31993L0034



Official Journal L 188 , 29/07/1993 P. 0038 - 0043
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0244
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 4 P. 0244


Id-Direttiva tal-Kunsill 93/34/KEE

ta' l-14 ta' Ġunju 1993

dwar markar statutorju għal vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100 a tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti [1],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2],

B'kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi s-suq intern jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat; billi għandhom ikunu adottati miżuri meħtieġa għal dak l-iskop;

Billi, fir-rigward tal-markar statutorju tagħhom, f'kull Stat Membru vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew tlieta għandhom jkollhom karatteristiċi tekniċi stabbiliti minn dispożizzjonijiet obbligatorji li huma differenti minn Stat Membru għal ieħor; billi bħala riżultat ta' dawn id-differenzi, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu barriera għall-kummerċ fil-Komunità;

Billi dawn l-ostakli għat-twaqqif u l-operar tas-suq intern jistgħu jitneħħew jekk l-istess ħtiġiet ikunu adottati mill-Istati Membri kollha minflok ir-regoli nazzjonali tagħhom;

Billi huwa meħtieġ li jitfasslu ħtiġiet armonizzati dwar il-markar statutorju għal vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew tlieta biex jagħmluha possibbli li l-proċeduri ta' approvazzjoni tat-tip u approvazzjoni tat-tip tal-komponent stabbiliti fid-Direttiva 92/61/KEE jkunu applikati għal kull tip ta' dawn il-vetturi;

Billi, meta titqies l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta fis-settur inkwistjoni, il-miżuri tal-Komunità koperti b'din id-Direttiva huma meħtieġa, tassew essenzjali, biex jinkiseb l-għan maħsub, li huwa li tkun stabbilita approvazzjoni tat-tip ta' vettura tal-Komunità; billi dak il-għan ma jistax jintlaħaq b'mod xieraq mill-Istati Membri individwalment;

Billi, fir-rigward ta' markar statutorju applikabbli għal vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew tlieta, din id-Direttiva ma żżommx lil ċerti Stati Membri milli jżommu, fuq bażi mhux diskriminatorja, dispożizzjonijiet speċifiċi mandatarji bil-għan li japplikaw regolamenti tat-traffiku, kemm-il darba dawn il-ħtiġiet speċifiċi jikkonċernaw l-użu ta' dawn il-vetturi u ma jinvolvux xi modifikazzjonijiet fil-kostruzzjoni tagħhom li x'aktarx joħolqu ostaklu għall-approvazzjoni tat-tip tal-Komunità ta' din it-tip ta' vettura,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tapplika għall-markar statutorju għal kull tip ta' vettura kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/61/KEE.

L-Artikolu 2

Il-proċedura għall-għoti ta' approvazzjoni tat-tip tal-komponent dwar markar statutorju għal tip ta' vettura bil-mutur b'żewġ roti jew tlieta u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-moviment liberu ta' dawn il-vetturi għandhom ikunu stabbiliti fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 92/61/KEE.

L-Artikolu 3

Kull emenda meħtieġa biex ikunu adatti l-ħtiġiet ta' l-Annessi għal progress tekniku għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 70/156/KEE [5].

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-14 ta' Diċembru 1994. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Mid-data msemmija fl-ewwel sotto-paragrafu l-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet marbuta ma' markar statutorju, jipprojbixxu d-dħul inizjali fis-sevizz ta' vetturi li huma konformi ma' din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel sotto-paragrafu mill-14 ta' Ġunju 1995.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-kamp regolat b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-14 ta' Ġunju 1993.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Trøjborg

[1] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 72.

[2] ĠU C 293, tad-9.11.1992, p. 43.

[3] ĠU C 337, tal-21.12.1992, p. 103 uĠU C 176, tat-28.6.1993.

[4] ĠU C 73, tal-15.3.1993, p. 22.

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/53/KEE (ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 1).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

ĦTIĠIET DWAR IL-MARKAR STATUTORJU GĦAL VETTURI BIL-MUTUR B'ŻEWĠ ROTI JEW TLIETA

1. ĠENERALI

1.1. Il-vetturi kollha għandhom jirċievu pjanċa u markar kif deskritt hawn taħt. Dik il-pjanċa u dak l-immarkar għandhom ikunu mwaħħla mill-manufattur jew rappreżentant awtorizzat tiegħu.

2. PJANĊA TAD-DATA TAL-MANUFATTUR

2.1. Pjanċa tad-data tal-manufattur, li mudell tagħha jidher fl-Appendiċi 1 trid tkun imwaħħla sewwa, f'punt faċilment aċċessibbli, ma' parti li normalment aktarx ma tinbidilx waqt l-użu; trid tkun tinqara faċilment u jkun fiha l-informazzjoni li ġejja f'forma li ma titħassarx, fl-ordni li ġejja:

2.1.1. isem il-manufattur;

2.1.2. marka ta' approvazzjoni tat-tip kif deskritta fl-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 fuq l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ jew tliet roti;

2.1.3. in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura (VIN);

2.1.4. il-livell ta' ħoss statiku: … dB(A) waqt … rev/min.

2.2. Il-marka ta' approvazzjoni tat-tip kif meħtieġa bit-taqsima 2.1.2., il-valur tal-livell tal-ħoss statiku u n-numru ta' rev/minuta kif meħtieġa mit-taqsima 2.1.4. mhumiex inklużi fil-approvazzjoni tat-tip tal-komponent ta' markar statutorju. Madankollu, dawk il-biċċiet ta' informazzjoni jridu jkunu mwaħħla mal-vetturi kollha manufatturati b'mod konformi mat-tip li ġie approvat.

2.3. Il-manufatturi jistgħu jwaħħlu informazzjoni addizzjonali taħt jew maġemb il-markar statutorju, 'l barra minn rettangolu mmarkat b'mod ċar li jkun fih biss l-informazzjoni meħtieġa mit-taqsimiet 2.1.1 sa 2.1.4. (ara Appendiċi 1).

3. NUMRU TA' IDENTIFIKAZZJONI TAL-VETTURA

In-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura jikkonsisti minn kombinazzjoni strutturata ta' karattri mogħtija lil kull vettura mill-manufattur tagħhom. L-iskop tiegħu huwa li jagħmilha possibbli li kull vettura tkun identifikata mingħajr ambigwità permezz tal-manufattur tagħha - mingħajr il-ħtieġa ta' xi informazzjoni oħra - għal perjodu ta' 30 sena. L-identifikazzjoni trid tilħaq dawn il-ħtiġijiet:

3.1. in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura jrid jidħol fil-pjanċa tad-data tal-manufattur. Irid ukoll ikun martellat jew ippanċjat b'tali mod li jkun evitat li jitħassar jew jinbidel fuq ix-chassis jew frame f'punt li jista' jkun faċilment aċċessibbli, u jrid ikun fuq in-nofs tal-lemin tal-vettura;

3.1.1. in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura għandu jkun fi tliet partijiet kif muri hawn taħt:

3.1.1.1. l-ewwel parti tikkonsisti f'kodiċi mogħti lill-manufattur tal-vettura li jagħmilha possibbli li dik il-persuna tkun identifikata. Il-kodiċi għandu jikkonsisti fi tliet karattri (ittri jew ċifri) maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż li fih il-manufattur għandu l-indirizz reġistrat tiegħu bi qbil mal-prattika ta' l-aġenzija internazzjonali li taġixxi fuq l-awtorizzazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għal Standardization (ISO) L-ewwel karattru jimmarka ż-żona ġeografika, it-tieni l-pajjiż ġewwa żona ġeografika u t-tielet karattru l-manufattur partikolari. Fejn il-manufattur jipproduċi anqas minn 500 vettura fis-sena, it-tielet karattru jkun dejjem 9. Biex ikun identifikat dak il-manufattur, l-awtorità msemmija hawn fuq għandha toħroġ ukoll it-tielet, ir-raba' u l-ħames karattru tat-tielet parti;

3.1.1.2. it-tieni parti tikkonsisti minn sitt karattri (ittri jew ċifri) biex ikunu deskritti l-karatteristiċi ġenerali tal-vettura (tip, varjant u verżjoni); kull karatteristika tista' tkun rappreżentata minn żewġ karattri. Jekk il-manufattur tagħha ma jużax waħda jew aktar minn dawk il-karattri, l-ispazji mhux użati jridu jimtlew b'karattri alfabetiċi jew numeriċi, l-għażla titħalla f'idejn il-manufattur;

3.1.1.3. it-tielet parti tikkonsisti minn tmien karattri, l-aħħar erbgħa minnhom huma meħtieġa li jkunu numerali u, flimkien maż-żewġ partijiet l-oħra, iridu jagħmluha possibbli li vettura partikolari tkun identifikata b'mod ċar. Kull pożizzjoni mhux użata għandha timtela b'0 biex ikun ottenut in-numru totali ta' karattri meħtieġa.

3.1.2. in-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura jrid, kull fejn possibbli, jieħu linja waħda. Bħala eċċezzjoni u għal raġunijiet tekniċi, huwa jista' wkoll jieħu żewġ linji. Madankollu, f'dan il-każ ma jridx ikun hemm spazji bejn xi waħda mit-tliet partijiet;

il-bidu u l-aħħar ta' kull linja jrid ikun immarkat b'simbolu li la jkun numru Għarbi u l-anqas ittra Latina kbira, l-anqas ma jrid ikun possibbli li wieħed iħawwad dan ma' xi karattru ieħor. Tista' tingħata eżenzjoni jekk in-numru jidħol f'linja waħda fuq il-pjanċa tad-data tal-manufattur. L-introduzzjoni tas-simbolu msemmi f'linja bejn it-tliet partijiet (taqsima 3.1.1) hija wkoll awtorizzata;

Ma jridx ikun hemm spazji bejn il-karattri.

4. KARATTRI

4.1. Ittri Latini u numri Għarab iridu jintużaw għall-markar li hemm provdut fit-taqsimiet 2 u 3. Madankollu, l-ittri Latini użati għall-informazzjoni mogħtija fit-taqsimiet 2.1.1, 2.1.3 u 3 jridu jkunu ittri kbar.

4.2. Fin-numru ta' identifikazzjoni tal-vettura:

4.2.1. l-ittri I, O u Q, jew singijiet, asteriski jew sinjali oħra speċifiċi huma projbiti;

4.2.2. ittri u ċifri għandu jkollhom l-għoli minimu li ġej:

4.2.2.1. 4 mm fil-każ ta' karattri li ddaħlu b'mod dirett fuq ix-chassis jew frame jew xi struttura oħra simili tal-vettura;

4.2.2.2. 3 mm fil-każ ta' karattri mdaħħla fuq il-pjanċa tad-data tal-manufattur.

--------------------------------------------------


Immexxi mill-Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet