistgħu jiġu adottati għal ċerti klassijiet ta' oġġetti ta' l-ikel; billi, jekk adottati, għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali xjentifikament aċċettati;

Billi l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu u jipparteċipaw fl-iżvilupp tal-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li għalihom jistgħu jirreferu n-negozji kummerċjali ta' l-ikel, ibbażati, fejn approprjat, fuq il-Kodiċi tal-Prattika Rakkommandata Internazzjonalment, il-Prinċipji Ġenerali ta' l-Iġjene ta' l-Ikel tal-CodexAlimentarius [4];

Billi l-Kummissjoni, megħjuna mill-Istati Membri u minn partijiet oħra interessati, għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li għalihom jistgħu jirreferu n-negozji kummerċjali ta' l-ikel meta meħtieġ fil-Komunità kollha;

Billi, madankollu, l-operatur ta' negozju kummerċjali ta' l-ikel huwa responsabbli mill-kondizzjonijiet ta' l-iġjene fin-negozju kummerċjali tiegħu ta' l-ikel; billi din id-Direttiva għalhekk ma timponix l-osservanza tal-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene, li m'għandhom l-ebda forza fil-liġi;

Billi, sabiex jiġu implementati r-regoli ġenerali ta' l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel u tal-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene, għandha tiġi rrakkommandata l-applikazzjoni ta' l-istandards ta' serje EN 29000;

Billi l-osservanza tar-regoli ġenerali ta' l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel għandha jiġi kkontrollata skond id-Direttiva 89/397/KEE mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, bil-għan li l-konsumatur jiġi pprevenut milli ssirlu ħsara minn oġġetti ta' l-ikel mhux tajba għall-konsum mill-bniedem jew potenzjalment ta' periklu għas-saħħa tal-bniedem;

Billi l-operaturi tan-negozji kummerċjali ta' l-ikel għandhom jiżguraw illi l-oġġetti ta' l-ikel biss li ma jkunux ta' ħsara għas-saħħa jitqiegħdu fis-suq u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw il-poteri xierqa għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika; billi, madankollu, id-drittijiet leġittimi tan-negozji kummerċjali ta' l-ikel għandhom jiġu garantiti;

Billi l-Kummissjoni għandha tingħata tagħrif dwar l-identità ta' l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri responsabbli mill-kontroll uffiċjali ta' l-iġjene ta' l-ikel,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli ġenerali ta' l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel u l-proċedura għall-verifika tal-konformità ma' dawn ir-regoli.

2. Din Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet adottati fil-kuntest tar-regoli Komunitarji iktar speċifiċi dwar l-iġjene ta' l-ikel. Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina r-relazzjoni bejn ir-regoli Komunitarji speċifiċi dwar l-iġjene ta' l-ikel u dawk ta' din id-Direttiva u, jekk meħtieġ, tagħmel proposti.

L-Artikolu 2

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

- l-iġjene ta' l-ikel, minn issa 'l quddiem imsejħa "l-iġjene", għandha tfisser kull miżura meħtieġa sabiex tiżgura s-sigurtà u l-utiq tas-saħħa ta' l-oġġetti ta' l-ikel. Il-miżuri għandhom ikopru kull stadju wara l-produzzjoni primarja (din ta' l-aħħar tinkludi, per eżempju, il-ħsad, il-qtil u l-ħlib), waqt il-tħejjija, l-ipproċessar, il-fabbrikazzjoni, l-ippakkjar, il-ħażna, it-trasport, id-distribuzzjoni, it-tqandil u l-offerti għall-bejgħ jew għall-forniment lill-konsumatur,

- neġozju kummerċjali ta' l-ikel ifisser kull impjant, għall-profitt jew le u pubbliku jew privat, li jwettaq waħda jew kollha minn dawn li ġejjin: it-tħejjija, l-ipproċessar, il-fabbrikazzjoni, l-ippakkjar, il-ħażna, it-trasport, id-distribuzzjoni, it-tqandil jew l-offerta għall-bejgħ jew għall-forniment ta' oġġetti ta' l-ikel,

- ikel utiq għas-saħħa jfisser l-ikel li huwa tajjeb għall-konsum mill-bniedem safejn u sakemm jirrigwarda l-iġjene.

L-Artikolu 3

1. Il-tħejjija, l-ipproċessar, il-fabbrikazzjoni, l-ippakkjar, il-ħażna, it-trasport, id-distribuzzjoni, it-tqandil u l-offerta għall-bejgħ jew għall-forniment ta' l-oġġetti ta' l-ikel għandhom jitwettqu b'mod iġjeniku.

2. L-operaturi tan-negozji kummerċjali ta' l-ikel għandhom jidentifikaw kwalunkwe pass fl-attivitajiet tagħhom li huwa kritiku sabiex jiżguraw is-sigurtà ta' l-ikel u jiżguraw illi jiġu identifikati, implementati, miżmuma u riveduti l-proċeduri adegwati tas-sigurtà fuq il-bażi tal-prinċipji li ġejjin, użati sabiex jiżviluppaw is-sistema tal-HACCP (Analiżi tal-periklu u tal-punti kritiċi tal-kontroll):

- l-analiżi tal-perikli potenzjali fl-ikel fil-ħidma ta' negozju kummerċjali ta' l-ikel,

- jidentifikaw il-punti f'dawn il-ħidmiet fejn jistgħu jinqalgħu perikli fl-ikel,

- jiddeċiedu liema mill-punti identifikati huma kritiċi għas-sigurtà ta' l-ikel – "il-punti kritiċi",

- jidentifikaw u jimplementaw il-proċeduri għall-kontroll u l-monitorjar effettivi f'dawn il-punti kritiċi,

u

- jirrevedu l-analiżi tal-perikli fl-ikel, tal-punti kritiċi tal-kontroll u tal-proċeduri tal-kontroll u tal-monitorjar perjodikamet u kull meta jinbidlu l-ħidmiet fin-negozju kummerċjali ta' l-ikel.

3. L-opraturi tan-negozji kummerċjali ta' l-ikel għandhom jikkonformaw mar-regoli ta' l-iġjene elenkati fl-Anness. Jistgħu jingħataw derogi minn ċerti dispożizzjonijiet ta' l-Anness skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

L-Artikolu 4

Mingħajr preġudizzju għal regoli Komunitarji aktar speċifiċi, jistgħu jiġu adottati kriterji mikrobijoloġiċi u kriterji għall-kontroll tat-temperatura għal ċerti klassijiet ta' oġġetti ta' l-ikel skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku ta' l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 74/234/KEE [5].

L-Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li jistgħu jintużaw b'mod volontarju min-negozji kummerċjali ta' l-ikel bħala gwidi sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3.

2. Fejn jiġu żviluppati gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1, dawn għandhom jiġu żviluppati kif ġej:

- mis-setturi ta' negozji kummerċjali ta' l-ikel u r-rappreżentanti ta' partijiet oħra interessati, bħalma huma l-awtoritajiet approprjati u l-gruppi tal-konsumaturi,

- f'konsultazzjoni ma' l-interessi affettwati sostanzjalment, inklużi l-awtoritajiet kompetenti,

- fejn approprjat, wara li jiġi kkunsidrat il-Kodiċi Internazzjonali Rakkommandat ta' Prattika, il-Prinċipji Ġenerali ta' l-Iġjene ta' l-Ikel tal-CodexAlimentarius.

3. Il-gwidi li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu żviluppati taħt il-patroċinju ta' istitut ta' standards nazzjonali riferit fil-lista 2 ta' l-Anness mad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu 1983 li tistabbilixxi proċedura għall-provvediment tat-tagħrif fil-qasam ta' l-istandards u r-regolamenti tekniċi [6].

4. L-Istati Membri għandom jagħmlu stima tal-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 bil-ħsieb li jiġi stabbilit safejn u sakemm jistgħu jitqiesu li jikkonformaw ma' l-Artikolu 3.

5. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dawk il-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li huma jqisu li jikkonformaw ma' l-Artikolu 3.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn il-gwidi disponnibbli lill-Istati Membri.

6. Meta Stat Membru jew aktar, jew il-Kummissjoni, jikkunsidraw illi, għall-għanijiet ta' l-armonizzazzjoni, jista' jkun hemm ħtieġa għall-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene fuq bażi Ewropea (minn issa 'l quddiem li hemm referenza għalihom bħala "il-gwidi Ewropej għall-prattika tajba ta' l-iġjene"), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel skond l-Artikolu 14. L-iskop ta' din il-konsultazzjoni għandu jkun li jiġi kkunsidrat il-każ għal dawn il-gwidi volontarji fis-setturi jew fl-attivitajiet interessati, u, fejn dawn il-gwidi jitqiesu meħtieġa:

- sabiex jindikaw il-firxa maħsuba, il-kontenut tas-suġġett u l-iskeda taż-żmien għall-iżvilupp ta' dawn il-gwidi volontarji, filwaqt li jitqies iż-żmien meħtieġ għall-konsultazzjoni ma' interessi sostanzjalment affettwati minnhom,

u

- sabiex jirreferu dawn il-gwidi volontarji għall-iżvilupp u/jew l-istima taħt il-patroċinju ta' istitut Ewrope ta' l-istandards.

7. Fl-iżvilupp tal-gwidi Ewropej għall-prattika tajba ta' l-iġjene li hemm referenza għalihom fil-paragafu 6, għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex:

- jiżguraw illi dawn il-gwidi jiġu żviluppati mir-rappreżentanti tas-setturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel u mir-rappreżentanti ta' l-interessi affettwati sostanzjalment, bħalma huma, per eżempju, l-awtoritajiet kompetenti u l-gruppi tal-konsumaturi,

- jiżguraw illi l-kontenut ta' dawn il-gwidi jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 u, fejn approprjat, jingħata kas tal-Kodiċi Internazzjonali Rakkommandat ta' Prattika, il-Prinċipji Ġenerali ta' l-Iġjene ta' l-Ikel tal-CodexAlimentarius,

- jiżguraw illi l-kontenut ta' dawn il-gwidi jkun pratikabbli għas-setturi ta' l-industrija ta' l-ikel li għalihom jirreferu fil-Komunità kollha,

- jiżguraw illi jitqiesu l-gwidi rilevanti għall-prattika tajba ta' l-iġjene mfassla skond il-paragrafi 1 sa 3,

- jiżguraw illi l-interessi kollha affettwati sostanzjalment minn dawn il-gwidi, inklużi l-Istati Membri, jiġu kkonsultati u li jitqiesu l-kummenti tagħhom.

8. It-titoli u r-referenzi tal-gwidi Ewropej għall-prattika tajba ta' l-iġjene żvilupatti skond il-proċedura fil-paragrafi 6 u 7 għandhom jiġu ppubblikati fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi dawn il-gwidi ppubblikati jinġiebu għall-attenzjoni tas-setturi rilevanti tan-neġozju ta' l-ikel u ta' l-awtoritajiet approprjati fit-territorji tagħhom.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom, jekk jikkunsidraw approprjat, jirrakkommandaw lill-operaturi tan-negozji kummerċjali ta' l-ikel għalbiex japplikaw l-Istandards Ewropej tas-serje EN 29000 sabiex jiġu implimentati r-regoli ġenerali ta' l-iġjene u l-gwidi għall-prattika tajba ta l-iġjene.

L-Artikolu 7

1. Bla ħsara għat-Trattat, l-Istati Membri jistgħu jżommu, jemendaw jew idaħħlu dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-iġjene li huma iktar speċifiċi minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet:

- ma jkunux inqas strinġenti minn dawk stabbiliti fl-Anness,

- ma jikkostitwixxux restrizzjoni, xkiel jew ostakolu lis-suq ta' l-oġġetti ta' l-ikel prodotti skond din id-Direttiva.

2. Sakemm ikunu ġew stabbiliti d-dispożizzjonijiet iddettaljati skond l-Artikolu 4, l-Istati Membri jistgħu jżommu, jemendaw jew idaħħlu d-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, bla ħsara għat-Trattat.

3. Jekk Stat Membru jidhirlu meħtieġ, fil-każijiet ipprovvduti fil-paragrafi 1 u 2, li jadotta leġislazzjoni ġdida jew li jemenda l-leġislazzjoni fis-seħħ, għandu jikkommunika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra l-miżuri previsti u jagħti r-raġunijiet li jiġġustifikawhom. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri fil-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni 69/414/KEE [7] jekk taħseb li din il-konsultazzjoni hija ta' siwi jew jekk Stat Membru hekk jitlob.

L-Istat Membru jista' jieħu l-miżuri previsti tliet xhur biss wara din il-komunikazzjonijoni u sakemm ma jkunx irċieva opinjoni kuntrarja mill-Kummissjoni.

Fil-każ ta' l-aħħar, qabel ma jiskadi ż-żmien riferit fit-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 sabiex tistabbilixxi jekk il-miżuri previsti jistgħux jiġu implementati bla ħsara, jekk hu meħtieġ, għall-emendi approprjati.

L-Artikolu 8

1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kontrolli skond Direttiva 89/397/KEE sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva u, fejn approprjat, kull dispożizzjoni stabbilita skond l-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva jitħarsu min-negozji kummerċjali ta' l-ikel. Meta jsir dan, għandha tingħata l-konsiderazzjoni mistħoqqa lill-gwidi għall-prattika tajba ta' l-iġjene li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5 ta' din id-Direttiva.

2. L-ispezzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu stima ġenerali tal-perikli potenzjali għas-sigurtà ta' l-ikel asoċjati man-negozju kummerċjali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-punti tal-kontroll kritiċi identifikati min-negozji kummerċjali ta' l-ikel sabiex jagħtu stima dwar jekk il-kontrolli meħtieġa tal-monitorjar u l-verifika ikunux qegħdin jitħaddmu.

L-Istati Membri għandhom jippovdu illi l-postijiet kollha ta' l-ikel jiġu spezzjonati bi frekwenza li tqis ir-riskji assoċjati mal-post.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw illi l-kontrolli fuq l-oġġetti ta' l-ikel importat fil-Komunità jitwettqa skond id-Direttiva 89/397/KEE sabiex jiżguraw illi jiġu osservati d-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-Artikolu 3 u, fejn approprjat, kull dispożizzjoni stabbilita skond l-Artikolu 4.

L-Artikolu 9

1. Jekk waqt it-twettiq tal-kontrolli li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 8, l-awtoritajiet kompetenti jaċċertaw illi n-nuqqas tal-ħarsien tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 jew, fejn approprjat, tad-dispożizzjonijiet stabbiliti skond l-Artikolu 4 jistgħu jirriżultaw għal riskji għas-salvagward jew l-utiq tas-saħħa ta' l-oġġetti ta' l-ikel għandhom jieħdu l-miżuri approprjati, li jistgħu iwasslu għall-irtirar u/jew il-qerda tal-prodott ta' l-ikel jew għall-għeluq ta' parti min-negozju kummerċjali, jew ta' kollu kemm hu, għal żmien approprjat.

Mal-mod kif jiġi stabbilit ir-risku għas-salvagward jew l-utiq tas-saħħa ta' l-ikel għandhom jitqiesu n-natura ta' l-ikel, il-mod kif jiġi mqandel u ppakkjat u kull proċess li għalih l-ikel ikun ġie ssoġġettat qabel il-forniment lill-konsumatur u l-kondizzjonijiet li fuqhom jiġi espost għall-wiri u/jew maħżun.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi kull persuna naturali jew legali affettwata mill-kontroll ikollha d-dritt li tappella kontra l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti wara l-kontroll.

L-Artikolu 10

1. Jekk problema ta' l-iġjene li x'aktarx iġġib magħha riskju serju għas-saħħa tal-bniedem fit-territorju ta' pajjiż terz tinħoloq jew tinfirex, il-Kummissjoni, jew fuq l-inizjattiva tagħha nfisha jew fuq it-talba ta' Stat Membru, għandha tieħu l-miżuri li ġejjin mingħajr dewmien, skond il-gravità tas-sitwazzjoni:

- tissospendi l-importazzjonijiet mill-pajjiż terz interessat, jew minn parti minnu u, fejn meħtieġ, mill-pajjiż terz tat-transitu,

u/jew

- tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali għall-oġġetti ta' l-ikel mill-pajjiż terz kollu interessat jew minn parti minnu.

2. Il-Kummissjoni tista', fil-każ ipprovvdut fil-paragrafu 1, tieħu miżuri protettivi temporanji rigward l-oġġetti ta' l-ikel interessati.

3. Għajr fil-każ ta' emerġenza, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri qabel ma tieħu l-miżuri stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

4. Il-Kummissjoni għandha tinnotofika lill-Kunsill u lill-Istati Membri mingħajr dewmien dwar kull deċiżjoni meħuda skond il-paragrafi 1 u 2.

Kull Stat Membru jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fi żmien 30 jum min-notifika riferita fl-ewwel subparagrafu. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jikkonferma, jemenda jew iħassar id-deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. Jekk il-Kunsill ma jkunx ħa deċiżjoni fi żmien 30 jum, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni titqies li tkun tħassret.

5. Meta Stat Membru jgħarraf uffiċjalment lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ta' salvagward u l-Kummissjoni ma tkunx irrikorriet għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, dan l-Istat Membru jista jieħu l-miżuri protettivi temporanji rigward l-importazzjonijiet ta' l-oġġetti ta' l-ikel fil-kwistjoni.

Meta Stat Membru jieħu miżuri protettivi temporanji, għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

Fi żmien għaxart ijiem, il-Kummissjoni għandha tressaq il-miżura quddiem il-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14 bil-ħsieb ta' l-estensjoni, l-emenda jew it-tħassir tal-miżuri protettivi temporanji nazzjonali.

L-Artikolu 11

1. Meta Stat Membru, b'riżultat ta' tagħrif ġdid jew ta' stima ġdida tat-tagħrif eżistenti, għandu raġuni serja li jissusspetta illi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet iddettaljati stabbiliti skond l-Artikolu 4 jikkostitwixxu riskju għas-saħħa, jista' jissospendi jew jirrestrinġi temporanjament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-kwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b'dan mingħajr dewmien u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina r-raġunijiet mogħtija mill-Istat Membru li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1 malajr kemm jista' jkun fil-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel u għandha tagħti l-opinjoni tagħha u tieħu l-miżuri kollha meħtieġa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

L-Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontroll ta' l-iġjene u għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bihom.

L-Artikolu 13

Jistgħu jiġu adottati emendi għar-referenzi dwar l-istandards internazzjonali, bħal dawk tal-CodexAlimentarius, li jinsabu f'din id-Direttiva, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 14.

L-Artikolu 14

Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti ta' l-Oġġetti ta' l-Ikel (minn issa 'l quddiem riferit bħala "il-Kumitat").

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limitu taż-żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill għandu jaddotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu ppeżati fil-manjiera ddikjarata f'dan l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri previsti ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tgħaddi lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, tliet xhur mid-data tar-riferiment lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, għajr fejn il-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-miżuri msemmija b'maġġoranza sempliċi.

L-Artikolu 15

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-31 ta' Diċembru 1998, flimkien ma' kull proposta approprjata, dwar l-esperjenza miġbura mill-implementazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 16

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard minn 30 xahar wara l-adozzjoni tagħha. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jikkommunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li jkunu adottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 17

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ġunju 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU C 174, tat-23.11.1992; uĠU C 150, tal-31.5.1993.

[2] ĠU C 223, tal-31.8.1992, p. 16.

[3] ĠU L 186, tat-30.6.1989, p. 23.

[4] Il-CodexAlimentarius Volum A. Il-Kodiċi Internazzjonali Rakkommandat ta' Prattika. Il-Prinċipji Ġenerali ta' l-Iġjene ta' l-Ikel. It-Tieni Reviżjoni (1985). L-Organizzazzjoni ta' l-Ikel u ta' l-Agrikoltura ta' l-Organizazzjoni Dinija tas-Saħħa tan-Nazzjonijiet Uniti, Ruma 1988.

[5] ĠU L 136, tal-20.5.1974, p. 1.

[6] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 92/400/KEE (ĠU L 221, tas-6.8.1992, p. 55).

[7] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Daħla

1. Il-Kapitoli V sa X ta' dan l-Anness japplikaw għall-istadji kollha wara l-produzzjoni primarja matul it-tħejjija, l-ipproċessar, il-fabbrikazzjoni, l-ippakkjar, il-ħażna, it-trasport, id-distribuzzjoni, it-tqandil u l-offerta għall-bejgħ jew għall-forniment lill-konsumatur.

Il-kapitoli li fadal fl-Anness japplikaw kif ġej:

- Il-Kapitolu I għall-postijiet kollha ta' l-ikel għajr dawk koperti bil-Kapitolu III,

- Il-Kapitolu II għall-kmamar kollha fejn l-ikel jiġi mħejji, ittrattat jew ipproċessat għajr dawk koperti bil-Kapitolu III u bl-esklużjoni taż-żoni ta' l-ikel,

- Il-Kapitolu III għal dawk il-postijiet elenkati fl-intestatura tal-Kapitolu,

- Il-Kapitolu IV għat-trasport kollu.

2. It-termini "fejn approprjat" u "fejn meħtieġ" użati f'dan l-Anness ifissru għall-għanijiet li jiżguraw is-salvagward u l-utiq għas-saħħa ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

I

Il-ħtiġiet ġenerali għall-postijiet ta' l-ikel (għajr dawk speċifikati fil-Kapitolu III)

1. Il-postijiet ta' l-ikel għandhom jinżammu nodfa u f'kondizzjoni tajba ta' manutenzjoni.

2. L-arranġament, id-disinn, il-kostruzzjoni u d-daqs ta' l-istabbiliment ta' l-ikel iridu:

(a) jippermettu t-tindif u/jew id-diżinfettazzjoni adegwati;

(b) jkunu hekk illi jipproteġu kontra l-akkumulazzjoni tal-ħmieġ, il-kuntatt ma' materjali tossiċi, it-twaqqigħ ta' partikoli fl-ikel u l-formazzjoni tal-kondensazzjoni jew tal-moffa mhux mixtieqa fuq l-uċuh;

(c) jippermettu l-prattiċi t-tajba ta' l-iġene, inkluża l-protezzjoni kontra l-kontaminazzjoni minn naħa għall-oħra ta' l-oġġetti ta' l-ikel, ta' l-apparat, tal-materjali, ta' l-ilma, tal-provvista ta' l-arja jew tal-personal jew tas-sorsi esterni tal-kontaminazzjoni bħall-insetti bejn u waqt il-ħidmiet;

(d) jipprovdu, fejn meħtieġ, il-kondizzjonijiet xierqa tat-temperatura għall-ipproċessar u l-ħażna tal-prodotti b'mod iġjeniku.

3. Għandu jkun disponibbli numru adegwat ta' friskaturi tal-ħasil, lokati kif jixraq u ddisinnjati għall-ħasil ta' l-idejn. Għandu jkun disponibbli numru adekwat ta' tojlits bil-flaxxing u konness ma' sistema effettiva tad-drenaġġ. It-tojlits m'għandhomx jagħtu direttament għall-kammar fejn jitqandel l-ikel.

4. Il-friskaturi għall-ħasil ta' l-idejn għandhom jiġu pprovvduti bl-ilma ġieri sħun u kiesaħ, materjali għat-tindif ta' l-idejn u li jiġu xxuttati b'mod iġjeniku. Fejn meħtieġ, il-postijiet għall-ħasil ta' l-ikel għandhom jkunu separati mill-friskaturi għall-ħasil ta' l-idejn.

5. Għandu jkun hemm mezzi xierqa u biżżejjed għall-ventilazzjoni naturali jew mekkanika. Għandu jiġi evitat il-kurrent mekkaniku ta' l-arja minn żona kkontaminataħa għal żona nadifa. Is-sistemi tal-ventilazzjoni għandhom jkunu mibnija hekk illi jgħinu lill-filtri u lill-partijiet l-oħra li jeħtieġu jitnaddfu jew jinbidlu li jkunu aċċessibbli faċilment.

6. Il-konvenjenzi sanitarji kollha għandhom ikunu pprovvduti b'ventilazzjoni adegwata naturali jew mekkanika.

7. Il-postijiet ta' l-ikel għandhom ikollhom dawl adegwat naturali u/jew artifiċjali.

8. Il-faċilitajiet tad-drenaġġ għandhom jkunu adegwati għall-għan maħsub; għandhom ikunu ddisinnjati u mibnija sabiex jevitaw ir-riskju tal-kontaminazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

9. Għandhom jiġu pprovvduti faċilitajiet biżżejjed fejn l-impjegati jistgħu jbiddlu ħwejjiġhom, fejn meħtieġ.

II

Il-ħtiġiet speċifiċi fil-kmamar fejn l-ikel jiġi mħejji, ittrattat jew ipproċessat (esklużi ż-żoni ta' l-ikel u dawk il-postijiet speċifikati fil-Kapitoli III)

1. Fil-kmamar fejn l-ikel jiġi mħejji, ittratat jew ipproċessat (minbarra ż-żoni ta' l-ikel):

(a) l-uċuh ta' l-art għandhom jinżammu f'kondizzjoni tajba u għandhom jinħaslu u, fejn meħtieġ, jiġu diżinfettati faċilment. Dan jeħtieġ l-użu ta' materjali impervji, li mhumiex assorbenti, li jistgħu jinħaslu u li mhumiex tossiċi għajr jekk l-operaturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel jistgħu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti li l-materjali oħra li qed jintużaw huma xierqa. Fejn approprjat, il-wiċċ ta' l-art għandu jippermetti l-drenaġġ adekwat;

(b) l-uċuh tal-ħitan għandhom jinżammu f'kondizzjoni tajba u għandhom jkunu jistgħu jinħaslu u, fejn meħtieġ, jiġu ddiżinfettati faċilment. Dan jeħtieġ l-użu ta' materjali impervji, mhux assorbenti, li jistgħu jinħaslu u li mhumiex tossiċi u jeħtieġu wiċċ lixx ta' għoli biżżejjed għax-xogħol għajr jekk l-operaturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel jistgħu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti joqgħod l-użu ta' materjali oħra xierqa;

(ċ) is-soqfa u t-twaħħil fil-għoli għandhom jkunu ddisinjati, mibnija u rfinati sabiex jipprevjienu l-akkumulazzjoni tal-ħmieġ u sabiex jitnaqqsu l-kondensazzjoni, it-tkabbir ta' moffa mhux mixtieqa u t-twaqqigħ ta' partikoli;

(d) it-twieqi u l-aperturi l-oħra għandhom jiġu mibnija hekk illi jipprevjienu l-akkumulazzjoni tal-ħmieġ. Dawk li jistgħu jinfetħu għall-fuq barra għandu ikollhom fejn meħtieġ paraventi kontra l-insetti li jistgħu jintneħħew malajr għat-tindif. Fejn twieqi miftuħa jirriżultaw fil-kontaminazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel, dawn it-twieqi għandhom jinżammu magħluqa waqt il-produzzjoni;

(e) il-bibien għandhom jkunu jistgħu jitnaddfu bla xkiel u, fejn hu meħtieġ, iddiżinfettati. Dan jeħtieġ l-użu ta' materjal lixx u li ma jixrobx l-ilma għall-uċuh għajr jekk l-operaturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel jistgħu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti li joqgħod l-użu ta' materjali oħra xierqa;

(f) l-uċuh (inklużi l-uċuh tat-tagħmir) li jmissu ma' l-ikel għandhom jinżammu f'kondizzjoni tajba u għandhom jkunu jistgħu jitnaddfu u, fejn hu meħtieġ, iddiżinfettati faċilment. Dan jeħtieġ l-użu ta' materjali lixxi, li jistgħu jinħaslu u li mhumiex tossiċi għajr jekk l-operaturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel jistgħu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti li joqgħod l-użu ta' materjali oħra xierqa.

2. Fejn meħtieġ, għandhom jiġu pprovvduti faċilitajiet adegwati għat-tindif u d-diżinfestazzjoni tal-għodda u tat-tagħmir. Dawn il-faċilitajiet għandhom jkunu magħmula minn materjali li jirreżistu l-korrużjoni u għandhom jkunu faċli għat-tindif u jkollhom provvista adegwata tal-misħun u l-ilma kiesaħ.

3. Fejn approprjat, għandu jkun hemm provvista biżżejjed għal kull ħasil meħtieġ ta' l-ikel. Kull sink jew faċilità oħra għall-ħasil ta' l-ikel għandu jkollhom provvista adegwata tal-misħun u/jew ta' l-ilma tax-xorb kif meħtieġ u għandhom jinżammu nodfa.

III

Il-ħtiġiet ta' l-istabbilimenti li jiċċaqalqu minn post għall-ieħor u/jew temporanji (bħalma huma t-tined kbar, il-posti tas-suq, il-vetturi mobbli li jbigħu), li jintużaw primarjament bħala djar privati, stabbilimenti li xi kultant jintużaw għall-provvediment ta' l-ikel, u magni li jbigħu l-oġġetti

1. L-istabbilimenti u l-magni tal-bejgħ għandhom jkunu ddisinjati, mibnija u jinżammu nodfa u f'kondizzjoni tajba tat-tiswija u f'kondizzjonijiet hekk li jipprevjenu r-riskju tal-kontaminazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel u li jżommu l-insetti, sakemm u safejn hu raġjonevolment prattikabbli.

2. B'mod partikolari u fejn meħtieġ:

(a) għandhom jkunu disponibbli faċilitajiet fejn l-iġjene personali tinżamm adegwata (inklużi l-faċilitajiet għall-ħasil u l-ixxuttar iġjeniċi ta' l-idejn, arranġamenti sanitarji iġjeniċi u faċilitajiet għat-tibdil);

(b) l-uċuh li jmissu ma' l-ikel għandhom jinżammu f'kondizzjoni tajba u li jistgħu jitnaddfu u, fejn hu meħtieġ, iddiżinfettati faċilment. Dan ikun jeħtieġ l-użu ta' materjali lixxi, li jinħaslu u li mhumiex tossiċi għajr jekk l-operaturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel jistgħu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti li l-materjali oħra li qed jintużaw huma xierqa;

(c) għandu jkun hemm provvista adegwata għat-tindif u, fejn meħtieġ, għad-diżinfestazzjoni tal-għodda u tat-tagħmir;

(d) għandu jkun hemm faċilitajiet għat-tindif ta' l-oġġetti ta' l-ikel;

(e) għandu jkun hemm provvista adegwata ta' ilma tax-xorb sħun u/jew kiesaħ;

(f) għandhom jkunu disponibbli arranġamenti u/jew faċilitajiet adegwati għall-ħażna u d-disponiment iġjeniċi tas-sustanzi perikolużi u/jew li ma jistgħux jittieklu u ta' l-iskart (likwidu jew solidu);

(g) għandhom jkunu disponibbli faċilitajiet u/jew arranġamenti għaż-żamma u l-monitorjar tal-kondizzjonijiet xierqa rigward it-temperatura ta' l-ikel;

(h) l-oġġetti ta' l-ikel għandhom jitqiegħdu hekk li jevitaw, sakemm u safejn huwa raġjonevolment prattikabbli, ir-riskju ta' kontaminazzjoni.

IV

It-trasport

1. Il-mezzi tal-ġarr u/jew il-kontenituri wżati għat-trasport ta' l-oġġetti ta' l-ikel għandhom jinżammu nodfa u f'kondizzjoni tajba tat-tiswija sabiex jipproteġu l-oġġetti ta' l-ikel mill-kontaminazzjoni u jridu, fejn meħtieġ, ikunu ddisinjati u mibnija sabiex jippermettu t-tindif u/jew id-diżinfettazzjoni adegwatament.

2. Ir-reċipjenti fil-vetturi u/jew il-kontenituri ma jrudux jintużaw għat-trasport ta' ħwejjeġ oħra għajr l-oġġetti ta' l-ikel fejn dawn jistgħu jirriżultaw fil-kontaminazzjoni ta' l-oġġetti ta' l-ikel.

L-oġġetti ta' l-ikel bl-ingrossa fil-għamla likwida, granulari jew fi trab għandhom jiġu ttrasportati ġewwa r-reċipjenti u/jew kontenituri/tankijiet riżervati għat-trasport ta' l-oġġetti ta' l-ikel. Dawn il-kontenituri għandhom jkunu mmarkati b'mod li jidher biċ-ċar u b'manjiera li ma titħassarx, f'ilsien jew aktar Komunitarji, biex juru illi jintużaw għat-trasport ta' l-oġġetti ta' l-ikel, jew għandhom jkunu mmarkati "għall-oġġetti ta' l-ikel biss".

3. Fejn il-mezzi tal-ġarr u/jew il-kontenituri jintużaw għat-trasport ta' kull ħaġa oħra b'żieda ma' l-oġġetti ta' l-ikel jew sabiex jittrasportaw oġġetti ta' l-ikel differenti fl-istess ħin, għandu jkun hemm separazzjoni effettiva tal-prodotti, fejn hu meħtieġ, għall-protezzjoni kontra r-riski tal-kontaminazzjoni.

4. Fejn il-mezzi tal-ġarr u/jew il-kontenituri jkunu ntużaw għat-trasport ta' kull ħaġa oħra li mhumiex oġġetti ta' l-ikel jew għat-trasport ta' oġġetti ta' l-ikel differenti, għandu jkun hemm tindif effettiv bejn it-tagħbijiet sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' kontaminazzjoni.

5. L-oġġetti ta' l-ikel fil-mezzi tal-ġarr u/jew il-kontenituri għandhom jitqiegħdu u jiġu protetti hekk illi jimminimizzaw ir-riskju ta' kontaminazzjoni.

6. Fejn meħtieġ, il-mezzi tal-ġarr u/jew il-kontenituri wżati għat-trasport ta' l-oġġetti ta' l-ikel, għandhom jkunu kapaċi jżommu l-oġġetti ta' l-ikel fit-temperaturi approprjati u, fejn meħtieġ, għandhom jkunu ddisinjati sabiex jippermettu l-monitorjar ta' dawn it-temperaturi.

V

Il-ħtiġiet tat-tagħmir

L-oġġetti, l-oġġetti tat-twaħħil u t-tagħmir kollu li magħhom l-ikel jiġi f'kuntatt għandhom jinżammu nodfa u:

(a) jkunu mibnija, u jkunu tal-materjali u jinżamma f'ordni tajba tat-tiswija u fil-kondizzjoni hekk illi jimminimizzaw kull riskju ta' kontaminazzjoni ta' l-ikel;

(b) bl-eċċezzjoni tal-kontenituri u l-pakkeġġi li ma jingħatawx lura, għandhom jkunu mibnija, ikunu tal-materjal u jinżamma f'ordni tajba tat-tiswija u fil-kondizzjoni hekk illi jkunu jistgħu jinżammu nodfa bir-reqqa u, fejn hu meħtieġ, iddiżinfettati biżżejjed skond l-għanijiet maħsuba;

(c) jiġu stallati hekk illi jippermettu t-tindif adegwat taż-żona ta' madwar.

VI

L-iskart ta' l-ikel

1. L-iskart ta' l-ikel u skart ieħor ma jridux jitħallew jakkumulaw fil-kmamar ta' l-ikel għajr sakemm u safejn dan ma jistax jiġi evitat għall-funzjonament xieraq tan-negozju kummerċjali.

2. L-iskart ta' l-ikel u skart ieħor għandhom jiġu ddepożitati f'kontenituri li jingħalqu għajr jekk l-operaturi tan-negozju kummerċjali ta' l-ikel jistgħu jissodisfaw lill-awtorità kompetenti li tipi oħra tal-kontenituri wżati huma approprjati. Dawn il-kontenituri għandhom ikunu ta' kostruzzjoni approprjata, jinżammu f'kondizzjoni tajba u fejn meħtieġ faċli li jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati.

3. Għandu isir provvediment adegwat għat-tneħħija u l-ħażna ta' l-iskart ta' l-ikel u ta' skart ieħor. L-imħażen ta' l-iskart għandhom jkunu ddisinjati u mmaniġġjati hekk illi jgħinuhom jinżammu nodfa u jipproteġu kontra l-aċċess ta' l-insetti qerrieda u kontra l-kontaminazzjoni ta' l-ikel, ta' l-ilma għax-xorb, tat-tagħmir jew tal-post.

VII

Il-provvista ta' l-ilma

1. Għandu jkun hemm provvista adegwata ta' ilma tax-xorb kif speċifikat fid-Direttiva tal-Kunsill 80/778/KEE tal-15 ta' Lulju 1980 li għandha x'taqsam mal-kwalità ta' l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem [1]. Dan l-ilma tax-xorb għandu jintuża kull meta meħtieġ sabiex jiżgura illi l-oġġetti ta' l-ikel ma jkunux ikkontaminati.

2. Fejn approprjat, is-silġ għandu jintgħamel minn ilma li jilħaq l-ispeċifikazzjonijiet li hemm referenza għalihom fid-Direttiva 80/778/KEE. Dan is-silġ għandu jintuża kulmeta meħtieġ sabiex jiżgura illi l-oġġetti ta' l-ikel ma jiġux ikkontaminati. Għandu isir, jitqandel u jinħażen skond il-kondizzjonijiet li jipproteġuh minn kull kontaminazzjoni.

3. Il-fwar użat direttament f'kuntatt ma' l-ikel m'għandu ikun fih l-ebda sustanza li tippreżenta periklu għas-saħħa jew li x'aktarx tikkontamina l-prodott.

4. L-ilma mhux tajjeb għax-xorb li jintuża għall-ġenerazzjoni tal-fwar, għar-refriġerazzjoni, għall-kontroll tan-nar u għal għanijiet simili li m'għandhomx x'jaqsmu ma' l-ikel, għandhom jgħaddu minn sistemi separati, li jingħarfu mill-ewwel u li ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-sistemi ta' l-ilma tax-xorb jew il-possibbiltà ta' jgħaddu għal ġo fihom.

VIII

L-iġjene personali

1. Kull persuna li taħdem f'żona fejn jitqandel l-ikel għandha iżżomm livell għoli ta' ndafa personali u għandha tilbes ilbies xieraq, nadif u, fejn approprjat, protettiv.

2. L-ebda persuna, magħrufa jew issuspettat li tbati minn jew li tista' tkun qiegħda ġġorr marda li tista' tiġi trasmessa permezz ta' l-ikel jew meta tkun qiegħda ssofri minn, per eżempju, feriti infettati, infezzjonijiet tal-ġilda, ġrieħi jew id-dijarrea, m'għandha titħalla taħdem f'żona fejn l-ikel jiġi mqandel f'kull kapaċità fejn ikun hemm il-probabbiltà ta' kontaminazzjoni diretta jew indiretta ta' l-ikel minn mikro-organiżmi patoġeniċi.

IX

Disposizzjonijiet li japplikaw għall-oġġetti ta' l-ikel

1. L-ebda materji jew ingredjent nejja m'għandhom jiġu aċċettat minn negozju kummerċjali ta' l-ikel jekk ikunu magħrufa li huma, jew li jkunu mistennija li jkunu, hekk ikkontaminati b'parassiti, mikro-organiżmi patoġeniċi jew tossiċi, u sustanzi dekomposti jew barranija illi, wara l-għażla normali fi gruppi u/jew il-proċeduri tat-tħejjija jew tal-ipproċessar applikati iġjenikament min-negozji kummerċjali ta' l-ikel, xorta jibqgħu mhux tajba għall-konsum mill-bniedem.

2. Il-materjali u l-ingredjenti nejja maħżuna fl-istabbiliment għandhom jinżammu f'kondizzjonijiet approprjati maħsuba sabiex jipprevjienu d-deterjorazzjoni perikoluża u jipproteġuhom mill-kontaminazzjoni.

3. L-ikel kollu li jiġi mqandel, maħżun, ippakkjat, espost għall-wiri u ttrasportat għandu jiġi protett minn kull kontaminazzjoni li x'aktarx jirrendu l-ikel mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, ta' ħsara għas-saħħa jew hekk ikkontaminat illi ma jkunx raġjonevoli li jiġi mistenni li jiġi kkunsumat f'din il-kondizzjoni. B'mod partikolari, l-ikel għandu jitqiegħed u/jew jiġi protett hekk illi jiġi mminimizzat kull riskji ta' kontaminazzjoni. Għandhom jiġu mdaħħla proċeduri adegwati sabiex jiżguraw il-kontroll ta' l-insetti qerrieda.

4. Il-materji primi, l-ingredjenti, il-prodotti intermedjarji u l-prodotti mlestija li x'aktarx jgħinu t-tkabbir tal-mikro-organiżmi patoġeniċi jew il-formazzjoni tat-tossini għandhom jinżammu f'temperaturi li ma jirriżultawx f'riskju għas-saħħa. B'mod konsistenti mas-sigurtà ta' l-ikel, huma permessi perjodi limitati taż-żmien barra mill-kontroll tat-temperatura fejn meħtieġa sabiex jiġu akkommodati l-prattikalitajiet tat-tqandil waqt il-tħejjija, it-trasport, il-ħażna, l-espożizzjoni għall-wiri u s-servizz ta' l-ikel.

5. Meta l-oġġetti ta' l-ikel għandhom jinżammu jew jiġu serviti f'temperaturi mkessħa għandhom jiġu mkessħa malajr kemm jista' jkun wara l-istadju finali tal-ipproċessar bis-sħana, jew l-istadju finali jekk ma jiġi applikat l-ebda proċess tas-sħana, sa temperatura li ma tirriżultax f'riskju għas-saħħa.

6. Is-sustanzi perikolużi u/jew li ma jistgħux jittieklu, inkluż il-għalf ta' l-annimali, għandhom jkunu ittikkjettati adegwatament u maħżuna f'kontenituri separati u ta' sigurtà.

X

It-taħriġ

L-operaturi tan-negozji kummerċjali ta' l-ikel għandhom jiżguraw illi dawk li jqandlu l-ikel jiġu ssorveljati u struwiti u/jew imħarrġa f'materji dwar l-iġjene ta' l-ikel li jaqblu max-xogħol li jagħmlu.

[1] ĠU L 229, tat-30.8.1980, p. 11. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/692/KEE (ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 48).

--------------------------------------------------

Fuq

Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet